Language of document : ECLI:EU:F:2013:133

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

19 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑83/08

Johan Gheysens

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ — Grupp ta’ funzjonijiet — Korrispondenza bejn tipi ta’ kompiti u gruppi ta’ funzjonijiet — Tul tal-impjieg”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu Johan Gheysens jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) stabbilixxiet il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grupp ta’ funzjonijiet III, fil-grad 11, skala 1, u llimitat it-tul tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu għal sentejn.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tirrekluta lil Johan Gheysens, sa fejn din tiffissa l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grupp ta’ funzjonijiet III, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati tliet kwarti mill-ispejjeż esposti minn Johan Gheysens. Johan Gheysens għandu jbati kwart mill-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Evalwazzjoni ta’ kompiti li jistgħu jaqgħu taħt diversi gruppi ta’ funzjonijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 80(2))

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal awżiljarju u membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Konklużjoni ta’ kuntratt bil-għan li impjieg permanenti jimtela b’mod temporanju — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1a(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2 sa 5, 51, 53 u 88)

1.      L-Artikolu 80(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jistabbilixxi li l-membri tal-persunal bil-kuntratt huma maqsuma f’erba’ gruppi ta’ funzjonijiet li jikkorrispondu għall-kompiti li huma msejħa jwettqu. Il-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu jistabbilixxi l-kompiti li jaqgħu fil-gruppi ta’ funzjonijiet. L-indikazzjonijiet tal-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra huma ta’ natura imperattiva għall-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, iżda din id-dispożizzjoni rriżervat lill-istituzzjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Sabiex jirregola dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-Artikolu 80(3) tal-imsemmija Kondizzjonijiet jipprevedi li kull istituzzjoni għandha tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u l-attribuzzjonijiet li jkopru kull tip ta’ kompitu. B’teħid inkunsiderazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni fl-evalwazzjoni tal-kompiti li jistgħu jaqgħu taħt id-diversi gruppi ta’ funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 80(2) ta’ dawn il-Kondizzjonijiet, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar it-tqassim tal-kompiti bejn l-imsemmija gruppi ta’ funzjonijiet ikollu jiġi limitat għall-kwistjoni ta’ jekk l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ żammitx ma’ limiti raġonevoli, u jekk hija għamlitx użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat. F’dan il-kuntest, li jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżupponi li l-provi, li għandhom jitressqu mir-rikorrent, ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni jiċaħħdu mill-plawżibbiltà tagħhom.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-kompiti li membru tal-persunal kien imsejjaħ iwettaq, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi stabbilixxiet il-klassifikazzjoni tiegħu f’ċertu grupp ta’ funzjonijiet, hemm lok li jiġi stabbilit jekk l-imsemmija kompiti kinux kompiti li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet inkwistjoni. Peress li l-klassifikazzjoni tal-membru tal-persunal bil-kuntratt isseħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompiti kollha li l-membru tal-persunal kien mitlub jeżerċita skont il-kuntratt tiegħu u mhux biss il-kompiti li huwa wettaq, fil-każ fejn l-istituzzjoni kontraenti, għal xi raġuni jew oħra, ma fdatlux ċerti kompiti matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt.

(ara l-punti 29 sa 31 u 33 sa 35)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ottubru 2007, de la Cruz et vs OSHA, F-32/06, punt 64; 24 ta’ April 2008, Dalmasso vs Il-Kummissjoni, F‑61/05, punt 53; 13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il-Kummissjoni, F‑63/11, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata, li tinsab appellata quddiem Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-368/12 P

2.      Minn qari tal-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 2 sa 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-impjiegi permanenti tal-istituzzjonijiet, bħala prinċipju, huma intiżi li jimtlew minn uffiċjali u li għaldaqstant huwa biss b’mod eċċezzjonali li tali impjiegi jistgħu jimtlew minn membri tal-persunal. Għalhekk, minkejja li l-Artikolu 2(b) u (d) tal-imsemmija Kondizzjonijiet jipprevedi b’mod espress li xi membri tal-persunal temporanju jistgħu jiġu rreklutati bl-għan li jokkupaw impjieg permanenti, dan jippreċiża wkoll li dan jista’ jsir biss b’mod temporanju. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(b) u s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3b ta’ dawn il-Kondizzjonijiet jipprevedu li l-amministrazzjoni tista’ tirrekluta membri tal-persunal awżiljarju jew membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt sabiex jissostitwixxu ċerti uffiċjali jew membri tal-persunal temporanji b’impjiegi permanenti, wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet ta’ mili tal-pożizzjonijiet minn uffiċjali tal-istituzzjoni. Madankollu, l-Artikoli 51 u 53 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, minn naħa, u l-Artikolu 88 tal-imsemmija Kondizzjonijiet, min-naħa l-oħra, jippreċiżaw li l-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ dawn il-membri tal-persunal għandu jiġi konkluż għal żmien determinat u jillimitaw kemm il-possibbiltajiet ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ kif ukoll it-tul effettiv possibbli ta’ dan ir-reklutaġġ. Dan jagħti lir-reklutaġġ ta’ dawn il-membri tal-persunal natura prekarja, li tikkorrispondi għall-għan stess tiegħu, jiġifieri li jiġi ssostitwit uffiċjal li jinsab temporanjament indispost. Fil-fatt, uffiċjal biss ikun eliġibbli jokkupa b’mod permanenti impjieg li jinsab f’tabella ta’ pożizzjonijiet baġitarji li ma humiex ta’ natura temporanja.

(ara l-punti 61 sa 64)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T-325/09 P (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian II”), punti 78 sa 80