Language of document : ECLI:EU:C:2013:12

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-17 ta’ Jannar 2013 (1)

Kawża C‑118/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Kompetenza tal-Kunsill – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE – Sistemi ta’ għajnuna eżistenti – Proposta ta’ miżuri xierqa – Effetti – Regolament Nru 659/1999 – Għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ artijiet agrikoli fil-Latvja”





1.        Bir-rikors li huwa s-suġġett tal-kawża preżenti, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/991/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2009, rigward l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat min-naħa tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Latvja għax-xiri ta’ artijiet agrikoli bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem: “id-deċiżjoni kkontestata”) (2).

2.        Permezz ta’ tliet rikorsi oħra ppreżentati fl-istess ħin, il-Kummissjoni kkontestat l-istess għadd ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill rigward għajnuna tal-istess tip mogħtija mir-Repubblika tal-Litwanja (Kawża C-111/10), mir-Repubblika tal-Polonja (Kawża C-117/10) u mir-Repubblika tal-Ungerija (Kawża C-121/10).

3.        Ir-rikorsi kollha jqajmu l-istess kwistjoni delikata: jekk proposta ta’ miżuri xierqa fformulata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami kostanti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti fl-Istati Membri li jsir skont l-Artikolu 108(1) TFUE (jew l-Artikolu 88(1) KE għal dak li jirrigwarda l-Kawża C-117/10), tikkostitwixxix it-teħid ta’ deċiżjoni finali minn dik l-istituzzjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-iskema inkwistjoni, li tista’ tostakola l-eżerċizzju min-naħa tal-Kunsill tal-kompetenza mogħtija lilu bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE (jew bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE) biex jawtorizza għajnuna b’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE (jew tal-Artikolu 87 KE) u ta’ dispożizzjonijiet applikabbli oħra jekk dan ikun iġġustifikat minn ċirkustanzi eċċezzjonali?

I –    Il-kuntest legali

4.        Skont l-Artikolu 108(1) TFUE:

“Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma’ l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta’ l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq intern”.

5.        It-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi kif ġej:

“Fuq talba ta’ kull Stat Membru, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’vot unanimu, li miżura ta’ għajnuna mogħtija jew li trid tingħata minn dak l-Istat għandha tkun ikkonsidrata bħala kompatibbli massuq intern, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 107 jew tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 109, jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata b’ċirkustanzi eċċezzjonali. Jekk il-Kummissjoni diġà tkun bdiet il-proċedura preskritta fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, rigward l-għajnuna inkwistjoni, it-talba magħmula lill-Kunsill mill-Istat interessat għandha ġġib is-sospensjoni ta’ dik ilproċedura sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-pożizzjoni tiegħu.

Madankollu, jekk il-Kunsill ma jkunx għarraf il-pożizzjoni tiegħu f’egħluq tliet xhur minn dik it-talba, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni”.

6.        Fir-rigward tal-espożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness IV, Kapitolu 4, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Latvja fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: “l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003”) (3), tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (4), tal-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (iktar ’il quddiem: “il-Linji Gwida Agrikoli tal-2000”) (5), u tal-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007‑2013 (iktar ’il quddiem: “il-Linji Gwida Agrikoli tal-2007-2013”) (6), minħabba l-koinċidenza sostanzjali bejn il-qafas legali tal-kawża preżenti u dak tal-kawża C-117/10, jien ser nagħmel riferiment għall-punti 5 sa 16 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni llum f’din il-kawża.

7.        F’komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-15 ta’ Marzu 2008 (7), il-Kummissjoni ħadet nota, b’mod konformi mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tal-“ftehim espliċitu u inkundizzjonat” tal-Latvja għall-proposti ta’ miżuri xierqa inklużi fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013, ikkomunikati bil-miktub mill-awtoritajiet tal-Litwanja lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2007.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

8.        F’komunikazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2005, li tikkonċerna l-għajnuna nnotifikata skont il-proċedura prevista fl-Anness IV, Kapitolu 4, punt 4, tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-2003, li l-Istati Membri li ssieħbu fl-2004 xtaqu li tkun ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 88(1) KE, sal-aħħar tat-tielet sena wara l-adeżjoni, hemm inkluża, fost il-miżuri kkomunikati mil-Latvja, l-iskema ta’ għajnuna intitolata “Skema ta’ għoti ta’ self għax-xiri ta’ artijiet agrikoli” (8).

9.        Il-Latvja stabbilixxiet l-imsemmija skema fl-2002. Madankollu, l-applikazzjoni tagħha kienet sospiża fl-1 ta’ Jannar 2006, minħabba li l-finanzi pprovvduti għal dan il-għan kienu spiċċaw sal-aħħar tal-2005. L-għajnuna ingħatat lill-bdiewa (persuni fiżiċi jew legali) fil-forma ta’ sussidji fuq l-imgħax fuq self għal perijodu fit-tul (sa għoxrin sena) maħsub biex jiffinanzja investimenti. Is-sussidju kien suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, dwar ir-rata tal-imgħax, l-ammont massimu tas-self, il-perċentwal tad-dħul ta’ min jissellef mill-produzzjoni agrikola, il-pożizzjoni fiskali ta’ min jissellef u għas-sitwazzjoni tal-fondi proprji tiegħu (li għandhom fil-maġġoranza jappartjenu għal ċittadini Latvjani jew residenti permanenti).

10.      B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jissottomettu proposti maħsuba biex jissimplifikaw ir-regoli dwar l-għajnuna fis-settur agrikolu. Diversi Stati Membri talbu lill-Kummissjoni biex iżżomm il-possibbiltà li tagħti għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ artijiet agrikoli, u pproponew li jitħassar l-Artikolu 4(8) tar-Regolament 1857/2006 u li jiġi inkluż ix-xiri ta’ artijiet agrikoli fost l-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna għall-investimenti kif kien diġà previst fil-Linji Gwida tal-2000. Il-Latvja ma resqet l-ebda proposta f’dan is-sens.

11.      B’ittra tas-17 ta’ Novembru 2009 indirizzata lill-Kunsill “Agrikoltura u Sajd”, l-awtoritajiet tal-Latvja talbu li l-għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli fil-Latvja tkun awtorizzata b’mod eċċezzjonali bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE. Fit-3 ta’ Diċembru 2009, l-imsemmi Stat Membru ppreżenta xi informazzjoni supplimentari lill-Kunsill. Fis-16 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata b’mod unanimu (bl-astensjoni ta’ tmien delegazzjonijiet). L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jiddikjara:

“Għajnuna eċċezzjonali mill-awtoritajiet tal-Latvja għal self għax-xiri ta’ art agrikola, li tammonta għal massimu ta’ LVL 8 miljun u li tingħata bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni”.

12.      L-għajnuna ddikjarata kompatibbli fil-premessi 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata hija deskritta f’dawn it-termini:

“(9) L-għajnuna mill-Istat li hija mistennija li tingħata, tammonta sa massimu ta’ 8 miljuni lats Latvjani (LVL) u għandha twassal għax-xiri ta’ total ta’ 70000 ettaru ta’ artijiet agrikoli min-naħa ta’ madwar 1000 bidwi fil-perijodu mill-2010 sal-2013. Huma eliġibbli kemm artijiet proprjetà tal-Istat u anki dawk proprjetà ta’ persuni fiżiċi.

(10) L-għajnuna mill-Istat tieħu l-forma ta’ sussidju għall-imgħaxijiet fuq self, u tkopri erbgħa punti perċentwali tar-rata tal-imgħax annwali applikata mill-bank. Madankollu, jekk din ir-rata ta’ imgħax annwali tkun iktar baxxa minn erbgħa punti perċentwali, l-imgħax effettiv imħallas minn min jissellef jitħallas lura kollu”.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

13.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors suġġett ta’ din il-kawża. B’digriet tat-16 ta’ Settembru 2010, ir-Repubblika tal-Litwanja ġiet ammessa biex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

14.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad id-deċiżjoni kkontestata u li tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Il-Litwanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat.

IV – Dwar ir-rikors

15.      Il-Kummissjoni tqajjem erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, fuq abbuż ta’ poter, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

A –    Dwar l-ewwel motiv tar-rikors dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill

16.      Bl-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni essenzjalment issostni, li l-proposta għal miżuri xierqa fformulata fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013, flimkien mal-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta min-naħa tal-Latvja, tikkostitwixxi “deċiżjoni” li permezz tagħha ddikjarat li hija inkompatibbli mas-suq komuni l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija linji gwida, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2013. Waqt li fakkret is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2004 (9) u tat-22 ta’ Ġunju 2006 (10), li għal analiżi tagħhom nagħmel riferiment għall-punti 27 sa 31 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni llum fil-Kawża C-117/10, il-Kummissjoni sostniet li, bis-saħħa tal-prinċipju tal-prelazzjoni, li fuqu, abbażi ta’ dawn is-sentenzi, huwa bbażat il-kriterju tad-diviżjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Kunsill bl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kunsill f’dan il-każ ma kellux il-kompetenza biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

17.      Fit-trattazzjoni bejn il-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tqajmu essenzjalment erbgħa kwistjonijiet. L-ewwel kwistjoni tikkonsisti fid-determinazzjoni jekk, kif issostni l-Kummissjoni, ikkontestata mill-Kunsill, l-iskema ta’ għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli nnotifikata mil-Latvja fl-2004 żammitx l-istatus ta’ “għajnuna eżistenti” sal-31 ta’ Diċembru 2009, u għalhekk setgħet tkun is-suġġett ta’ proposta ta’ miżuri xierqa inkluża fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013 (ara s-subinċiż 1). It-tieni kwistjoni tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata fid-deċiżjoni kkontestata u teħtieġ b’mod partikolari li jiġi evalwat jekk, kif tafferma l-Kummissjoni, din l-iskema hijiex l-istess bħal dik suġġett tal-proposta ta’ miżuri xierqa inkluża fil-punt 196 tal-imsemmija linji gwida jew jekk, kif isostni minflok il-Kunsill, tikkostitwixxix għajnuna ġdida u differenti (ara s-subinċiż 2). It-tielet kwistjoni tikkonċerna l-effetti ta’ proposta ta’ miżuri xierqa aċċettata mill-Istat Membru kkonċernat (ara s-subinċiż 3). Fl-aħħar nett, ir-raba’ kwistjoni teħtieġ li jiġi definit l-ambitu tal-proposta ta’ miżuri xierqa fformulata fil-punt 196 tal-Linji Gwida 2007-2013 u tal-aċċettazzjoni relattiva min-naħa tal-Latvja (ara s-subinċiż 4).

1.      Dwar l-istatus tal-iskema ta’ għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli mogħtija mil-Latvja sal-31 ta’ Diċembru 2009

18.      L-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-premessa li l-iskema ta’ għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ artijiet agrikoli stabbilita fil-Latvja qabel l-adeżjoni tagħha fil-Komunità qatt ma waqqfu milli jkunu għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 108(1) TFUE mid-data tan-notifika tagħhom lill-Kummissjoni fl-2004 sal-31 ta’ Diċembru 2009.

19.      Il-Kunsill isostni li din il-premessa hija skoretta. Fl-ewwel lok, dan isostni li, skont l-Anness IV, Kapitolu 4, punt 4, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mil-Latvja fl-2004 setgħet titqies bħala għajnuna eżistenti biss sal-aħhar tat-tielet sena wara s-sena tal-adeżjoni u li l-Kummissjoni ma setgħetx testendi l-applikazzjoni ta’ tali skema permezz ta’ proposta ta’ miżuri xierqa skont l-Artikolu 108(1) TFUE, kif minflok kienet għamlet fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013. Barra minn hekk, proposta bħal din ma jistax ikollha bħala effett li tbiddel id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, f’dan il-każ ir-regola stabbilita fl-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Dwar dan il-punt nagħmel riferiment għall-punti 44 sa 47 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C-117/10, fejn jiena ma qbiltx ma’ argumenti bl-istess kontenut li ġew imqajma mill-Kunsill.

20.      Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li, peress li fl-aħħar tal-2005 l-finanzi allokati għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni spiċċaw, b’tali mod li, mill-2006, l-ebda self ġdid ma ġie mogħti mill-awtoritajiet tal-Latvja, din l-iskema ma kinitx iktar fis-seħħ mill-31 ta’ Diċembru 2005 ’il quddiem. F’dan ir-rigward nirrileva li mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni u li ma ġewx ikkontestati mill-Kunsill jirriżulta li s-sistema nnotifikata mil-Latvja skont il-proċedura stipulata fl-Anness IV, Kapitolu 4, punt 4 lill-Kummissjoni fl-2004 kienet maħsuba li tapplika sal-2023, li fl-2007 kien sar ċertu tibdil ta’ natura teknika fl-iskema u li hija espressament prevista l-possibbiltà ta’ finanzjament ieħor tal-iskema. F’dawn iċ-ċirkustanzi, insostni li hija korretta l-konklużjoni tal-istituzzjoni rikorrenti li din l-iskema, għalkemm ma għadhiex topera mill-2006, setgħet tkun attivata mill-ġdid f’kull ħin mingħajr ma jkun meħtieġ ebda tibdil fil-qafas leġiżlattiv u mingħajr ma titlef l-istatus tagħha ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti.

21.      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, kif issostni l-Kummissjoni, l-iskema ta’ għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli nnotifikata mil-Latvja fl-2004 żammet l-istatus tagħha ta’ skema eżistenti skont l-Anness IV, Kapitolu 4, punt 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 sal-31 ta’ Diċembru 2009, id-data prevista fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013 biex din tiġi implementata b’mod konformi magħhom. Għalhekk, din l-iskema setgħet tkun is-suġġett ta’ miżuri xierqa skont l-Artikolu 108(1) TFUE u tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999.

2.      Dwar l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata fid-deċiżjoni kkontestata

22.      Il-partijiet jaqblu li kemm l-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Kunsill kif ukoll dik innotifikata mil-Latvja fl-2004 jikkonsistu f’sussidju għall-ħlasijiet ta’ imgħax fuq self, maħsuba biex ikopru erbgħa punti perċentwali tar-rata tal-imgħax annwali applikata mill-bank. Barra minn hekk nosserva li f’diversi siltiet mill-ittra lill-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet tal-Latvja jagħmlu riferiment speċifiku għall-iskema stabbilita fil-Latvja fl-2002 u nnotifikata lill-Kummissjoni fl-2004 bħala qafas ta’ riferiment għat-talba tagħhom, u tabilħaqq mill-kliem ta’ din l-ittra jirriżulta li l-imsemmi Stat Membru talab essenzjalment lill-Kunsill biex jawtorizzah “jattiva mill-ġdid” din l-iskema għall-perijodu 2010-2013. L-argumenti mressqa mill-Kunsill bl-iskop li tintwera d-differenza bejn iż-żewġ skemi, maħsuba primarjament biex isostnu li l-iskema approvata fid-deċiżjoni kkontestata għandha skala ta’ żmien differenti, jibbenefikaw minnha suġġetti differenti u hija bbażata fuq elementi ġodda ta’ fatt u ta’ dritt, għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu miċħuda għall-istess raġunijiet imsemmija fil-punti 53, 54 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża C-117/10, li nagħmel riferiment għalihom. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill li l-implementazzjoni tal-iskema awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata teħtieġ l-adozzjoni ta’ qafas legali ġdid, nosserva li mill-ittra lill-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2009 tirriżulta b’mod ċar l-intenzjoni tal-Gvern tal-Latvja li ma jagħmilx tibdil sostanzjali fl-iskema ħlief għar-rifinanzjament tagħha.

23.      Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-partijiet jaqblu li l-flus allokati fl-2002 mill-awtoritajiet tal-Latvja biex tiġi ffinanzjata l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata lill-Kummissjoni fl-2004 spiċċaw fl-aħħar tal-2005 u li ma ġewx allokati iktar flus għal din l-iskema, għall-inqas sakemm ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rifinanzjament ta’ skema ta’ għajnuna li għaliha l-Istat Membru jkun għamel allokazzjoni finanzjarja speċifika u li tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni abbażi ta’ notifika komprensiva ta’ din l-allokazzjoni, tikkostitwixxi għajnuna ġdida (11). Fil-fehma tiegħi, tali ġurisprudenza tapplika mutatis mutandis għal dan il-każ.

24.      Għalhekk insostni li l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi “għajnuna ġdida” skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li hija “tibdil ta’ għajnuna eżistenti” (12). Il-konsegwenzi ta’ din il-klassifikazzjoni sejrin jiġu diskussi iktar ’il quddiem (ara s-subinċiż 4).

3.      Dwar l-effetti ta’ proposta ta’ miżuri xierqa aċċettata mill-Istat Membru kkonċernat

25.      Abbażi tar-raġunijiet imsemmija fil-punti 62 sa 72 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C-117/10, li nagħmel riferiment għalihom, jiena tal-fehma li proposta ta’ miżuri xierqa aċċettata mill-Istat Membru li għalih hija maħsuba hija adozzjoni ta’ pożizzjoni finali tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u toħloq effetti legali vinkolanti komparabbli ma’ dawk ta’ deċiżjoni. Għalhekk dan l-att, fil-fehma tiegħi, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 16 tal-konklużjonijiet preżenti, huwa tali li jista’ jimpedixxi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE li jikkonfliġġu miegħu.

26.      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi definit l-ambitu, minn naħa, tal-pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proposta ta’ miżuri xierqa inkluża fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013 u, min-naħa l-oħra, tal-obbligi li assumiet il-Latvja permezz tal-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta. Il-verifika eventwali tan-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata tiddependi fil-fatt fuq l-eżitu ta’ dan l-eżami doppju. Barra minn hekk, jeħtieġ f’dan il-każ li jiġi vverifikat jekk iseħħx dak li wasalt għalih fil-konklużjoni tiegħi fil-punt 23 iktar ’il fuq skont liema l-iskema approvata mill-Kunsill tikkostitwixxi bidla fi skema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999.

4.      Dwar il-portata tal-miżuri xierqa inklużi fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013 u tal-aċċettazzjoni tal-Latvja

27.      Fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża C-117/10 osservajt li, għalkemm huwa minnu li l-Linji Gwida Agrikoli tal-2007-2013 jieħdu pożizzjoni fis-sens tal-inkompatibbiltà fil-prinċipju tal-għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ artijiet agrikoli mhux konformi mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1857/2006, madankollu din il-pożizzjoni ma tistax tkun ikkunsidrata, minnha nnifisha, bħala finali, peress li, abbażi tal-istess punt 183 tal-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni hija madankollu obbligata, fil-każ ta’ għajnuna individwali jew skemi ta’ għajnuna li għandhom jiġu stabbiliti, li tikkonstata u tiddikjara din l-inkompatibbiltà permezz tal-proċedura ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 108 TFUE. Għal din ir-raġuni, ma qbiltx mal-argumenti tal-Kummissjoni, li ttenniet fil-kuntest tar-rikors li huwa s-suġġett tal-kawża preżenti, skont liema l-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013 “jiddikjaraw” li hija inkompatibbli mas-suq intern, b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2007 u sal-31 ta’ Diċembru 2013, l-għajnuna kollha – anki dik li għadha ma ġietx stabbilita – għall-investimenti fix-xiri ta’ artijiet agrikoli li ma jkunux konformi magħhom. Kif ġie osservat, fil-fehma tiegħi, b’mod korrett mill-Kunsill u mill-Gvern tal-Litwanja, intervenjenti fil-kawża preżenti, jekk wieħed isegwi dan l-argument, dan ikun ifisser li wieħed jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tirregolamenta b’deroga mill-proċeduri previsti fl-Artikolu 108 TFUE.

28.      F’dan il-kuntest, huwa bis-saħħa tal-effetti tal-proposta ta’ miżuri xierqa fformulata fil-punt 196 tal-Linji Gwida 2007-2013, flimkien mal-obbligu li assuma l-Istat Membru kkonċernat li, fil-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiena sostnejt li l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti f’tali Stat Membru għax-xiri ta’ artijiet agrikoli kienu finali u kienu tali li jostakolaw il-kompetenza tal-Kunsill abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE (ara l-punti 75 u 76).

29.      F’dan il-każ, il-Latvja ppreżentat bil-miktub il-qbil “espliċitu u inkundizzjonat” tagħħa (13) dwar il-miżuri proposti mill-Kummissjoni fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013, u għalhekk assumiet l-obbligu li tbiddel l-iskema ta’ għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli nnotifikata lill-Kummissjoni fl-2004 sal-31 ta’ Diċembru 2009. Meta żammet fis-seħħ din l-iskema u naqset milli tagħmel it-tibdil fiha, il-Latvja kisret dan l-obbligu.

5.      Konklużjonijiet dwar il-kompetenza tal-Kunsill biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata

30.      F’dan il-każ, jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit liema konsegwenzi jirriżultaw miċ-ċirkustanza li l-għajnuna inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi “għajnuna ġdida” skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999.

31.      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li tali ċirkustanza ma hijiex minnha nnifisha deċiżiva biex tiġi eskluża l-kompetenza tal-Kunsill skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. Fil-fatt, kif diġà kelli l-okkażjoni li nippreċiża fil-punt 50 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni llum fil-Kawża C-117/10, fl-imsemmija sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argument simili tal-Kunsill (14) u ċċarat, billi ħadet approċċ ibbażat fuq l-analiżi tal-effetti tal-miżura inkwistjoni, li l-kompetenza ta’ tali istituzzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE tista’ tiġi eskluża mhux biss fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna diġà ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni, iżda anki fir-rigward ta’ miżura differenti, li tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, jekk bejn dawn iż-żewġ miżuri tkun teżisti rabta tali li jkun artifiċjali li wieħed jiddistingwi waħda minn oħra.

32.      F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi teżisti rabta bħal din bejn l-iskema nnotifikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet tal-Latvja fl-2004 u l-finanzjament tagħha mill-ġdid. Meta approva dan il-finanzjament mill-ġdid, il-Kunsill, fil-fatt, eżenta lil-Latvja mill-obbligu li kienet assumiet fir-rigward tal-Kummissjoni li tagħmel tibdil fl-iskema, u b’hekk leġittimizza l-ksur tal-ftehim li kien ġie konkluż skont l-Artikolu 88(1) KE. Id-deċiżjoni kkontestata kellha bħala konsegwenza li nnewtralizzat l-effetti tal-pożizzjoni finali li ttieħdet mill-Kummissjoni fil-punt 196 tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013 dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija skema mas-suq komuni.

33.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li din għandha tilqa’ l-ewwel motiv tar-rikors u li tiddikjara, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 16 tal-konklużjonijiet preżenti, li l-Kunsill ma kienx kompetenti biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikors tal-Kummissjoni għalhekk għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata. Ser ngħaddi għal evalwazzjoni fil-qosor tal-motivi l-oħra tar-rikors imqajma mill-Kummissjoni f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mas-soluzzjoni rrakkomandata minni.

B –    Dwar it-tieni u t-tielet motiv tar-rikors rigward abbuż ta’ poter u ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali rispettivament

34.      It-tieni u t-tielet motiv tar-rikors fil-kawża huma identiċi għat-tieni u t-tielet motiv fir-rikors tal-Kawża C-117/10, li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni fil-qosor fil-punti 80 sa 84 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni llum f’din il-kawża. Peress li fiż-żewġ kawżi nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ l-ewwel motiv tar-rikors, jiena tal-fehma li tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ l-analiżi li għamilt fl-imsemmija punti 80 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-117/10, li għalhekk nagħmel riferiment għalihom.

C –    Ċ -   Dwar ir-raba’ motiv tar-rikors, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u ksur tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju

35.      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem essenzjalment żewġ ilmenti li ser neżamina hawnhekk separatament. Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba li ċ-ċirkustanzi invokati biex jiġġustifikaw il-miżuri ta’ għajnuna awtorizzati ma humiex ta’ natura eċċezzjonali. Fit-tieni lok, hija ssostni li dawn il-miżuri huma sproporzjonati mal-għanijiet segwiti, b’mod partikolari minħabba t-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni mogħtija.

36.      Għal dak li jikkonċerna b’mod ġenerali l-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, in-natura u l-firxa tal-poter diskrezzjonali tal-Kunsill fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilu b’dan l-artikolu u l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-deċiżjonijiet adottati taħtu, nixtieq nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-punti 86 u 87 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni llum fil-Kawża C-117/10.

1.      Dwar l-ewwel ilment, rigward żball manifest fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE

37.      Fil-kuntest tal-ilment inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata tqis b’mod żbaljat bħala ċirkustanzi eċċezzjonali xi problemi strutturali fis-settur agrikolu fil-Latvja. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett naqbel mal-Kummissjoni meta tqis li l-elementi li jagħmel riferiment għalihom il-Kunsill fit-tieni premessa tad-deċiżjoni kkontestata, rigward l-“istruttura mhux favorevoli tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriżi agrikoli fil-Latvja”, għall-fatt li “l-Latvja tirċievi l-iktar livell baxx ta’ pagamenti diretti minn fost l-Istati Membri kollha bħala riżultat tal-mekkaniżmu tad-dħul gradwali pprovdut bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003” u għad-“dħul agrikolu baxx” (15), kif ukoll iċ-ċirkustanza li proporzjon stabbilit tal-artijiet agrikoli huwa miżmum u ġestit minn persuni li ma humiex involuti fl-agrikoltura, imsemmija fit-tielet premessa ta’ din id-deċiżjoni, ma jikkostitwixxux, bħala tali, ċirkustanzi eċċezzjonali skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. Fil-fatt, minn naħa, dawn huma elementi li sempliċement jiddeskrivu l-istruttura tal-ekonomija agrarja tal-Latvja (id-daqs żgħir tal-impriżi agrikoli u l-livell baxx tad-dħul), u minn naħa l-oħra jikkonċernaw l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna diretta (16) pprovduti fl-atti stabbiliti fil-mument tal-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat. In-natura ta’ rutina ta’ dawn l-elementi tfisser li dawn huma neqsin mill-kwalità neċessarja tal-eċċezzjonalità.

38.      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-istituzzjoni rikorrenti, fl-ekonomija li jsir riferiment għaliha fid-deċiżjoni kkontestata, dawn l-elementi ma humiex ippreżentati bħala ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda, preċiżament, bħala fatturi li jikkaratterizzaw l-istruttura tal-ekonomija agrarja tal-Latvja, bir-riferiment għaliha li huwa primarjament funzjonali għall-evalwazzjoni tar-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali b’riżultat tar-riċessjoni, element ewlieni li bis-saħħa tiegħu, abbażi tat-tielet u r-raba’ premessa tal-imsemmija deċiżjoni, jiġu ġġustifikati l-miżuri awtorizzati. L-istess jista’ jingħad għan-nuqqas ta’ kapital għall-bdiewa nfushom, imsemmi’ fis-seba’ premessa tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni sempliċement tagħmel riferiment, mingħajr madankollu ma ġġib ebda prova, għan-natura strutturali tiegħu. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, jirriżulta b’mod ċar li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kunsill jista’ jibbaża fuq il-persistenza jew l-aggravament tal-problemi strutturali ta’ settur partikolari tal-ekonomija bl-iskop li jiġu evalwati l-effetti fuq dak is-settur ta’ sitwazzjoni mhux favorevoli (17).

39.      Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li t-tnaqqis fil-livell tad-dħul fl-2009, imsemmi’ fit-tieni premessa tad-deċiżjoni kkontestata, “ir-riċessjoni dejjem iktar gravi tal-ekonomija dinjija b’riżultat tal-kriżi dinjija” fl-2009, li hija msemmija fir-raba’ premessa ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll iż-żieda fil-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni agrikoli fl-2008, imsemmija fil-ħames premessa sussegwenti, li kienu jikkonċernaw l-Istati Membri kollha kemm huma, niftakar li, abbażi tal-ġurisprudenza, il-fatt li sitwazzjoni partikolari tista’ tikkonċerna fl-istess ħin diversi Stati Membri, jew tista’ eventwalment tinteressa lil diversi setturi tal-ekonomija, ma teskludix li din tista’ madankollu tkun ċirkustanza rilevanti għall-iskop tal-implementazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE (18), anki billi jingħata qies tal-konsegwenzi partikolari li din setgħet ħolqot fi Stat Membru partikolari. F’dan ir-rigward, l-istess Kummissjoni fin-nota tal-osservazzjonijiet tagħha tenfasizza li l-Latvja kienet milquta serjament mill-kriżi ekonomika, li, kif intqal iktar ’il fuq, kienet fattur ewlieni li bbaża fuqu l-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk il-Kummissjoni ma teskludix li kriżi ekonomika ġenerali tista’ fit-teorija tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali.

40.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li ċ-ċifri msemmija fit-tmien premessa tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-portata tar-riċessjoni fuq is-suq tal-artijiet agrikoli ma humiex affidabbli, peress li jieħdu bħala livell ta’ riferiment il-volum tat-tranżazzjonijiet fl-2007, sena li fiha l-hekk imsejħa “bużżieqa tal-proprjetà” kienet leħqet l-ogħla livelli, meta dan huwa ssostanzjat biżżejjed mill-provi (19), ma huwiex suffiċjenti biex tiġi kkontestata n-natura eċċezzjonali tar-riċessjoni, li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, u tal-konsegwenzi tagħha fuq is-settur agrikolu tal-Latvja.

41.      Abbażi ta’ dak li ntqal minni iktar ’il fuq, nemmen li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE.

2.      Dwar in-natura mhux xierqa u sproporzjonata tal-miżuri awtorizzati bid-deċiżjoni kkontestata

42.      Il-Kummissjoni ssostni qabel kollox li l-iskemi ta’ għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli ma jippermettux li jissolvew, jew li jittejbu l-problemi strutturali msemmija fit-tieni premessa tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari d-daqs żgħir tal-impriżi agrikoli fil-Latvja. Abbażi ta’ ċifri miġbura mill-Eurostat, hija tosserva li d-daqs medju tal-impriżi agrikoli fil-Latvja kiber matul is-snin b’mod sostanzjalment indipendenti mill-għoti ta’ għajnuna għax-xiri ta’ artijiet agrikoli. F’dan ir-rigward nirrileva li ċ-ċifri ppreżentati mill-Kummissjoni juru evoluzzjoni mill-iktar importanti fl-istruttura tal-impriżi agrikoli fil-Latvja bejn l-2003 u l-2005, perijodu fejn kienet qed topera l-iskema għax-xiri ta’ artijiet agrikoli (żieda ta’ 5.2 ettaru fid-daqs medju ta’ impriża agrikola) u bejn l-2005 u l-2007 (3.2 ettaru) u li għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-iskema inkwistjoni kkontribwixxiet direttament għal żieda daqstant kbira fis-snin meta kienet qed topera. F’kull każ, anki meta abbażi tal-imsemmija ċifri wieħed ikun jista’ jsostni li żieda żgħira biss fid-daqs medju tal-impriżi agrikoli tal-Latvja tista’ tiġi attribwita għal din l-iskema, fil-fehma tiegħi dan ma jkunx biżżejjed biex juri li l-Kunsill manifestament qabeż il-limiti tas-setgħat ta’ evalwazzjoni tiegħu, meta sostna li l-miżuri approvati bid-deċiżjoni kkontestata kienu xierqa biex jiġu segwiti partikolarment l-għanijiet imsemmija fis-sitt premessa tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li tiġi nkoraġġita il-riorjentazzjoni ta’ persuni bla xogħol lejn l-agrikoltura, li jiġu mgħejjuna dawk li jaħdmu fl-agrikoltura fi stat ta’ semi-sussistenza u li ma jkunux jaħdmu iktar bħala impjegati f’setturi differenti minn dak agrikolu, biex itejbu l-istruttura tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża agrikola tagħhom u biex jiġi ffaċilitat il-bejgħ ta’ artijiet agrikoli proprjetà ta’ persuni qiegħda li għandhom bżonn il-kapital biex ikunu jistgħu jiksbu l-istatus ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

43.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li, biex tilqa’ għall-konsegwenzi tal-kriżi, fl-2009 hija adottat komunikazzjoni speċifika dwar qafas Komunitarju temporanju għall-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi appoġġjat l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (20) (iktar ’il quddiem: “il-Qafas Temporanju”) li abbażi tiegħu, grazzi għal ċertu tibdil sussegwenti (21), kienu awtorizzati diversi forom ta’ intervent mill-Istati Membri favur l-impriżi agrikoli, fosthom, b’mod partikolari, għajnuna temporanja sa ammont massimu ta’ EUR 15 000 sal-aħħar tal-2010. Il-Kummissjoni ssostni li, peress li ma ħax inkunsiderazzjoni din l-għajnuna, imfassla speċifikament biex tindirizza l-istess kwistjonijiet relatati mal-kriżi, u peress li ma għamilx evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmija għajnuna kinitx twassal speċifikament biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, il-Kunsill kiser il-prinċipju tal-proporzjonalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni miżuri oħra adottati mill-Kummissjoni u mill-istess Kunsill maħsuba biex jindirizzaw il-kwistjonijiet indikati fid-deċiżjoni kkontestata jew li jistgħu jintużaw mil-Latvja għal dan l-iskop.

44.      L-argumenti tal-Kummissjoni jeħtieġu li jiġi evalwat jekk, u sa liema limitu, il-Kunsill għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri diġà adottati fil-livell tal-Unjoni bl-iskop li jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet imsemmija mill-Istat Membru li jagħmel it-talba abbażi ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-punt 96 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C-117/10, li nagħmel riferiment għalihom, insostni li jeżisti min-naħa tal-Kunsill obbligu tal-inqas li jieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni li jagħmel abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-miżuri eżistenti maħsuba speċifikament biex jirrimedjaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni (22), mingħajr ma dan joħloq obbligu fuq din l-istituzzjoni li teżamina, jew tindika fid-deċiżjoni tagħha r-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja inkwistjoni.

45.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kunsill eżamina jekk il-Latvja għamlitx użu mill-possibbiltajiet li kellha taħt il-Qafas Temporanju u x’effetti ħolqu l-interventi eventwali li twettqu abbażi ta’ dan (23). Nosserva, madankollu, li l-ammont limitat tas-sussidju dirett li tagħmel riferiment għalih il-Kummissjoni, minn naħa, għalkemm kellu l-funzjoni li jtaffi r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-kriżi, ma kienx speċifikament maħsub biex jinċentiva investimenti bl-iskop li tittejjeb l-istruttura tal-impriżi agrikoli, u min-naħa l-oħra, seta’ jingħata biss sal-31 ta’ Diċembru 2010. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill seta’ jikkunsidra aħjar, fil-fehma tiegħi, li intervent iktar iffokat u b’ambitu iktar wiesa’ fiż-żmien seta’ kemm ikun segwit, possibbilment anki flimkien ma’ miżuri oħra, l-għan li jiġu mtaffija l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, u b’mod partikolari d-diffikultajiet fl-aċċess għal finanzi min-naħa tal-bdiewa, kif ukoll jiġu indirizzati b’mod iktar xieraq il-problemi strutturali tal-ekonomija agrikola tal-Latvja. Bl-istess mod, għalkemm fil-fehma tiegħi l-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri li ttieħdu biex jiġi missielet il-qgħad rurali fil-qafas tal-politika Komunitarja tal-iżvilupp rurali b’mod konformi mar-Regolament Nru 1698/2005 (24), dan in-nuqqas, fil-fehma tiegħi, minnu nnifsu ma huwiex biżżejjed biex iqajjem dubji dwar il-leġittimità tal-imsemmija deċiżjoni, fid-dawl tal-fatt li din tal-aħħar hija bbażata fuq għadd ta’ raġunijiet u fuq evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni fis-settur inkwistjoni f’fażi partikolari ta’ żmien. Barra minn hekk nosserva li fl-ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009 mibgħuta mill-awtoritajiet tal-Latvja lill-Kunsill, dawn tal-aħħar indikaw parzjalment ir-raġunijiet għalfejn jiena nsostni li dawn l-azzjonijiet ma jistgħux jissostitwixxu skema maħsuba biex tinċentiva x-xiri tal-proprjetà ta’ artijiet agrikoli mill-bdiewa. Min-naħa l-oħra ma naħsibx li l-Kunsill kellu obbligu speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni, kif issostni l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1535/2007 (25), peress li dan huwa strument li ma kienx speċifikament maħsub biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fid-deċiżjoni. F’kull każ, l-iskema approvata fid-deċiżjoni kkontestata hija maħsuba biex tinċentiva l-investiment għax-xiri ta’ artijiet agrikoli u għalhekk topera f’livell differenti minn dak tal-imsemmi regolament.

46.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-estensjoni fiż-żmien tal-miżuri approvati, kif ukoll l-effetti dejjiema li joħolqu (peress li huma finanzjament b’self fit-tul) minnhom infushom jagħmlu dawn il-miżuri sproporzjonati.

47.      Fil-fehma tiegħi, min-natura eċċezzjonali tal-kompetenza tal-Kunsill skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) isegwi li d-deroga mogħtija bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien u mogħtija biss għaż-żmien strettament meħtieġ biex jiġu rrimedjati ċ-ċirkustanzi msemmija bħala bażi għad-deċiżjoni (26). Dan jimplika li jekk deċiżjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE tirrigwarda skemi ta’ għajnuna maħsuba biex japplikaw għal perijodu ta’ żmien relatattivament twil, bħal f’dan il-każ, il-Kunsill irid jindika r-raġunijiet għalfejn dan huwa neċessarju fid-dawl taċ-ċirkustanzi invokati insostenn tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà. F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-ittra tal-awtoritajiet tal-Latvja lill-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 u d-deċiżjoni kkontestata jipprovdu biss indikazzjonijiet ħfief dwar ir-raġunijiet għalfejn kien sostnut li huwa meħtieġ li tiġi awtorizzata l-iskema inkwistjoni għal perijodu ta’ erbgħa snin, dawn jistgħu jiġu stabbiliti mill-kuntest li tidħol fih id-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll min-natura tal-miżuri awtorizzati, tal-problemi li għalihom kellhom jikkontribwixxu biex isolvu u tal-għanijiet segwiti. Barra minn hekk ġew ipprovduti indikazzjonijiet oħra mill-Kunsill fin-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu.

48.      Għal dak li jikkonċerna l-mertu tal-ilment li sar mill-Kummissjoni, nosserva li dan huwa bbażat essenzjalment fuq il-konstatazzjoni dwar il-koinċidenza bejn it-tul ta’ żmien tad-deroga mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata u l-ambitu ta’ applikazzjoni fiż-żmien tal-Linji Gwida Agrikoli 2007-2013, li, skont l-istituzzjoni rikorrenti, juri kemm l-għażla tal-Kunsill tixhed iktar ir-rieda li tiġi pparalizzata l-applikazzjoni tal-linji gwida milli biex id-deroga tiġi limitata għall-miżura strettament neċessarja biex jiġu korretti l-iskwilibriji msemmija. Issa, filwaqt li ħadt nota ta’ koinċidenza bħal din, naħseb li, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet fit-tul li d-deċiżjoni trid issegwi u tal-effetti, li anki dawn jistgħu jtawwlu fuq perijodu twil ta’ żmien, tar-riperkussjonijiet tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, invokati bħala ċirkustanzi eċċezzjonali insostenn ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma waslitx biex tipprova, li meta awtorizzat l-iskema inkwistjoni għall-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill manifestament qabeż il-limiti tal-poteri diskrezzjonali tiegħu li għandu fl-eżerċizzju tal-kompetenza skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE.

V –    Konklużjonijiet

49.      Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 15 sa 31 iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tilqa’ l-ewwel motiv tar-rikors dwar nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż u

–        tiddikjara li l-Istat Membru intervenjenti għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – ĠU 2009, L 339, p. 34.


3 – Att li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, b’mod partikolari p. 798).


4 – ĠU L 83, p. 1.


5 – ĠU 2000, C 28, p. 2.


6 – ĠU 2006, C 319, p. 1.


7 – ĠU C 70, p. 11.


8 – ĠU C 147 tas-17 ta’ Ġunju 2005, p. 2. Għal dak li jikkonċerna l-Latvja, l-isem tal-iskema inkwistjoni huwa indikat fil-punt 23. Fir-rikors il-Kummissjoni tindika li din in-notifika saret abbażi tal-proċedura prevista fil-punt 1(ċ) tal-Kapitolu 3 tal-Anness IV, tat-Trattat ta’ Adeżjoni, li madankollu ma tiġix applikata għall-“attivitajiet konnessi mal-produzzjoni, it-trasformazzjoni jew il-promozzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat KE” (prodotti li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-Politika Agrikola Komuni).


9 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑110/02, Ġabra p. I‑6333).


10 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Kawża C-399/03, Ġabra p. I-5629).


11 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2011, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-3/09 (Ġabra p. II‑95), ikkonfermata permezz tad-digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (Kawża C-200/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra). Ara wkoll l-Artikolu 4(1) u (2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament Nru 695/1999.


12 – Din hija bidla separabbli mill-iskema li ġiet aċċessata u li, għalhekk, ma twassalx għat-trasformazzjoni tal-iskema nnifisha f’għajnuna ġdida.


13 – Ara l-Komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-15 ta’ Marzu 2008, C 70.


14 – Il-Kunsill, appoġġjat mill-Gvern Portugiż, argumenta li l-għajnuna inkwistjoni kienet “għajnuna ġdida”, peress li kienet tikkonsisti fi ħlas ġdid, kienet stabbilita permezz ta’ liġi nazzjonali differenti mill-Avviżi Legali li stabbilixxew l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni u kienet tissodisfa rekwiżiti għal eliġibbiltà u rekwiżiti għal ħlas differenti minn dawk applikabbli għall-għajnuna mogħtija abbażi ta’ dik l-iskema (punt 21).


15 – Il-korsiv huwa kollu tiegħi.


16 – Is-sistema tal-introduzzjoni gradwali ta’ ħlasijiet Komunitarji diretti, introdotta bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 (p. 369 u 370), kienet adattata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281/KE, tat-22 ta’ Marzu 2004, li adattat l-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, wara r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 93, p.1). Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament mill-Polonja, li ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja b’sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill (Kawża C-273/04, Ġabra p. I-8925). Għal ħarsa ġenerali tas-sistema u tat-tħaddim tagħha, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati, fl-imsemmija kawża, fil-21 ta’ Ġunju 2007.


17 – C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 21.


18 – Argument simili tal-Kummissjoni kien miċħud fil-punt 22 tas-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.


19 – Iċ-ċifri li tagħmel riferiment għalihom il-Kummissjoni huma inklużi fl-artiklu tas-Center for Econcomic and Policy Research ta’ Frar 2010 intitolat Latvia’s Recession: the Cost of Adjustement With An “Internal Devaluation” ma jagħmlux riferiment b’mod speċifiku għas-suq tal-artijiet agrikoli.


20 – ĠU C 83, p. 1.


21 – Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-qafas temporanju Komunitarju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat sabiex jiġi appoġġjat aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU 2009, C 261, p. 2).


22 – Ara f’dan is-sens anki l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-Kawża, ċċitata iktar ’il fuq, C-122/94, b’mod partikolari l-punt 85.


23 – Nosserva li, hemm aċċenn, anki jekk ħafif, għall-Qafas Temporanju u għall-insuffiċjenza tiegħu biex ilaħħaq mad-diffikultajiet maħluqa mill-kriżi ekonomika u finanzjarja fil-paragrafu 9 tal-ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009 li l-awtoritajiet tal-Latvja bagħtu lill-Kunsill.


24 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, p. 1).


25 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35).


26 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Kawża C-122/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).