Language of document : ECLI:EU:C:2013:291

Kawża C‑87/12

Kreshnik Ymeraga et

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative)

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 20 TFUE — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu — Drittijiet fundamentali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2013

1.        Ċittadinanza tal-unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Benefiċjarji — Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati terzi — Kundizzjoni — Ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu — Applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 għall-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 2(2) u 3(1); Direttiva tal-Kunsill 2003/86, Artikoli 3(3))

2.        Ċittadinanza tal-unjoni — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu — Kundizzjoni għall-inklużjoni — Applikazzjoni ta’ miżuri li jista’ jkollhom l-effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni — Kriterju ta’ evalwazzjoni — Miżuri li għandhom bħala effett li jobbligaw l-imsemmi ċittadin li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni — Rifjut ta’ dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ Stati terzi — Ċirkustanza insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita din iċ-ċaħda

(Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE)

3.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja — Rifjut ta’ dritt ta’ residenza għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati terzi — Sitwazzjoni li ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Evalwazzjoni fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))

1.        Id-Direttivi 2003/86, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ma humiex applikabbli għal ċittadini ta’ Stati terzi li jitolbu dritt ta’ residenza sabiex jingħaqdu ma’ ċittadini tal-Unjoni membri tal-familja tagħhom li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u li dejjem irrisjedew bħala ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità.

(ara l-punt 33)

2.        L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz ir-residenza fit-territorju tiegħu, meta dan iċ-ċittadin jixtieq jirrisjedi ma’ membru tal-familja tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità u li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni, sa fejn tali rifjut ma jinkludix, għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, iċ-ċaħda mit-tgawdija effettiva tal-essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu magħquda fit-territorju tal-Unjoni, li xi membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jirrisjedu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax.

(ara l-punti 38, 45 u d-dispożittiv)

3.        Meta s-sitwazzjoni tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ pajjiż terz ma tkunx irregolata la mid-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u lanqas mid-Direttiva 2003/86, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, u li r-rifjut minn Stat Membru li jagħti d-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni ma għandux bħala effett li jċaħħad it-tgawdija effettiva tal-essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’tali rifjut ma jaqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod li l-konformità ta’ dan ir-rifjut mad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi eżaminata fir-rigward tad-drittijiet stabbiliti minn din tal-aħħar.

Tali konstatazzjoni ma tippreġudikax il-kwistjoni ta’ jekk, abbażi ta’ eżami fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tagħha l-Istati Membri kollha huma parti, dritt ta’ residenza ma għandux jiġi rrifjutat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

(ara l-punti 42-44)