Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2010 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-118/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, L. Flynn, K. Walkerová, A. Stobiecka-Kuik, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni 2009/991/UE 1 tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 2009, dwar l-għoti ta' għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Latvja għax-xiri ta' art agrikola bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2013;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill qaleb id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-proposta għal miżuri xierqa tal-punt 196 tal-Linji Gwida tal-2007 dwar is-settur agrikolu u l-aċċettazzjoni bla kundizzjoni tagħha min-naħa tal-Latvja, li tobbliga lil din tal-aħħar sabiex, sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009, ittemm l-iskema ta' għajnuna eżistenti għall-akkwist ta' artijiet agrikoli. Billi invoka ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kunsill fil-fatt awtorizza lil-Latvja sabiex iżżomm din l-iskema sa meta l-Linji Gwida tal-2007 dwar is-settur agrikolu jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2013. Iċ-ċirkustanzi mressqa mill-Kunsill sabiex jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, mhumiex manifestament ċirkustanzi eċċezzjonali tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni adottata, u ma jqisux id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar din l-iskema. Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, il-Kummissjoni tqajjem erba' motivi:

a) L-ewwel nett, hija tqis li l-Kunsill ma kellux il-kompetenza biex jaġixxi taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE peress li l-għajnuna li huwa approva kienet għajnuna eżistenti li l-Latvja kienet ikkommettiet ruħha li ttemm sal-aħħar tas-sena 2009, meta aċċettat il-miżuri xierqa li kienu proposti lilha mill-Kummissjoni.

b) It-tieni nett, permezz tal-awtorizzazzjoni ta' miżuri ta' għajnuna sal-2013, il-Kunsill wettaq abbuż ta' poter, billi pprova jinnewtralizza d-deċiżjoni li l-Latvja kellha l-libertà li żżomm dawn il-miżuri sal-aħħar tas-sena 2009, iżda mhux iktar tard minn hekk.

c) Imbagħad, skont it-tielet motiv, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali li japplika bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet. Permezz tad-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill ħeles lil-Latvja mill-obbligi tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni rigward miżuri xierqa aċċettati minn dan l-Istat Membru, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita permezz tal-Artikolu 108(1) TFUE fir-rigward tal-għajnuna eżistenti għall-akkwist ta' artijiet agrikoli.

d) Permezz tal-aħħar motiv tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni sa fejn ikkunsidra li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura approvata.

____________

1 - ĠU L 339, p. 34.