Language of document : ECLI:EU:T:2007:196

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Lulju 2007 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Telefonija mobbli – Bdil fil-ħlasijiet dovuti minn Orange France u SFR għal-liċenzji UMTS – Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat”

Fil-kawża T‑475/04,

Bouygues SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Bouygues Télécom SA, stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza),

irrappreżentati minn L. Vogel, J. Vogel, B. Amory, A. Verheyden, F. Sureau u D. Théophile, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. L. Buendia Sierra u C. Giolito, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,

minn

Société française du radiotéléphone – SFR, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn C. Vajda, QC, u A. Vincent, avukat,

u minn

Orange Franza SA, stabbilita f’Montrouge (Franza), irrappreżentata minn A. Gosset‑Grainville u S. Hautbourg, avukati,

partijiet intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Lulju 2004 (Għajnuna mill-Istat NN 42/2004 – Franza), dwar bdil fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS (Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni bil-Mobbli),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-Kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 87(1), KE:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

2        Id-dritt sekondarju applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti kien id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13/KE, ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar struttura komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-kamp tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15), u d-Deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 128/1999/KE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998, dwar l-introduzzjoni kkoordinata tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni u mingħajr fili (UMTS) fil-Komunità (ĠU 1999, L 17, p. 1).

3        Id-Direttiva 97/13 kienet tipprovdi, fl-Artikolu 3(3) tagħha:

“[…] L-Istati Membri jistgħu joħorġu liċenzja individwali biss fejn il-benefiċjarju jingħata aċċess għal riżorsi fiżiċi jew riżorsi oħra li jkunu skarsi jew li tkun suġġetta għal obbligi partikolari jew tgawdi minn drittijiet partikolari, [Traduzzjoni mhux uffiċjali] […]”

4        L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 97/13 kien jindika:

“L-Istati Membri jistgħu jbiddlu l-kudizzjonijiet li hija suġġetta għalihom liċenzja individwali fil-każijiet iġġustifikati b’mod oġġettiv u b’mod proporzjonat. Meta jagħmlu hekk, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom b’mod xieraq u li jippermetti li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom fuq il-bidliet proposti”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/13 kien jipprovdi:

“Meta Stat Membru għandu l-intenzjoni li joħroġ liċenzji individwali:

–        huwa għandu joħroġhom skond proċeduri bil-miftuh, mhux diskriminatorji u trasparenti, u għal dan il-għan, jissuġġetta kull kandidat għall-istess proċeduri, sakemm ma teżistix raġuni oġġettiva sabiex wieħed minnhom jingħata trattament differenti […]”[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 97/13 kien jipprovdi:

“3. L-Istati Membri joħorġu dawn il-liċenzji individwali abbażi ta’ kriterji ta’ għażla oġġettivi, mhux diskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u ddettaljati. Waqt kull selezzjoni, huma għandhom debitament jikkunsidraw il-bżonn li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u li jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-utenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kriterji tkun, preċedentement, is-suġġett ta’ miżuri ta’ pubblikazzjoni xierqa b’tali mod li dawn ikun faċilment aċċessibbli. Il-Gazzetta Uffiċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandha tirreferi għall-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

4. Meta Stat Membru jikkonstata, fuq inizjattiva tiegħu jew wara talba magħmula minn impriża, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva prezenti jew iktar tard, li n-numru ta’ liċenzji individwali jista’ jiżdied, huwa għandu jieħu l-miżuri ta’ pubblikazzjoni meħtieġa u jagħmel sejħa għal offerti għal ħruġ ta’ liċenzji addizjonali”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 kien jipprovdi:

“[…] [F]il-każ fejn se jintużaw riżorsi skarsi, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom sabiex jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it-tariffi għandhom ikunu non diskriminatorji u jieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

8        Id-Deċiżjoni Nru 128/1999, li, skond l-Artikolu 1 tagħha kienet intiża sabiex “ […] tiffaċilita l-introduzzjoni mgħaġġla u kkordinata ta’ netwerks u tas-servizzi UMTS kompatibbli fil-Komunità […] ”, kienet tindika, fl-Artikolu 3(1) tagħha:

“ L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżura kollha meħtieġa sabiex jippermettu, skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/13, l-introduzzjoni kkordinata u progressiva tas-servizzi UMTS fit-territorju tagħhom, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2002 […]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        Fi Franza, l-Artikolu L. 33-1 tal-Kodiċi tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża, kien jipprovdi:

“ I – L-istabbiliment u l-użu tan-netwerks miftuħa għall-pubbliku huma awtorizzati mill-Ministru responsabbli għat-telekomunikazzjoni.

Din l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi miċħuda ħlief f’każijiet li jikkonċernaw s-salvagwardja ta’ l-ordni pubblika jew għall-bżonnijiet tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika, fejn ikun hemm restrizzjonijiet tekniċi inerenti fid-disponsabbiltà tal-frekwenzi, jew fejn min japplika m’għandux il-kapaċita teknika jew finanzjarja sabiex jissodisfa b’mod permanenti l-obbligi li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività tiegħu, jew kien is-suġġett ta’ waħda mis-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikoli L. 36‑11, L. 39, L. 39-1, L. 39-2 u L. 39-4.

L-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt u li jirrigwardaw:

[…]

h)      L-użu tal-frekwenzi allokati u l-ħlasijiet dovuti għal dan kif ukoll l-ispejjeż għall-ġestjoni u l-kontroll tagħhom.

[…]

L-awtorizzazzjoni tingħata għal perijodu ta’ ħmistax-il sena.

[…]

V – In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet jista’ jiġi llimitat minħabba restrizzjonijiet tekniċi konnessi mad-disponsabbiltà tal-frekwenzi.

F’dan il-każ, il-Ministru responsabbli għat-telekomunikazzjoni pubblika jipubblika, fuq proposta ta’ l-Awtorità Regolatorja tat-telekomunikazzjoni, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni.

L-allokazzjoni tal-frekwenzi għandha f’kull każ tippermetti li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni effettiva”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Fi Franza, skond il-liġi Nru 96-659, tas-26 ta’ Lulju 1996, li tirregola t-telekomunikazzjoni (JORF tas-27 ta’ Lulju 1996, p. 11384), fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, l-istabbiliment u l-użu tan-netwerks miftuħa għall-pubbliku kienu jiġu implementati fuq proposta ta’ l-Awtorità Regolatorja tat-telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ART”) li kienet għadha kif ġiet stabbilita u li kienet tipprepara t-talbiet ta’ awtorizzazzjoni, li kienu wara jinħarġu mill-Ministru għall-Industrija, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni.

11      Peress li l-Gvern Franċiż kien ħabbar, fis-6 ta’ Ġunju 2000, l-intenzjoni tiegħu li joħroġ erba’ liċenzji għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli u mingħajr fili (UMTS, Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni bil-Mobbli) tat-tielet ġenerazzjoni, il-Ministru għall-Industrija, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ dak iż-żmien, kien ippubblika, fil-JORF fit-18 ta’ Awwissu 2000, id-deċiżjoni ta’ l-ART Nru 00-835, tat-28 ta’ Lulju 2000, li kienet tissuġġerilu l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-introduzzjoni fiż-żoni metropolitani ta’ Franza tas-sistemi tal-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni, u b’hekk fetaħ is-sejħa għall-offerti. Mill-annessi ta’ din il-pubblikazzjoni jirriżulta li, minn naħa, l-allokazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet, li kienet twassal sabiex numru limitat ta’ operaturi jingħataw vantaġġ permezz ta’ l-okkupazzjoni tas-settur pubbliku bl-antenna, kellha tagħti lok għal ħlas li jammonta għal total ta’ 32, 5 biljun Frank Franċiżi (EUR 4,954 593 biljun) li għandhom jitħallsu matul it-terminu tal-liċenzja, stabbilit għal ħmistax-il sena. Min-naħa l-oħra, id-data ta’ skadenza għall-ippreżentar ta’ applikazzjoni kienet il-31 ta’ Jannar 2001, u l-kandidati setgħhu jirtiraw il-kandidatura tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001.

12      Fil-31 ta’ Jannar 2001, l-ART indikat, fi stqarrija għall-istampa, li kienu ġew iddepożitati biss żewġ fajls, jiġifieri dawk tas-Société française du radiotéléphone – SFR (iktar ’il quddiem “SFR”), u tal-kumpannija France Télécom mobiles (li xi ftit xhur wara saret il-kumpannija Orange France, iktar ’il quddiem “Orange”, u li, fl-opinjoni tagħha, kien meħtieġ li ssir sejħa għall-offerti addizzjonali sabiex tiġi assigurata kompetizzjoni reali.

13      Fid-dawl ta’ din l-indikazzjoni, il-President Direttur Ġenerali ta’ France Telecom u dak ta’ Vivendi Universali (li tagħha SFR hija kumpannija sussidjarja) ġibdu l-attenzjoni tal-Ministru ta’ l-Ekonomija u l-Finanzi u tas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Industrija, fuq il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ l-ugwaljanza quddiem il-piżijiet pubbliċi u tal-kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi meta jkunu qegħdin jiddeċiedu l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ liċenzji futuri.

14      Permezz ta’ żewġ ittri tat-22 ta’ Frar 2001, b’termini identiċi, il-Ministru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi u Segretarju ta’ l-Istat għall-Industrija rrispondew lid-diretturi ta’ l-impriżi in kwistjoni li l-Gvern kien jaqbel ma’ dan l-għan doppju (rispett tal-prinċipji ta’ ugwaljanza quddiem il-piżijiet pubbliċi u tal-kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi) u li “l-modalitajiet tas-sejħa għall-offerti addizzjonali li [għandhom jiġu] proposti mill-ART u mill-Gvern [għandhom] jiggarantixxu trattament ugwali ta’ l-operaturi li finalment [jingħataw] liċenzja”.

15      Qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti addizzjonali, f’Lulju 2001 inħarġu żewġ liċenzji. Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet, tat-18 ta’ Lulju 2001 (ippubblikati fil-JORF tal-21 ta’ Awwissu 2001), is- Segretarju ta’ l-Istat għall-Industrija [li dak iż-żmien kien ukoll responsabbli għat-telekomunikazzjoni] awtorizza lil Orange u lil SFR sabiex jistabbilixxu u jagħmlu użu minn netwerk ta’ radju bil-fil tat-tielet ġenerazzjoni miftuħ għall-pubbliku taħt l-istandard UMTS u sabiex jipprovdu servizz telefoniku lill-pubbliku, liema awtorizzazzjoni ngħatat għal tul ta’ żmien ta’ ħmistax-il sena. Il-kundizzjonijiet annessi mad-deċiżjonijiet kienu jipprevedu, b’mod partikolari, li l-ħlasijiet għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u ta’ l-amministrazzjoni tal-frekwenzi ta’ l-UMTS kellhom jitħallsu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 36 tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2001, għal ammont ta’ EUR 4,954 593 biljun (32 502 000 000 Franki Franċiżi), (liġi tal-finanzi ppubblikata fil-JORF tal-31 ta’ Diċembru 2000). Mill-Artikolu 36 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-ewwel ħlas kien previst fil-31 ta’ Settembru 2001 u l-aħħar fit-30 ta’ Ġunju 2016.

16      Is-sejħa għall-offerti addizzjonali, li l-għan tagħha kien li jingħataw iż-żewġ liċenzji li kienu għadhom ma ġewx attribwiti, tnediet permezz tal-pubblikazzjoni, mill-Ministru għat-Telekomunikazzjoni, tad-Deċiżjoni tal-ART, Nru 01-1202, ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001, li kienet tissuġġerilu l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni, fiż-żoni metropolitani ta’ Franza, tas-sistemi mobbli tat-tielet ġenerazzjoni. B’mod partikolari, l-ART kienet indikatlu li “il-kundizzjonijiet ta’ [din it-tieni] proċedura [kienu] jagħmlu parti mill-kontinwità ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti u [kienu] intiżi sabiex jassiguraw b’mod partikolari r-rispett tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza bejn l-operaturi”. Hija rrakkomandat ukoll li l-piż finanzjarju tal-proprjetarji tal-liċenzji jiġi mibdul u li t-terminu tagħhom jiġi estiż.

17      Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġew emendati mill-Artikolu 33 tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2002 (ippubblikata fil-JORF tat-28 ta’ Diċembru 2001), li emenda l-Artikolu 36 tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2001, imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq, sabiex jipprovdu li l-ħlas dovut għall-vantaġġ akkwistat permezz ta’ l-okkupazzjoni tas-settur pubbliku bl-antenna jinqasam f’pagament inizjali ta’ EUR 619 209 795, 27, imħallas fit-30 ta’ Settembru tas-sena li fiha tingħata l-awtorizzazzjoni jew meta ssir din l-għotja jekk din issir wara t-30 ta’ Settembru, u pagament sekondarju mħallas kull sena qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena kurrenti għall-użu tal-frekwenzi ta’ dik is-sena, u kkalkolat bħala perċentwali tal-fatturat li jsir mill-imsemmija frekwenzi.

18      Il-Ministru għat-Telekomunikazzjoni ppubblika, fil-JORF tad-29 ta’ Diċembru 2001, avviż fir-rigward tal-ħlas għall-użu tal-frekwenzi allokati lill-proprjetarji tal-liċenzji li fih ġew riprodotti l-kundizzjonijiet finanzjarji ġodda li rriżultaw mill-liġi tal-finanzi.

19      Fid-data ta’ skadenza fissata għall-applikazzjonijiet, is-16 ta’ Mejju 2002, kienet ġiet ippreżentata biss applikazzjoni waħda, dik tal-kumpannija Bouygues Télécom (iktar ’il quddiem “Bouygues Télécom”), kumpannija sussidjarja tal-grupp Bouygues. L-ART bdiet il-proċedura ta’ stħarriġ li abbażi tagħha, iktar tard, Bouygues Télécom ingħatat it-tielet liċnezji lil (ara l-punt 21 iktar ’il quddiem). Ir-raba’ liċenzja ma setgħatx tingħata minħabba nuqqas ta’ applikazzjonijiet.

20      Fl-istess waqt, fl-4 ta’ Ottubru 2002, Bouygues u Bouygues Télécom ressqu quddiem il-Kummissjoni lment fejn jallegaw numru ta’ miżuri ta’ għajnuna li kienu ttieħdu mill-awtoritajiet Franċiżi għall-benefiċċju ta’ France Télécom, fosthom il-bidla fil-ħlasijiet li kellhom isiru minn Orange u SFR, li kienet ġiet imħabbra mill-Gvern waqt id-diskussjoni tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2002.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2002 (ippubblikat fil-JORF tat-12 ta’ Diċembru 2002, p. 20490), il-Ministru Delegat għall-Industrija awtorizza lil Bouygues Télécom sabiex tistabbilixxi u tuża netwerk ta’ radju bil-fil tat-tielet ġenerazzjoni miftuħ għall-pubbliku taħt l-istandard UMTS u sabiex jipprovdi servizz telefoniku lill-pubbliku. L-awtorizzazzjoni, li ngħatat għal perijodu ta’ 20 sena, tirriproduċi l-kundizzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-ħlasijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni u l-amministrazzjoni tal-frekwenzi indikati fil-punti 17 u 18 iktar ’il fuq.

22      Barra minn hekk, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet oħra tat-3 ta’ Diċembru 2002 (ukoll pubblikati fil-JORF tat-12 ta’ Diċembru 2002), fir-rigward ta’ rispettivament Orange u SFR, il-Ministru Delegat għall-Industrija emenda d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq u l-kundizzjonijiet annessi magħhom, b’mod partikolari, sabiex jestendi t-tul ta’ żmien ta’ l-awtorizzazzjoni għal 20 sena u sabiex ibiddel id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-amministrazzjoni tal-frekwenzi permezz ta’ dispożizzjonijiet identiċi għal dawk applikabbli għal Bouygues Télécom, jiġifieri l-kundizzjonijiet finanzjarji emendati deskritti fil-punt 17 iktar ’il fuq, li għalhekk dehru kunsiderevolment inferjuri għall-kundizzjonijiet inizjali previsti fid-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 (ara punt 15 iktar ’il fuq).

23      Fil-31 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2), KE, dwar żewġ miżuri ta’ għajnuna li jirrigwardaw, rispettivament, is-sistema ta’ taxxa professjonali applikabbli għal France Télécom u għal miżuri finanzjarji implementati mill-Istat in sostenn ta’ din l-impriża (ĠU C 57 p. 5). Dawn il-miżuri kienu jidhru fost dawn indikati fl-ilment tar-rikorrenti msemmi fil-punt 20 iktar ’il fuq. Dawn kienu wkoll is-suġġett, fit-13 ta’ Marzu 2001, ta’ lment ta’ assoċjazzjoni ta’ kollettivi territorjali Franċiżi.

24      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrenti ntimaw lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 232 KE, sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2), KE, fir-rigward ta’ l-ilment dwar il-bidla fil-ħlasijiet dovuti għall-attribuzzjoni tal-liċenzji UMTS, li jidhru wkoll fl-ilment tagħhom. Il-Kummissjoni, fil-11 ta’ Diċembru 2003, bagħtitilhom ittra ta’ stennija.

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 232 KE (kawża T-81/04).

26      Fl-20 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni “Għajnuna mill-Istat NN 42/2004 – Franza”, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), notifikata lir-Repubblika Franċiża, dwar il-bidla fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS, li jidhru fost il-miżuri ikkontestati fl-ilment introdott mir-rikorrenti fl-4 ta’ Ottubru 2002. F’din id-deċiżjoni, li hija s-suġġett tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni indikat li kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura li kienet is-suġġett ta’ l-ilment, fir-rigward tal-bidla fil-ħlasijiet in kwistjoni, minħabba l-fatt li din il-miżura ma kienx fiha elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1), KE.

27      Preliminarjament, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tan-natura limitata tar-regoli tal-Komunità, il-Gvern Franċiż setgħa jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-liċenzji UMTS, sakemm isegwi proċedura miftuħa, mhux diskriminatorja u trasparenti, u jiddetermina l-ħlas għal livell xieraq sabiex jilħaq l-għanijiet definiti minn dawn ir-regoli, peress li l-bidla fil-ħlasijiet in kwistjoni tissodisfa l-għan persegwit li jingħata l-akbar numru ta’ liċenzji possibbli (premessi 20 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Filwaqt li tanalizza l-miżura kkritikata, il-Kummissjoni tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-allinjament tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji tat-tlett operaturi kkonċernati (li rriżulta f’reviżjoni l-isfel tal-ħlasijiet għall-benefiċċju ta’ Orange u ta’ SFR) jirriżulta b’mod impliċitu mill-kundizzjonijiet miftiehma inizjalment minħabba li, peress li Orange u SFR setgħu jirtiraw, kien teoretikament possibbli li jiġu imposti kundizzjonijiet iktar stretti (premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Franċiżi m’għamlu xejn ħlief irrispettaw obbligu ta’ dritt Komunitarju, previst mid-Direttiva 97/13, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux diskriminatorji (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dritt Komunitarji jeħtieġ biss li l-ħlasijiet dovuti għal liċenzji UMTS jiġu ffissati fuq livell li jikkorrispondi għal valur tas-suq allegat, li l-Istati Membri jaġixxu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji tagħhom u li l-għoti tal-liċenzji ma jkunx assimilabbli għal transazzjoni tas-suq. Filwaqt li eżaminat jekk l-bidla fil-ħlasijiet kelliex n-natura ta’ vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Franċiżi applikaw l-istess kundizzjonijiet lill-operaturi li kisbu l-istess liċenzja, bl-istess kundizzjonijiet, wara żewġ proċeduri komplementari ta’ xulxin u li ma kienx hemm diskriminazzjoni biss minħabba l-fatt li ċerti operaturi ngħataw il-liċenzja tagħhom sena qabel (premessi 29 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija tosserva li s-sistema ġdida ta’ tariffi li tissostiwixxi ħlas fiss iktar għoli bi ħlas fiss imnaqqas flimkien ma’ taxxa annwali proporzjonali għall-fatturat tippermetti li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni differenti ta’ l-operaturi tul iż-żmien (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet Franċiżi ma tawx vantaġġ lil Orange u lil SFR, iżda rrispettaw il-ħtiġijiet tad-dritt Komunitarju relattivi għat-trattament oġġettiv u mhux diskriminatorju ta’ l-operaturi (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      B’Digriet ta’ l-14 ta’ Frar 2005, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (T-81/04), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għal kostatazzjoni ta’ l-astenzjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-ilment tar-rikorrenti, fir-rigward tal-bidla fil-ħlasijiet dovuti għall-attribuzzjoni tal-liċenzji UMTS, u ċaħdet bħala mhux ammissibbli t-talbiet sussidjarji intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li tidher fl-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2003, imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors skond l-Artikolu 230 KE.

34      Permezz ta’ tliet digrieti tad-9 ta’ Ġunju 2005, il-President tar-Raba’ Awla awtorizza lir-Repubblika Franċiża, Orange u SFR sabiex jintervjenu fil-kawża, in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

35      Fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Frar 2007, il-partijiet ippreżentaw, fl-20 ta’ Frar 2007, kopja ta’ l-ilment tar-rikorrenti ppreżentata quddiem il-Kummissjoni fl-4 ta’ Ottubru 2002.

36      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2007.

37      Bouygues u Bouygues Télécom jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–         tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-konvenuta u lill-partijiet intervenjenti, in solidum, għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

40      Orange titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikora bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

41      SFR titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikora bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

 Id-dritt

42      Ir-rikorrenti jiżviluppaw motivi ta’ tliet tipi. L-ewwel nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkuntestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni interpretat ħażin l-Artikolu 87(1), KE, peress li l-bidla fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tielet nett, sussidjarjament huma jallegaw li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ksur ta’ l-Artikolu 88(2), KE, safejn, peress li l-kwistjoni tqajjem diffikultajiet serji, il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura formali.

43      Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat il-motiv proċedurali li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni u, wara, fl-istess ħin, il-motivi fuq il-mertu bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u ta’ l-Artikolu 88(2) KE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata, l-ewwel nett, peress li ma tippermettilhomx jifhmu l-loġika tar-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rabta bejn il-possibbiltà li allegatament kellhom Orange u SFR li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom u d-diffikulta għall-awtoritajiet Franċiżi sabiex jimponulhom kundizzjonijiet iktar stretti. It-tieni nett, id-dewmien taż-żewġ operaturi kompetituri ma jistax jikkostitwixxi raġuni valida sabiex jiġi konkluż in-nuqqas ta’ vantaġġ li jista’ jeffettwa l-kompetizzjoni. It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrispondix għall-ilmenti elenkati mir-rikorrenti fl-iment tagħhom, iżda tillimita ruħha li tindika li l-persuni li għamlu l-ilment ibbażaw ruħhom fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-ħlasijiet kellhom jikkorispondu għall-valur tas-suq tal-liċenzja. Ir-raba’ nett, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni jirriżulta wkoll min-nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni fit-trattazzjoni tagħha ta’ l-ilment tar-rikorrenti.

45      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata u li l-ilmenti tar-rikorrenti jirriżultaw minn nuqqas ta’ qbil tagħhom fuq il-mertu, mal-motivi ta’ din id-deċiżjoni. L-ewwel nett, ir-rabta bejn il-possibbiltà għal Orange u SFR, li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom u l-bidla fil-ħlasijiet hija evidenti fid-dawl tar-realtà tas-settur ikkonċernat. It-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq dan il-motiv. It-tielet nett, hija ssostni li rrispondiet b’mod suffiċjentement espliċitu għall-ilmenti tar-rikorrenti. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni, filwaqt li tenfassizza li l-ilment tar-rikorrenti kien jirrigwarda ħdax-il miżura, issostni li l-akkużi ta’ nuqqas ta’ inizjattiva jew ta’ nuqqas ta’ diliġenza mhumiex fondati u li, barra minn hekk, dawn l-ilmenti jaqgħu taħt it-tielet motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

46      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkritikaw essenzjalment li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex motivazzjoni ċara fir-rigward tar-rabta stabbilita mill-Kummissjoni bejn il-fakultà li allegatament kellhom Orange u SFR li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom kieku ma kisbux mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, permezz ta’ l-ittri tat-22 ta’ Frar 2001 imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, l-garanzija li kellu jingħata trattament ugwali lill-operaturi kollha u l-allegata impossibbiltà li l-awtoritajiet Franċiżi jimponu fuq Orange u SFR kundizzjonijiet finanzjarji iktar stretti.

47      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinnota li l-ART kienet issuġġeriet, fil-31 ta’ Jannar 2001, il-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti addizzjonali, li kellha tikkunsidra l-eżiġenza ta’ kundizzjonijiet ugwali, b’mod partikolari, dawk finanzjarji (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tosserva (premessi 10 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata) li Orange u SFR setgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001 u li l-Gvern Franċiż kellu quddiemu l-alternattiva li ġejja - kieku ma jassigurax liż-żewġ operaturi li kellu jingħatalhom trattament ugwali fil-każ fejn sejħa ġdida għall-offerti kellha ssemmi prezz rivedut imnaqqas, kien ikun hemm ir-riskju li dawn jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom, filwaqt li, jekk jagħtuhom l-assigurazzjoni ta’ trattament ugwali, iż-żewġ operaturi kienu jjżommu l-applikazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni żżid li, sabiex jiżviluppaw b’iktar ħeffa l-proċedura, skond l-impenji Ewropej tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi għażlu t-tieni soluzzjoni.

48      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar u ċirkustanzjat l-informazzjoni ta’ l-alternattiva li, fl-opinjoni tagħha, kellhom quddiemhom l-awtoritajiet Franċiżi, billi enfasizzat ir-riskji li kien hemm għall-awtoritajiet Franċiżi li jaraw l-uniċi żewġ operaturi applikanti jirtiraw il-kandidatura tagħhom kieku żammew il-kundizzjonijiet finanzjarji iktar stretti minn dawk mogħtija lil applikanti potenzjali. Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

49      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-dewmien taż-żewġ operaturi kompetituri ma jikkostitwix raġuni valida sabiex jiġi konkluż in-nuqqas ta’ vantaġġ li jista’ jeffettwa l-kompetizzjoni.

50      Għandu jiġi kkonstatat li tali kritika ma tirriżultax mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda mill-fondatezza tal-motivi tagħha. L-analiżi tagħha konsegwentement għandha ssir fil-kuntest ta’ l-eżami tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.

51      It-tielet nett, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma rrispondietx għall-ilmenti tagħhom, fir-rigward, minn naħa, r-rinunzja għall-kreditu, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, konċessa mill-awtoritajiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ temporali li bbenefikaw minnu Orange u SFR.

52      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tiddeċidix fuq l-ewwel ilment, dwar ir-rinunzja għall-kreditu, u tiċħad it-tieni, li jirrigwardja vantaġġ temporali minħabba, minn naħa, li l-argumenti tal-persuni li għamlu l-ilment huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-ħlas kellu jikkorispondi għall-valur tas-suq tal-liċenzja, li kien ogħla minħabba l-vantaġġ temporali in kwistjoni (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata) u min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ tali vantaġġ temporali ma ġiex ipprovat (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat allegata minn persuna li għamlet ilment, għalkemm il-Kummissjoni għandha tesponi b’mod suffiċjenti lill-persuna li għamlet l-ilment ir-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma kienux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hija madankollu m’għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament irrilevanti, insinjifikanti jew b’mod ċar sekondarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 64).

54      Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, mhuwiex meħtieġ li motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-element ta’ fatt u ta’ dritt kollha rilevanti, peress li dawn għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest tagħhom kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hija suffiċjentement motivata deċiżjoni li tiċħad ilment fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat minħabba l-fatt li l-miżura kritikata tikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ direttiva u mhux tentattiv li tingħata għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-351/02, Ġabra p. II-1047, punt 120).

55      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-ilment ibbażat fuq ir-rinunzja għal kreditu mill-Istat, li huwa intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE li dwaru l-Kummissjoni ma ppronunċjatx ruħha fid-deċiżjoni kkontestata, m’għandux effett, peress li l-imsemmija deċiżjoni tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-miżura kkritikata ma’ tat l-ebda vantaġġ lil Orange u lil SFR. Peress li l-Kummissjoni kkonkludiet in-nuqqas ta’ elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, minħabba n-nuqqas ta’ wieħed mill-elementi, kumulattivi, li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ Għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija ma kinitx marbuta li timmotiva ċ-ċaħda tagħha ta’ l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-elementi l-oħra li jikkaratterizzaw dan il-kunċett. L-ilment kien f’kull każ sekondarju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq safejn tressqu motivi predominanti, skond il-Kummissjoni, jiġifieri r-rispett ta’ l-eżiġenzi imposti mid-Direttiva, b’mod partikolari r-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, sabiex jiġġustifikaw il-miżura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni ma tistax tiġi akkużata li ma rrispondietx għal ilment li huwa mingħajr effett u ta’ natura sekondarja.

56      It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument fir-rigward tal-vantaġġ temporali għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-istituzzjoni sostniet li kien ibbażat fuq premessa żbaljata tal-persuni li għamlu l-ilment, jiġifieri li l-ħlas kellu jkun tal-valur fuq is-suq tal-liċenzja u li liċenzja miksuba qabel kellha valur ogħla. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eżami tal-fatti wassal biex jitqiegħed f’perspettiva, u saħansitra li jiġi skartat, dan l-allegat vantaġġ temporali li Orange u SFR ħadu mid-dewmien tat-tħaddim tan-netwerk UMTS tagħhom u li Bouygues Télécom, li setgħat tapprofitta minn tali dewmien, ma kinitx affettwata mill-vantaġġ temporali allegat. Il-Kummissjoni żiedet li s-sistema ġdida ta’ ħlasijiet ippermettiet li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni differenti ratione temporis ta’ l-operaturi.

57      Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata f’dak li jirrigwarda l-vantaġġ temporali allegat li tiegħu, bil-kontra ta’ dan, hija tiċħad l-eżistenza għal żewġ raġunijiet, l-ewwel ta’ natura kunċettwali, u t-tieni ta’ natura ċirkonstanzjali. Il-fondatezza ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ vantaġġ temporali ma jaqax taħt l-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ l-att, kif ukoll ġie mfakkar fil-punt 50 iktar ’il fuq, u għaldaqstant ser jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-mertu tal-legalità tal-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-motivi adottati sabiex jiġi konkluż li l-miżura ma kelliex in-natura ta’ għajnuna mill-Istat.

58      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi rrelatat man-nuqqas ta’ diliġenza tal-Kummissjoni fit-trattament tagħha ta’ l-ilment tagħhom.

59      Peress li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata, dan l-ilment jista’ biss jiġi miċħud bħala irrilevanti. Safejn in-nuqqas ta’ diliġenza kkritikata tista’ tintrabat mal-ksur ta’ l-Artikolu 88(2), KE, dan ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest.

60      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1 KE) u ta’ l-Artikolu 88(2) KE

 L-argumenti tal-partijiet

61      Ir-rikorrenti jsostnu li l-bidla fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

62      L-ewwel nett, hemm it-trasferiment tar-riżorsi ta’ l-Istat, minħabba li l-awtoritajiet Franċiżi rrinunzjaw li jitolbu l-kreditu dovut.

63      It-tieni nett, il-bidla tagħti vantaġġ selettiv lill-kumpanniji kkonċernati.

64      L-ewwel nett, din il-bidla ma setgħetx tiġi ġġustifikata permezz tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, kif tindika d-deċiżjoni kkontestata, peress li d-Direttiva 97/13 ma timponix li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni identiċi għal-liċenzji u peress li ġew organizzati żewġ proċeduri distinti ta’ sejħa għall-offerti.

65      It-tieni nett, din il-bidla hija, bil-kontra ta’ dan, diskriminatorja għal Bouygues Télécom, li s-sitwazzjoni tagħha kienet differenti minn dik ta’ Orange u ta’ SFR.

66      It-tielet nett, dan il-vantaġġ selettiv ingħata mingħajr kumpens. Minn naħa, il-Gvern Franċiż kien irrinunzja għal kreditu dovut filwaqt li ż-żewġ operaturi kellhom il-mezzi sabiex iħallsu l-ammont inizjalment previst tal-ħlasijiet, dawn jikkonsistu għall-operaturi spiża normali u prezz leġittimu li jikkorispondi għall-valur fis-suq tal-liċenzji; l-irtir ta’ l-applikazzjoni tagħhom fil-każ taż-żamma ta’ dan l-ammont kienet purament ipotetika. Min-naħa l-oħra, l-Istat kien ta’ lil Orange u lil SFR vantaġġ temporali, peress li, li kieku l-ħlasijiet kellhom ikunu mill-ewwel dawk li jirriżultaw mill-bidla, kompetituri oħra setgħu japplikaw. Issa, il-ksib tal-liċenzji sena u nofs qabel Bouygues Télécom ippermetta lil Orange u lil SFR li jagħżlu l-blokki ta’ frekwenza l-iktar favorevoli, li jieħdu passi sabiex jiksbu l-aħjar siti, li jibbennifikaw mill-immaġini ta’ operatur innovattiv bi ħsara għal Bouygues Télécom u li jiksbu ishma tas-suq mingħajr ma kellhom kompetizzjoni reali. Iċ-ċirkustanza li l-operaturi kollha kienu ħadu sehem tard għall-introduzzjoni ta’ l-UMTS ma taffetwax din il-konstatazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi kienu taw garanzija lil Orange u lil SFR, bl-ittri tat-22 ta’ Frar 2001, li kienu se jingħataw liċenzja u li kellhom jibbenifikaw mill-kundizzjonijiet l-iktar favorevoli tas-sejħa għall-offerti addizzjonali mingħajr ma imponew li dawn jerġgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom.

67      It-tielet nett, il-bidla fil-ħlasijiet teffettwa l-kompetizzjoni, fejn anke effett potenzjali huwa biżżejjed skond il-ġurisprudenza. Issa, l-effett huwa reali, peress li Orange u SFR kellhom il-possibbiltà li jiddedikaw ċerti ammonti għal investimenti, liema ammonti kellhom jintużaw sabiex jitħallsu l-ħlasijiet. Għalhekk, iż-żewġ operaturi kienu daħlu, b’mod ċert u prekoċi, fis-suq ta’ l-UMTS.

68      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw b’mod partikolari l-argument li l-Kummissjoni tagħmel fir-risposta tagħha, li jgħid li l-Gvern Franċiż aġixxa fil-kuntest ta’ implementazzjoni ta’ prerogattivi sovrani fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali, u dan jeskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv u għaldaqstant ta’ għajnuna mill-Istat. Huma jsostnu, l-ewwel nett, li l-Istat, meta jattribwixxi liċenzji, iwettaq attività ekonomika, fejn jipprova jagħmel qligħ mill-użu tas-settur pubbliku bl-antenna, it-tieni nett, anke fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet sovrani, l-Istat għandu jirrispetta r-regoli tal-kompetizzjoni u, it-tielet nett, li l-bidla fil-ħlasijiet in kwistjoni mhijiex iġġustifikata minn natura u l-ekonomija tas-sistema, fis-sens tal-ġurisprudenza.

69      Fl-argument tagħhom fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u tan-natura ekonomika ta’ l-attività ta’ l-għotja tal-liċenzji UMTS, ir-rikorrenti jsostnu li d-Direttiva 97/13 tistabbilixxi l-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ddefiniti fil-kuntest ta’ proċedura partikolari u li ma tippermettix li jiġu mibdula l-kundizzjonijiet ta’ sejħa għall-offerti meta l-proċedura għadha ma ntemmietx, bħalma jirriżulta fil-kawża preżenti mill-ittri ta’ l-awtoritajiet Franċiżi tat-22 ta’ Frar 2001. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom ukoll fuq il-prinċipji u r-regoli applikabbli fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet, jiġifieri l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, applikabbli għall-proċeduri ta’ ssuġġettar komparattiv, u l-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni f’dawn il-proċeduri.

70      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet marbuta li tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE, peress li l-kawza qajmet diffikultajiet serji, kif kienet ammettiet il-Kummissjoni.

71      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-kunċetti ta’ vantaġġ selettiv u r-riżorsi ta’ l-Istat, r-rikorrenti għamlu interpretazzjoni ħażina tal-kuntest ġuridiku applikabbli. Dan ta’ l-aħħar jirriżulta minn loġika ta’ regolazzjoni tas-suq li teħtieġ trattament oġġettiv, mhux diskriminatorju u trasparenti matul l-attribuzzjoni ta’ liċenzji billi tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġu massimizzati l-benefiċċji għal utenti, li jiġi assigurat l-aħjar użu ta’ riżorsi rari u li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. L-awtoritajiet Franċiżi aġixxew fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet sovrani, fejn fittxew mhux li jiġu massimizzati l-benefiċċji iżda li jassiguraw l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni soda u ekwa.

72      Il-bidla fil-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR hija kompletament konformi mad-Direttiva 97/13 u mad-Deċiżjoni Nru 128/1999, peress li d-Direttiva teżiġi li jiġi applikat trattament ugwali lil impriżi kollha li jiksbu liċenzja. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Franċiżi, meta bidlu l-ħlasijiet billi allinejaw il-kundizzjonijiet tal-liċenzji kollha, ma tawx vantaġġ selettiv lil Orange u lil SFR, iżda adottaw miżuri konformi man-natura u l-ekonomija tas-sistema ta’ regolazzjoni. Issa fin-nuqqas ta’ vantaġġ selettiv, telf ta’ riżorsi ta’ l-Istat ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat.

73      Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 97/13 tipprovdi l-possibbiltà li jiġu mibdula l-kundizzjonijiet tal-liċenzji u li jiżdied in-numru tagħhom u li direttivi fuq l-kuntratti pubbliċi, invokati mir-rikorrenti, mhumiex applikabbli fil-kawża preżenti.

74      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-bidla fil-ħlasijiet ikkontestata ma tatx vantaġġ temporali lil Orange u lil SFR. L-ewwel nett, hija tqis li r-realtà tal-vantaġġ allegat bl-ebda mod mhuwa evidenti, billi xejn ma juri li l-blokki ta’ frekwenzi mogħtija lill-ewwel żewġ operaturi kienu aħjar. L-allegata antiċipazzjoni fil-ksib ta’ l-aħjar siti minn Orange u minn SFR kienet, bil-kontra ta’ dan, ippermettiet lil Bouygues Télécom tekonomizza fuq l-istudji ddettaljati fuq din il-kwistjoni. Barra minn hekk, anke jekk kisbu l-liċenzji tagħhom f’Lulju 2001, Orange u SFR kienu introduċew is-servizzi UMTS tagħhom biss wara madwar sentejn minn meta Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha, dewmien li minnu Bouygues Télécom setgħat tieħu vantaġġ. Fl-aħħar, l-allegat effett negattiv fuq l-immaġini tat-trade mark Bouygues Télécom, li jirriżulta min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-ewwel sejħa għall-offerti, ma jistax jiġi imputat fuq l-awtoritajiet Franċiżi, iżda jirriżulta mill-għażliet strateġiċi tal-parti kkonċernata.

75      It-tieni nett, anke jekk jiġi kkunsidrat li kien hemm ċertu vantaġġ evidenti, xorta waħda hemm żewġ fatturi li jagħmlu tajjeb għal dan. Minn naħa t-taxxa annwali proporzjonali għall-fatturat prevista mill-modalitajiet il-ġodda ta’ kalklolu ta’ ħlasijiet tippermetti speċifikament li jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet differenti fiż-żmien ta’ l-operaturi. Min-naħa l-oħra, kull vantaġġ eventwali mhuwiex ir-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali iżda tar-riskju ċert meħud minn Orange u minn SFR waqt l-ewwel applikazzjoni tagħhom, peress li dak iż-żmien xejn ma kien jippermetti li jiġu previsti, b’mod partikolari, it-tibdiliet ulterjuri fil-ħlasijiet.

76      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ċirkustanza li l-miżura adottata mill-awtoritajiet Franċiżi kellha impatt fuq il-kompetizzjoni ma taffetwa bl-ebda mod l-analiżi tagħha, peress li l-miżuri li jirregolaw is-settur ekonomiku għandhom preċiżament bħala għan iddikjarat li jaġixxu fuq il-kompetizzjoni u peress li l-miżura kkritikata kellha, fil-kawża preżenti, effetti pożittivi f’dan ir-rigward.

77      Fir-rigward tad-diffikultajiet serji li ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura formali, il-Kummissjoni tindika li mhuwiex l-ilment li huwa s-suġġett tal-kawża preżenti li qajjem diffikultajiet, iżda biss ċerti miżuri oħra msemmija minn min għamel l-ilment, li wassluha biex tiftaħ l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE.

78      Ir-Repubblika Franċiża tindika li meta l-awtorità kompetenti (ART) toħroġ liċenzja UMTS, hija teżerċità attività ta’ regolazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjoni u ma taġixxix bħala attur ekonomiku, peress li l-ħlasijiet meħtieġ f’dan ir-rigward ma jikkostitwixxux prezz. Hija ssostni li l-bidla fil-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR saret skond il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni previst mid-Direttiva 97/13, sabiex jiġi assigurat trattament ugwali bejn l-operaturi kollha, u li din il-bidla kienet iġġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema. L-ittri ta’ l-awtoritajiet Franċiżi tat-22 ta’ Frar 2001 kienu llimitaw ruħhom li jippreċiżaw li l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-operaturi ser ikun irrispettat. Iż-żewġ sejħiet għall-offerti sussegwenti, li jikkomplementaw lil xulxin, kellhom bħala għan l-attribuzzjoni ta’ liċenzji ekwivalenti, peress li huwa stabbilit li Orange u SFR setgħu jirtiraw l-offerti tagħom, u jirrinunzjaw għal-liċenzji tagħhom u peress li l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għall-offerti, konsegwentement, kellha toħloq dewmien fil-kummerċjalizzazzjoni tas-sevizzi UMTS, bi ħsara għar-rispett tat-termini stabbiliti mid-Direttiva 97/13.

79      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-bidla fil-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR ma tatx vantaġġ lil dawn l-operaturi, peress li l-possibbiltà li kellhom li jidħlu b’mod iktar prekoċi fis-suq tas-servizzi UMTS kienet ir-riżultat ta’ l-attribuzzjoni tal-liċenzju tagħhom wara l-ewwel sejħa għall-offerti u mhux minħabba l-imsemmija bidla. Bouygues Télécom, li kienet għażlet li ma tipparteċipax għal din l-ewwel proċedura, kienet barra minn hekk f’pożizzjoni li tikkumpensa għall-allegat vantaġġ tal-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-blokki ta’ frekwenzi attrbwiti ma kienux ekwivalenti, u Bouygues Télécom, li diġa kellha s-siti neċessarji għall-introduzzjoni ta’ l-UMTS, setgħat tieħu vantaġġ mid-dewmin ta’ Orange u SFR, kieku ma kinitx għamlet l-għażla strateġika ta’ soluzzjoni alternattiva għall-UMTS.

80      Orange ssostni li l-bidla fil-ħlasijiet ma kinitx ta’ natura selettiva. L-awtoritajiet Franċiżi kienu marbuta, sabiex jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni previst mid-Direttiva 97/13, li jallinejaw il-kundizzjonijiet ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti ma dawk tal-proċedura addizzjonali, peress li Orange, SFR u Bouygues Télécom kienu f’sitwazzjonijiet simili bħala operaturi li jixtiequ jiksbu liċenzji identiċi. Dawn l-awtoritajiet aġixxew bħala regolaturi tas-suq emerġenti ta’ l-UMTS, bil-għan li jippermettu l-iżvilupp ta’ suq kompletament kompettitiv, skond l-għanijiet tad-Direttiva 97/13.

81      Il-bidla fil-ħlasijiet ma tatx vantaġġ lil Orange u lil SFR. Orange ssostni li hija setgħat tirtira l-applikazzjoni tagħha sal-31 ta’ Mejju 2001 u li hija astjeniet milli tagħmel dan peress li kellha l-garanzija li l-prinċipju ta’ ugwaljanza kien ser jiġi rrispettat mill-awtoritajiet Franċiżi. Il-vantaġġ temporali allegat mhuwiex stabbilit peress li Orange u SFR introduċew is-servizzi UMTS tagħhom iktar minn sentejn wara li Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha. Barra minn hekk, Bouygues Télécom, li ma tatx wisq importanza lill-UMTS, kienet f’pożizzjoni li tistabilixxi ruħha fuq is-suq kważi fl-istess żmien tal-kompetituri tagħha.

82      SFR tqis li s-soluzzjoni adottata mill-awtoritajiet Franċiżi li ma jannullawx l-ewwel sejħa għall-offerti iżda li jorgannizzaw oħra ppermettiet lill-operaturi kkonċernati kollha li japplikaw u lil Bouygues Télécom li tikseb liċenzja permezz ta’ ħlasijiet li jissodisfawha. Barra minn hekk, peress li tliet operaturi biss kienu applikaw għall-erba’ liċenzji offerti, huma kellhom il-garanzija li jiksbu liċenzja. Orange u SFR ma bbenifikaw minn l-ebda vantaġġ. Bil-kontra ta dan, Bouygues Télécom kienet ħadet vantaġġ mill-applikazzjoni sussegwenti tagħha, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi.

83      Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi ma kellhomx dritt irrevokabbli għall-parti tal-kreditu li huma rrinunzjaw għalih. Orange u SFR setgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001 u dejjem setgħu, iktar tard, jirrinunzjaw għall-benefiċċju ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-okkupazzjoni tad-dominju pubbliku u jiefqu milli jħallsu l-ħlasijiet korrispondenti. Barra minn hekk, li kieku l-awtoritajiet Franċiżi żammew il-ħlasijiet inizjali mitlub mingħand Orange u SFR, li kienu jammontaw għal tmien darbiet iktar minn dawk li Bouygues Télécom ibbenifikat minnhom, dan l-aħħar operatur kien ser igawdi minn vantaġġ selettiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

84      Il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, billi bidlu l-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS, l-awtoritajiet Franċiżi tawx lil dawn iż-żewġ operaturi vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li l-bidla in kwistjoni ma kienet tat l-ebda vantaġġ lil Orange u SFR u li, peress li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE kienet nieqsa, il-miżura kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

85      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, argumenti ta’ żewġ tipi. Minn naħa huma jsostnu li l-miżura kkritikata tikkostitwixxi vantaġġ selettiv, ta’ tip temporali u b’mod partikolari, mogħti mingħajr ħlas, peress li l-awtoritajiet Franċiżi rrinunzjaw milli jiġbru dik li għal Orange u SFR kienet spiża normali, li tikkorispondi għall-valur tas-suq tal-liċenzji. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-bidla fil-ħlasijiet ma tistax tkun iġġustifikata mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, peress li, bil-kontra ta’ dan, hija kienet ta’ natura diskriminatorja fil-konfront ta’ Bouygues Télécom.

86      Mill-perspettiva proċedurali, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-ilment li huma ppreżentaw quddiem il-Kummissjoni qajjem diffikultajiet serji u li l-istituzzjoni kellha għaldaqstant tiftaħ, wara eżami preliminari, il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(3) KE, li jgħid li, jekk din l-istituzzjoni tqis li proġett ta’ għajnuna mhuwiex kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 87 KE, hija għandha mingħjar dewmien tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE.

87      Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ eżami prevista mill-Artikolu 88(3) KE li għandha biss bħala skop li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni prima facie fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ l-għajnuna in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta fuq id-dettalji kollha tal-kawża, (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I-2487, punt 22, tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 16 , u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

88      Il-fażi preliminari ta’ eżami prevista mill-Artikolu 88(3) KE hija intiża biss sabiex tagħti lill-Kummissjoni terminu ta’ żmien għal riflessjoni u investigazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tasal għal opinjoni prima facie dwar il-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati, sabiex tikonkludi, mingħajr ma jkun neċessarju eżami approfondit, jekk humiex kompattibbli mat-Trattat jew, kuntrarjament, sabiex tikonkludi li l-kontenut tagħhom iqajjem dubji f’dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-99/98, Ġabra p. I-1101, punti 53 u 54).

89      Il-fażi formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li tippermetti li l-Kummissjoni tkun kompletament informata dwar id-dettalji kollha tal-każ qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komun (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

90      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista tillimita ruħha għall-fażi preliminari ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni li ma tifformulax oġġezzjoni fir-rigward ta’ għajnuna biss jekk tkun konvinta, wara dan l-eżami, li l-proġett huwa kompatibbli mat-Trattat.

91      Bil-kontra ta’ dan, jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew jekk ma jippermettilhiex tegħleb id-diffikulatajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-miżura kkunsidrata mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra l-opinjonijiet neċessarji kollha u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13, Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

92      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mingħjar il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni setgħet tadotta legalment biss jekk l-ewwel eżami ta’ l-ilment imressaq minn min għamel l-ilment ma kienx jippreżenta diffikultajiet serji.

93      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ diffikulta serja. Fil-fatt, jekk jeżistu tali diffikultajiet, id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata sempliċement abbażi ta’ dan il-motiv, minħabba l-ommissjoni ta’ l-eżami kontraditorju u fil-fond previst mit-Trattat, anke jekk ma jiġix stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mertu kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt.

94      Wara dan, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ l-allegata eżistenza ta’ vantaġġ temporali li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u wara dik tar-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

–       Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

95      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “ma [ġiex] ipprovat li l-kisba prekoċi tal-liċenzja UMTS tat xi vantaġġ lil Orange u lil SFR li jista’ jkollu effett fuq il-kompetizzjoni, minħabba li d-dewmien li kull operatur kellu fl-introduzzjoni tan-netwerk UMTS” u li “is-sistema l-ġdida ta’ tariffi tal-liċenzji […] [setgħat] tiġi kkunsidrata bħala iktar adatta sabiex tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni differenti ratione temporis ta’ l-operaturi fil-kuntest speċifiku ta’ l-għotja tal-liċenzji fi Franza” (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

96      Sabiex juru n-natura selettiva tal-bidla fil-ħlasijiet UMTS, ir-rikorrenti jesponu li din ipprovdiet vantaġġ temporali għal Orange u għal SFR minħabba l-fatt li dawn akkwistaw il-liċenzji rispettivi tagħhom qabel Bouygues Télécom, għad-dannu ta’ din ta’ l-aħħar li ħallset prezz identiku għal liċenzja li ħadet effett biss wara dik tal-kompetituri tagħha, u dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dan l-operatur.

97      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-bidla kkontestata tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura ġġustifikata minn natura u l-ekonomika tas-sistema, liema aspett jippermetti li ma tiġix ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 33; tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 42, u ta’ l-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino, C‑128/03 u C-129/03, Ġabra p, I-2861, punt 39). Fl-opinjoni tagħhom, l-attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ telefonija mobbli ma tikkostitwixxix biss attività regolatorja iżda wkoll attività ekonomika.

98      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li l-liċenzji UMTS għandhom valur fis-suq, u li l-awtoritajiet nazzjonali, meta jipproċedu għall-attribuzzjoni tagħhom, jaġixxu bħala operatur ekonomiku li jipprova jikseb l-aħjar prezz sabiex jiżviluppa ekonomikament il-ġestjoni tas-settur pubbliku bl-antenna. Huma jżidu li dan il-prezz kien ġie aċċettat minn Orange u minn SFR bħala ħlas għad-dritt ta’ użu permess fuq spazju pubbliku. Konsegwentement, billi naqqsu b’mod sinjifikattiv l-ammont li kellu jitħallas bħala ħlasijiet għall-UMTS, kif kien ġie ffissat inizjalment, l-awtoritajiet nazzjoni, b’dan il-mod, irrinunzjaw għal parti sostanzjali tal-kreditu li kellhom fir-rigward taż-żewġ operaturi kkonċernati u konsegwentement ittrasferew riżorsi ta’ l-Istat għall-benefiċċju ta dawn l-operaturi.

99      Mill-proċess jirriżulta li l-ħlas inizjali kien ġie stabbilit għas-somma ta’ EUR 4 954 593 biljun, liema somma kellha titħallas f’partijiet waqt it-terminu tal-liċenzja, u li l-ħlasijiet, kif irriżultaw mill-bidla kkontestata, kienu jinkludu, minn dak inhar il-quddiem, pagament inizjali li jammonta għal EUR 619 209 795,27, imħallas fit-30 ta’ Settembru tas-sena li fiha tingħata l-awtorizzazzjoni jew meta ssir din l-għotja jekk din isseħħ wara t-30 ta’ Settembru, u t-tieni pagament imħallas kull sena qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena kurrenti għall-użu tal-frekwenzi ta’ dik is-sena, u kkalkolati bħala perċentwali tal-fatturat li jsir mill-imsemmija frekwenzi (ara l-punti 11 u 17 iktar ’il fuq). Tali bidla ġġib magħha, minn ta’ l-anqas potenzjalment, telfa ta’ riżorsi ta’ l-Istat li, fil-kawża preżenti, l-awtoritajiet nazzjonali awtorizzaw.

100    Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 93), fejn kienu in kwistjoni l-ħlasijiet imposti fuq operaturi li joperaw fuq swieq differenti tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli, jirriżulta li l-liċenzji għandhom valur ekonomiku.

101    Bl-istess mod, il-liċenzji UMTS, li jawtorizzaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli fl-ispazju bl-antenna u li huma kkunsidrati bħala titoli ta’ okupazzjoni jew ta’ użu tas-settur pubbliku korrispondenti, għandhom valur ekonomiku li l-amministratur ta’ dan il-qasam huwa marbut li jikkunsidra meta jiddetermina l-ammont ta’ ħlas dovut mill-operaturi kkonċernati.

102    Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, T-128/98, Ġabra p. II-3929, punti 120 u 121), li kienet tirrigwarda, u l-ħlasijiet iffisati għal dan il-għan mir-rikorrenti, inkwantu amministratur tal-qasam pubbliku ta’ l-ajruporti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ sistema ta’ superviżjoni speċjali tal-qasam pubbliku mhijiex inkompatibbli ma’ l-eżerċizzju fil-qasam pubbliku ta’ attivitajiet ta’ natura ekonomika u li t-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Aéroports de Paris ta’ stallazzjonijiet ta’ l-ajruport hija ekwivalenti għall-eżekuzzjoni, fil-qasam pubbliku, ta’ provvisti ta’ natura ekonomika u tagħmel parti mill-attività ekonomika tagħha.

103    Interpellata fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ installazzjoni ta’ ajruporti lill-kumpanniji ta’ l-avjazzjoni u lill-fornituri ta’ servizzi, permezz tal-ħlasijiet li l-ammonti tagħhom jiġu ffisati liberament mill-Aéroports de Paris, jikkostitwixxi attività ta’ natura ekonomika, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, punt 78).

104    L-eżerċizzju ta’ funzjonijiet sovrani għalhekk ma jeskludx it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni patrimonjali ta’ riżorsi pubbliċi rari bħalma huma l-frekwenzi tar-radju li jikkostitwixxu l-ispazju pubbliku bl-antenna li fir-rigward tagħha jista’ jingħata dritt ta’ aċċess jew dritt ta’ użu. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom fl-istess ħin ir-rwol ta’ regolatur tat-telekomunikazzjoni u r-rwol ta’ amministraturi tal-patrimonju pubbliku li jikkostitwixxi l-ispazju bl-antenna.

105    F’dan ir-rigward, l-argumenti li l-Kummissjoni għamlet matul is-seduta, li jgħidu li l-beni in kwistjoni m’għandhomx valur tas-suq peress li mhemmx beni ekwivalenti disponibbli fl-idejn l-amministraturi privati, mhumiex biżżejjed sabiex jeskludu li tali beni jistgħu jikkostitwixxi riżorsi ta’ l-Istat.

106    Madankollu, anke jekk, fid-dawl tal-valur ekonomiku tal-liċenzji, għandu jiġi konċess lir-rikorrenti li l-awtoritajiet nazzjonali, fil-kawża preżenti rrinunzjaw għal riżorsi ta’ l-Istat ta’ proporzjoni sinjifikattiva, minn naħa din il-konklużjoni trid tiġi mmoderata fid-dawl tal-kreditu in kwistjoni u min-naħa l-oħra, din it-telfa ta’ riżorsi ma tikkostitwixxix neċessarjament għajnuna mill-Istat minħabba n-natura u l-ekonomija tas-sistema.

107    Fir-rigward tal-kreditu li l-Istat kellu fil-konfront ta’ Orange u ta’ SFR u li għalih dan irrinunzja, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma kienx kreditu ċert. Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti, dawn iż-żewġ operaturi setgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001 kieku ma ngħatawx garanziji li kienu ser jkunu s-suġġett ta’ trattament ugwali għal dak li kien ser jinagħta lill-operaturi l-oħra (ara l-ittri tat-22 ta’ Frar 2001 imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq) u min-naħa l-oħra dawn setgħu, iktar ’il quddiem, jirrinunzjaw għall-benefiċċju tal-liċenzja u konsegwentement jiefqu milli jħallsu, b’mod partikolari kieku qiesu lilhom nfushom vittmi ta’ nuqqas ta’ trattament ugwali fil-konfront ta’ Bouygues Télécom.

108    Barra minn hekk, ir-regoli Komunitarji dwar is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, kif organizzati mid-Direttiva 97/13, u mid-Deċiżjoni Nru 128/1999, huma bbażati fuq it-trattament ugwali bejn l-operaturi kemm għall-attribuzzjoni tal-liċenzji kif ukoll fid-determinazzjoni tal-ħlasijiet eventwali u jħallu lill-Istati Membri ħielsa li jagħżlu l-proċedura ta’ l-għotja tal-liċenzji dejjem sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa u tat-trattament ugwali. Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu minn irkant pubbliku, huma jistgħu wjoll, bħal fil-kawża preżenti, jagħżlu proċedura ta’ selezzjoni komparattiva, peress li l-essenzjali huwa li l-operaturi jirċievu l-istess trattament, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħlasijiet.

109    F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet interpellata sabiex tinterpreta l-Artikolu 11(2), tad-Direttiva 97/13, fir-rigward tal-ħlasijiet, enfassizzat, fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq (punt 90), li l-ħlasijiet imposti fuq operaturi differenti għandhom ikunu ekwivalenti f’termini ekonomiċi. Barra minn hekk, wara li osservat li l-iffissar ta’ l-ammont tal-ħlasijiet jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u li, għalhekk, f’dan ir-rigward l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex marbuta li jirrispettaw kriterji stretti sakemm dawn jillimitaw ruħhom għal-limiti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti ta’ rinviju kellha tivverifika l-valur ekonomiku tal-liċenzji kkonċernati billi tikkunsidra, b’mod partikolari, l-importanza tad-differenti faxxex ta’ frekwenzi attribwiti, b’effett mill-aċċess għas-suq ta’ kull operatur ikkonċernat u l-importanza li tkun tista’ tiġi ppreżentata offerta kompleta ta sistemi ta’ telekomunikazzjoni mobbli (punti 92 u 93).

110    Għaldaqstant, anke jekk id-dritt ta’ l-użu ta’ l-ispazju bl-antenna mogħti lill-operaturi għandu valur ekonomiku, l-ammont li jrid jitħallas jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat biss jekk, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess, ikun hemm differenza bejn il-prezz imħallas minn kull operatur ikkonċernat, peress li, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-mument ta’ l-aċċess għas-suq mill-perspettiva ta’ kull wieħed mill-operaturi li għandu jiġi kkunsidrat (sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93). Bil-kontra ta’ dan, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu, b’mod ġenerali, li l-liċenzji għandhom jingħataw bla ħlas, kemm jekk wara irkant pubbliku jew inkella abbażi ta’ tarriffa uniformi, mhemmx element ta’ għajnuna sakemm il-modalitajiet applikati jkunu identiċi għall-operaturi kollha kkonċernati.

111    Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-Istat setgħa jirrinunzja għal riżorsi u li minn dan setgħa jirriżulta vantaġġ għal benefiċjarji tat-tnaqqis fil-ħlasijiet mhuwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni minħabba d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarji tat-telekomunikazzjoni fid-dawl tad-dritt komuni ta’ l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ir-rinunzja għall-kreditu in kwistjoni f’din il-kawża kienet inevitabbli minħabba l-ekonomija tas-sistema, barra mill-fatt, espost fil-punt 107 iktar ’il fuq, li l-imsemmi kreditu ma kienx ċert.

112    Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza, li fir-rigward tagħha mhuwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa l-verità, li Orange u SFR kienu f’pożizzjoni li jħallsu l-ammonti inizjali, jew inkella li dawn ikkunsidraw li dawn il-ħlasijiet kienu jikkorrispondu għall-prezz ġust tal-liċenzji, hija irrelevanti, minħabba n-natura u l-ekonomija tas-sistema tad-Direttiva 97/13 u tad-Deċiżjoni Nru 128/1999.

113    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, bi qbil mar-rikorrenti, li oġġettivament teżisti differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ Orange u ta’ SFR u dik ta’ Bouygues Télécom fir-rigward tal-mument ta’ meta dawn ingħataw il-liċenzji rispettivi tagħhom. Huwa stabbilit li Orange u SFR ingħataw, kull wieħed, il-liċenzja tagħhom permezz taż-żewġ deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 u li Bouygues Télécom kisbet tagħha permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2002. L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt li l-liċenzji ta’ Orange u ta’ SFR inħarġu sena u nofs qabel setgħa ta’ vantaġġ lil-kompetituri ta’ Bouygues Télécom mhuwiex, prima facie, irrilevanti.

114    Fil-fatt, vantaġġ jista’ jirriżulta kemm minn prezz inferjuri ffissat għal beni ta’ valur identiku kif ukoll minn prezz identiku ffissat għal oġġett ta’ valur inferjuri.

115    Madankollu, jidher li dan il vantaġġ potenzjali ma kienx, f’dan il-każ, ta’ benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati.

116    Mill-proċess jirriżulta li Orange u SFR, minħabba problemi marbuta mat-teknoloġija UMTS u f’kuntest ekonomiku li ma tantx kien favorevoli għall-iżvilupp tiegħu, huma kellhom dewmien fl-introduzzjoni s-servizzi tagħhom, li setgħu jeffettwaw biss f’nofs l-2004 għal SFR u fl-aħħar ta’ l-2004 fil-każ ta’ Orange, jiġifieri iktar minn sentejn wara li Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li l-kompetituri ta’ Bouygues Télécom ma setgħawx, fil-prattika japprofittaw ruħhom mill-vantaġġ temporali li rriżulta mill-ħruġ qabel tal-liċenzji tagħhom sabiex jintroduċu s-servizzi UMTS tagħhom qabel ma’ l-għotja lil Bouygues Télécom tal-liċenzja tagħha setgħet tippermettilha li tintroduċi s-servizzi tagħha. Id-dewmien ta’ Orange u ta’ SFR għalhekk kellu bħala effett li jinnewtralizza l-vantaġġ temporali ta’ dawn iż-żewġ operaturi.

117    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li Orange u SFR, minħabba li l-liċenzji tagħhom inħarġu qabel, setgħu jagħżlu l-blokki ta’ frekwenza l-iktar vantaġġjużi u jiddisponu mill-possibbiltà li jibnu netwerks mingħajr qtugħ, li jżidu l-kamp awtorizzat u li jnaqqsu r-riskju ta’ interferenza kif ukoll li jiffaċilitaw ftehim transfruntaljieri ma operaturi oħrajn, huma ma jressqu l-ebda element in sostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet.

118    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li Orange u SFR setgħu jantiċipaw il-ksib ta’ l-aħjar siti, jibbennifikaw mill-immaġini ta’ operatur innovattiv bi ħsara għal Bouygues Télécom u jakwistaw ishma tas-suq mingħajr ma kellhom kompetizzjoni reali.

119    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata antiċipazzjoni fil-ksib tas-siti, ir-rikorrenti jindikaw li, meta Bouygues Télécom kisbet l-awtorizzazzjonijiet għall-emmissjoni, Orange u SFR diġà kienu jiddisponu minn numru kbir ta’ awtorizzazzjonijiet, konċentrati fil-bliet prinċipali Franċiżi. Anki jekk jitqiesu eżatti dawn l-indikazzjonijiet, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tad-differenzi notevoli, mill-perspettiva ta’ l-istrateġiji ekonomiċi u kummerċjali u ta’ l-għażliet teknoliġiċi u, għaldaqstant, ta’ l-approċċ għas-suq, bejn dawn l-operaturi u Bouygues Télécom, jidher diffiċli li jiġu dedotti konklużjonijiet utli fir-rigward ta’ l-effett potenzjali fuq il-kompetizzjoni. F’kull każ, ir-rikorrenti la tipprova li, fil-mument ta’ meta Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha, l-aħjar siti kienu ġew antiċipatament miksuba, la li hija ma setgħatx tikseb awtorizzjazzjoni għall-installazzjonijiet u lanqas li hija kienet ġiet suġġettata, għal din ir-raġuni, għal limitazzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ l-għażla tas-siti neċessarji għall-iżvilupp tas-servizzi tagħha.

120    It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li l-ksib ta’ liċenzja f’data iktar prekoċi mill-kompetituri ta’ Bouygues Télécom seta jikkawża dannu għall-immaġini tat-trade mark ta’ din ta’ l-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li tali effett ma seħħx. Barra minn hekk, il-partijiet intervenjenti jenfassizzaw, mingħajr ma dan ġie kkontestat, li Bouygues Télécom, inizjalment, għażlet li timplementa teknoloġija alternattiva għall-UMTS, u ppostponiet l-introduzzjoni tas-servizzi tagħha UMTS sakemm tistenna l-ħruġ ta’ verżjoni mtejba tas-sistema. Quddiem tali differenzi ta’ għażliet strateġiċi bejn l-operaturi, l-impatt tad-data tal-ħruġ tal-liċenzji fuq l-immaġini tat-trade mark ta’ l-impriżi kkonċernati ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi differenza notevoli bejn is-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom.

121    It-tielet nett, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li Orange u SFR setgħu jakwistaw ishma tas-suq mingħajr ma kellhom kompetizzjoni reali, din l-affermazjzoni mhijiex sostnuta. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti mhuwiex konvinċenti minħabba l-istrateġija speċifika ta’ Bouygues Télécom fis-suq UMTS, fejn mhuwiex ikkontestat li hija differenti minn dik taż-żewġ operaturi l-oħra kkonċernati fil-kawża preżenti.

122    Għaldaqstant jidher li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonstata li Orange u SFR ma kinux effettivament approfittaw ruħhom mill-vantaġġ temporali li rriżulta mill-ħruġ qabel tal-liċenzji tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħat tikkunsidra li Orange u SFR ma kienux effettivament jiddisponu minn vantaġġ kompetittiv bi ħsara għal Bouygues Télécom.

123    F’kull każ, il-vantaġġ li teoretikament ingħata lil Orange u lil SFR kien l-uniku mezz sabiex tiġi evitata l-adozzjoni, bi ksur tad-Direttiva 97/13, ta’ miżura li, fid-dawl tad-differenza notevoli bejn iż-żewġ sistemi ta’ ħlasijiet sussegwenti kkonċepiti mill-awtoritajiet nazzjonali, kienet tkun diskriminatorja bi ħsara għal dawn iż-żewġ operaturi, filwaqt li, minn naħa, fid-data tal-bidla kkontestata, minħabba d-dewmien ta’ Orange u SFR fl-introduzzjoni tas-servizzi UMTS tagħhom, l-ebda operatur ma kien preżenti fis-suq, kif diġà ġie preċedentement ikkonstatat, u li, min-naħa l-oħra, l-karatteristiċi tal-liċenzji tat-tliet operaturi kompetituri huma identiċi.

124    Fuq dan l-aħħar punt, fil-fatt, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-liċenzji UMTS mogħtija lit-tliet operaturi kienu differenti mill-perspettiva tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom u diġà ġie kkonstatat li l-fatt li l-liċenzji ta’ Orange u ta’ SFR ġew attribwiti qabel ma kellux, fil-kawża preżenti, impatt negattiv fuq Bouygues Télécom.

125    Fil-fatt, kif tesponi l-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, il-karatteristiċi tal-pakketti ta’ frekwenzi attribwiti huma ekwivalenti, kif jirriżulta mill-avviż, ippreżentat fil-proċess mir-rikorrenti, li jirrigwarda l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet għall-introduzzjoni fiż-żona metropolitana ta’ Franza ta’ l-UMTS anness mad-deċiżjoni ta’ l-ART tat-28 ta’ Lulju 2000. Lanqas mhuwa kontestat li t-tagħmir disponibbli jaħdem f’kull faxxa ta’ frekwenzi. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza msemmija mir-rikorrenti, li Orange u SFR setgħu jikkostitwixxu blokki ta’ frekwenzi komuni mal-kumpanniji sussidjarji barranin tagħhom hija irrilevanti, peress li Bouygues Télécom m’għandiex tali sussidjarji.

126    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-allegat vantaġġ temporali ma ġiex stabbilit u li din l-evalwazzjoni ma tikkostitwix diffikoltà serja li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ stħarriġ formali ta’ l-għajnuna allegata.

–       Fuq il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

127    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li permezz tal-miżura ta’ allinjament tal-ħlasijiet ikkontestati, “l-awtoritajiet Franċiżi llimitaw ruħhom li jsegwu l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 li jeżiġi li l-ħlasijiet ikunu ta’ natura non-diskriminatorja” u li dawn l-awtoritajiet “illimitaw ruħhom li japplikaw obbligu li jirriżulta mid-dritt Komunitarju” (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri r-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

128    Ir-rikorrenti jqisu li, sabiex jiġi assigurat trattament non-diskriminatorju ta’ l-operaturi, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom iżommu l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tariffarji, li abbażi tagħha Orange u SFR ingħataw il-liċenzji rispettivi tagħhom, peress li ż-żewġ sejħiet għall-offerti suċċessivi kienu jikkostitwixxu proċeduri distinti. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw ir-regoli applikabbli fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni, u jsostnu li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jannullaw l-ewwel proċedura tas-sejħa għall-offerti u jerġaq jibdew is-selezzjoni mill-bidu jekk huma kienu jqisu li kien impossibbli li jinżammu l-kundizzjonijiet diġà miftehma ma’ l-operaturi magħżula fl-ewwel okkażjoni.

129    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet simili jew fl-applikazzjoni ta’ l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30, u tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C-342/93, Ġabra p. I-475, punt 16).

130    Mill-proċess jirriżulta li, wara ż-żewġ proċeduri tas-sejħiet għall-offerti deskritti fil-punti 11 sa 22 iktar ’il fuq, Orange, SFR u Bouygues Télécom ingħataw il-liċenzji rispettivi tagħhom, l-ewwel tnejn permezz tad-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 u, it-tielet, permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2002.

131    B’differenza għall-kompetituri tagħha Orange u SFR, Bouygues Télécom, billi ma applikatx fl-ewwel sejħa għall-offerti, minħabba l-ammont tal-ħlasijiet, ħadet ir-riskju li ma tkunx tista tintroduċi, jew li tintroduċi tard is-servizzi UMTS tagħha, riskju li setgħa jkun ta’ dannu għaliħ mill-perspettiva kompettitiva, meta mqabbel ma’ dawn iż-żewġ operaturi.

132    Din id-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-fatt li Orange u SFR rrispondew għall-ewwel sejħa għall-offerti u Bouygues Télécom għat-tieni għandha tiġi evalwata flimkien mal-kundizzjonijiet identiċi li finalment ġew suġġetti għalihom. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tagħti vantaġġ liż-żewġ impriżi li ma ħadux ir-riskju li ħadet Bouygues Télécom billi mill-ewwel ikkandidaw ruħhom għall-kundizzjonijiet iktar favorevoli li ngħataw lil din ta’ l-aħħar fil-kuntest ta’ proċedura li lanqas biss ħadu sehem fiha.

133    Għalhekk, l-eventwali diskriminazzjoni li tagħha Bouygues Télécom kienet vittma għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kuntest proċedurali in kwistjoni sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi li kellhom, fil-kawża preżenti, l-awtoritajiet nazzjonali.

134    Għandu jiġi osservat li, minkejja l-modalitajiet ta’ l-organizzazzjoni materjali, il-proċedura ta’ attribuzzjoni tal-liċenzji UMTS, mibdija fix-xhar ta’ Lulju 2000 mill-awtoritajiet Franċiżi, kienet fir-realtà tikkostitwixxi proċedura unika intiża għall-attribuzzjoni ta’ erbgħa liċenzji għall-introduzzjoni tas-sistema UMTS fi Franza (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Huwa l-falliment parzjali ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti li wassal għall-ftuħ ta’ sejħa addizzjonali anqas minn sitt xhur wara l-għotja ta’ l-ewwel żewġ liċenzji (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq) sabiex tiġi assigurata kompetizzjoni effettiva f’suq emerġenti u tippermetti l-ħruġ taż-żewġ liċenzji l-oħra, peress li ż-żewġ sejħiet għall-offerti kienu ġew konċepiti u seħħew b’mod identiku fuq il-pjan formali (riklami, skeda...).

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi u tal-konċessjonijiet, li mhumiex applikabbli fil-kawża preżenti. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kriterji ta’ attribuzzjoni, li r-rikorrenti jinvokaw, dawn la huma previsti fid-Direttiva 97/13 u lanqas fl-ebda dispożizzjoni oħra applikabbli tad-dritt Komunitarju. Bil-kontra ta’ dan, id-Direttiva 97/13 tipprovdi, fl-Artikolu 8(4) tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-kundizzjonijiet marbuta ma’ liċenzja individwali f’każjiet oġġettivament ġustifikati u b’mod proporzjonat.

136    Fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ selezzjoni unika, anke jekk organizzata f’diversi fażijiet, bħal fil-kawża preżenti, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għandu għaldaqstant japplika billi ż-żewġ sejħiet għall-offerti jiġu kkunsidrati bħala proċedura waħda .

137    F’dan il-kuntest, soluzzjoni differenti minn dik adottata mill-awtoritajiet nazzjonali ma kinitx tippermetti li, b’mod sodisfaċjenti, jkun hemm trattament ugwali bejn iż-żewġ operaturi kkonċernati.

138    Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, jidher li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom, fl-aħħar mill-aħħar, tliet possibbiltajiet wara li kkonstataw li l-ewwel sejħa għall-offerti ma ppermettietx li jintgħażel numru sodisfaċjenti ta’ operaturi sabiex il-kompetizzjoni tkun tista’ tiġi assigurata b’mod effettiv f’dan is-settur.

139    Skond l-ewwel għażla, dawn l-awtoritajiet kellhom jiddikjaraw li l-ewwel sejħa għall-offerti ma kinitx tagħat ir-riżultati mixtieqa u jerġgħu jibdew il-proċedura mill-bidu billi jistabbilixxu l-ħlasijiet skond id-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-sistema emendata.

140    Madankollu jidher li din is-solużżjoni kienet irrilevanti fir-rigward tar-riżultat tal-proċedura peress li, effettivament, l-istess operaturi, jiġifieri Orange, SFR u Bouygues Télécom, kienu jkunu l-uniċi kandidati u finalment kienu jingħataw liċenzji, essenzjalment, identiċi għal dawk li effettivament ingħataw.

141    Din l-għażla kienet bil-kontra ta’ dan, tippreżenta minn ta’ l-inqas inkonvenjent fir-rigward tad-dritt Komunitarju tat-telekomunikazzjoni. Fil-fatt, din kienet twassal għal dewmien fl-introduzzjoni tas-servizzi kkonċernati, iffissatta għall-mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2002 mid-Deċiżjoni Nru 128/1999 (ara punt 8 iktar ’il fuq), dewmien indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li kien ikun direttament imputabbli fuq l-awtoritajiet Franċiżi.

142    Konsegwentement, għalkemm ir-rispett tat-trattament ugwali seta’ wkoll jiġi sodisfatt permezz ta’ din l-ewwel għażla, ir-Repubblika Franċiża kienet tieħu r-risku li tittardja l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni u, għaldaqstant, tonqos milli twettaq l-obbligi li hija għandha f’dan ir-rigward.

143    Skond it-tieni għażla, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom ikomplu l-proċedura, billi jagħmlu t-tieni sejħa għall-offerti, iżda, b’differenza għas-soluzzjoni li ġiet effettivament adottata f’din il-kawża, ma jallinejawx il-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR ma dawk ta’ Bouygues Télécom.

144    F’dan il-każ, Orange u SFR kienu jirċevu trattament differenti minn dak ta’ Bouygues Télécom bi ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, fid-dawl tal-valur ugwali tal-liċenzji u tal-fatt li, fid-data tal-bidla fil-ħlasijiet l-ebda operatur ma kien preżenti fis-suq. Barra minn hekk, tali soluzzjoni ma kinitx tkun tikkorispondi ma’ l-elementi ta’ determinazzjoni tal-ħlasijiet indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq (ara punt 109 iktar ’il fuq).

145    Kieku l-awtoritajiet Franċiżi żammew is-sistema ta’ ħlasijiet inizjali għal Orange u SFR, kien ikun hemm ir-riskju li jiġu miksura l-ħtiġijiet ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità imposti mid-Direttiva 97/13, u dan minħabba n-nuqqas ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità li, skond indikazzjonijiet mhux ikkontestati ta’ SFR, kienu jiriżultaw fi proporzjon ta’ 1 għal 8 bejn is-sistema inizjali u s-sistema emendata. Tali differenza bejn l-ammont tal-ħlasijiet dovuti keient turi sitwazzjoni diskriminatorja għall-benefiċċju ta’ Bouygues Télécom u bi ħsara għaż-żewġ operaturi l-oħra.

146    Barra minn hekk, f’tali każ, iż-żewġ operaturi magħżula inizjalment setgħu jirrinunzjaw għall-benefċċju tal-liċenzja tagħhom, u dan kien jobbliga lill-awtoritajiet Franċiżi li, sabiex jigarantixxu kompetizzjoni effettiva fis-settur in kwistjoni, jagħmlu t-tielet sejħa għall-offerti, u b’dan il-mod jittardjaw iktar fl-introduzzjoni tas-servizzi kkonċernati.

147    Skond it-tielet għażla, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jagħmlu t-tieni sejħa għall-offerti filwaqt li jissuġġettawha għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari tnaqqis fit-termini finanzjarji, u tibdel retroattivament l-imsemmija kundizzjonijiet fir-rigward tal-liċenzji mogħtija.

148    Din l-għażla, li hija dik adottata fil-kawża preżenti, ippermettiet li jiġi assigurat trattament ugwali bejn it-tliet operaturi li kienu l-uniċi applikanti f’din il-proċedura kollha fil-kuntest, imfakkar iktar ’il fuq, ta’ liċenzji identiċi u ta’ suq emerġenti fejn l-ebda operatur ma kien għadu, fid-data tal-bidla fil-ħlasijiet, aċċeda għalih. L-għażla adottata mill-awtoritajiet nazzjonali ppermettiet ukoll li r-Repubblika Franċiża tevita xi dewmien fl-introduzzjoni tas-servizzi UMTS previsti mid-Direttiva 97/13.

149    Għandu wkoll jiġi osservt li allinjament tal-kundizzjonijiet finanzjarji għall-ħruġ tal-liċenzji li ma kienx japplika retroattivament, mid-data tal-ħruġ tagħhom, kif ġie deċiż fil-kawża preżenti, iżda li jkun effettiv biss b’effett mill-bidla fil-ħlasijiet ikkontestata, ma kienx iwassal għal riżultat differenti.

150    Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, fid-data tad-deċiżjonijiet li jemendaw, tat-3 ta’ Diċembru 2002, Orange u SFR kienu ħallsu, skond l-iskeda ta’ ħlasijiet prevista fil-kundizzjonijiet inizjali, ammont li kien jikkorrispondi, skond il-kundizzjonijiet emendati, għall-ewwel parti tal-ħlasijiet li kellhom jitħallsu mal-ħruġ tal-liċenzja. Fir-rigward tat-tieni parti prevista fil-kundizzjonijiet emendati, marbuta mal-fatturat magħmul mill-użu tal-frekwenzi, din kellha titħallas biss wara l-introduzzjoni tas-servizzi UMTS mill-operaturi, introduzzjoni li Orange u SFR kien għadhom ma għamlux fid-data, msemmija iktar ’il fuq, tad-deċiżjonijiet li jemendaw il-liċenzji tagħhom u tad-deċiżjoni li tat il-liċenzja lil Bouygues Télécom.

151    Għalhekk jidher li l-emendar tal-kundizzjonijiet applikati lil Orange u SFR kellu, fil-kawża preżenti, effett newtru fuq it-tliet operaturi kompetituri, peress li l-karattru retroattiv jew le ta’ l-imsemmija emendi ma kellu l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħat, minkejja l-attribuzzjoni ta’ kundizzjonijiet identiċi għar-rebbieħa tal-proċeduri ta’ selezzjoni differenti, tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema l-ġdida ta’ ħlasijiet ma kinitx diskriminatorja kontra Bouygues Télécom.

153    It-trattament ugwali bejn l-operaturi meħtieġ mid-Direttiva 97/13 jimponi bil-kontra ta’ dan, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, l-allinjament tal-ħlasijiet dovuti minn Orange u minn SFR ma’ dawk ta’ Bouygues Télécom.

154    L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-bidla hija diskriminatorja minħabba li, bis-saħħa ta’ kapaċità finanzjarja ogħla minn dik tal-kompetituri tagħhom, Orange u SFR setgħu jidħlu għall-ewwel sejħa għall-offerti u jingħataw liċenzja, ma jikkontestax l-evalwazzjonijiet preċedenti peress li, minn naħa, l-attribuzzjoni iktar prekoċi tal-liċenzji effettivament ma tathomx vantaġġ u li, min-naħa l-oħra, it-trattament ugwali ta’ l-operaturi kien jimponi l-allinjament tal-ħlasijiet.

155    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-bidla fil-ħlasijiet ikkontestata ma rriżultatx f’diskriminazzjoni bi ħsara għal Bouygues Télécom u li din l-evalwazzjoni ma tikkostitwix diffikulta serja li teħtieġ il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami ta’ l-għajnuna allegata.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħat ġustament tikkonkludi, mingħajr ma tikkunsidra li kien hemm diffikultajiet serji, li l-miżura nazzjonali kkontestata ma kinitx tippreżenta elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

157    Għalkemm, fid-dokumenti li jirrigwardaw il-kawża li tat lok għad-Digriet Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għamlet referenza għal kumplessità eċċezzjonali, din ir-referenza tikkonċerna, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mhux il-miżura in kwistjoni f’din il-kawża, iżda t-totalità tal-miżuri msemmija fl-ilment, li kienu jikkontestaw ħdax-il miżura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, peress li qieset li uħud minnhom kienu jqajmu diffikultajiet serji, fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, fil-31 ta’ Jannar 2003 fir-rigward ta’ uħud minn dawn il-miżuri, liema proċedura ntemmet bl-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijeit tat-2 ta’ Awwissu 2004, fir-rigward, rispettivament, tas-sistema ta’ taxxa professjonali applikabbli lil France Télécom [C(2004) 3061] u avvanz mill-azzjonisti mogħti mill-Istat lil France Télécom [C(2004) 3060], li attwalment huma s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (France vs Il-Kummissjoni, T-425/04, Franza vs Il-Kummissjoni, T-427/04, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-444/04, Bouygues u Bouygues Télécom, T-450/04, AFORS Télécom vs Il-Kummissjoni, T-456/04 u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-17/05).

158    Għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tat prova ta’ nuqqas ta’ diliġenza fit-trattament tal-miżura nazzjonali in kwistjoni kkontestata fl-ilment tagħhom, ippreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2002, li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni ħadet pożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fl-20 ta’ Lulju 2004, din l-allegazzjoni, li barra minn hekk hija irrilevanti, lanqas ma ġiet stabbilita. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħti gradi ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, Ġabra p. I-1341, punt 88).

159    Safejn l-ilment imsemmi iktar ’il fuq, li fih madwar 90 paġna bl-annessi mhux inklużi, jirrigwarda total ta’ ħdax-il miżura, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, li fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE tliet xhur u nofs wara l-preżentazzjoni ta’ l-imsemmi lment f’dak li jirrigwarda uħud mill-miżuri elenkati fih, u li, konsegwentement, itrattat parzjalment l-ilment billi tat prijorità, speċifikatament, lill-miżuri li qajmu diffikultajiet serji, setgħat, fid-dawl tal-piż ta’ xogħol tagħha u tad-determinazzjoni tal-prijoritajiet ta’ eżami li hija għandha tevalwa, tipposponi t-trattament tal-miżuri li, fl-opinjoni tagħha, ma kinux iqajjmu diffikultajiet serji, u dan mingħajr ma setgħet tiġi akkużata b’nuqqas ta’ diliġenza f’dan ir-rigward.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żmien, ta’ sena, għaxar xhur u ħmistax-il ġurnata, li għadda bejn il-preżentazzjoni tal l-ilment u d-deċiżjoni kkontestata ma jindikax nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni.

161    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-kriterji l-oħra stabbiliti mill-Artikolu 87(1) KE, peress li waħda mill-kundizzjonijiet, kumulattivi, neċessarja għall-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat mhijiex sodisfatta.

 Fuq l-ispejjeż

162    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, in solidum, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ Orange u ta’ SFR, partijiet intervenjenti in sostenn tal-Kummissjoni.

163    Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bouygues SA u Bouygues Télécom SA huma kkundannati għal, in solidum, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ Orange France SA u tas-Société française du radiotéléphone – SFR.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Lulju 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.