Language of document : ECLI:EU:T:2007:191

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

27 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Dispożizzjonijiet derogatorji nazzjonali – Ċaħda mill-Kummissjoni ta’ abbozz ta’ digriet li jantiċipa t-tnaqqis tal-limitu Komunitarju stabbilit ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli minn ċerti vetturi ġodda bil-magni diesel – Obbligu ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni – Speċifiċità tal-problema ta’ l-osservanza mill-Istat Membru notifikatur tal-valuri limiti Komunitarju ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti ”

Fil-kawża T‑182/06,

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia, A. Alcover San Pedro u H. van Vliet, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/372/KE tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Renju ta’ l-Olanda skond l-Artikolu 95(5) KE, li jistabbilixxi l-limitu ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli minn vetturi li għandhom magna diesel (ĠU L 142, p. 16),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palácio Gonzàlez, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 95 KE jipprovdi, fil-paragrafi (4) sa (6) tiegħu:

“4. Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu

5.       Aktar minn hekk, mingħajr preġudizzjoni għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida, li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6.       Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le, mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le, ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummssjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perijodu ieħor sa sitt xhur.”

2        Id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti (ĠU L 296, p. 55), jiddisponi fl-Artikolu 7(3) tiegħu li, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li ser jittieħdu fuq fi żmien qasir fil-każ ta’ riskju li jinqabżu l-valuri limiti jew il-livelli ta’ allarm għal-livelli ta’ tniġġis fl-arja ċirkostanti, sabiex jitnaqqas ir-riskju li jinqabżu u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ hekk. Dawn il-pjani jistgħu jipprevedu, skond il-każ, miżuri ta’ kontroll u, fejn ikun meħtieġ, sospensjoni ta’ l-attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu sabiex il-valuri limiti [valuri ta’ limitu] jinqabżu.

3        Skond l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 96/62, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-okkorrenza tal-livelli ta’ tniġġis li jaqbżu l-valuri limiti miżjud mal-marġini tat-tolleranza, fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem ta’ kull eżerċizzju.

4        Id-Direttiva 98/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra tniġġis ta’ l-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE (ĠU L 350, p. 1), daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 1998, id-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5        Dan it-test jissuġetta għal valur limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ massa ta’ partiċelli (P) ta’ 25 mg/km il-vetturi b’magna diesel li jaqgħu, minn naħa, taħt il-kategorija M (karozzi privati), definiti fl-Anness IIA, tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, tas-6 ta’ Frar 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, p.1) – bl-eċċezzjoni ta’ vetturi b’piż li mhuwiex inqas minn 2 500 kg – u, min-naħa l-oħra, tal-kategorij N1, klassi I, (vetturi kummerċjali ta’ piż awtorizzat ta’ mhux inqas minn 1 305 kg).

6        Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/69:

“[…] l-ebda Stat Membru ma jista’, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tniġġis ta’ l-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur:

–        jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip KE bi qbil ma’ l-Artikolu 4(1) ta’ Direttiva 70/156/KEE,

–        jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

–        jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, bejgħ jew dħul fis-servizz ta’ vetturi, bi qbil ma’ l-Artikolu 7 ta’ Direttiva 70/156/KEE,

jekk il-vetturi jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 70/220/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva.”

7        Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/30 tat-22 ta’ April 1999, dwar l-iffissar tal-valuri limiti għad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, għall-materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU L 163, p. 41), flimikien mad-Direttiva 96/62, jistabbilixxu valuri limiti applikabbli b’mod partikolari għall-konċentrazzjonijiet tal-partiċelli “PM10” fl-arja ċirkostanti, u hija legalment vinkolanti mill-1 ta’ Jannar 2005.

8        Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/30, il-partiċelli PM10 huma mfissra kif ġej:

“[…]

11)      ‘PM10’ tfisser materja f’partiċelli li tgħaddi minn daħla ta’ daqs selettiv b’effiċjenza ta’ 50 % maqtugħa b’10 dijametru erodinamiku ;

[…].”

9        Fl-Artikolu 5 tagħha, id-Direttiva 1999/30 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali [ċirkostanti] ma teċċedix il-valuri limiti stabbiliti fis-Sezzjoni I ta’ l-Anness III.

10      Barra minn hekk, għalkemm mhumiex dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ bħalissa, jista’ jiġi ppreċiżat li, fil-21 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament, magħruf bħala “Euro 5”, li tbaxxi għal 5 mg/km il-valur limitu Komunitarju ta’ l-emissjonijiet ta’ partiċelli minn ċerti vetturi ġodda bil-magni diesel li jaqgħu, minn naħa, taħt il-kategorija M (karozzi privati) u, min-naħa l-oħra, fil-kategorija N1, klassi I (vetturi kummerċjali ta’ piż awtorizzat ta’ mhux inqas minn 1 305 kg).

11      Kieku l-proposta kienet tiġi adottata fil-forma attwali tagħha, dan il-valur limitu Komunitarju ġdid jidħol fis-seħħ fl-aħħar ta’ Settembru 2009, fir-rigward ta’ tipi ġodda ta’ vetturi ta’ dawn iż-żewġ kategoriji u fl-aħħar ta’ Jannar 2011 għall-vetturi ġodda kkonċernati kollha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      B’ittra tat-2 ta’ Novembru 2005, ir-Renju ta’ l-Olanda nnotifika lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 95(5) KE, l-intenzjoni tiegħu li jadotta digriet intiż li jissuġġetta, mill-1 ta’ Jannar 2007, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/69, għal valur limitu ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli ta’ 5 mg/km il-vetturi b’magni diesel ġodda tal-kategorija M1 u tal-kategorija N1, klassi I.

13      In sostenn tat-talba għal deroga tiegħu, ir-Renju ta’ l-Olanda ppreċiża li l-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli stabbiliti mid-Direttiva 1999/30 kienu nqabżu f’diversi partijiet tat-territorju tiegħu. L-Istat Membru notifikatur sostna wkoll li ma kienx f’pożizzjoni li josserva l-obbligi Komunitarji fit-termini previsti, peress li d-Direttiva 1999/30 tobbligah jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex inaqqas il-konċentrazzjoni tal-partiċelli.

14      Ir-Renju ta’ l-Olanda enfassizza li l-partiċelli huma għalih sors ta’ inkwiet kbir, minħabba densità demografika qawwija u grad ta’ konċentrazzjoni ta’ infrastruttura ogħla minn Stati oħra Ewropej, li jirriżulta f’rata superjuri ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli għal kull km2. Ir-residenti huma esposti ħafna għat-tniġġis minħabba l-prossimità immedjata taċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi fiż-żoni residenzjali u ta’ forom oħra ta’ użu intensiv ta’ l-artijiet. Dan l-aspett huwa ta’ importanza speċifika għall-Olanda, fid-dawl ta’ l-intensità taċ-ċirkulazzjoni osservata f’diversi reġjuni tal-pajjiż. Il-lokalizzazzjoni ta’ parti kunsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati mit-traffiku fiż-żoni urbani u fuq livell li jaqa’ fuq iż-żoni residenzjali għandhom barra minn hekk bħala effett li jesponu l-parti l-kbira tar-residenti għall-partiċelli ta’ nugrufun partikolarment tossiċi li jinsabu fil-gass ta’ skariku tal-vetturi bil-magni diesel.

15      Ir-Renju ta’ l-Olanda afferma wkoll li jbati minn tniġġis sostanzjali ta’ oriġini barrani, peress li żewġ terzi tal-45 % tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli antropoġeniċi irrilevati fil-pajjiż joriġinaw minn barra l-pajjiż. Isegwi li biss 15 % tal-medja nazzjonali tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli jistgħu jaqgħu taħt l-istandards nazzjonali tal-protezzjoni ta’ l-ambjent.

16      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ l-Olanda afferma li jagħti importanza ikbar għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-partiċelli ġġenerati mill-karozzi privati u l-vetturi kummerċjali. Ir-Renju ta’ l-Olanda jagħti prijorità lit-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ dawn il-vetturi, responsabbli, fl-opinjoni tiegħu għal 70 % ta’ l-emissjonijiet mit-traffiku. L-Istat Membru notifikatur ippreċiża li n-numru ta’ vetturi b’magni diesel irreġistrati fit-territorju tiegħu żdied b’rata li ma kienx maħsub fiż-żmien ta’ l-elaborazzjoni tad-Direttiva 98/69.

17      Il-miżura derogatorja nnotifikata hija parti importanti minn dispożizzjoni leġiżlattiva bbażata fuq it-traffiku fit-toroq u fuq il-promozzjoni ta’ vetturi u ta’ karburanti li jniġġsu inqas. Hija kellha tkun applikabbli għall-karozzi privati u għall-vetturi kummerċjali b’magni diesel użati għall-ewwel darba wara l-31 ta’ Diċembru 2006.

18      L-abbozz tad-digriet kellu jkollu bħala konsegwenza konkreta t-tqegħid ta’ għarbiel li jnaqqas il-kwantità ta’ partiċelli preżenti fin-nugrufun tad-diesel iżda ma kellux ikun applikabbli għall-vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea.

19      In-norma ta’ l-emissjoni l-iktar stretta adottata mill-abbozz tad-digriet ma tibdel xejn mill-proċeduri ta’ omologazzjoni tat-tipi ta’ vetturi previsti, u lanqas il-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni li ngħataw omologazzjoni KE fl-Istati Membri l-oħra.

20      Min-naħa l-oħra, il-pulizija u l-awtoritajiet inkarigati mill-kontroll perjodiku tal-vetturi indikati jistgħu jivverifikaw wara d-dħul fis-seħħ tad-digriet jekk il-vettura privata jew il-vetturi kummerċjali ħfief humiex f’pożizzjoni li josservaw il-valur limitu ġdid ta’ 5 mg/km.

21      B’ittra tat-23 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni għarrfet lill-Gvern Olandiż li rċeviet in-notifika tiegħu u infurmatu li t-terminu ta’ sitt xhur mogħti lilu skond l-Artikolu 95(6) KE, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ deroga, beda jiddekorri fil-5 ta’ Novembru 2005, l-għada tal-ġurnata li fiha rċeviet in-notifika.

22      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fl-Olanda għas-sena 2004, stabbilit b’applikazzjoni tad-Direttiva 96/62, ġie kkomunikat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2006 u rreġistrat minnha fl-10 ta’ Frar ta’ wara.

23      B’ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Olandiżi infurmaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ rapport stabbilit f’Marzu 2006 mill-Milieu- en Natuurplanbureau (l-Aġenzija Olandiża għall-evalwazzjoni ta’ l-ambjent, il-“MNP”), intitolat “Nieuwe inzichten in de omvang van de fijnstofproblematiek” (“Indikazzjonijiet ġodda fuq il-portata tal-problemi tal-partiċelli”).

24      Sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni talbet opinjoni xjentifika u teknika minn konsorzju ta’ konsulenti kkoordinat min-Nederlandse Organisatie voor toegepast-natuur-wetenschappelijk onderzoek (l-Organizzazzjoni Olandiża għar-riċerja xjentifika applikata, in-“NOT”).

25      Dan il-korp ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2006.

26      Bid-Deċiżjoni 2006/372/KE, tat-3 ta’ Mejju 2006 dwar abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Olanda skond l-Artikolu 95(5) [KE] u li jiffissa l-emissjonijiet tal-partiċelli għall-vetturi b’magni diesel (Ġu l 142, P. 16, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni”), il-Kummissjoni ċaħdet l-abbozz tad-digriet innotifikat, minħabba l-fatt li “ir-Renju ta’ l-Olanda ma [kienx] wera l-eżistenza ta’ problema speċifika fid-dawl tad-Direttiva 98/69” u li “il-miżura nnotifikata ma [kinitx] proporzjonata ma’ l-għanijiet imfittxija”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Lulju 2006, ir-Renju ta’ l-Olanda ressaq rikors għall-annullament tad-deċiżjoni. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 76(a) tar-Regoli tal-Proċedura, ippreżenta wkoll, fl-istess ġurnata, talba għal proċedura mħaffa.

28      Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal proċedura mħaffa fit-8 ta’ Awwissu 2006, u r-risposta tagħha fis-6 ta’ Otturbu ta’ wara.

29      B’deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza (ir-Raba’ Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

30      Instemgħu s-sottomissjonijiet u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali matul is-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007.

31      Il-Gvern Olandiż jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż..

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Il-Gvern Olandiż, fl-ewwel lok, jesponi li d-deċiżjoni tmur kontra r-regoli sostanzjali ta’ l-Artikolu 95 KE u l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ l-Artikolu 253 KE, sa fejn tiskarta l-eżistenza ta’ problema speċifika għall-Olanda li seħħet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/69, u mingħajr ma eżaminat l-informazzjoni rilevanti mibgħuta mill-Istat Membru kkonċernat, fit-tieni lok, sa fejn tqis li l-abbozz ta’ digriet innotifikat mhuwiex proporzjonat ma’ l-għanijiet imfittxija mir-Renju ta’ l-Olanda u, fit-tielet lok, sa fejn tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest legali nazzjonali fl-eżami tagħha ta’ l-abbozz innotifikat.

 Fuq l-eżistenza ta’ problema speċifika għall-Olanda

34      Fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ problema speċifika għall-Olanda, il-Gvern Olandiż jikkontesta d-deċiżjoni taħt żewġ aspetti. Minn naħa, il-Kummissjoni kienet inġustament ċaħdet l-eżistenza ta’ problema speċifika tal-kwalità ta’ l-arja fl-Olanda. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet naqset, mingħajr ma tat spjegazzjoni, milli tieħu in kunsiderazzjoni dokumenti kkomunikati b’mod regolari mill-awtoritajiet Olandiżi fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-ispeċifiċità tal-problema, u b’hekk kisret kemm l-obbligu ta’ diliġenza u kemm l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha.

35      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ l-argument tar-rikors dwar l-ispeċifiċità tal-problema li r-Renju ta’ l-Olanda jqis li qed jiffaċċja.

 Fuq in-nuqqas ta’ diliġenża u l-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni li allegatament ivvizzja l-evalwazzjoni ta’ l-ispeċifiċità tal-problema tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti fl-Olanda

 Argumenti tal-partijiet

36      Il-Gvern Olandiż iqis li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ diliġenza billi ma eżaminatx, mingħajr ma tagħti raġuni, l-informazzjoni rilevanti indirizzata lilha fit-termini qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

37      Bil-kontra ta’ dak li hija ssostni fil-punt 41 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet tiddisponi mill-informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ l-Olanda fir-rigward tas-sena 2004.

38      Kieku l-Kummissjoni rrispettat l-obbligu ta’ diliġenza li hija għandha u fid-dawl ta’ din l-informazzjoni reċenti, hija setgħet tikkonkludi li nħolqot problema speċifika għall-Olanda wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/69.

39      Il-Kummissjoni tammetti li, kuntrarjament għal dak li hija affermat fil-punt 41 tad-Deċiżjoni, ir-Renju ta’ l-Olanda kien effettivament ippreżenta uffiċjalment ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-2004 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Madankollu, min dan ma jista’ jiġi dedott bl-ebda mod nuqqas ta’ diliġenza fl-eżami ta’ l-inkartament.

40      Ir-Renju ta’ l-Olanda kien ipproduċa dan ir-rapport iktar minn erba’ xhur wara l-iskadenza tat-terminu mogħti, għall-preżentata tiegħu, mill-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 96/62. In-notifika tal-miżura nazzjonali bid-data tat-2 ta’ Novembru 2005, ma tirreferix għaldaqstant għal din l-informazzjoni.

41      Il-Kummissjoni kienet talbet lir-Renju ta’ l-Olanda jikkomunikalha din l-informazzjoni mill-iktar fis, u bagħtet din, wara li rċevietha, lin-NOT, fejn talbitha tieħdu in kunsiderazzjoni, fir-rapport tagħha fuq it-talba għal deroga tar-Renju ta’ l-Olanda.

42      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-Renju ta’ l-Olanda għas-sena 2004 kien ittieħed in kunsiderazzjoni fl-istudju tan-NOT, u fil-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      In-NOT tirrileva, fil-paġna 29 tar-rapport tagħha, li fuqu, il-Kummissjoni, kif huwa kostanti, ibbażat ruħha sabiex tieħu d-deċiżjoni u li fih il-kostatazzjonijiet u l-konklużjonijiet ma ġewx ikkontestati mill-Gvern Olandiż, “[m]a jistax isir paragun għas-sena 2004 [...] peress li l-eżami ta’ l-informazzjoni għall-2004 dam minħabba l-fatt li diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju ta’ l-Olanda, ikkomunikaw l-informazzjoni tagħhom tard.”

44      Madankollu, jirriżulta mill-iżviluppi tad-Deċiżjoni ddedikati għall-kwistjoni ta’ l-ispeċifiċità tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti fl-Olanda li l-aħħar informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi ddaħħlet fir-rapport tan-NOT. B’mod partikolari, din tippreċiża fil-punt 29, iċċitat iktar ’il fuq ta’ dan id-dokument li :

“L-informazzjoni preliminari kkomunikata mir-Renju ta’ l-Olanda fir-rigward tal-qbiż fil-2004 juru sitwazzjoni differenti għal dik ta’ l-2003. F’kull żona, nikkonstataw qabża għall-PM10 ta’ mill-inqas waħda mill-valuri limiti miżjuda tal-marġni ta’ tolleranza.”

45      Barra minn hekk, in-NOT, fil-paġna 29 tar-rapport, u l-Kummissjoni, fil-punt 41 tad-deċiżjoni, jikkwotaw xi konstatazzjonijiet tar-rapport tal-MNP ta’ Marzu 2006, iċċitat iktar ’il fuq.

46      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punt 42 tad-Deċiżjoni, huwa wkoll fid-dawl ta’ l-informazzjoni ġdida kkomunikata mill-Gvern Olandiż lijinsab fir-rapport tal-MNP li l-Kummissjoni rrifjutat li tqis bħala stabbilita l-eżistenza ta’ problema speċifika ta’ l-osservanza tar-Renju ta’ l-Olanda tal-valuri limiti tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli stabbiliti mid-Direttiva 1999/30.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li naqset milli teżamina l-informazzjoni reċenti kkomunikata mill-Gvern Olandiż qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

48      Isegwi neċessarjament li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li naqset milli tindika r-raġunijiet ta’ dan in-nuqqas allegat.

49      L-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Kummissjoni ta’ l-obbligu ta’ diliġenza u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha għaldaqstant ma jistgħux jintlaqgħu.

 Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tal-problema tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti fl-Olanda

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

50      Hija r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 95(5) KE, li jagħti prova li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2005, Land Oberösterreich u Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T-366/03, Ġabra p. II-4005, punt 63 ; ara wkoll, b’analoġija ma’ l-Artikolu 95(4) KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑3/00, Ġabra p. I-2643, punt 84;).

51      Fit-talba għal deroga tiegħu, ir-Renju ta’ l-Olanda ġġustifika l-miżura nazzjonali nnotifikata billi enfasizza li l-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti ma kinitx konformi ma’ l-istandards definiti mid-Direttiva 1999/30 f’diversi reġjuni tat-territorju tiegħu u li, b’mod partikolari, il-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli stabbiliti minn dan it-test kienu nqabżu f’diversi żoni, filwaqt li l-Istati Membri huma marbuta li jadottaw kull miżura li tnaqqas il-konċentrazzjoni tal-partiċelli.

52      Ir-Renju ta’ l-Olanda sostna wkoll li ma setax b’mod raġjonevoli jistenna d-dħul fis-seħħ tal-proposta tar-Regolament Euro 5 li jnaqqas għal 5 mg/km il-valur limitu attwali ta’ 25mg/km stabbilit mid-Direttiva 98/69, għall-emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati minn vetturi b’magna diesel in kwistjoni u li huwa xtaq għaldaqstant jantiċipa fuq livell nazzjonali l-introduzzjoni tal-valur limitu ta’ 5mg/km għal dawn l-istess vetturi.

53      Huwa għaldaqstant ir-Renju ta’ l-Olanda, sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tar-rikors tiegħu, li għandu juri li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni, inġustament ma stabbilixxietx li l-qbiż fit-territorju Olandiż tal-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli stabbilit mid-Direttiva 1999/30 hija anomalija li tiddistingwiha ħafna minn dawk irrilevati fi Stati Membri oħra.

54      Għal dan l-iskop, il-Gvern Olandiż jakkuża l-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li wettqet applikazzjoni ħażina tal-kriterju ta’ speċifiċità tal-problema ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent imsemmi fl-Artikolu 95(5) KE, fit-tieni lok, li ma rrikonoxxietx l-ostakli għall-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-partiċelli kkawżati min-navigazzjoni interna u t-trasport marittimu, u fit-tielet lok, li injorat l-impossibbiltà ta’ azzjoni kontra t-tniġġis transfruntalier, u fl-aħħar lok, li ma rrikonoxxietx in-natura partikolarment serja tal-qbiż tal-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli li jirriżultaw fl-arja ċirkostanti ta’ l-Olanda.

 Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ speċifiċità

–       Argumenti tal-partijiet

55      Il-Gvern Olandiż jakkuża qabel kollox lill-Kummissjoni li ssuġġettat l-għotja tad-deroga mitluba għall-kundizzjoni li l-problema ta’ kwalità ta’ arja invokata in sostenn tat-talba tagħha taffettwa lill-Olanda b’mod esklużiv.

56      It-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li ma setgħetx tammetti l-eżistenza ta’ problema speċifika lil Stat Membru fis-sens ta’ l-Artikolu 95(5) KE, meta l-istess problema tinsab fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, fil-Belġju, mhijiex sostnuta la mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u lanqas mill-prassi preċedenti tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa diffiċli li wieħed jifhem l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ esklużivita` għal problema ambjentali marbuta mat-tniġġis ta’ l-arja transfruntaliera.

57      Il-Kummissjoni ssostni bil-kontra li bl-ebda mod ma eżiġiet mir-Renju ta’ l-Olanda l-prova li l-problema tal-kwalità ta’ l-arja invokata taffettwa esklużivament it-territorju tagħha. Hija kienet għamlet paragun tas-sitwazzjoni ma’ dik ta’ l-Istati Membri l-oħra fuq il-bażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni nazzjonali kkomunikati lilha u kkonkludiet li l-Olanda ma kinitx iffaċċjat problema speċifika ta’ qbiż tal-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli stabbilita mid-Direttiva 1999/30 u ta’ l-emissjonijiet tal-partiċelli minn vetturi b’magni koperti mid-Direttiva 98/69.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

58      Fil-paragrafi 4 sa 7 tiegħu, l-Artikolu 95 KE jagħti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni s-setgħa li jidderogaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati għat-twettiq jew it-tħaddim tas-suq komuni, sa fejn il-protezzjoni ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol jirrendu neċessarja tali deroga.

59      Sabiex jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom dan il-għan f’oqsma fejn miżura ta’ armonizzazzjoni diġà ġiet adottata, Stat Membru għandu, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 95(5) KE, ikun jista’ jiġġustifika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma bbażati fuq provi xjentifiċi ġodda li jikkorrispondu għal problema speċifika għalih li tfaċċat wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

60      Peress li din id-dispożizzjoni għandha n-natura ta’ klawżola ta’ salvagwardja, hija tikkostitwixxi tmexxija tas-suq komuni introdotta sabiex tippreżerva l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-persuni fil-Komunità, għan fundamentali tat-Trattat daqs dak ta’ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet.

61      Hija applikabbli b’mod partikolari fil-każ fejn jinħoloq, fuq parti jew fuq it-totalità tat-territorju ta’ Stat Membru, fenomenu ġdid, li jaffettwa b’mod negattiv l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, li ma jkunx seta’ ġie kkunsidrat fl-elaborazzjoni tar-regoli armonizzati, u li għalih hemm lok li jinsab rimedju fuq livell nazzjonali, mingħajr l-istennija ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Din tista` tkun mod inadegwat għas-soluzzjoni tal-problema kkonstatata, kemm minħabba n-natura purament lokali tal-fenomenu, u kemm minħabba l-modalitajiet partikolari li jirriżultaw lokalment u li huma inkompatibbli mat-termini marbuta man-negozjati u mad-dħul fis-seħħ ta’ regola armonizzata ġdida.

62      Billi jipprevedi każ ta’ problema speċifika għal Stat Membru li jinħoloq wara l-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni, l-Artikolu 95(5) KE jeskludi għaldaqstant kull possibbiltà li jiġu introdotti fuq il-bażi tiegħu dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji għar-regola armonizzata sabiex jiġi ffaċċjat riskju ambjentali ta’ natura ġenerali fil-Komunità.

63      Għandha natura ġenerali, u għaldaqstant mhux speċifika fis-sens ta’ l-Artikolu 95(5) KE, kull problema li tinstab f’termini ġeneralment analogi fit-totalità ta’ l-Istati Membri u tkun tista’, konsegwentement, ikollha soluzzjoni armonizzata fuq livell Komunitarju.

64      Għaldaqstant, għal interpretazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 95(5) KE, hemm bżonn li tiġi kkunsidrata l-eżiġenza ta’ l-ispeċifiċità nazzjonali tal-problema, essenzjalment, mil-lat ta’ l-effikaċja jew l-ineffikaċja ta’ l-armonizzazzjoni Komunitarja tar-regoli applikabbli li jiffaċċjaw b’mod adegwat id-diffikultajiet li jinstabu lokalment, peress li ineffikaċja kkonstatata tiġġustifika l-introduzzjoni ta’ miżuri nazzjonali.

65      Għaldaqstant, il-Gvern Olandiż isostni ġustament bħala prinċipju li sabiex problema tkun speċifika għal Stat Membru fis-sens tad-dispożizzjoni rilevanti, mhuwiex neċessarju li jirriżulta minn riskju ambjentali li jeżisti fit-territorju ta’ dan l-Istat biss. Fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ riskju ġenerali, l-ispeċifiċitajiet lokali jistgħu, fil-fatt, fil-każijiet invokati fil-punti preċedenti, ikunu problema speċifika.

66      Madankollu, ma jirriżultax mill-inkartament li l-Kummissjoni fil-kawża preżenti llimitat il-kunċett ta’ speċifiċità nazzjonali tal-problemi ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent imsemmija mill-Artikolu 95(5) KE, għall-ipoteżi tal-preżenza tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru notifikatur biss.

67      B’mod partikolari, kif jirrileva l-Gvern Olandiż stess fil-punt 34 tar-rikors, il-Kummissjoni sostniet espressament, fil-punt 41 tad-deċiżjoni li, skond ir-rapporti annwali ta’ evalwazzjoni nazzjonali, l-Olanda, fl-2003 ma kellhiex problema ta’ qbiż partikolarment kbir meta mqabbel ma’ l-Istati Membri l-oħra, bħall-Belġju, l-Awstrija, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, is-Slovenja u s-Slovakkja.

68      Barra minn hekk, in-NOT jirrileva, fil-paġna 31 tar-rapport tiegħu, li t-trasport fit-toroq jikkostitwixxi wieħed mis-sorsi prinċipali tal-partiċelli fl-Olanda, iżda mhuwiex differenti ħafna f’dan ir-rigward mill-Istati Membri bħall-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit.

69      In-NOT josserva wkoll li l-perċentwali tal-karozzi privati b’magni diesel mhijiex ogħla fl-Olanda meta mqabbla ma’ dak ta’ Stati Membri oħra.

70      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis fil-punt 42 tad-deċiżjoni li ma jidher bl-ebda mod ċert li r-Renju ta’ l-Olanda qiegħed jiffaċċja, meta mqabbel ma’ l-Istati Membri l-oħra, problema speċifika ta’ l-osservanza tal-valuri limiti stabbiliti mid-Direttiva 1999/30.

71      Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni eżiġiet mingħand ir-Renju ta’ l-Olanda prova li l-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti invokata sabiex tiġġustifika t-talba għal deroga taffettwa biss it-territorju Olandiż.

72      L-argument tal-Gvern Olandiż dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ speċifiċità għandu għaldaqstant jigi skartat bħala nieqes fil-fatti.

 Fuq in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ l-ostakli għall-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali intiżi għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-partiċelli kkawżati min-navigazzjoni interna u t-trasport marittimu

–       Argumenti tal-partijiet

73      Il-Gvern Olandiż wara jilmenta li l-Kummissjoni stmat li ma setgħetx tawtorizza l-abbozz ta’ digriet innotifikat ħlief taħt il-kundizzjoni li l-qbiż tal-valuri limiti tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti osservati fl-Olanda huma kkawżati fil-parti l-kbira tagħhom minn emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati mill-vetturi tat-toroq b’magni diesel.

74      Il-Kummissjoni nsiet b’hekk kif ir-Renju ta’ l-Olanda kkonkluda, wara studju dettaljat, li l-mezzi li huwa kien jiddisponi minnhom sabiex jittratta l-problema ta’ l-emissjonijiet ikkawżati min-navigazzjoni interna u t-trasport marittimu kienu tnaqqsu, kważi ineżistenti.

75      L-ostakli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Ewropea u internazzjonali li tirregola l-emissjonijiet tal-partiċelli li jinħolqu minn dawn iż-żewġ tipi ta’ trasport jikkostitwixxu preċiżament il-fatturi li jillimitaw il-marġni ta’ azzjoni tal-Gvern Olandiż fuq livell nazzjonali. Il-preżenza ta’ port kbir bħalma huwa Rotterdam isaħħah il-kobor tal-problema speċifika għall-Olanda

76      Il-Kummissjoni bil-kontra ssostni li hija biss qieset li r-Renju ta’ l-Olanda ma kienx wera li kellu problema speċifika ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati mill-vetturi b’magni koperti mid-Direttiva 98/69. Hija kienet biss sostniet li jekk in-navigazzjoni interna u t-trasport marittimu joħolqu proporzjon ħafna iktar ogħla ta’ partiċelli fi Stat Membru milli f’ieħor u jekk biss 25 % tal-vetturi ġodda jaħdmu bid-diesel, l-eżistenza ta’ problema speċifika ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli kkawżati min-nuqqas, awtorizzat mid-Direttiva 98/69, ta’ filtru tal-partiċelli fuq parti minn dawn il-vetturi ma ġietx ipprovata.

77      Il-Gvern Olandiż ma kienx espona fit-talba għad-deroga l-argument li huwa jibbaża fuq l-obbligi ta’ dritt Komunitarju u ta’ dritt internazzjonali. Barra minn hekk, din il-pretensjoni tiġi ssostni t-teżi insostenibbli li tgħid li meta l-obbligi ta’ dritt internazzjonali jostakolaw Stat Membru milli jadotta ċerti miżuri, il-Kummissjoni jkollha taċċetta li tidderoga mir-regoli ta’ armonizzazzjoni adottati skond l-Artikolu 95 KE, kemm jekk ikunu ġew sodisfatti jew le l-eżiġenzi ta’ l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-dispożizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

78      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni ta’ l-effikaċja ta’ l-abbozz tad-digriet innotifikat, fit-tnaqqis tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli preżenti fl-arja ċirkostanti fl-Olanda, bit-tnaqqis biss fin-numru tal-partiċelli minn ċerti vetturi b’magni diesel jaqa’ taħt il-kontroll tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali nnotifikata meta mqabbla ma’ modalitajiet ta’ interventi oħra proponibili fid-dawl ta’ żewġ sorsi oħra ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli, in-navigazzjoni interna u t-trasport marittimu, pjuttost milli taħt dak ta’ l-ispeċifiċità tal-problema.

79      F’kull każ u fit-tieni lok, mhuwiex ammissibbli għall-Gvern Olandiż li jinvoka obbligi ta’ dritt internazzjonali u dritt Komunitarju li jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għat-trattament tal-problema mqajma mill-emissjonijiet tal-partiċelli kkawżati min-navigazzjoni interna u t-trasport marittimu, filwaqt li m’għamilx hekk fit-talba għal deroga.

80      Bħal fil-każ ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ għajnuniet mill-Istati nnotifikati, l-ammissjoni ta’ Stat Membru għall-benefiċċju ta’ deroga mill-miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni skond l-Artikolu 95(5) u (6) KE tista’ tirrigwarda biss il-miżura nazzjonali kif ippreżentata lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 1999, Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, T‑37/97, Ġabra p. II-859, punt 100).

81      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, l-argument tal-Gvern Olandiż huwa nieqes fil-fatti. Bil-kontra ta’ dak li jsostni, il-Kummissjoni ma ssuġġettatx il-possibbiltà ta’ l-awtorizzazzjoni tal-miżura nnotifikata għall-kundizzjoni li l-qbiż tal-valuri limiti tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti rreġistrati fl-Olanda jirriżultaw fil-parti l-kbira tagħhom f’emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati mill-vetturi b’magni diesel.

82      Kif jirriżulta mill-punti 40 u 43 tad-deċiżjoni, bil-kontra, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li, meta mqabbel ma’ l-Istati Membri l-oħra, ir-Renju ta’ l-Olanda kien ikkaratterizzat minn volum ogħla ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati min-navigazzjoni interna u mit-trasport marittimu u li l-perċentwali ta’ vetturi privati b’magni diesel kien ħafna inqas fir-Renju ta’ l-Olanda mill-medja fl-Unjoni Ewropea, b’mod li l-eżistenza stess ta’ problema speċifika għall-Olanda taħt il-forma ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati minn vetturi b’magni diesel li jaqgħu taħt id-Direttiva 98/69 tista’ titqiegħed fid-dubju.

83      Għaldaqstant, ma jidhirx, f’kull każ, li l-Kummissjoni ssuġġettat il-possibbiltà ta’ l-awtorizzazzjoni tal-miżura nnotifikata għall-kundizzjoni li l-qbiż tal-valuri limiti tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti osservati fl-Olanda jirriżultax fil-parti l-kbira tiegħu f’emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati mill-vetturi b’magni diesel.

84      Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Olandiż ma jistax jintlaqa’.

 Fuq l-impossibbiltà għar-Renju ta’ l-Olanda li jaġixxi kontra t-tniġġis transfruntalier.

–       Argumenti tal-partijiet

85      Il-Gvern Olandiż jerġa` jallega li l-marġni ta’ azzjoni tiegħu hija barra minn hekk ostakolata mill-impossibbiltà li jinsab fiha li jaġixxi kontra n-numru kbir ta’ partiċelli li jaqsmu l-fruntieri.

86      Il-Kummissjoni tirrispondi li diversi pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea huma wkoll ikkonfrontati minn rata importanti ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli transfruntalieri.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

87      L-impossibbiltà ta’ azzjoni kontra l-partiċelli transfruntalieri, allegata mir-Renju ta’ l-Olanda, mhijiex ta’ natura fiha nnfisha li turi li l-Olanda hija kkonfrontata minn problema speċifika ta’ kwalità ta’ arja ċirkostanti.

88      Kif jirrileva n-NOT fir-rapport tiegħu, il-parti kbira tal-partiċelli hija b’definizzjoni, ta’ sors eżoġenu fil-pajjiżi li, bħall-Olanda, huma ta’ dimensjoni ġeografika iżgħar u s-sorsi ta’ tniġġis li jinsabu f’distanza jistgħu jiġu kkwalifikati bħala barranin, filwaqt li jitqiesu li huma endoġeni f’pajjiż ġeografikament estiż.

89      B’hekk, il-Gvern Olandiż jammetti impliċitament huwa stess li t-tniġġis transfruntalier ma jistax ikun bħala definizzjoni speċifiku għal Stat Membru sa fejn isostni li l-kriterju ta’ esklużività, li jakkuża lill-Kummissjoni li qieset b’mod irregolari, huwa diffiċilment kompatibbli man-natura intrinsikament transfruntaliera tat-tniġġis .

90      Fil-kors tas-seduta, il-Gvern Olandiż enfasizza li l-Olanda effettivament kellha problema speċifika tal-kwalità ta’ l-arja minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħha.

91      Ma ġie stabbilit bl-ebda mod li l-emissjonijiet tal-partiċelli transfruntalieri jaffettwaw il-kwalità ta’ l-arja f’miżura tali li l-problema ta’ limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet tal-partiċelli tippreżenta ruħha b’mod differenti minn dik li tippreżenta ruħha fil-bqija tal-Komunità u tiġġustifika miżuri nazzjonali speċifiċi.

92      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li huwa fid-dawl tan-normi stabbiliti mid-Direttiva 1999/30 li hemm lok li tiġi evalwata l-ispeċifiċità tal-problema ta’ osservanza ta’ l-ambjent invokata in sostenn tat-talba għad-deroga mid-Direttvia 1999/30. Issa, l-Anness III tad-Direttiva 1999/30 jistabbilixxi unikament valuri limiti tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti li magħhom iridu jikkonformaw l-Istati Membri mingħajr ma jikkunsidraw l-oriġini tal-partiċelli preżenti.

93      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tqis li ġie stabbilit li l-kontribuzzjoni tal-partiċelli barra mit-territorju Olandiż għall-konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti ta’ dan it-territorju jikkostitwixxi fih innifsu, għall-Olanda, fis-sens ta’ l-Artikolu 95(5) KE, problema ta’ kwalità ta’ l-arja speċifika għal dan il-pajjiż.

94      Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Olandiż ma jistax jintlaqa’.

 Fuq in-nuqqas ta’ rikonoxximent tan-natura partikolarment serja tal-qbiż tal-valuri limiti tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli rrilevat fl-arja ċirkostanti fl-Olanda

–       Argumenti tal-partijiet

95      Il-Gvern Olandiż jikkritika lill-Kummissjoni talli ċaħdet in-natura partikolarment serja tal-qbiż osservat fl-2004 fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha ta’ l-Olanda fir-rigward tal-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ kuljum tal-partiċelli iddefiniti mid-Direttiva 1999/30 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005 u dawn il-valuri limiti miżjuda bil-marġni ta’ qbiż.

96      Skond ir-rapport tan-NOT, l-informazzjoni preliminari kkomunikata mir-Renju ta’ l-Olanda turi l-qbiż ta’ mill-inqas wieħed mill-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli miżjuda bil-marġni ta’ qbiż.

97      Huwa minnu li, ir-rapport tal-MNP għall-2006 juri, fil-paġna 11 tiegħu, li l-livell ta’ partiċelli fl-Olanda huwa inqas minn dak ta’ qabel. Madankollu, din l-affermazzjoni ma tistax tiġi attribwita lill-Gvern Olandiż, anki jekk il-MNP hija aġenzija tal-Gvern Olandiż.

98      F’kull każ, il-konstatazzjonijiet tal-MNP ma jġibux in kwistjoni l-eżistenza ta’ l-ispeċifiċità tal-qbiż tal-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli fil-konfront tal-massimu ffissat mid-Direttiva 1999/30 kif ukoll jirriżulta mill-paġna 3 tar-rapport ta’ din l-istanza.

99      Fil-kors tas-seduta, il-Gvern Olandiż jakkuża lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx il-fatturi speċifiċi għall-Olanda kkostitwiti mid-densità demografika qawwija, l-intensità tat-traffiku u l-lokalizzazzjoni tal-ħabitat mat-toroq.

100    Il-Kummissjoni tirrispondi li, kif ġie dedott mir-rapport tan-NOT, l-Olanda fl-2003 ma kellhiex problema ta’ qbiż partikolarment importanti tal-valuri limiti meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra, li fosthom kien hemm min kellu, kuntrarjament għall-Olanda, qbiż fiż-żoni kollha.

101    Il-Kummissjoni żżid li r-rapporti kollha ta’ evalwazzjoni nazzjonali għas-sena 2004 jikkorroboraw in-nuqqas ta’ problema speċifika tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti fl-Olanda. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-Renju ta’ l-Olanda kien wera qbiż bħal fl-2003 għaliex ir-rapport għal din is-sena kien ibbażat esklużivament fuq miżuri, filwaqt li r-rapport għall-2004 kien ibbażat fuq kalkoli standardizzati. Barra minn hekk, il-limiti stabbiliti mid-Direttivi kienu tnaqqsu, b’mod li żieda fin-numru ta’ qbiż fl-Olanda fl-2004 ma kienx jimplika fih innifsu li dan il-pajjiż kellu problema speċifika ta’ kwalità ta’ arja.

102    Skond ir-rapport tal-MNP ta’ Marzu 2006, opponibbli mir-Renju ta’ l-Olanda peress li ġie prodott uffiċjalment in sostenn tat-talba għal deroga, l-istimi preċedenti ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli preżenti fl-Olanda ġew miżjuda minn 10 għal 15 %. Ma kienx ċert jekk, b’paragun ma’ l-Istati Membri l-oħra, ir-Renju ta’ l-Olanda kellux problema speċifika li żammitu milli josserva d-Direttiva 1999/30.

103    Il-persistenza ta’ l-effetti potenzjali tal-partiċelli fuq is-saħħa ma tikkostitwixxix problema speċifika għall-Olanda. Wara kollox, il-MNP jikkumenta li l-effetti fuq is-saħħa fuq medda taż-żmien fuq l-individwi huma inqas minn 10 sa 15 % mill-istimi preċedenti.

104    Għandu jiġi dedott minn dan li mhux biss ir-Renju ta’ l-Olanda, u mhux biss ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Renju tal-Belġju, iżda wkoll diversi Stati Membri għandhom diffikultajiet sabiex josservaw il-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli stabbiliti mid-Direttiva 1999/30, u li l-problema tal-kwalità ta’ l-arja fir-Renju ta’ l-Olanda mhijiex partikolarment importanti fil-konfront ta’ l-Istati Membri l-oħra u li xi drabi tista’ tkun probabbilment inqas fil-konfront, b’mod partikolari, tar-Renju tal-Belġju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

105    Huwa kostanti u mhux ikkontestat li l-problema ta’ l-emissjonijiet tal-partiċelli kkawżati mill-vetturi b’magni diesel tinneċessita b’mod impellenti u ġustifikat, fuq livell Komunitarju, miżuri leġiżlattivi adegwati. Huwa wkoll kostanti li l-miżura nazzjonali nnotifikata mir-Renju ta’ l-Olanda hija intiża sabiex tantiċipa fit-territorju tagħha l-introduzzjoni fir-regoli armonizzati ta’ limitu ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli li tidher fi proposta ta’ regolament li qed jiġi nnegozjat (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

106    Tali proċedura mhijiex bħala prinċipju inkompatibbli ma’ l-Artikolu 95(5) KE, sa fejn huwa stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat li t-terminu neċessarju għad-dħul fis-seħħ eventwali ta’ dispożizzjoni ġdida tittraduċi ruħha fit-totalità jew fuq parti mit-territorju fi problemi speċifiċi, li jagħmluh differenti mill-Istati Membri l-oħra u li jirrendu neċessarja miżura ta’ antiċipazzjoni.

107    F’dan ir-rigward, ma jirriżultax mill-elementi ta’ l-inkartament li l-qbiż ikkonstatat fl-Olanda tal-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli stabbilit mid-Direttiva 1999/30 juri, meta mqabbel ma’ dawk preżenti fl-Istati Membri l-oħra, urġenza ta’ natura li tikkostitwixxi problema ta’ kwalità fl-arja ċirkostanti speċifika għall-Istat Membru notifikatur.

108    Fl-istudju tal-MNP intitolat “Beoorderling van het prinsjedagpakket – Aanpak Luchtkwaliteit 2005” (Evalwazzjoni tal-pakkett ta’ miżuri tal-ġurnata ta’ preżentazzjoni tal-baġit – Azzjonijiet għall-kwalità ta’ l-arja 2005) u li l-oppożizzjoni tiegħu mill-Gvern Olandiż ma tistax tiġi kkontestata, peress li nħareġ minn korp li jaqa’ taħt l-awtorita` ta’ wieħed mill-ministeri tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Novembru 1982, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 249/81, Ġabra p. 4005, punt 15) u li wkoll ġie anness mar-rikors, qed jiġi ppreċiżat li, kif il-Kummissjoni rrilevat f’rapport ta’ progress, il-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli kienu nqabżu fl-2001 f’numru kbir ta’ bliet Ewropej.

109    Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott mil-lista stabbilita fuq il-bażi ta’ rapporti nazzjonali tal-kwalità ta’ l-arja stabbiliti għas-sena 2004 li l-Olanda kienet tagħmel parti minn grupp ta’ ħames Stati Membri li ż-żoni tagħhom irreġistraw fl-2004 rati ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli ogħla mill-valuri limiti ta’ kuljum, miżjuda bil-marġni ta’ qbiż, stabbiliti mid-Direttiva 1999/30, filwaqt li, barra minn hekk, ħames Stati Membri kienu qabżu dawn il-valuri f’50 % taż-żoni tagħhom.

110    Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-Renju ta’ l-Olanda għas-sena 2004 jirrileva li analiżi tar-riżultati ta’ evalwazzjonijiet tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti effettwati fit-territorju tiegħu juri titjib fil-kwalità ta’ l-arja meta mqabbel ma’ l-2003 u f’kull każ huwa qabel, b’mod partikolari, għall-partiċelli, ma’ r-rapport jattribwixxi prinċipalment dan it-titjib lil bidla fil-kundizzjonijiet metereoloġiċi osservati fl-2004 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

111    Barra minn hekk, il-MNP jirrileva, fl-istudju tiegħu, “Evalwazzjoni tal-pakkett ta’ miżuri tal-ġurnata ta’ preżentazzjoni tal-baġit – Azzjonijiet favur il-kwalità ta’ l-arja 2005”, li pajjiżi Ewropej oħra barra l-Olanda kellhom problemi biex jissodisfaw il-valuri limiti Ewropej tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli.

112    Kif ukoll jirrilevaw, minn naħa, il-MNP, fir-rapport tiegħu ta’ Marzu 2006, riprodott mill-Gvern Olandiż fil-kors tal-proċedura għall-eżami ta’ l-abbozz tad-digriet innotifikat, u min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, li ma ġietx ikkontestata fuq dan il-punt, fil-premessa 41 tad-Deċiżjoni, il-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-Olanda huma inqas b’10 sa 15 % tal-każijiet preċedenti.

113    Skond il-MNP, in-numru ta’ żoni fejn huwa mistenni għall-2010 qbiż tal-valuri limiti tal-konċentrazzjonijiet ta’ kuljum medji naqas b’iktar minn nofs meta mqabbel ma’ l-evalwazzjonijiet preċedenti u l-istimi ta’ espożizzjoni fit-tul għall-partiċelli u ta’ l-effetti tagħhom fuq is-saħħa raw tnaqqis ta’ minn 10 sa 15 %.

114    Kif ukoll tosserva l-Kummissjoni fil-punt 41 tad-deċiżjoni, il-MNP isostni wkoll li n-numru taż-żoni fejn il-limitu Komunitarju stabbilit tal-medja ta’ kuljum tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli jinqabeż, jitnaqqas b’nofs fl-2010 fir-rigward ta’ l-2005 u fl-2015 fir-rigward ta’ l-2010.

115    Fl-aħħar nett, barra mill-fatt li ma jikkostitwux kriterji meqjusa mid-Direttiva 1999/30, ma ġiex stabbilit li d-densità demografika u l-intensità tat-traffiku fit-toroq f’diversi żoni ta’ l-Olanda u l-lokalizzazzjoni tal-ħabitat tul it-toroq jikkostitwixxu, għal dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ l-Artikolu 95(5) KE, problema ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent li joħloq differenza sostanzjali bejnu u r-reġjuni l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.

116    F’dan ir-rigward, in-NOT jimputa l-grad elevat ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli kkonstatat fil-parti ta’ l-Unjoni Europea, ikkostitwita mill-Benelux, il-parti ċentrali tar-Renju Unit u l-Ġermanja tal-Punent, għad-densità demografika qawwija tagħhom, u l-attivitajiet tagħhom li jniġġsu, li fosthom jidher b’mod partikolari t-traffiku fit-toroq.

117    Il-Gvern Olandiż għaldaqstant ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ problemi speċifiċi għat-territorju tiegħu li jeħtieġu l-applikazzjoni antiċipata ta’ regoli armonizzati ġodda li qed jiġu nnegozjati.

118    B’hekk ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkunsidrat inġustament bħala mhux speċifika l-problema ta’ osservanza ta’ l-Istat Membru notifikatur tal-limitu, stabbilit mill-Komunità, ta’ konċentrazzjoni tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti stabbiliti mid-Direttiva 1999/30.

119    Peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 95(5) KE huma kumulattivi, huwa biżżejjed li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta sabiex it-talba għal deroga tiġi miċħuda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-512/99, Ġabra p. I-845, punt 81; sentenza Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

120    Peress li l-Gvern Olandiż ma rnexxilux jistabbilixxi li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ġiet sodisfatta, għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament kellha tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

123    Peress illi f’dan il-każ ir-rikorrenti tilfu l-argumenti tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tal-kawża tal-Kummissjoni, skond it-talbiet tagħha f’dan is-sens. Peress li r-Renju ta’ l-Olanda tilef, hemm lok li jiġi kkundannat li jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub minnha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ l-Olanda kkundannat għall-ispejjeż.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 27 ta’ Ġunju 2007.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.