Language of document : ECLI:EU:C:2019:250

Kawżi magħquda C70/17 u C179/17

Abanca Corporación Bancaria SA
vs
Alberto García Salamanca Santos

u

Bankia SA
vs
Alfonso Antonio Lau Mendoza
u
Verónica Yuliana Rodríguez Ramírez

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo u l-Juzgado de Primera Instancia no 1 de Barcelona)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Marzu 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 6 u 7 – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Klawżola ta’ skadenza antiċipata ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju – Dikjarazzjoni tan-natura parzjalment inġusta tal-klawżola – Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kkwalifikata bħala ‘inġusta’ – Sostituzzjoni tal-klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali”

Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Dikjarazzjoni tan-natura parzjalment inġusta tal-klawżola – Portata – Żamma fis-seħħ tal-parti mhux inġusta tal-klawżola li twassal għall-bdil tal-kontenut tiegħu – Inammissibbiltà – Sostituzzjoni tal-klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6 u 7)

(ara l-punti 48, 53, 54, 56-58, 60, 64, u d-dispożittiv)

Sunt

Permezz tas-sentenzq tagħha tas-26 ta’ Marzu 2019, fil-kawżi magħquda, Abanca Corporación Bancaria (C‑70/17) u Bankia (C‑179/17), il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala Awla Manja, iddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1).

It-tilwimiet fil-kawża prinċipali kienu jikkonċernaw rikorrenti li kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju fi Spanja, li jinkludi klawżola li tippermetti li tiġi mitluba l-iskadenza antiċipata tal-kuntratt b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ menswalità waħda.

Il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt, essenzjalment, ta’ jekk l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens, minn naħa, li, meta klawżola ta’ skadenza antiċipata ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju tiġi kkonstatata inġusta, hija tista’ madankollu tinżamm parzjalment, permezz tat-tħassir tal-elementi li jirrenduha inġusta, u, min-naħa l-oħra, li, fil-każ kuntrarju, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja miftuħa b’applikazzjoni ta’ din il-klawżola tista’ madankollu titkompla bl-applikazzjoni supplimentari ta’ regola tad-dritt nazzjonali, peress li l-impossibbiltà li jsir rikors għal din il-proċedura jista’ jkun kuntrarju għall-interessi tal-konsumaturi.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, qabelxejn, jipprekludu klawżola ta’ skadenza antiċipata ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li tiġi kkonstatata inġusta, milli tinżamm parzjalment, permezz tat-tħassir tal-elementi li jirrenduha inġusta, meta tali tħassir iwassal għal reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi tiġi affettwata s-sustanza tagħha. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn l-istess artikoli ma jipprekludux lill-qorti nazzjonali milli tirrimedja n-nullità ta’ tali klawżola inġusta u tissostitwixxiha b’formulazzjoni ġdida tad-dispożizzjoni leġiżlattiva li ispirat din il-klawżola, applikabbli f’każ ta’ qbil tal-partijiet għall-kuntratt, sakemm il-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni ma jkunx jista’ jibqa’ japplika f’każ ta’ tħassir tal-imsemmija klawżola inġusta, u li l-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament fakkret li, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali, tikkompleta dan il-kuntratt billi tagħmel reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola. Għalhekk, li kieku l-qorti nazzjonali tista’ tirrivedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali fakultà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-fakultà tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew il-fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li jiggarantixxi l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri.

Madankollu, f’sitwazzjoni fejn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tħassir ta’ klawżola inġusta, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix qorti nazzjonali, b’applikazzjoni ta’ prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, milli tħassar il-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li għandha natura supplimentari, f’sitwazzjonijiet fejn it-tħassir tal-klawżola inġusta jobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, b’mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat.

Tali sostituzzjoni hija kompletament iġġustifikata fid-dawl tal-finalità tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, hija konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, peress li din id-dispożizzjoni għandha t-tendenza li tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi l-ugwaljanza mill-ġdid bejn dawn tal-aħħar u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti.

Li kieku ma kienx permess li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, u b’hekk il-qorti tkun obbligata tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, il-konsumatur jista’ jkun espost għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, b’mod li n-natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt tirriskja li tiġi kompromessa. Fil-fatt, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self, fil-prinċipju tali annullament għandu l-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jirriskjaw li jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur, u, minn dan il-fatt, għandu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lill-kreditur li, konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri.

Għal raġunijiet analogi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tħassir ta’ klawżola inġusta li l-formulazzjoni tagħha hija ispirata minn dispożizzjoni leġiżlattiva applikabbli fil-każ ta’ qbil tal-partijiet għall-kuntratt, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 lanqas ma jipprekludix li l-qorti nazzjonali, sabiex jiġi evitat li dan il-kuntratt jiġi annullat, tissostitwixxi din il-klawżola bil-formulazzjoni l-ġdida ta’ din id-dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ riferiment introdotta wara l-konklużjoni tal-kuntratt, sa fejn l-annullament tal-kuntratt jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju.

Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw, skont ir-regoli tad-dritt intern u skont approċċ oġġettiv, jekk it-tħassir ta’ dawn il-klawżoli għandux il-konsegwenza li l-kuntratti ta’ self ipotekarju ma jistgħux jibqgħu applikabbli.

F’tali ipoteżi, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jeżaminaw jekk l-annullament tal-kuntratti ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jesponix lill-konsumaturi kkonċernati għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreleva li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li tali annullament jista’ jkollu effetti, b’mod partikolari, fuq il-modalitajiet proċedurali ta’ dritt nazzjonali li jipprovdu li l-banek jistgħu jiksbu, mill-qrati, li jiġu rrimborsati l-ammont kollu tas-self li jkun għadu dovut mill-konsumaturi.


1      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).