Language of document : ECLI:EU:T:2007:203

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Lulju 2007 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq Ewropew tar-raża kolofonika ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka tipografika – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni – Linji gwida fuq l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet orizzontali – Sehem tas-suq u livelli ta’ konċentrazzjoni – Effetti mhux koordinati – Effetti koordinati – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-kawża T‑282/06,

Sun Chemical Group BV, stabbilita f’Weesp (l-Olanda),

Siegwerk Druckfarben AG, stabbilita f’Siegburg (il-Ġermanja),

Flint Group Germany GmbH, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn N. Dodoo u K. H. Eichhorn, Avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan, S. Noë u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

The Apollo Group, stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti),

Hexion Specialty Chemicals, Inc., stabbilita f’Columbus, Ohio (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn I. M. Sinan, barrister, u J. Uphoff, solicitor,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2006, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE l-konċentrazzjoni intiża għax-xiri minn Hexion Speciality Chemicals (The Apollo Group) tal-kontroll totali tad-diviżjoni ta’ “linka u raża adeżiva” ta’ Akzo Nobel (Każ COMP/M.4071 – Apollo vs Akzo Nobel, IAR),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p. 1), jipprovdi, b’mod partikolari :

“2.      Konċentrazzjoni li mhix ħa tkun ta’ tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni

3.      Konċentrazzjoni li ħa tkun ta’ tfixkil sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.”

2        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika ta’ konċentrazzjoni malli tirċeviha, u tipprovdi taħt l-Artikolu 6(1)(b) :

“Meta l-Kummissjoni ssib illi l-konċentrazzjoni notifikata, għalkemm taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ma toħloqx dubji serji dwar jekk hix kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li ma topponihiex u għandha tiddikjaraha bħala kompatibbli mas-suq komuni.

[…]” 

3        Il-Kummissjoni ddeskriviet il-metodu analitiku ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjonijiet orizzontali fil-linji gwida tagħha fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet (ĠU C 31, 2004, p. 5, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-partijiet fil-proċedura u l-konċentrazzjoni

4        Sun Chemical Group BV (iktar ’il quddiem “Sun”), tipproduċi linka tipografika sabiex tintuża fis-setturi ta’ l-ippakkjar, tal-pubblikazzjoni, tal-kummerċ u ta’ l-industrija, ta’ pigmenti, ta’ l-espansjoni kif ukoll tas-sigurtà u tal-protezzjoni tat-trade marks. Din hija 100 % indirettament ikkontrollata minn Dainippon Ink and Chemicals Inc. Sun timpjega iktar minn 12 000 persuna u l-fatturat tagħha għall-aħħar sena finanzjarja qabeż EUR tliet biljun. Fl-2005, Sun xtrat madwar [kunfidenzjali](1) ta’ raża kolofonika mingħand fornituri terzi indipendenti.

5        Siegwerk Druckfarben AG (iktar ’il quddiem “Siegwerk”) hija produttriċi ta’ livell dinji ta’ linka tipografika għall-ippakkjar, inċiżjonijiet u l-litografija. Din hija l-kumpannija parent tal-grupp ta’ kumpanniji Siegwerk. Hija timpjega madwar 40 000 persuni u l-fatturat tagħha għall-aħħar sena finanzjara kien ta’ madwar EUR 830 miljun. Fl-Ewropa, Siegwerk xtrat kull sena madwar [kunfidenzjali] ta’ raża kolofonika mingħand fornituri terzi indipendenti.

6        Flint Group Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Flint”) hija fornitriċi ta’ l-industrija ta’ l-istampar, ta’ l-ipproċessar u koloranti. Din il-kumpannija hija r-riżultat ta’ fużjoni fl-2005 bejn XSYS Pink Solutions u Flint Ink Corp. Flint timpjega madwar 7 500 persuna u l-fatturat tagħha għall-aħħar sena finanzjarja huwa madwar EUR 2,2 biljun. Fl-Ewropa, Flint tixtri kull sena madwar [kunfidenzjali] ta’ raża kolofonika mingħand fornituri terzi indipendenti.

7        Hexion Speciality Chemicals, Inc (iktar ’il quddiem “Hexion”), tipproduċi u tikkummerċjalizza gamma ta’ raża thermoset u raża speċjali, b’mod partikolari raża kolofonika, raża idrokarbonika, kolofon-idrokarbonika, raża alkyd, tixrid akriliku, raża akrilika u raża oħra bħar-raża aminoplastika, raża epossida, raża ta’ fenol, u raża tal-poliester. Hija għandha iktar minn 90 unitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni stabbiliti fi 18-il pajjiż ta’ l-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel, fl-Ewropa u fir-reġjun ta’ l-Ażja-Paċifiku u timpjega madwar 7 000 persuna.

8        The Apollo Group (iktar ’il quddiem “Apollo”) jamministra bosta fondi ta’ investiment li għandhom interessi f’sensiela wiesgħa ta’ attivitajiet fuq livell dinji. Apollo jikkontrolla Hexion.

9        Id-diviżjoni “linka u raża adeżiva” ta’ Akzo Nobel (iktar ’il quddiem “Akzo”) tipproduċi prinċipalment prodotti li għandhom bażi ta’ kolofon, b’mod partikolari raża kolofonika, raża mħallta u derivati oħra ta’ kolofon, iddestinati essenzjalment għal-linka tipografika jew għal adeżivi. L-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha jinsabu fl-Olanda, fil-Portugall, fiċ-Ċina, fi New Zealand, fl-Arġentina, fil-Kanada u fl-Istati Uniti.

B –  Is-suq ta’ prodotti

10      Ir-raża kolofonika hija raża naturali prodotta mill-arżnu. Hija teżisti fi tliet tipi : il-kolofon ta’ estrazzjoni, il-gamma ta’ kolofon u r-raża ta’ tall oil. Il-materja prima hija magħmula permezz ta’ proċeduri kimiċi li jinkludu, l-idroġenizzazzjoni, l-esterifikazzjoni, il-polimetrizzazzjoni u l-purifikazzjoni. Minn lat kimiku jew tekniku, raża kolofonika tista’ tiġi kklassifikata fil-kategoriji tas-sapun tal-kolofon, ta’ prodotti tar-raża, ta’ l-ester tal-kolofon, ta’ raża polimerika, ta’ raża maelika u fumarika mibdula. Ir-raża kolofonika hija komponent essenzjali fil-produzzjoni tal-linka tipografika. L-impriżi li jipproduċu linka tipografika huma dipendenti ħafna mill-fornitura tar-raża kolofonika u, skond ir-rikorrenti, kull sena jagħmlu sforzi kunsiderevoli sabiex jassiguraw il-fornitura neċessarja għall-produzzjoni tagħhom ta’ linka tipografika. Skond il-fatturati tagħhom, ir-rikorrenti jixtru 90 % tar-raża kolofonika ddestinata għall-applikazzjonijiet fis-settur tal-linka, li hija disponibbli fl-Ewropa. Ir-raża kolofonika tintuża wkoll għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra, bħall-verniċ, l-adeżivi (kolla), il-mediċini, iċ-chewing gum u s-sapun.

C –  Il-proċedura amministrattiva

11      Il-proġett ta’ konċentrazzjoni li bih Hexion, li tappartjeni lil Apollo, kienet qed taħseb biex tixtri, skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, kemm direttament, kemm permezz tas-sussidjarji miżmuma 100 %, il-kontroll ta’ l-attivitajiet kollha ta’ Akzo għax-xiri ta’ ishma u attiv ma kellux dimensjoni Komunitarja skond l-Artikolu 1(2) jew l-Artikolu 1(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Peress li kienu jafu li huma setgħu jiġu eżaminati fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet f’erba’ Stati Membri, il-partijiet tal-konċentrazzjoni ressqu quddiem il-Kummissjoni talba sabiex il-każ ikun riferut skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Peress li ebda wieħed mill-Istati Membri ma ddikjara li ma jaqbilx, fit-terminu ta’ żmien mogħti, il-konċentrazzjoni ġiet meqjusa bħala konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja u l-Kummissjoni rċeviet notifika dwar il-proġett ta’ konċentrazzjoni fit-18 ta’ April 2006.

12      Fil-25 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji ddettaljati lil wieħed u għoxrin kompetitur (iktar ’il quddiem il-“kwestjonarju lill-kompetituri”) u lil tlettax-il klijenti (iktar ’il quddiem il-“kwestjonarju lill-klijenti”) tal-partijiet tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq tar-raża kolofonika, raża idrokarbonika u dik imħallta. Dawn il-kwestjonarji kellhom jingħatalhom risposta qabel it-2 ta’ Mejju 2006. Il-Kummissjoni rċeviet risposti min-naħa ta’ tlettax-il kompetitur u minn għaxar klijenti.

13      Fit-28 ta’ April 2006, Flint ipprovdiet ir-risposta tagħha għall-kwestjonarju lill-klijenti. Fl-istess ġurnata, il-Kummissojni ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU C 102, p. 9) fejn stiednet lit-terzi kkonċenrati sabiex jibagħtulha, mhux iktar tard mit-8 ta’ Mejju 2006, l-osservazzjonijiet possibbli tagħhom fuq il-konċentrazzjoni.

14      Fl-4 ta’ Mejju 2006, wara li kisbet proroga ta’ jumejn tat-terminu ta’ żmien, Sun ipprovdiet ir-risposta tagħha għall-kwestjonarju lill-klijenti. Fl-10 ta’ Mejju 2006, Sun għamlet kuntatt mat-tim tal-Kummissjoni inkarigat mill-każ u ħalliet messaġġ vokali sabiex issir laqgħa sabiex tiddiskuti fuq il-konċentrazzjoni u fuq ir-risposta ta’ Sun għall-kwestjonarju. Fil-11 ta’ Mejju 2006, Sun indirizzat messaġġ b’posta elettronika lil wieħed mill-membri tat-tim inkarigat bil-faxxiklu fejn infurmat li hija kienet lesta tiltaqa’ mill-iktar fis possibbli mal-Kummissjoni sabiex tiddiskuti dan il-każ.

15      Fit-12 ta’ Mejju 2006, Siegwerk ipprovdiet ir-risposta tagħha għall-kwestjonarju lill-klijenti. Fl-istess ġurnata, Sun ipprovidet informazzjoni u spjegazzjonijiet addizzjonali fuq ir-raġunijiet li għalihom il-konċentrazzjoni kienet qed tinkwetaha. Il-Kummissjoni talbet lill-parti nnotifikata li tagħmel parti mir-rapporti tagħha fuq il-problemi mqajma minn Sun fl-osservazzjonijiet tagħha.

16      Fis-16 ta’ Mejju 2006, il-parti notifikanti indirizzat il-kummenti tagħha permezz tal-posta. Fis-17 ta’ Mejju 2006, Sun ippreżentat żewġ dokumenti li kien fihom l-osservazzjonijiet tagħha li fihom hija esponiet ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kellha tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni. L-informazzjoni pprovduta kienet tikkonċerna ż-żieda reċenti tal-prezzijiet, restrizzjonijiet ta’ kapaċità eżistenti fis-suq u d-diffikultajiet għall-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni li jbiddlu l-fornitur tagħhom. Il-Kummissjoni stiednet lill-parti notifikanti li tindirizzalha l-kummenti tagħha fuq l-aħħar osservazzjonijiet ta’ Sun.

17      Fit-18 u d-19 ta’ Mejju 2006, il-parti notifikanti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ tliet messaġġi b’posta elettronika.

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

18      Fid-29 ta’ Mejju 2006, skond l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha fil-każ COMP/M.4071 – Apollo/Akzo Novel IAR, fejn iddikjarat il-konċentrazzjoni nnotifikata bħala kompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

19      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett eżaminat, fil-premessi 10 sa 49, is-swieq tal-prodotti u s-suq ġeografiku kkonċernati, sussegwentement analizzat, fil-premessi 51 sa 80, l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fuq dawn is-swieq.

20      Fir-rigward tas-swieq tal-prodotti kkonċernati, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 8 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, sovrapożizzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ produzzjoni tar-raża kolofonika, ta’ raża idrokarbonika, ta’ raża alkyd u tixrid akriliku tal-partijiet tal-konċentrazzjoni. Hija rrilevat li din is-sovrapożizzjoni kienet tikkonċerna biss ir-raża użata sabiex tipproduċi l-linka. Filwaqt li ħalliet miftuħa l-kwistjoni tal-limitazzjoni preċiża tas-suq tal-prodotti kkonċernati, peress li hija kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma qajmitx problema ta’ kompetizzjoni indipendentement mid-definizzjoni stabbilita, il-Kummissjoni eżaminat kull waħda mir-raża ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka tipografika u hija kkunsidrat li r-raża kolofonika ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka tipografika kienet tappartjeni kollha kemm hi għall-istess suq ta’ prodotti.

21      Fir-rigward tas-suq ġeografiku kkonċernat, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessi 35 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan kien jirrigwarda ta’ l-anqas iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), iżda li dan is-suq seta’ jkun dinji. Hija ħalliet il-kwistjoni tad-definizzjoni preċiża miftuħa, filwaqt li osservat li l-evalwazzjoni finali baqgħet l-istess indipendentement mill-punt dwar jekk is-suq għandux jiġi ddefinit bħala li jkopri ta’ l-anqas iż-ŻEE jew għandux jiġi ddefinit bħala wieħed dinji.

22      Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq taż-ŻEE tar-raża kolofonika ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur ta’ linka tipografika, il-Kummissjoni evalwat, fil-premessi 51 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sehem fuq dan is-suq fl-2005 tal-partijiet tal-konċentrazzjoni u l-kompetituri tagħhom kif ġej : Hexion [10-20] %, Akzo Nobel IAR [20-30] % - jiġifieri parti mis-suq magħqud ta’ [30-50] % -, Arizona [10-20] %,, Cay Valley [10-20] %, Respol [0-10] %, DRT [0-10] %, Euro-Yser [0-10] %, Kraemer [<5] %, Westvaco [<5] %, oħrajn [0-10] %. Fuq livell tas-suq dinji tar-raża kolofonika, il-Kummissjoni evalwat is-sehem tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazzjoni għal [20-30] %, minħabba l-preżenza ta’ numru importanti ta’ kompetituri ġodda.

23      F’dak li jikkonċerna l-effetti antikompetittivi fuq dan is-suq, il-Kummissjoni bdiet billi esponiet fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata li ħdax mit-tlettax-il kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni kkunsidraw li l-operazzjoni ma kellhiex tali effetti, iżda li madwar in-nofs tal-klijenti li kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni tas-suq kienu ddikjaraw li t-tnaqqis fin-numru ta’ atturi u s-sehem tas-suq relattivament importanti ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni setgħu jwasslu għal żidiet fil-prezzijiet u limitazzjoni ta’ l-iżvilupp tal-prodotti.

24      Hija enfasizzat fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata li l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-parti l-kbira tal-klijenti kellhom bżonn ta’ kategoriji speċifiċi ta’ raża kolofonika għall-applikazzjoniijiet tagħhom u xi drabi r-raża kienet magħmula skond l-ispeċifikazzjoni tal-klijent, proċess li seta’ jieħu bosta xhur. Dan juri, fil-fehma tal-Kummissjoni, li l-prodotti mibjugħa fis-suq in kwisjtoni ma kinux omoġenji u li kienu jeżistu numru kbir ta’ produtturi fis-suq, li kien ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ simetrija f’termini ta’ sehem tas-suq. Hija rreferiet ukoll, fil-premessa 60, għall-preokkupazzjonijiet espressi minn madwar 30 % tal-produtturi fir-rigward ta’ l-impatt dejjem jikber fuq produtturi oħra stabbiliti barra miż-ŻEE, bħal Areż (iċ-Ċina). B’hekk il-Kummissjoni kkunsidrat li, bħala prinċipju, kien ftit probabbli li l-operazzjoni in kwistjoni kienet wasslet għal aġir koordinat kompetittiv. Madankollu, fir-rigward tal-fatt li żewġ atturi importanti kellhom jingħaqdu flimkien, l-operazzjoni setgħet, skond il-Kummissjoni, tagħti bidu fuq dan is-suq għal effetti antikompetittivi dovuti għal aġir unilaterali ta’ l-impriżi li huma partijiet tal-konċentrazzjoni.

25      Fil-premessi 62 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett eżaminat il-kapaċità ta’ produzzjoni u osservat li, skond ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq, dan ta’ l-aħħar ma kienx suġġett għal restrizzjonijiet fil-kapaċità. Hija rreferiet għall-premessa 64 fejn jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni fis-suq taż-ŻEE tar-raża kolofonika ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur tar-raża kien żdied għal madwar 144 000 t, il-produtturi li kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni tas-suq (Arizona, Cray Valley, Respol, Kraemer, Megara, Union Resinera u Eastman) kienu jirrappreżentaw 28 200 t tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni disponibbli, jiġifieri 19,5 % tal-produzzjoni totali fis-suq. Skond id-deċiżjoni kkontestata, jekk l-estimi tas-sehem li tikkonċerna l-produtturi l-oħra (fosthom DRT u Euro-Yser) kienu preċiżi, il-kapaċitajiet disponibbli kienu jikkorrispondu għal 41 % tal-produzzjoni totali fis-suq. Huwa affermat fil-premessa 65 li l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li kien jeżisti eċċess tal-kapaċità fis-suq, kif ammettiet il-maġġoranza tal-klijenti.

26      Il-premessi 66 u 67 sussegwentement jittrattaw preokkupazzjonijiet espressi minn wieħed mill-klijenti dwar, minn naħa, iż-żieda tal-prezzijiet tar-raża kolofonika minn Akzo u Hexion u, min-naħa l-oħra, problemi ta’ fornitura bejn Settembru u Diċembru kienu wasslu għal restrizzjonijiet li kienu ta’ piż fuq l-offerta matul ix-xhur in kwistjoni, fil-moment meta t-talba staġonali ta’ raża kolofonika hija l-iktar għolja. F’dan ir-rigward, il-premessa 67 tenfasizza li l-elementi ta’ prova mressqa mill-partijiet tal-konċentrazzjoni juru li l-problemi ta’ fornitura invokati ma kinux ġew ikkawżati minn sitwazzjoni antikompetittiva fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, fl-ewwel lok, dawn kienu pjuttost dovuti għal żieda fil-prezzijiet tal-materji primi li jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-produzzjoni ta’ raża kolofonika, bħal żejt mhux raffinat, il-gamma ta’ raża kolofonika u r-raża ta’ tall oil, li kienu suġġetti għal żidiet sinjifikattivi tal-prezz matul l-aħħar snin, il-prezz tal-gamma ta’ raża kolofonika kien żdied minn 500 dollaru ta’ l-Istati Uniti (USD) kull tunnellata f’Jannar 2004 għal madwar USD 1 250 fid-data tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, hija osservat li l-informazzjoni disponibbli kienet tikkonċerna l-problemi ta’ fornitura invokati minnhom tidher li tindika li dawn kienu dovuti minħabba problemi tekniċi li ltaqa’ magħhom fornitur partikolari jew minħabba waqfien fil-produzzjoni minħabba xogħlijiet ipprogrammati ta’ manutenzjoni, u mhux minħabba n-nuqqas ġeneralizzat ta’ kapaċità ta’ produzzjoni fis-suq kollu matul il-perijodu in kwistjoni. Minbarra dan, jirriżulta li l-klijent in kwistjoni seta’ jsib sorsi alternattivi ta’ fornitura li kienu jnaqqsu l-impatt ta’ dan in-nuqqas mhux mistenni.

27      Huwa affermat fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidher probabbli li kull tentattiv min-naħa ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li żżid unilateralment il-prezzijiet jista’ jiġi ostakolat mill-kompetituri importanti attwalment preżenti fis-suq, bħal Arizona, Cray Valley, Respol, u produtturi oħra żgħar li fl-istess ħin għandhom il-kapaċità disponibbli u l-għarfien tekniku sabiex jikkontrobattu kull aġir antikompetittiv.

28      Fil-premessi 69 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-eżerċizzju ta’ eventwali qawwa kumpensatorja tax-xerrej fuq il-produtturi tar-raża mill-produtturi tal-linka. Hija tirrileva, fil-premessa 69, li l-partijiet tal-konċentrazzjoni esponew li l-klijenti tagħhom huma fil-pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza fuq il-prezzijiet u li wħud fosthom, li jipproduċi huma stess raża kolofonika, jikkontrollaw b’suċċess il-fornituri tagħhom. Għal dak li jikkonċerna l-impatt tal-produzzjoni interna tar-raża kolofonika ta’ ċerti produtturi tal-linka, huwa osservat fl-istess premessa li, skond l-estimi tal-partijiet, tliet klijenti importanti għandhom produzzjoni interna sinjifikattiva: Flint u Siegwerk, li għandhom kapaċità ta’ produzzjoni stmata, rispettivament, għal madwar 25 0000 t u 12 000 t u l-kumpannija Huber, li reċentement xtrat Micro Inks u informat lill-fornituri tagħha li hija kienet ser tibda tgħaddi x-xiri tagħha fuq is-sussidjarja tagħha. Sussegwentement, huwa enfasizzat fil-premessa 70 li l-investigazzjoni stabbilixxiet li, bħala regola ġenerali, il-bejgħ tal-produtturi tar-raża kolofonika kien ikkonċentra fuq żewġ jew tliet klijenti kbar, l-ewwel ħames produtturi tal-link jirrappreżentaw madwar [80-90] % tal-bejgħ ta’ Hexion ta’ raża kolofonika, imħallta u idrokarbonika ddestinati għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka u [90-100] % ta’ dik ta’ Akzo. Minbarra dan, l-ewwel żewġ klijenti kienu jirrappreżentaw, rispettivament, [50-60] % u [70-80] % tal-bejgħ minn dawn iż-żewġ kumpanniji tar-raża kolofonika, imħallta u idrokarbonika ddestinati għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat fil-premessa 71 li d-dipendenza qawwija tal-partijiet fir-rigward ta’ numru ristrett ta’ klijenti kbar u l-kapaċità tal-produtturi l-oħra li jipprovdu lil dawn il-klijenti kien jikkostitwixxi ostaklu importanti għal eventwali aġir antikompetittiv unilaterali.

29      Huwa konkluż fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-konċentrazzjoni pproġettata ma tqajjimx problemi ta’ kompetizzjoni f’dak li jirrigwara r-raża kolofonika ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka tipografika.

 Il-proċedura

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti ressqu r-rikors preżenti.

31      B’att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqu wkoll talba għal proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

32      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2006, Apollo u Hexion talbu li jiġu awtorizzati jintervjenu fil-proċedura in sostenn tal-Kummissjoni.

33      Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal proċedura mħaffa li fihom hija indikat li, sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża, hija kellha tibbaża ruħha fuq informazzjoni u dokumenti kunfidenzjali ppreżentati mill-partijiet tal-konċentrazzjoni u minn terzi.

34      B’att separat ippreżentat fl-istess ġurnata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ressqet talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skond l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

35      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fit-8 ta’ Novembru 2006 ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti pparteċipaw f’laqgħa informali mat-tliet Imħallfin tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza li lilha ġie assenjat il-każ sabiex jeżaminaw il-possibbiltà li jilqgħu t-talba ta’ proċedura mħaffa. Matul din il-laqgħa, ir-rikorrenti ddikjaraw li, fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-proċedura mħaffa, huma ma kellhomx l-intenzjoni jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata.

36      Fl-14 ta’ Novembru 2006, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tilqa’ t-talba għal proċedura mħaffa.

37      Fis-16 ta’ Novembru 2006, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tirregola l-produzzjoni bħala provi fil-kawża preżenti ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti kunfidenzjali.

38      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Novembru 2006, wara li l-partijiet prinċipali nstemgħu, Apollo u Hexion ġew awtorizzati jintervjenu fil-proċedura in sostenn tal-Kummissjoni u jippreżentaw nota ta’ intervent, kif fil-fatt huma għamlu fit-8 ta’ Diċembru 2006.

39      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet rikorrenti, fejn stednithom jirrispondu għalihom matul is-seduta.

40      Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali kif ukoll fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2007.

41      Matul is-seduta, il-Kummissjoni qassmet il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dokument ġdid lill-membri tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lill-partijiet l-oħra. Wara li l-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet tagħhom, id-deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dan id-dokument bħala prova ġiet irriżervata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma ddaħlux fil-proċess.

 It-talbiet tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti tiltob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha :

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli f’dak li jikkonċerna Siegwerk u Flint;

–        tiċħad ir-rikors għall-bqija;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

44      Il-partijiet intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tagħhom u dawk sostnuti mill-intervenjenti.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.     L-argumenti tal-partijiet

45      Il-Kummissjoni ssostni li Siegwerk u Flint mhumiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Il-punt dwar jekk terza parti hijiex individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni tiddependi, minn naħa, mill-effett li d-deċiżjoni għandha fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva waħedha mhijiex biżżejjed, minħabba li l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jeżiġi kuntratt regolari mal-bosta impriżi. Parteċipazzjoni attiva għall-proċedura amministrattiva biss tikkostitwixxi element regolarment ikkunsidrat sabiex jiġi stabbilit, flimkien ma’ ċirkustanzi speċifiċi oħrajn, l-ammissibbiltà ta’ rikors, iktar u iktar meta din il-parteċipazzjoni attiva kellha impatt fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u fuq il-kontenut ta’ l-att ikkontestat.          

46      Madankollu, f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni ta’ Flint u ta’ Siegwerk fil-proċedura amministrattiva kienet limitata li jirrispondu għall-kwestjonarju lill-klijenti tal-Kummissjoni u r-risposti tagħhom fihom lacunae u huma ġenerali. Il-parteċipazzjoni limitata tagħhom ma kellha ebda effett partikolari fuq l-iżvolġiment tal-proċedura jew fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Bħala konsegwenza, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura amministrattiva ma tistax tiġi kkwalifikata bħala parteċipazzjoni attiva. L-investigazzjoni ma tippreċiża ebda ċirkustanza oħra li tiddistingwi dawn iż-żewġ impriżi minn klijenti oħra tal-partijiet tal-konċentrazzjoni. Il-konċentrazzjoni taffettwa l-pożizzjoni fis-suq ta’ Siegwerk u ta’ Flint bl-istess mod kif hija taffettwa dik ta’ kull xerrej ieħor ta’ raża kolofonika.

47      Skond il-Kummissjoni, ikun inġustifikat, f’dan il-każ, li Siegwerk u Flint jiġu awtorizzati jaġixxu fil-kuntest ta’ rikors li huma stess qatt ma setgħu jressqu. Ir-rikors huwa bbażat l-iktar fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Siegwerk fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju lill-klijenti tal-Kummissjoni rigward id-disponibbiltà tal-materji primi u la Sun u lanqas Flint ma kienu qajmu din il-problema ta’ disponibbiltà matul il-proċedura amministrattiva. Din in-nuqqas ta’ koerenza fir-risposti rispettivi tar-rikorrenti tikkostitwixxi raġuni oħra għala l-kompetenza li taġixxi ta’ kull parti għandha tiġi kkunsidrata separatament.

48      Ir-rikorrenti jikkunsidraw lilhom infushom direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, minħabba li din kienet ser taffettwa l-attivitajiet tagħhom, u b’mod partikolari l-fornitura tagħhom, peress li r-raża kolofonika tikkostitwixxi element vitali tal-produzzjoni tagħhom u hija parti kbira mill-prezz tal-prodott finali. Minbarra dan, ir-rikorrenti, qabel il-konċentrazzjoni, kienu l-klijenti prinċipali kemm ta’ Hexion kif ukoll ta’ Akzo u huma x-xerreja prinċipali ta’ raża kolofonika ta’ l­-industrija tar-raża tal-linka, li tirrappreżenta madwar 90 % tar-raża kolofonika mixtrija fiż-ŻEE. Ir-rikorrenti jqisu wkoll li huma kollha ħadu sehem attiv fil-proċedura amministrattiva.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

49      L­-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-kompetenza li taġixxi ta’ Sun. Fil-fatt, peress li Sun kienet ipparteċipat attivament fil-proċedura amministrattiva, ma hemm ebda dubju dwar l-ammissibbiltà tar­­­-rikors tagħha.

50      Madankollu, skond ġurisprudenza llum stabbilita sew, fir-rigard ta’ l-istess rikors, mhemmx lok li tiġi eżaminata l-kompetenza li jaġixxu tar-rikorrenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta´ l-24 ta´ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C­-313/90, Ġabra p. I­-1125, punt 31, u tal­-Qorti tal­-Prim’ Istanza tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T-374/00, Ġabra p. II-2275, punt 57 ; ara wkoll, f’dan is­-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, Ġabra p. II-1971, punt 82).

51      Ebda wieħed mill-elementi mressqa mill-Kummissjoni fil-każ preżenti ma jiġġustifika li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tirreferix għal din il-ġurisprudenza. Żgur li, f’ċerti kawżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet distinzjoni bejn ir-rikorrenti fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tar­­-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il-Kummissjoin, T­131/99, Ġabra p. II-2023, punt 12, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T-228/00, T­-229/00, T­-242/00, T-243/00, T­­-245/00 sa T-248­/00, T-250/00, T-252/00, T-256/00 sa T-259/00, T-265/00, T-267/00, T-268/00, T-271/00, T-274/00 sa T-276/00, T-281/00, T-287/00 u T-296/00, Ġabra P. II-787, punti 38 sa 45). Madankollu, dawn id-differenzi kienu fondati, bħal ma tirreferi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, fuq kunsiderazzjonijiet ta’ l-istruttura ta’ proċedura.

52      Madankollu, l-eżami li l-Kummissjoni tipproponi fil-każ in eżami jmur kontra dawn il-kunsiderazzjonijiet minħabba li, anki jekk wieħed kellu jippreżupponi li eżami separat ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Flint u ta’ Siegwerk juri li dawn m’għandhomx il-kompetenza li jaġixxu, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha madankollu teżamina r-rikors kollu kemm hu. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi mhemmx lok li d-dikjarazzjonijiet magħmula minn Flint u Siegwerk ma jiġux inklużi fl-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Peress li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ġew suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, dawn għandhom, b’kull mod, jiġu kkunsidrati fil-proċedura preżenti u l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jikkunsidra l-motivi u l-argumenti kollha mqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

53      B’hekk mhemmx iktar lok, minħabba raġunijiet ta’ struttura ta’ proċedura, li l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq minn Flint u Siegwerk jiġi eżaminat separatament.

B –  Fuq il-mertu tar-rikors

54      In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorreni jqajmu żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida u, it-tieni, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kienet wettqet. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu wkoll, fis-sustanza, dritt ibbażat fuq l-allegati insuffiċenzi ta’ motivazzjoni.

1.     Osservazzjonijiet preliminari

55      Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta mill-avviżi li hija tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, bil-kundizzjoni li jirrispettaw ir-regoli tat-Trattat u tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T-114/02, Ġabra p. II-1279, punt 143, u Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, T-119/02, Ġabra p. II-1433, punt 242).

56      Madankollu, jirriżulta mill-punt 5 tal-linji gwida li dawn jiddeskrivu l-metodu analitiku li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssegwi għall-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjonijiet orizzontali u li hija tapplika fil-funzjoni tal-fatti u ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari. Il-punt 13 jippreċiża li din mhijiex lista ta’ kontroll li għandha tiġi applikata mekkanikament fil-każijiet kollha, iżda li l-analiżi kompetittiva tibbaża ruħha wkoll, f’kull każ, fuq evalwazzjoni globali ta’ l-effetti prevedibbli tal-konċentrazzjoni, fid-dawl tal-fatturi u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, skond dan l-istess punt, “[l]-elementi [...] mhumiex rilevanti fil-każijiet kollha [...] u mhuwiex dejjem neċessarju li dawn jiġu kollha analizzati bl-istess grad ta’ preċiżjoni”.

57      Minn dan isegwi li l-linji gwida ma jeħtiġux eżami fil-każijiet ta’ l-elementi kollha msemmija fil-linji gwida, peress li l-Kummissjoni tiddisponi minn diskrezzjoni li tippermettilha li tieħu jew ma tiħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 53).

58      Minbarra dan, ma jistax jiġi dedott mill-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipprovdi motivi rigward l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-elementi ta’ dritt jew ta’ fatt kollha li jistgħu eventwalment jippreżentaw rabta mal-konċentrazzjoni nnotifikata u/jew li tqajmu matul il-proċedura amministrattiva. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu pjuttost jiġi adattat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ u jiġi evalwat skond il-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. B’hekk, għalkemm il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li jippermetti lil-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda, u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, fid-deċiżjoni tagħha, hija ma tinkludix motivazzjoni preċiża rigward l-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrulha manifestament barra l-iskop tagħha, mingħajr tifsira jew li jidhru b’mod ċar li huma sekondarji għall-evalwazzjoni tagħha (sentenza Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punti 184 sa 186).

59      Hemm lok li jiġi mfakkar li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji jibbenifikaw minn preżunzjoni ta’ validità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T-310/00, Ġabra p. II-3283, punt 55), u li l-legalità ta’ att individwali kkontestat għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fid-data meta l-att ġie adottat Konsegwentement, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata fir-rigward ta’ l-elementi fattwali li kienu jeżistu fil-jum meta ġiet adottata u mhux fid-dawl ta’ l-effetti fattwali li seħħu warajha.

60      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni mogħti lilha mir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet għandu jiġi limitat għall-verifika tar-rispett tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, in-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, Petrolessence u SG2R vs IL-Kummissjoni, T‑342/00, Ġabra. p. II‑1161, punt 101; tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II-3745, punt 151, u easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 44). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment korretti, affidabbli u konsistenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi tissostanzja l-konklużjonijiet milħuqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39).

61      Fl-aħħar nett, jirriżulta minn dak li ntqal li l-istħarriġ ġuridiku tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq id-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun limitat għall-uniku eżami ta’ teħid ta’ kunsiderazzjoni jew le tal-Kummissjoni ta’ elementi msemmija fil-linji gwida bħala rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tikkunsidra wkoll, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, jekk l-ommisjonijiet eventwali tal-Kummissjoni jistgħux jikkuntradixxu l-konklużjoni tagħha li din il-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T-210/01, Ġabra p. II-5575, punti 42 sa 44 u 48).

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida

62      L-ewwel motiv huwa artikolat fuq tliet partijiet li jikkonċernaw, rispettivament, is-sehem tas-suq kif ukoll il-livelli ta’ konċentrazzjoni, l-effetti mhux koordinati u l-effetti koordinati tal-konċentrazzjoni. Hemm lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan il-motiv qabel l-ewwel parti.

a)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida fir-rigward ta’ l-effetti mhux koordinati tal-konċentrazzjoni

63      Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, dwar l-effetti mhux koordinati tal-konċentrazzjoni in kwistjoni, ir-rikorrenti jqajmu ħames ilmenti dwar, fl-ewwel lok, il-kwalifika bħala kompetituri qrib il-partijiet tal-konċentrazzjoni, fit-tieni lok, il-kredibbiltà tal-fornituri alternattivi identifikati mill-Kummissjoni, it-tielet lok, il-possibbiltajiet għall-klijenti tal-partijet fil-konċentrazzjoni li jbiddlu l-fornitur, fir-raba’ lok, il-kapaċitajiet disponibbli fis-suq u, fil-ħames lok, il-kapaċità ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li trażżan l-espansjoni tal-kompetituri.

64      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu mfakkra l-elementi essenzjali tar-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti mhux koordinati. Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni li l-konċentrazzjoni pproġettata ma tqajjimx problema ta’ kompetizzjoni fuq erba’ elementi ta’ evalwazzjoni. Fl-ewwel lok, hija stabbilixxiet l-eċċess tal-kapaċità li kienet teżisti fil-każ tal-kompetituri Arizona, Cray Valley, Respol kif ukoll fil-każ ta’ produtturi oħra ta’ daqs iktar żgħir. Fit-tieni lok, hija kkunsidrat li ż-żieda fil-prezz u l-problemi ta’ fornitura matul il-perijodu massimu li klijent kien avża dwarhom jirriżultaw, skond il-provdi pproduti, minn żieda fil-prezzijiet tal-materji primi u minn diffikultajiet tekniċi temporanji ta’ produttur. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li Arizona, Cray Valley, Respol u produtturi ta’ daqs iżgħar kellhom kemm il-kapaċità kif ukoll l-għarfien li jippermettulhom jikkumbattu aġir antikompetittiv ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni. Fir-raba’ lok, hija tirrileva li l-klijenti ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni setgħu jeżerċitaw qawwa kumpensatorja li tirriżulta mill-importanza tagħhom, mill-produzzjoni interna ta’ xi wħud mill-produtturi tar-raża kolofonika (fosthom Flint u Siegwerk), mill-integrazzjoni vertikali fil-produzzjoni tar-raża kolofonika ta’ oħrajn (Huber) u mid-dipendenza tal-produtturi tar-raża kolofonika għall-bejgħ tagħhom ta’ żewġ jew tliet klijenti kbar.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-prossimità tar-relazzjonijiet kompetittivi tal-partijiet tal-konċentrazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

65      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina jekk il-partijiet tal-konċentrazzjoni kinux kompetituri fil-qrib, jekk fil-passat kinitx eżistiet rivalità bejniethom u jekk il-konċentrazzjoni kinitx ser telimina mutur importanti tal-kompetizzjoni. Ir-rikorrenti josservaw li huma rrispondew għall-kwestjonarju lill-kljienti tal-Kummissjoni, fl-ewwel lok, billi indikaw li Hexion u Akzo kienu l-fornituri prinċipali tagħhom. Fit-tieni lok, huma enfasizzaw li dawn iż-żewġ impriżi kienu fornituri indispensabbli ta’ l-ewwel u tat-tieni għażla tal-produtturi kbar tal-linka tipografika, minħabba li kienu iktar effiċjenti mill-kompetituri tagħhom biex jikkunsinnaw volumi kbar. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti kienet indikat, f’dak li jikkonċerna ċerti kategoriji ta’ raża kolofonika ddestinati għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka tipografika, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kellhom sengħa kunfidenzjali ħafna u kienu l-uniċi li kellhom aċċess għall-materji primi u għall-klijenti neċessarji sabiex jiżviluppawhom.

66      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat dawn il-kummenti u ma kinitx eżaminat jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni kinux kompetituri fil-qrib, skond il-linji gwida, lanqas jekk it-tnaqqis tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-konċentrazzjoni twassalx għal żieda fil-prezz, filwaqt li l-attivitajiet taż-żewġ partijiet tal-konċentrazzjoni jissovrapponu fuq xulxin. Ir-rikorrenti josservaw li iktar ma l-livell ta’ sostituzzjoni bejn il-prodotti tal-partijiet f’konċentrazzjoni hija għolja, li tinkludi l-kompetenzi tekniċi tagħhom u l-kapaċità ta’ produzzjoni rispettivi tal-fabbriki tagħhom, iktar huwa probabbli li dawn iżidu b’mod sinjifikattiv il-prezz tagħhom kif jirriżulta mill-konċentrazzjoni. Fir-rigward tad-daqs tagħha u tal-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli tagħha, l-għaqda bejn Hexion u Akzo kienet għamlet mill-entità parti minn konċentrazzjoni sieħba inevitabbli tar-rikorrenti fir-rigward ta’ fornitura, li tippermettila taġixxi b’mod totalment indipendenti fir-rigward ta’ l-atturi l-oħra kollha tas-suq, inklużi l-klijenti.

67      Il-Kummissjoni twieġeb li l-kwalifika tal-partijiet tal-konċentrazzjoni ta’ fornituri prinċipali mhijiex prova li huma kienu kompetituri fil-qrib skond il-linji gwida. Ta’ l-anqas tliet fornituri oħra setgħu jikkwalifikaw ukoll bħala fornituri prinċipali mir-rikorrenti (mingħajr ma tissemma l-preferenza), minn klijenti oħra kif ukoll minn kompetituri. Arizona u Cray Valley kellhom sehem tas-suq ta’ [kunfidenzjali] % u seba’ mit-tmien produtturi kienu indikaw li huma setgħu faċilment jipproduċu gamma ta’ raża kolofonika, ir-rikorrenti ma kinux sostnew l-allegazzjoni tagħhom li l-kompetituri ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni ma jistgħux jinvestu fl-iżvilupp ta’ tipi ta’ raża ġodda li potenzjalment jistgħu jagħmlu qliegħ. Huwa lanqas ma ressqu prova dwar l-eżistenza ta’ prossimità tal-gamma ta’ podotti tagħhom jew ta’ l-istrateġiji tagħhom fil-qasam ta’ kompetizzjoni.

68      Il-partijiet intervenjenti jżidu jgħidu li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li produtturi oħra setgħu jfixklu kull tentattiv min-naħa ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li żżid unilateralment il-prezzijiet, timplika li l-prodotti mmanifatturati mill-partijiet fil-konċentrazzjoni mhumiex iktar sostitwibbli bejniethom milli dawk tal-kompetituri tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

69      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx eżaminat b’mod espress jekk il-partijiet tal-konċentrazzjoni kinux kompetituri fil-qrib. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skond il-punt 28 tal-linji gwida, din il-prossimità hija evalwata fil-funzjoni tal-grad ta’ sostituzzjoni bejn il-prodotti tal-partijiet. Dan l-istess punt jippreċiża li indikazzjonijiet fir-rigward tal-grad ta’ sostituzzjoni jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-fatt li numru kbir ħafna ta’ klijenti jikkunsidraw il-partijiet magħqdua bħala l-ewwel jew it-tieni għażla tagħhom bħala fornituri, li r-rivalità bejn il-partijiet tal-konċentrazzjoni kienet sors ta’ kompetizzjoni importanti u li l-kompetituri tagħhom jipproduċu sostituti li huma ftit qrib mal-prodotti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni.

70      B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx segwiet il-linji gwida meta ma eżaminatx jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoin kinux kompetituri fil-qrib.

71      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-argument tar-rikorrenti li huma kienu indikaw lill-Kummissjoni li l-partijiet tal-konċentrazzjoni kienu l-fornituri prinċipali tagħhom, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti kienu wkoll innominaw l-impriżi Arizona, Cray Valley u Repsol bħala l-fornituri prinċipali tagħhom u li l-klijenti l-oħra kienu żiedu ma’ din il-lista l-impriżi Arez, Westvaco, Resinall u DRT (risposti għall-mistoqsijiet 35 u 36 tal-kwestjonarju lill-klijenti). Minbarra dan, fost ir-rikorrenti, kienet Siegwerk biss li indikat b’mod ċar li l-partijiet tal-konċentrazzjoni kienu l-ewwel fornituri tagħha, filwaqt li Flint u Sun ma kienu għamlu ebda klassifika fost il-fornituri prinċipali tagħhom. Fost il-klijenti l-oħra, tnejn biss kienu ppreżentaw lill-partijiet tal-konċentrazzjoni bħala li kienu l-ewwel u t-tieni fornituri tagħhom (Ciba Speciality Chemicals issemmi Hexion u Akzo, Van Son issemmi Hexion), iżda ebda waħda fosthom ma speċifikat jekk dan kienx il-każ għar-raża kolofonika. Il-kljienti l-oħra ma kinux ipproċedew għal klassifika. Minbarra dan, Huber tavża li Hexion tilfet sehem tas-suq, Van Sion tindika li Akzo tilfet sehem tas-suq u Epple Druckfarben tindika li ż-żewġ partijiet tal-konċentrazzjoni tilfu sehem tas-suq.

72      Fid-dawl ta’ dawn ir-risposti kollha, għandu jiġi konkluż li l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-klijenti l-oħra li l-partijiet tal-konċentrazzjoni kienu l-fornituri prinċipali tagħhom qabel il-konċentrazzjoni ma jurux li numru kbir ħafna ta’ klijenti kienu jikkunsidrawhom bħala l-ewwel jew it-tieni għażla tagħhom skond il-punt 28 tal-linji gwida (ara l-punt 69 iktar ’il fuq). B’hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, dawn l-indikazzjonijiet ma jsostnux l-argumenti tagħhom li l-partijiet tal-konċentrazzjoni huma kompetituri fil-qrib skond il-linji gwida.

73      Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-argument li l-partijiet tal-konċentrazzjoni huma fornituri indispensabbli għall-produtturi l-kbar ta’ linka tipografika, minħabba li huma iktar effettivi mill-kompetituri tagħhom sabiex jipprovdu l-volumi kbar neċessarji, għandu jiġi rrilevat li Flint u Sun għamlu referenza, fir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet 40 u 45 (Flint) kif ukoll 42 (Sun) tal-kwestjonarju lill-kljienti, għall-importanza tal-volumi tar-raża kolofonika li jistgħu jipprovdu lill-produtturi. Jirriżulta mill-faxxiklu amministrattiv li tlieta mill-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni jiddikjaraw li l-volumi huma importanti mill-fatt tan-numru ristrett ta’ klijenti li għandhom bżonnijiet globali kbar u li jixtru 90 % tar-raża ddestinata għal-linka tipografika (risposti ta’ Neville, ta’ Cray Vallet u ta’ Respol għall-mistoqsija 40 tal-kwestjonarju lill-kompetituri).

74      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-faxxiklu amministrattiv li r-rikorrenti jieħdu wkoll mingħand produtturi iżgħar bħal Megara u Kraemer (risposti ta’ Megara u ta’ Kraemer għall-mistoqsija 48 tal-kwestjonarju lill-kompetituri). Dan il-fatt jindika, ta’ l-anqas għal ċerti tipi ta’ raża kolofonika, li l-kompetituri iżgħar mill-partijiet tal-konċentrazzjoni jistgħu jissodisfaw it-talbiet tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-impriżi iżgħar huma flimkien parti mis-suq li ma jistax ma jiġix ikkunsidrat (madwar 21 % skond il-Kummissjoni) u li huma għandhom eċċess tal-kapaċità. Minbarra dan, is-sehem tas-suq ta’ Arizona, ta’ Cray Valley kif ukoll ta’ Respol jindikaw li huma jinsabu fil-pożizzjoni li jipprovdu l-volum kollu meħtieġ. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li huma għandhom ukoll eċċess tal-kapaċità importanti. Minbarra dan, Arez hija magħżula minn tnejn mill-klijenti li rrispondew għall-mistoqsija 35 tal-kwestjonarju lill-klijenti bħala waħda mill-fornituri prinċipali tagħhom u l-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impatt dejjem jikber ta’ Arez fuq is-suq. Fl-aħħar nett, il-fatt li klijenti oħra indikaw Westvaco, Resinall u DRT (fornituri iktar żgħar) bħala l-fornituri prinċipali tagħhom juri li l-bżonn ta’ volumi kbar magħmula mir-rikorrenti ma jikkonċernax it-talba kollha eżistenti fis-suq.

75      Fid-dawl ta’ dawn it-twegħġibiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-indikazzjoni tar-rikorrenti u ta’ ċerti kompetituri li jeżisti bżonn ta’ volumi kbar min-naħa tar-rikorrenti ma jurix, minn dan il-fatt, li l-prodotti tal-kompetituri huma sostituti inqas importanti, għall-klijenti, mill-prodotti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, din l-indikazzjoni ma ssostnix l-argument tagħhom li l-partijiet tal-konċentrazzjoni huma kompetituri fil-qrib skond il-linji gwida.

76      Fir-rigward, fit-tielet lok, ta’ l-argument li l-partijiet tal-konċentrazzjoni huma l-uniċi li għandhom għerf tas-sengħa li huwa sigriet ħafna, materji primi u klijenti neċessarji sabiex jiżviluppaw ċerta tip ta’ raża, għandu jiġi rrilevat li kważi l-kompetituri kollha tal-partijiet tal-konċentrazzjoni indikaw li huma setgħu faċilment jipproduċu l-gamma sħiħa ta’ raża kolofonika (risposti għall-mistoqsija 25 tal-kwestjonarju lill-kompetituri). Jekk ir-rikorrenti jikkontestaw dan il-fatt, b’mod partikolari dak li jikkonċerna Arizona, madakollu għandu jiġi osservat li huma ma ressqu ebda prova f’dan ir-rigward u li Arizona kienet ukoll affermat, bħala risposta għall-mistoqsija 25 tal-kwestjonarju lill-kompetituri, li hija setgħet faċilment tipproduċi l-gamma kollha ta’ raża kolofonika. Minbarra dan, is-sehem tas-suq ta’ Arizona u ta’ Cray Valley jindikaw li huma għandhom klijentela li minn punt kwantitattiv tixbah dik ta’ Hexion qabel il-konċentrazzjoni. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma ppreċiżawx kif kienu jikkonsistu, f’dan il-każ, id-diffikultajiet ta’ aċċess allegati għall-materji primi neċessarji. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tawx provi biżżejjed għall-argument tagħhom.

77      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdew ebda indikazzjoni barra dawk imfakkra fil-punti preċedenti li jistgħu jsostnu l-argument speċifiku li kienet teżisti rivalità partikolari bejn il-partijiet tal-konċentrazzjoni fil-passat. Bl-istess mod, huma ma sostnewx l-allegazzjoni tagħhom li l-konċentrazzjoni eliminat mutur importanti tal-kompetizzjoni skond il-punti 37 u 38 tal-linji gwida.

78      Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-partijiet tal-konċentrazzjoni kienu kompetituri fil-qrib skond il-linji gwida. Konsegwentement, u fid-dawl ta’ l-elementi rrilevati mill-partjiet u eżaminati iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prossimità tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet tal-konċentrazzjoni. Għaldaqstant, peress li n-nuqqas ta’ tali analiżi ma jqiegħedx f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-kredibbiltà tal-fornituri alternattivi

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod korrett jekk il-kompetituri li baqgħu fis-suq setgħux jiġu kkunsidrati bħala fornituri kredibbli għall-industrija tal-linka tipografika. Meta hija tafferma, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata li “jidher probabbli li [...] ta’ atturi oħra inqas importanti [...] kemm il-kapaċità u l-għarfien [sabiex ikunu fornituri kredibbli]”, il-Kummissjoni kienet injorat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti li jindikaw li, qabel il-konċentrazzjoni, kienu jeżistu biss erba’ jew ħames atturi (prinċipali) fis-suq li kien jistħoqqilhom li jittieħdu in kunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant stmat in-numru ta’ fornituri kredibbli bħala tlettax. Kuntrarjament għall-prassi li hija kienet segwiet sal-preżent, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li fornituri li kienu jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-volum total tal-fornituri setgħu jiġu kkunsidrati bħala kompetituri kredibbli u, b’hekk, jiġu kkunsidrati li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva suffiċjenti.

80      Skond ir-rikorrenti, jirriżulta ċar mid-deċiżjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni fatturi bħall-kredibbiltà tal-fornituri “marġinali” [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/174/KE tat-3 ta’ Mejju 2002, fejn tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.1693 – Alcoa/Reynolds) (ĠU L58, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Alcoa/Reynolds”)], il-kredibbiltà tagħhom inkwantu fornituri għal żmien twil ta’ kwantitajiet suffiċjenti meta l-kunsinna tagħhom fuq bażi irregolari ta’ kwantitajiet żgħar maqsuma ma jagħmluhomx għażla għall-klijenti (Deċiżjoni Alcoa/Reynolds), il-possibbiltà għall-klijenti l-kbar li jbiddlu x-xiri tagħhom effettwat mingħand fornituri tas-suq kbar fuq numru akbar ta’ fornituri żgħar [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/553/KEE tat-22 ta’ Lulju 1992, dwar proċedura skond ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet (Każ IV/M.190 – Nestlé/Perrier) (ĠU L 356, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nestlé/Perrier”)] u l-kapaċità ta’ fornituri oħra iżgħar li jwettqu għal żmien qasir l-ordnijiet għal sehem sinjifikattiv tas-suq [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/535/KEE tad-19 ta’ Lulju 1992, li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ konċentrazzjoni (Każ IV/M068 – Tetra Pak/Alfa- Laval), iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Tetra Pak/Alfa-Laval”].

81      Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikorrenti jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq mogħtija mill-Kummissjoni, minħabba li bosta mill-kompetituri ta’ daqs ħafna iżgħar jistgħu jkunu fil-pożizzjoni li jipprovdu lil klijenti ta’ daqs ħafna iżgħar, iżda ma jkunux kapaċi jkopru l-bżonnijiet iktar importanti, bħal dawk tar-rikorrenti. B’hekk il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina jekk kienx hemm lok li s-suq tar-raża kolofonika ddestinat għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka tipografika jiġix maqsum fi, minn naħa, dak tal-klijenti l-kbar u, min-naħa l-oħra, dak tal-klijenti ż-żgħar.

82      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skond is-sehem tagħhom mis-suq, Arizona, Cray Valley u Respol huma fornituri alternattivi kredibbli li wkoll għandhom eċċess tal-kapaċità ta’ produzzjoni importanti. Fir-rigward tal-fornituri iżgħar, il-kwistjoni rilevanti mhijiex jekk kull fornitur żgħir jistax jikkompeti mal-fornituri prinċipali, iżda li jiġi ddeterminat jekk dawn jistgħux, flimkien, jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq l-entità parti minn konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-fornituri ta’ daqs iktar żgħir jirrappreżentaw minn 21 sa 25 % tal-kapaċità totali ta’ produzzjoni ta’ raża kolofonika, li l-parti l-kbira tal-produtturi tar-raża kolofonika kkonfermaw li huma kienu fil-pożizzjoni li faċilment jipproduċu l-gamma kolla ta’ raża kolofonika u li r-rikorrenti ħadu wkoll mingħand kompetituri ta’ daqs iktar żgħir, li jinkludu Megara u Kraemer. Huwa wkoll irrileva fid-deċiżjoni kkontestata li produtturi esterni għaż-ŻEE, b’mod paritkolari Arez, jistgħu jkunu fornituri alternattivi kredibbli. Fl-aħħar nett, skond il-Kummissjoni, il-fatti tal-każijiet li taw lok għad-Deċiżjonijiet Alcoa/Reynolds, Nestlé/Perrier u Tetra Pak/Alfa-Laval huma differenti minn dawk ta’ din il-kawża.

83      Il-partijiet intervenjenti jsostnu r-raġunament tal-Kummissjoni, b’mod partikolari b’referenza għal dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti matul laqgħat komuni li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn id-dikjarazzjonijiet juru li, fil-fatt, ir-rikorrenti jixtru kwantitajiet kunsiderevoli ta’ raża kolofonika mingħand kompetituri differenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni. Il-partijiet intervenjenti jaffermaw ukoll li r-rikorrenti ma ressqux il-prova li l-fornituri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex alternattivi kredibbli.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

84      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kapaċità ta’ produzzjoni u, b’mod paritkolari, l-eċċess tal-kapaċità tal-fornituri preżenti fis-suq, li jinkludu kompetituri ta’ daqs ħafna iżgħar mill-partijiet tal-konċentrazzjoni. Jirriżulta mill-punt 31 tal-linji gwida li jista’ jkun diffiċli għall-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni li jbiddlu t-talba tagħhom fuq fornituri oħra meta jeżistu ftit minnhom jew l-ispejjeż marbuta mal-bdil ta’ din it-talba jkunu għolja wisq u li, b’hekk, il-konċentrazzjoni tista’ tinfluwenza l-kapaċità ta’ dawn il-klijenti li jipproteġu lilhom infushom kontra ż-żieda fil-prezz.

85      B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni segwietx il-linji gwida meta kkunsidrat li produtturi iżgħar kinux fornituri alternattivi kredibbli.

86      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti indikaw, matul il-proċedura amministrattiva, li ma kienx hemm fornituri alternattivi u li numru ristrett ta’ produtturi biss (Akzo, Hexion, Arizona, Respol u Cray Valley) kienu kapaċi jipproduċu raża li setgħet tiġi użata sabiex tipproduċi linka tipografika (risposti ta’ Siegwerk għall-mistqosijiet 12 u 15 tal-kwestjonarju lill-klijenti), li l-istess ħames impriżi kienu l-fornituri prinċipali tar-raża kolofonika fl-Ewropa (risposta ta’ Flint għall-mistoqsija 36 tal-kwestjonarju lill-klijenti) u li kien jeżisti numru limitat ħafna ta’ fornituri (Akzo, Hexion, Arizona u Cray Valley) (risposti ta’ Sun għall-mistoqsijiet 36 u 40 tal-kwestjonarju lill-klijenti).

87      Madankollu, diġà ntqal li jirriżulta wkoll mill-proċess li klijenti oħra kienu għażlu produtturi iktar żgħar oħra bħala l-fornituri prinċipali tagħhom (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti jieħdu wkoll mingħand kompetituri iżgħar mill-partijiet tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 74 iktar ’il fuq), li l-impriżi iktar żgħar flimkien għandhom sehem tas-suq importanti u li għandhom eċċess tal-kapaċità (ara l-punt 74 iktar ’il fuq) u, fl-aħħar nett, li kważi l-kompetituri kollha tal-partijiet tal-konċentrazzjoni indikaw li huma setgħu faċilment jipproduċu gamma sħiħa ta’ raża kolofonika (ara l-punt 76 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida meta inkludiet il-kompetituri ta’ daqs ħafna iżgħar mill-partijiet tal-konċentrazzjoni fil-grupp ta’ fornituri alternattivi kredibbli. B’mod partikolari, fir-rigward tas-sehem tas-suq magħqud tagħhom u għall-eċċess tal-kapaċità tagħhom, l-elementi tal-proċess ma jippermettux li jiġi eskluż li l-kompetituri ta’ daqs żgħir ħafna jistgħu, għall-anqas fir-riwgard tal-klijenti li indikawhom bħala l-fornituri prinċipali tagħhom, jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq l-entità parti minn konċentrazzjoni.

88      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li fuqha jibbażaw ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ fornituri alternattivi għandha ssir fil-funzjoni taċ-ċirkustanza ta’ kull każ partikolari. Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fuq iċ-ċirkustanzi attwali tal-każijiet preċedenti ma jistgħux jiġu trasposti f’dan il-każ partikolari. Il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li m’għamlitx l-istess evalwazzjonijiet fuq il-fatti tal-każ in eżami u fuq dawk tal-każijiet li għalihom qed issir referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza General vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punti 118 sa 120).

89      Fl-aħħar lok, għandu jiġi mfakkar li, jekk ir-rikorrenti jsostnu li bosta kompetituri ta’ daqs ħafna iżgħar jistgħu jkunu fil-pożizzjoni li jipprovdu lil kljienti ta’ daqs ħafna iżgħar, iżda li mhumiex kapaċi li jkopri l-bżonnijiet iktar importanti bħal dawk tar-rikorrenti, huma madankollu kkonfermaw, matul il-laqgħa informali tat-8 ta’ Novembru 2006, li huma ma jikkontestawx id-definizzjoni tas-suq mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tal-fornituri alternattivi m’għandhiex tiġi effettwata fir-rigward biss tal-bżonnijiet allegati tal-kljienti l-kbar bħar-rikorrenti, iżda għandha tkopri l-bżonnijiet tat-talbiet kollha eżistenti fis-suq. Għall-bqija, dan l-argument jiġi konfuż ma dak eżaminat fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq u għandu, minħabba dan il-fatt, jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida meta kkunsidrat li l-kompetituri iżgħar mill-partijiet tal-konċentrazzjoni kienu fornituri alternattivi kredibbli. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-possibbiltà għall-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni li jbiddlu l-fornitur

–       L-argumenti tal-partijiet

91      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha teżamina l-possibbiltajiet tal-klijenti ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li jbiddlu l-fornitur. Għall-impriżi li jipproduċu linka, li jirrikorru għal fornituri alternattivi tar-raża kolofonika, dan huwa proċess kumpless u jitlob żmien eċċezzjonalment twil, kif ġie stabbilit mir-risposti tar-rikorrenti għall-kwestjonarju lill-klijenti u l-informazzjoni addizzjonali prodotta. Ir-rikorrenti indikaw ukoll li, minħabba testijiet fil-laboratorju u testijiet addizjonali ta’ produzzjoni neċessarji sabiex jivvalidaw fornitur ġdid, normalment ikun hemm żmien ta’ [kunfidenzjali] sabiex tiġi introdotta raża ġdida, iżda li, għal ċerti tipi ta’ linka, il-proċess jista’ jieħu iktar minn [kunfidenzjali]. Konsegwentement, anki meta jiġi aċċettat li jistgħu jintużaw fornituri alternattivi kredibbli, il-klijenti jkunu fl-inkapaċità li “jheddu, b’mod kredibbli, li jirrikorru f’terminu ta’ żmien raġonevoli għal sorsi oħra ta’ fornitura [...] jekk [il]-fornitur jiddeċiedi li jżid il-prezzijiet tiegħu”, kif ukoll dak imsemmi fil-punt 65 tal-linji gwida. Madankollu, il-Kummissjoni kienet injorat l-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fuq id-diffikultajiet u l-possibbiltà ta’ attwazzjoni ta’ bdil ta’ fornitur.

92      Il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti ma sostnewx l-agument tagħhom biżżejjed, minħabba li, jekk ċerta raża tidher fil-fatt li teħtieġ żmien ta’ kwalifikazzjoni importanti, raża oħra jidhru li jistgħu jippermettu bdil ta’ fornitur fi żmien qasir. B’mod partikolari, ċerta tip ta’ raża prodotta minn fornituri differnentt tista’ tiġi prekwalifikata, li jippermetti sostituzzjoni ta’ malajr. Minbarra dan, fil-każ fejn il-kuntratti huma konklużi medjament għal żmien minn wieħed sa tliet snin, b’negozjar mill-ġdid fuq bażi annwali, u fejn il-perijodi ta’ kwalifika, skond ċerti klijenti, idumu [kunfidenzjali], perijodu ta’ kwalifikazzjoni ta’, per eżempju, sitt xhur jippermetti mingħajr diffikultà li jinbidel il-fornitur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tafferma li ħadet in kunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fil-premessi 21 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata.

93      Il-partijiet intervenjenti jsostnu li x-xerrejja ta’ raża kbar, u b’mod partikolari r-rikorrenti, isegwu strateġiji ta’ fornitura multipli u li, għaldaqstant, huma jivvalidaw normalment bosta fornituri billi jikkwalifikaw ir-raża importanti. B’hekk, huma jistgħu jbiddlu malajr il-fornitur għal din ir-raża.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

94      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-premessi 21 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata li, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti in kwistjoni u dak ta’ l-eżami ta’ l-eventwali effetti antikompetittivi koordinati tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-perijodi, il-verifiki u l-adattamenti neċessarji għas-sostituzzjoni, mil-lat tal-klijenti, tat-tipi ta’ raża kolofonika minn oħrajn kif ukoll il-produzzjoni skond ordnijiet ta’ ċerti tipi ta’ raża kolofonika.

95      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni segwietx il-linji gwida meta ma pproċedietx, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-effetti mhux koordinati tal-konċentrazzjoni, għal analiżi, bħal dik li għamlu referenza għaliha r-rikorrenti, tad-diffikultajiet tal-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni li jbiddlu l-fornitur minħabba n-neċessità li jikkwalifikaw ir-raża kolofonika.

96      Fl-ewwel lok, ir-risposti tar-rikorrenti għall-kwestjonarju lill-klijenti jindikaw li bdil tal-fornitur mhuwiex possibbli f’termini ta’ żmien qosra (risposta ta’ Sun għall-mistoqsija 7 tal-kwestjonarju lill-kljienti), li dan jista’ jieħu [kunfidenzjali] (risposta ta’ Flint għall-mistoqsija 13 tal-kwestjonarju lill-klijenti), [kunfidenzjali] (risposta ta’ Sun għall-mistoqsija 13 tal-kwestjonarju lill-klijenti) u [kunfidenzjali] (risposti ta’ Siegwerk għall-mistoqsijiet 7 u 13 tal-kwestjonarju lill-klijenti). Fl-istess żmien, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni indikaw li t-tul ta’ żmien tal-kuntratti ta’ fornitura jvajra b’mod ġenerali minn tliet xhur sa tliet snin, flimkien ma’ negozjati mill-ġdid annwali fil-każ ta’ kuntratti pluriannwali. Għaldaqstant, il-perijodi ta’ kwalifika u d-dewmien tal-kuntratti huma minn dan il-punt varji, id-diffikultajiet allegati jaffettwaw il-bdil ta’ ordnijiet fuq fornituri oħra, dejjem jekk wieħed jippresupponi li dawn jeżistu, jistgħu jikkonċernaw biss parti mill-ordnjiet, jiġifieri, b’mod ġenerali, raża kolofonika li għaliha ma jeżistux ekwivalenti għand il-fornituri kompetituri (ara l-punt segwenti) u li għalihom il-perijodi ta’ kwalifika itwal huma neċessarji. B’hekk, l-argument tar-rikorrenti jikkonċerna biss, f’kull ipoteżi, is-settur tas-suq in kwistjoni.

97      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta minn korrispondenza b’posta elettronika, ippreżentata minn Sun matul il-proċedura amministrattiva li, [kunfidenzjali]. B’hekk, anki jekk Sun argumentat matul is-seduta li din kienet sitwazzjoni ta’ urġenza, jirriżulta minn dan li, fil-każ ta’ bżonn, il-kwalifika ta’ tipi ta’ xi raża kolofonika ekwivalenti għal dawk użati mir-rikorrenti tista’ ssir fi żmien qasir, li jippermetti tibdil ta’ ordnijiet ta’ malajr fuq fornituri oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li kważi l-produtturi kollha indikaw fir-risposti tagħhom għall-mistoqsija 25 tal-kwestjonarju lill-kompetituri li huma kienu fil-pożizzjoni li jipproduċu gamma sħiħa ta’ raża kolofonika.

98      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, bħala risposta għall-mistoqsija 42 tal-kwestjonarju lill-klijenti, Sun spjegat li, għall-prodotti l-iktar importanti tagħha, hija fittxet li jkollha żewġ jew tliet fornituri prekwalifikati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li prekwalifikazzjoni tar-raża kolofonika ta’ bosta fornituri għall-istess applikazzjoni tippermetti fornitura mingħand bosta fornituri għall-istess raża, jew għal tipi ta’ raża ekwivalenti, u għal bdil iktar malajr ta’ fornitur fil-każ ta’ bżonn. Konsegwentement, jirriżulta mill-faxxiklu amministrattiv li, skond il-prekwalifika ta’ bosta fornituri, ir-rikorrenti jistgħu jbiddlu l-ordnijiet tagħhom ta’ raża kolofonika importanti fuq fornituri oħra f’termini ta’ żmien iktar qasir.

99      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx id-diffikultajiet kunsiderevoli biex ibiddlu fornitur li huma allegaw fir-rigward tan-neċessità li jikkwalifikaw raża tal-kolofon u li jqiegħdu lill-klijenti fl-inkapaċità li jheddu, b’mod kredibbli, li jirrikorru f’terminu ta’ żmien raġonevoli għal sorsi ta’ fornitura oħra jekk l-entità parti minn konċentrazzjoni tiddeċiedi li żżid il-prezzijiet tagħha b’mod mhux kompetittiv. Konsegwentement, u fid-dawl ta’ l-elementi rrilevati mill-partijiet u eżaminati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma daħlitx fil-fond fl-analiżi tagħha lil hinn mill-kunsiderazzjoni, fil-premessi 21 u 60 tad-deċżjoni kkontestata, tal-limitazzjonijiet ta’ sostituzzjoni ta’ raża kolofonika. B’hekk, peress li n-nuqqas ta’ l-analiżi li għaliha għamlu referenza r-rikorrenti ma jqiegħedx f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-fatt ta’ żbalji relatati ma’ kapaċità eżistenti fis-suq

100    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tivverfika l-eżistenza ta’ kapaċità disponibbli jew eċċessiva fis-suq. Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni analizzat l-ostakli għall-kapaċità ta’ produzzjoni u l-possibbiltà għall-kompetituri li jżidu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom, iżda li hija kienet waslet għal konklużjoni żbaljata.

101    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma takkużax, permezz ta’ dan l-ilment, lill-Kummissjoni b’nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-linji gwida minħabba l-fatt li ma effettwatx analiżi tal-kapaċità disponibbli fis-suq, iżda hija takkużaha li wettqet żbalji meta effettwat din l-analiżi. Madankollu, din il-kwistjoni tirrigwarda l-ewwel parti tat-tieni motiv u ser tiġi eżaminata f’dan il-kuntest (ara l-punti 162 et seq iktar ’il quddiem).

 Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-kapaċità ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li timpedixxi l-espansjoni tal-kompetituri

–       L-argumenti tal-partijiet

102    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tanalizza jekk l-entità parti minn konċentrazzjoni setgħetx trażżan l-espansjoni tal-kompetituri. Huma jikkontestatw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-maġġoranza tal-kompetituri, ħdax fuq tlettax, iqisu li l-konċentrazzjoni mhux ser ikollha effetti antikompetittivi. Hija ssosnti li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tesponi l-motivi li għalihom hija tikkunsidra li r-restrizzjoni subita mill-impriżi magħquda hija tali li ma jżidux il-prezzijiet jew li ma jiħdux miżuri oħra li huma ta’ dannu għall-kompetizzjoni.

103    Il-Kummissjoni tirrispondi li dan l-argument mhuwiex motivat bi kwalunkwe mod u li l-mistoqsija mqajma mir-rikorrenti kienet ġiet diskussa fit-tul fil-premessi 62 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

104    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex eżami espress tal-kapaċità ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li timpedixxi l-espansjoni tal-kompetituri.

105    B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni segwietx il-linji gwida meta ma pproċedietx għal analiżi tal-kapaċità ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li trażżan l-espansjoni tal-kompetituri.

106    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-punt 36 tal-linji gwida jipprovdi li ċerti proġetti ta’ konċentrazzjoni jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva billi jżommu l-entità parti minn konċentrazzjoni f’pożizzjoni li tippermettilha li timpedixxi l-espansjoni tal-kompetituri u li, f’każ simili, il-kompetituri jistgħu ma jkunux fil-pożizzjoni li jeżerċitaw restrizzjoni tali fuq l-entità parti minn konċentrazzjoni ħlief jekk hija ma tiħux miżuri dannużi għall-kompetizzjoni. Tali pożizzjoni tista’ tirriżulta, per eżempju, minn stħarriġ fuq l-offerta ta’ riżorsi neċessarji għall-produzzjoni, fuq il-possibbiltajiet ta’ distribuzzjoni kif ukoll fuq il-privattivi u s-saħħa finanzjarja ta’ l-entità in kwisjtoni.

107    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqux elementi skond il-punt 36 tal-linji gwida sabiex isostnu l-argument speċifiku tagħhom li l-entità parti minn konċentrazzjoni tibbenefika minn pożizzjoni li tippermettilha timpedixxi l-espansjoni tal-kompetituri. Jekk dawn isostnu, f’kuntest ieħor, li l-entità parti minn konċentrazzjoni tista’, fid-dawl tad-daqs tagħha, ta’ l-infrastruttura tagħha jew ta’ l-esperjenza tagħha, tikseb livell għoli ta’ kontroll jew ta’ influwenza fuq il-fornitura ta’ gamma ta’ kolofoni u tibbenefika minn saħħa ta’ negozjar ħafna iktar wiesa’ minn dak tal-kompetituri tagħha (ara l-punt 148 iktar ’il quddiem), il-Kummissjoni madankollu rrilevat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-entità parti minn konċentrazzjoni ser tixtri biss 5 sa 10 % tal-produzzjoni dinjija ta’ gamma ta’ kolofon, li jfisser li mhemmx saħħa qawwija ta’ xiri (ara l-punt 154 iktar ’il quddiem). B’hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li, f’dan il-każ, eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-entità parti minn konċentrazzjoni għandhiex kapaċità li trażżan l-espansjoni tal-kompetituri huwa impost fuq il-Kummissjoni.

108    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament irrilevat li, bħala risposta għall-allegazzjoni li hija kellha l-obbligu li tesponi l-motivi għaliex tikkunsidra li l-partijiet tal-konċentrazzjoni ma jżidux il-prezzijiet tagħhom, li d-deċiżjoni kkontestata tesponi, fil-premessi 62 sa 74, ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-entità parti minn konċentrazzjoni ser tissubixxi restrizzjonijiet kompetittivi li jimpedixxuha milli tieħu miżuri dannużi għall-kompetizzjoni.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma pproċedietx għal analiżi tal-kapaċità ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li trażżan l-espansjoni tal-kompetituri. Fin-nuqqas ta’ analiżi mitluba mir-rikorrenti li ma tqiegħedx f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida fir-rigward ta’ l-effetti koordinati tal-konċentrazzjoni in kwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

110    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma analizzatx korrettament l-effetti koordinati li jistgħu jirriżultaw mill-konċentrazzjoni. Skond dawn, l-analiżi tal-Kummissjoni, li tibbaża l-iktar fuq l-istess fatti bħal dawk li hija sostniet sabiex ma tistabbilixxix il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, hija insuffiċjenti. Jekk il-Kummissjoni kienet eżaminat b’mod oġġettiv u kritiku l-provi li hija kellha u segwiet id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ l-effetti koordinati, hija kienet tikkonkludi li l-importanza tas-sehem tas-suq ta’ l-impriżi magħquda, in-numru limitat ta’ fornituri alternattivi kredibbli disponibbli, ir-restrizzjonijiet ta’ kapaċità u n-nuqqas ta’ qawwa tax-xerrej kienu għalhekk indikazzjonijiet ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva u ta’ suq li jippreżenta ċerti karatteristiċi li jistgħu jagħtu lok għal effetti koordinati.

111    Eżami tal-każ skond il-linji gwida kien iwassal għal evalwazzjoni, fl-ewwel lok, tal-kapaċità ta’ l-atturi tas-suq sabiex jissorveljaw suffiċjentement jekk it-termini ta’ koordinazzjoni kinux irrispettati, fit-tieni lok, ta’ l-eżistenza ta’ mekkaniżmi kredibbli ta’ dissważjoni u, fit-tielet lok, tar-reazzjonijiet tat-terzi u tal-kapaċità tagħhom li jikkontestaw ir-riżultati mistennija tal-koordinazzjoni. Anke meta jiġu kkunsidrati l-operaturi kollha magħżula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala li kienu kompetituri vijabbli, is-suq tar-raża kolofonika huwa kkonċentrat ħafna, fejn l-ewwel erba’ atturi kellhom f’idejhom 60 – 90 % tiegħu. Madankollu, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni juru li, meta tlieta jew iktar fornituri kbar jirrappreżentaw 60 % jew iktar tal-bejgħ, jista’ jkun hemm riskju ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

112    Il-Kummissjoni tqis li hija setgħet tillimita r-raġunament tagħha għal ċerti mistoqsijiet fundamentali, il-materjaliżmu ta’ l-effetti koordinati kienu ftit ħafna probabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, il-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata tenfasizza li s-suq ma kienx omoġenju, li l-parti l-kbira tal-konsumaturi jixtru kwalità ta’ kolofon speċifika, xi drabi ffabbrikata skond ordni, li kienu jeżistu bosta produtturi fis-suq, li ma kien hemm ebda simetrija fis-sehem tas-suq u li l-impatt dejjem jikber tal-produtturi barra miż-ŻEE, bħal Arez (iċ-Ċina), qajjem ċerti preokkupazzjonijiet lill-produtturi. Il-Kummissjoni żżomm ma’ din l-analiżi u tikkunsidra li n-nuqqas ta’ omoġeneità u ta’ trasparenza timplika li mhuwiex faċli li wieħed jasal għal koordinazzjoni u li huwa diffiċli li wieħed jikkontrolla l-aġir tal-kompetituri. Is-sempliċi fatt li hemm numru limitat ta atturi li flimkien jirrappreżentaw sehem importanti mis-suq mhuwiex indikazzjoni biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

113    Il-partijiet intervenjenti jqisu li l-istess fatti huma rilevanti għall-analiżi ta’ l-effetti koordinati u dik ta’ l-effetti mhux koordinati ta’ konċentrazzjoni. Sussegwentement huma josservaw li l-konċentrazzjoni żżid in-nuqqas ta’ simmetrija tas-sehem tas-suq, li jagħmel inqas probabbli, skond il-linji gwida u l-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 134), il-possibbiltà li l-impriżi jaslu għal koordinazzjoni. Minbarra dan, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-diffikultajiet tal-kljienti li jbiddlu l-fornitur u l-inkapaċità tal-kompetituri li jżidu l-produzzjoni tagħhom huma, jekk dawn jirriżultaw eżatti, indikazzjoni, skond il-linji gwida, li l-inċitament u l-kapaċità li tikkastiga aġir li ma jiħux kunsiderazzjoni ta’ modalitajiet tal-koodinazzjoni huma nieqsa. Għaldaqstant, ma jistax jiġi mistenni mill-Kummissjoni li hija tagħmel analiżi fil-fond ta’ l-effetti koordinati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

114    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li aġir antikompetittiv koordinat għandu ftit possibbiltà li jiġi adottat wara konċentrazzjoni fuq erba’ elementi ta’ evalwazzjoni. Hija kkunsidrat, fl-ewwel lok, li s-suq in kwistjoni ma kienx ikkaratterizzat mill-omoġeneità tal-prodotti mibjugħin, li xi drabi kienu ffabbrikati skond ordni, fit-tieni lok, li s-suq kien fih bosta produtturi, fit-tielet lok, li s-sehem tas-suq kien differenti ħafna u, fit-tielet lok, li madwar 30 % tal-produtturi li kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni tas-suq kienu wrew preokupazzjonijiet dwar l-impatt kbir tal-produtturi li jinsabu barra miż-ŻEE, bħal Arez (iċ-Ċina).

115    B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida meta ma pproċedietx għal analiżi iktar fil-fond ta’ l-eventwali effetti koordinati tal-konċentrazzjoni.

116    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-argument li l-linji gwida jipprovdu eżami tal-kapaċità ta’ l-atturi tas-suq sabiex jissorveljaw aġir devjanti li ma jiħux in kunsiderazzjoni tat-termini ta’ eventwali koordinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ mekkaniżmi kredibbli ta’ dissważjoni kif ukoll tar-reazzjonijiet potenzjali tat-terzi, għandu jiġi kkonstatat li l-linji gwida jipprovdu l-eżami ta’ dawn l-elementi, rispettivament, fil-punti 49 sa 51, 52 sa 55 kif ukoll 56 u 57. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-parti tal-linji gwida tenfasizza, fil-punti 44 sa 48, il-ħtieġa ta’ ftehim reċiproku tat-termini ta’ koordinazzjoni.

117    Fl-ewwel lok, il-punti 45 u 48 tal-linji gwida jsostnu li impriżi jistgħu jsibuha iktar faċli biex jilħqu ftehim komuni fuq it-termini tal-koordinazzjoni jekk huma relattivament simmetriċi, b’mod partikolari f’termini ta’ strutturi ta’ l-ispejjeż, ta’ sehem tas-suq, ta’ livelli ta’ kapaċità u ta’ gradi ta’ integrazzjoni vertikali. Jirriżulta wkoll li inqas mal-kuntest ekonomiku huwa kumpless u mhux stabbilit, iktar huwa faċli għall-impriżi li jilħqu ftehim komuni dwar it-termini ta’ koordinazzjoni. B’hekk koordinazzjoni hija iktar faċli, per eżempju, bejn numru żgħir ta’ impriżi milli bejn numru kbir. Huwa wkoll iktar faċli li jiġu kkoordinati l-prezzijiet ta’ prodott wieħed u omoġenju milli meta jeżistu mijiet ta’ prezzijiet fuq suq jew fejn jinbiegħu bosta prodotti differenti.

118    Minn dan jirriżulta li nuqqas ta’ omoġeneità tal-prodotti mibjugħa, numru għoli ta’ impriżi fis-suq u l-asimmetrija tas-sehem tas-suq jindikaw li mhuwiex faċli għall-impriżi li jaslu għal ftehim komuni tat-termini ta’ koordinazzjoni eventwali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li s-suq in kwistjoni ma kienx ikkaratterizzat mill-omoġeneità tal-prodotti mibjugħa, li kien jinkludi bosta produtturi u li s-sehem tas-suq ta’ dawn ta’ l-aħħar kienu differenti ħafna. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ffokalizzat l-analiżi tagħha fuq il-possibbiltajiet għall-impriżi li jaslu għal ftehim komuni tat-termini ta’ koordinazzjoni u li hija kkunsidrat, mingħajr ma b’hekk irrilevat espliċitament, li għal dawn ir-raġunijiet, kien ftit probabbli li l-impriżi jaslu għal tali ftehim komuni.

119    Fit-tieni lok, il-linji gwida jsostnu fil-punt 49 li l-biża’ kredibbli fuq ritaljazzjoni suffiċjenti u fuq żmien biss iżommu l-impriżi li jikkoordinaw l-aġir tagħhom milli jirrikorru għal aġir devjanti. B’hekk is-swieq għandhom ikunu biżżejjed trasparenti sabiex jippermettu lil dawn l-impriżi li jsiru jafu biżżejjed l-eventwali differenzi tat-termini tal-koordinazzjoni ta’ l-impriżi l-oħra, u b’hekk li jsiru jafu f’liema mument huma għandhom jipproċedu għal ritaljazzjoni. Il-Kummissjoni tqis, fil-punt 50 tal-linji gwida, it-trasparenza fis-suq huwa spiss għola, iktar ma jkun baxx in-numru ta’ parteċipanti attivi fis-suq u li l-grad ta’ trasparenza spiss jiddependi fuq kif operazzjonijiet fis-suq iseħħu f’suq partikolari.

120    Isegwi li numru kbir ta’ produtturi u nuqqas ta’ omoġeneità tal-prodotti mibjugħa, jindikaw trasparenza minima tas-suq u li, għaldaqstant, is-sorveljanza ta’ l-aġir devjanti hija diffiċli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li s-suq in kwistjoni ma kienx ikkaratterizzat mill-omoġeneità tal-prodotti mibjugħa, billi ppreċiżat li dawn xi drabi kienu ffabbrikati skond ordni mill-klijent, u li s-suq kien jinkludi bosta produtturi. Konsegwentement, il-Kummissjoni evalwat ukoll il-kapaċità ta’ l-atturi tas-suq li jissorveljaw jekk it-termini ta’ koordinazzjoni kinux rispettati u kkunsidrat, mingħajr ma madankollu rrilevat dan espliċitatament, li s-sorveljanza ta’ l-aġir devjanti kien diffiċli f’dan il-każ.

121    Minbarra dan, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, li madwar 30 % tal-produtturi li kienu pparteċipaw għall-investigazzjoni tas-suq kienu mmanifestaw preokkupazzjonijiet rigward l-impatt dejjem jikber tal-produtturi barra miż-ŻEE, bħal Arez. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-impatt tagħhom fuq is-suq jista’ jagħmel iktar diffiċli l-ftehim reċiproku tat-termini ta’ koordinazzjoni kif ukoll is-sorveljanza ta’ l-aġir devjanti.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma segwietx il-linji gwida meta kkunsidrat, minn naħa, li aġir antikompetittiv koordinat kellu inqas possibbiltà li jiġi adottat sussegwentement tal-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li eżami antikompettitv koordinat kellu inqas possibbiltà li jiġi adottat wara konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li eżami tal-mekkaniżmi ta’ dissważjoni kif ukoll reazzjonijiet ta’ impriżi terzi ma kinux neċessarji.

123    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-argument li l-kombinazzjoni tas-sehem tas-suq ta’ l-impriżi li huma parti mill-konċentrazzjoni, in-nuqqas ta’ fornituri alternattivi kredibbli, ir-restrizzjonijiet ta’ kapaċità u n-nuqqas ta’ qawwa tax-xerrej jiżvelaw pożizzjoni dominanti kollettiva, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li dawn l-elementi ma jidhrux fost l-elementi msemmija fil-linji gwida bħala li huma rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ eventwali effetti koordinati ta’ konċentrazzjoni.

124    B’mod partikolari, skond il-linji gwida, il-qawwa tax-xerrej hija element li għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ eventwali qawwa kumpensatorja għand il-klijenti tal-partijiet f’konċentrazzjoni u l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet ta’ kapaċità m’għandhiex rwol sinjifikattiv ħlief fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-effetti mhux koordinati. F’kull każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkonestata, li kienet teżisti eċċess tal-kapaċità u, fil-premessa 69, li l-klijenti kellhom qawwa tax-xerrej importanti. Fil-każ fejn ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li għamlet żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, dawn l-elementi huma eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv (ara l-punti 162 et seq kif ukoll 206 et seq iktar ’il quddiem).

125    Barra minn hekk, la s-sehem tas-suq magħqud tal-partijiet tal-konċentrazzjoni minn [40-50] % u lanqas in-nuqqas allegat ta’ fornituri alternattivi kredibbli ma juru probabbiltà ta’ koordinazzjoni bejn impriżi fis-suq in kwistjoni. Fuq kollox, diġà ġie kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-fornituri li huma iżgħar ma kinux alternattivi kredibbli (ara l-punti 84 et seq iktar ’il fuq). L-indikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw, fir-rigward tal-punt 17 tal-linji gwida, tas-sehem tas-suq ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni ser jiġu eżaminati fil-punti 135 et seq iktar ’il quddiem.

126    Fir-rigward, fit-tielet lok, ta’ l-argument li l-fatt li l-ewwel erba’ atturi kellhom f’idejhom bejn 60 u 90 % tas-suq jindika li jista’ jkun hemm riskju ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata tiżvela li l-partijiet tal-konċentrazzjoni, Cray Valley u Arizona għandhom flimkien [kunfidenzjali] % tas-suq u [kunfidenzjali] % ma’ Respol. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li żgur li huwa neċessarju, għall-finjiet li jintwera riskju ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sehem importanti tas-suq kollettiv. Madankollu, parti importanti tas-suq kollettiv waħedha mhijiex biżżejjed sabiex turi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Kif juru l-linji gwida, barra minn dan għandu jintwera li l-kundizzjonijiet tas-suq huma favorevoli għat-twettiq tagħha. Madankollu, diġà ġie deċiż li, f’każ bħal dan, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li ma segwietx il-linji gwida meta kkunsidrat li, minħabba diffikultajiet sabiex jasal għal koordinazzjoni u minħabba diffikultà tas-sorveljanza tiegħu, aġir antikompetittiv koordinat kellu ftit possibbiltà li jiġi adottat wara li sseħħ konċentrazzjoni (ara l-punti 115 sa 122 iktar ’il fuq)

127    Fir-rigward, fir-raba’ lok, ta’ l-argument li deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni jagħtu impressjoni li, meta tlieta jew iktar mill-fornituri kbar jirrappreżentaw 60 % jew iktar tal-bejgħ, jista’ jkun hemm riskju ta’ pożizzjoni dominanti, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma jirreferux għal deċiżjoni preċedenti preċiża, fit-tieni lok, li jirriżulta minn dak li ntqal li sehem importanti mis-suq kollettiv mhuwiex, minnu nnifsu, biżżejjed sabiex juri l-eżistenza tagħha, iżda li minbarra dan il-kundizzjonijiet tas-suq għandhom ikunu favorevoli għat-twettiq tagħha u, fit-tielet lok li, f’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li ma segwietx il-linji gwida meta kkunsidrat li aġir antikompetittiv koordinat ftit kellu possibbiltà li jiġi adottat wara li sseħħ konċentrazzjoni (ara l-punti 115 sa 122 iktar ’il fuq).

128    Fir-rigward, fl-aħħar lok, ta’ l-akkuża magħmula mir-rikorrenti kontra l-Kummissjoni, li analiżi tagħha ta’ l-eventwali effetti koordinati tal-konċentrazzjoni hija bbażata l-iktar fuq l-istess fatti bħal dawk li fuqhom hija sostniet sabiex tistabbilixxi li ma kienx hemm il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, għandu jiġi osservat li l-istess fatti jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward ta’ bosta aspetti distinti ta’ l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-effetti eventwali ta’ konċentrazzjoni u li, għaldaqstant, it-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom għal bosta drabi bl-ebda mod ma jirrelativizza r-rilevanza tagħhom f’dawn il-kuntesti rispettivi. F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 115 sa 122 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq eventwali effetti koordinati tal-konċentrazzjoni fuq elementi fattwali rilevanti għal din l-analiżi.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida meta ma pproċedietx għal analiżi iktar fil-fond ta’ l-eventwali effetti koordinati tal-konċentrazzjoni. Konsegwentement, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tas-sehem tas-suq u livelli ta’ konċentrazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

130    Ir-rikorrenti ssosnti li, jekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-operazzjoni tagħti lok għal entità parti minn konċentrazzjoni ffurmata mill-ewwel u t-tieni operatur tas-suq tar-raża kolofonika flimkien ma’ parti mis-suq magħqud importanti ħafna ta’ 40 % sa 50 %, dan juri pożizzjoni dominanti (sentenza Babyliss vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 329), filwaqt li t-tielet u r-raba’ operaturi tas-suq għandhom biss 10 sa 20 % kull wieħed biss, hija bbażatx il-konklużjonijiet skond il-linji gwida tagħha stess (punti 16 sa 20). Il-Kummissjoni naqset ukoll milli tikkunsidra l-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq ikkonċernat, minkejja l-fatt li dan jikkostitwixxi informazzjoni prezzjuża fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’suq. F’dan il-każ, teħid ta’ kunsiderazzjoni adegwat ta’ dan il-fatt kien juri li l-bdil tal-livell ta’ konċentrazzjoni li rriżulta mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kien realment qajjem problema.

131    Il-Kummissjoni tirribatti li, skond il-punt 17 tal-linji gwida, huwa biss sehem tas-suq li huwa daqs jew akbar minn 50 % li huwa indikattiv ta’ pożizzjoni dominanti. Minbarra dan, il-punt 21 tal-linji gwida ma jimplikax li l-livelli ta’ konċentrazzjoni akbar minn dawn il-limiti indikattivi jagħtu lok għal problemi kompetittivi. B’hekk, mhuwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-livelli ta’ konċentrazzjoni meta jeżistu motivi speċifiċi oħra li jippermettu li jiġi konkluż li mhemmx dubju serju.

132    Il-partijiet intervenjenti jsostnu li s-sehem tas-suq u l-livelli ta’ konċentrazzjonijiet jikkostiwixxu biss il-punt ta’ tluq ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-kwistjoni mqajma fis-sentenza BaByliss vs Il-Kummissjoni, fil-punt 55 iktar ’il fuq, mhijex dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tippreżumi li sehem tas-suq li jaqbeż 40 % setax joħloq pożizzjoni dominanti. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Novembru 1997, Kayesberg vs Il-Kummissjoni (T-290/94, Ġabra p. II-2137, punt 179), li sehem tas-suq ta’ 43,2 % ma kienx biżżejjed biex joħloq pożizzjoni dominanti meta ż-żewġ kompetituri prinċipali l-oħra kellhom sehem tas-suq ta’ 24,5 % u 13,4 %.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

133    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni esponiet is-sehem tas-suq tal-fornituri tas-suq differenti fil-premessi 51 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li hija ma evalwatx dan is-sehem tas-suq fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-punt 17 tal-linji gwida u lanqas ma wettqet kalkolu ta’ l-indiċi ta’ Herfindahl-Hirschmann (iktar ’il fuq ta’ “IHH”) sabiex isir qbil mal-livelli previsti fil-punti 19 sa 21 tal-linji gwida.

134    B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida meta ma wettqitx analiżi, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tas-sehem tas-suq fir-rigward tal-kriterji mogħtija fil-punt 17 tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-livelli ta’ konċentrazzjoni.

135    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sehem tas-suq, għandu jiġi rrilevat li, skond il-punt 17 tal-linji gwida, hija biss parti mis-suq partikolarment għolja ta’ 50 % u iktar li tista’ minnha nfisha tikkostitwixxi prova ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq. Fl-ipoteżi ta’ sehem tas-suq iktar żgħira, il-konċentrazzjoni tista’ tqajjem, skond dan l-istess punt tal-linji gwida, problemi ta’ kompetizzjoni minħabba fatturi oħra bħas-saħħa u n-numru tal-kompetituri, il-preżenza ta’ restrizzjonijiet ta’ kapaċità jew il-limitu sa fejn il-prodotti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni huma sostituti viċini. Isegwi li, f’dan il-każ, l-analiżi tal-partijiet tas-suq waħedha ma wrietx l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, peress li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għandha biss [40-50] % tas-suq. B’hekk, analiżi tal-fatturi l-oħra msemmija fil-punt 17 tal-linji gwida hija neċessarja sabiex jiġi ddeterminat, bħala stampa sħiħa, jekk jeżistux indikazzjonijiet ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu, jirriżulta mill-eżami tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-motiv li l-fatturi l-oħra msemmija fil-punt 17 tal-linji gwida u enfasizzati mir-rikorrenti f’dan il-każ ukoll ma jindikawx l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni.

136    F’dak li jikkonċerna r-riferiment għas-sentenza BaByliss vs Il-Kummissjoni, fil-punt 55 iktar ’il fuq (punt 329), għandu jiġi osservat, bħal ma jagħmlu l-partijiet intervenjenti, li l-kwistjoni mqajma f’din il-kawża ma kinitx jekk sehem tas-suq li huwa akbar minn 40 % setax joħloq pożizzjoni dominanti iżda jekk, meta ffissat dan il-limitu f’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni kinitx evalwat fatturi oħra b’mod adegwat. Barra minn hekk, l-intervenjenti rrilevaw ġustament li jirriżulta minn kawża oħra li sehem tas-suq ta’ 43,2 % seta’ ma kienx biżżejjed sabiex joħloq pożizzjoni dominanti (sentenza Kayersberg vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 179). Isegwi li l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti għandha tiġi ddeterminata individwalment, f’kull kawża, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fuq iċ-ċirkustanzi fattwali tal-konċentrazzjoni li taw lok għas-sentenza BaByliss vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq (punt 329), ma jistgħux jiġu trasposti f’dan il-każ.

137    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-livelli ta’ konċentrazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-punti 19 sa 21 tal-linji gwida jiddefinixxu, essenzjalment, li konċentrazzjoni li għandha livelli inqas mil-limiti ta’ l-IHH x’iktarx mhux ser tqajjem problemi kompetittivi. B’hekk, il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li huwa ftit probabbli li konċentrazzjoni tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni orizzontali f’suq fejn l-IHH wara l-formazzjoni ta’ l-għaqda hija bejn 1 000 u 2 000 u l-limitu l-iktar baxx huwa inqas minn 250, jew meta l-IHH li jirriżulta mill-konċentrazzjoni huwa akbar minn 2 000 u l-limitu l-iktar baxx huwa inqas minn 150, ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Skond il-punt 16 tal-linji gwida, l-IHH huwa kkalkolat billi tgħodd il-kwadri ta’ l-ishma individwali tas-suq tad-ditti kollha li jinsabu fis-suq.

138    F’dan il-każ, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma żviluppawx l-argument tagħhom ibbażat fuq serje ta’ valuri ta’ l-IHH, minkejja l-fatt li dawn kellhom għarfien, sa mill-preżentata tar-risposta tal-Kummissjoni, tas-sehem tas-suq eżatt stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, il-kalkolu ta’ l-IHH fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni juri li huwa jgħaddi minn [kunfidenzjali] qabel il-konċentrazzjoni għal [kunfidenzjali] wara l-konċentrazzjoni, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ [kunfidenzjali]. Dawn il-valuri jindikaw, ċertament, li l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq jaqbżu l-limiti ta’ l-IHH li taħthom konċentrazzjoni ma tqajjimx problemi kompetittivi. Madankollu, it-tieni frażi tal-punt 21 tal-linji gwida tippreċiża li qbiż ta’ dawn il-limiti ma jagħtix lok għal preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ problemi kompetittivi. Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li iktar ma l-qbiż ta’ dawn il-limiti jkun kbir, iktar il-valuri juru problemi kompetittivi.

139    Isegwi li l-valur ta’ l-IHH wara l-konċentrazzjoni ma jipprovdix indikazzjoni ċara ta’ l-eżistenza ta’ problemi kompetittivi f’dan il-każ, peress li ma jaqbiżx b’mod evidenti l-limitu IHH ta’ l-2000. Fil-fatt, hija d-delta biss li teċċedi l-limitu IHH korrispondenti. Madankollu, dan il-valur huwa l-uniku li jista’ jinidka problemi kompetittivi, filwaqt li la s-sehem tas-suq u lanqas il-fatturi eżaminati fil-kuntest tat-tieni u t-tielet partijiet tal-motiv ma jindikaw problemi kompetittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma segwietx il-linji gwida meta kkunsidrat li analiżi tal-livelli ta’ konċentrazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja.

140    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 14 tal-linji gwida jipprovdi li s-sehem tas-suq u l-livell ta’ konċentrazzjoni ta’ spiss jagħtu indikazzjoni utli fuq l-istruttura tas-suq u fuq l-importanza tal-partijiet tal-konċentrazzjoni, iżda ma jimponix fuq il-Kummissjoni li tikkunsidra dawn l-elementi fid-deċiżjonijiet kollha tagħha.

141    Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma analizzatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-livelli ta’ konċentrazzjoni u s-sehem tas-suq fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-punt 17 tal-linji gwida. Peress li n-nuqqas ta’ din l-analiżi ma tpoġġix f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

142    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni

143    It-tieni motiv jinkludi erba’ partijiet, li permezz tagħhom ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi ta’ l-effetti mhux koordinati tal-konċentrazzjoni magħmula mill-Kummissjoni hija vvizzjata bi żbalji li jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-kapaċità disponibbli fis-suq tar-raża kolofonika ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka, it-tieni lok, in-natura u l-portata ta’ l-integrazzjoni vertikali tal-klijenti, fit-tielet lok, l-impatt ta’ żidiet importanti tal-prezz tal-materji primi u, fir-raba’ lok, l-allegata qawwa ta’ xerrej kumpensatorja tal-klijenti. Fil-kuntest ta’ l-argumenti mressqa taħt l-ewwel u r-raba’ partjiet ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jilmentaw ukoll insuffiċjenzi fil-motivazzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li ser jiġu ttrattati fil-punti 218 et seq iktar ’il quddiem.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità disponibbli fis-suq

 L-argumenti tal-partijiet

144    Ir-rikorrenti jqisu li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-eċċess tal-kapaċità tal-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni mhijex biżżejjed motivata u hija vvizzjata minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx id-disponibbiltà tal-materji primi neċessarji għall-produzzjoni tar-raża kolofonika. Madankollu, l-importanza ta’ din id-disponibbiltà tirriżulta mill-punt 71(b) tal-linji gwida u mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. In-nuqqas ta’ materji primi jċaħħad lill-kompetituri milli jżidu l-produzzjoni u huwa barriera għad-dħul u l-espansjoni fis-suq.

145    Fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li problemi serji ta’ kompetizzjoni setgħu jqumu minħabba l-fatt tan-nuqqas ta’ kapaċità disponibbli jew minħabba numru mhux suffiċjenti ta’ kompetituri kwalifikati u kienet eżaminat jekk il-kompetituri kellhomx biżżejjed kapaċità ta’ riżerva biex ikopru parti kbira mill-bejgħ, jekk huma setgħux ikollhom disponibbli tali kapaċità u jekk kompetituri potenzjali setgħux jikkontribwixxu sabiex jagħmlu disponibbli l-kapaċità ta’ riżerva [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/171/KE tat-3 ta’ Mejju 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.3178 – Bertelsmann/Springer/JV) (ĠU L 61, p. 17, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Bertelsmann/Springer/JV”)]. Il-Kummissjoni kienet għamlet investigazzjonijiet intensivi fuq l-aċċess tal-fornituri alternattivi għall-materji primi li jkunu jistgħu jikkompetu ma’ l-entità parti minn konċentrazzjoni, fejn sostniet u eżaminat sew il-bżonn ta’ aċċess għar-riżorsi neċessarji (Deċiżjoni Bertelsmann/Springer/JV), l-aċċess faċli għall-materji primi [Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Marzu 2006, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.3975 – Cargukk/Degussa Food Ingredients), iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Cargill/DFI”], l-aċċess għall-komponenti essenzjali [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/177/KE ta-19 ta’ Lulju 1995, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.490 – Nordic Satellite Distribution) (ĠU L 53, p. 20, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nordic Satellite Distribution”)], id-disponibbiltà ta’ żieda ta’ fornitura [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/42/KE tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet (Każ IV/M.1313 – Danish Crown/Vestjyske Slagterier”)] u aspetti oħra bħal-lokalizzazzjoni ġeografika, l-infrastrutturi disponibbli, l-ispejjeż ta’ trasport, l-ispejjeż ta’ l-użu, l-istabbiltà politika, l-artijiet disponibbli sabiex jitkabbru l-fabbriki u aċċess limitati għall-fornitura (Deċiżjoni Alcoa/Reynolds, punt 80 iktar ’il fuq).

146    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u kienet injorat, ma ħaditx in kunsiderazzjoni jew ċaħdet il-provi pprovduti mir-rikorrenti mingħajr ma tat motiv għal din iċ-ċaħda. Ir-rikorrenti kienu indikaw lill-Kummissjoni li fis-suq tar-raża kolofonika kienu jeżistu restrizzjonijiet fil-kapaċità, li huma kienu kull sena jagħmlu sforzi kbar sabiex jassiguraw il-fornitura li huma kellhom bżonn għal-linka ddestinata għall-pubblikazzjoni u li kien diffiċli li wieħed isib fornituri li jieħdu impenn li jipprovdu l-volumi neċessarji minħabba l-kapaċità ta’ produzzjoni li qed tonqos tal-fornituri. Barra minn hekk huma kienu indikaw li l-kapaċità hija l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ fornitura, li huma kienu kontra li entità parti minn konċentrazzjoni tiġi inkluża fil-portafoll tagħhom ta’ fornituri, minħabba li fornituri oħra ma kinux fil-pożizzjoni li jipprokurawlhom il-volumi li huma kellhom bżonn, li l-indisponibbiltà ta’ materji primi kienet ostaklu kbir sabiex issir penetrazzjoni fis-suq, li huma kellhom problemi gravi ta’ fornitura fil-passat reċenti minħabba l-indisponibbiltà tal-matejri primi u li fornitur kompetitur kellu jwaqqaf il-produzzjoni ta’ ċerta raża kolofonika minħabba nuqqas ta’ materji primi.

147    Il-Kummissjoni żgur kienet ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, osservazzjonijiet addizzjonali ta’ Sun li taw eżempji konkreti ta’ nuqqas ta’ fornitura. Madankollu, hija ma waslitx għal konklużjonijiet korretti peress li attribwixxiet dawn in-nuqqasijiet lil operazzjonijiet tekniċi ta’ manutenzjoni u mhux minħabba nuqqas ġenerali ta’ kapaċità ta’ produzzjoni fis-suq kollu. Il-Kummissjoni lanqas ma kienet eżaminat mill-ġdid din l-informazzjoni wara li kienet iddiskutiet mal-partijet magħquda u lanqas ma kienet spjegat kif problema teknika iżolata fir-rigward ta’ fornitur setgħet twassal għal rifjut totali ta’ fornitura ta’ klijent filwaqt li, skond il-Kummissjoni stess, il-fornituri kollha kellhom eċċess tal-kapaċità. Lanqas ma huwa spjegat kif il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li “kien jidher minbarra dan li l-klijenta in kwistjoni setgħet issib sors alternattiv ta’ fornitura, li kien naqqas l-impatt ta’ dan in-nuqqas mhux mistenni”. Ebda informazzjoni f’dan is-sens ma kienet ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni u din ma kinitx għamlet kuntatt ma’ Sun sabiex tivverifika din l-informazzjoni.

148    Ir-rikorrenti jinsistu wkoll fuq il-messaġġi b’posta elettronika ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva li juru li Hexion stess kellha problemi ta’ kapaċità ta’ produzzjoni minħabba li, peress li ma kinitx fil-pożizzjoni li tipproduċi l-kwantitajiet miltuba, u hija kienet għażlet il-klijenti tagħha mingħajr ebda kunsiderazzjoni. Huma jsostnu wkoll li, fir-rigward tan-nuqqas ta’ materji primi disponibbli, l-entità parti minn konċentrazzjoni tista’, fid-dawl tad-daqs tagħha, l-infrastruttura tagħha u l-esperjenza tagħha, tikseb livell għoli ta’ kontroll jew ta’ influwenza fuq il-fornitura f’gamma ta’ kolofon u dan ikun ta’ żvantaġġ ikbar għall-fornituri ż-żgħar li ma jistgħux jilħqu d-daqs u s-saħħa ta’ Hexion u ta’ Akzo. Inevitabbilment, kull espansjoni eventwali ta’ l-impriżi kompetituri hija iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli. Madankollu, il-Kummissjoni ma kinitx fittxet li tiddetermina jekk is-saħħa ta’ negozjar ta’ Hexion u ta’ Akzo flimkien fir-rigward tal-fornituri ta’ gamma ta’ kolofon setax ikun akbar sew minn dak tal-kompetituri tagħhom u l-effett li dan kien ipproduċa fis-suq.

149    Ir-rikorrenti jsostnu li tliet dokumenti disponibbli fuq Internet jikkonfermaw in-nuqqas ta’ materji primi matul l-aħħar xhur tas-sena kif ukoll l-evalwazzjoni mir-rikorrenti tad-dinamika industrijali. Skond dawn, f’rapport reċenti fuq ir-raża, ippubblikat mill-Ink World Magazin, diriġent ta’ gamma ta’ prodotti “Raża” ta’ Hexion iddikjara li l-problema l-iktar importanti li għandha l-industrija tar-raża kienet id-disponibbiltà irregolari ta’ materji prinċipali u ż-żieda korrispondenti ta’ l-ispejjeż tagħhom u li, mil-lat ta’ Hexion, il-problemi kruċjali kienu ż-żieda ta’ l-ispejjeż u n-nuqqas ta’ raża ta’ tall oil u ta’ gamma ta’ kolofon. Skond ir-rikorrenti, dikjarazzjoni komuni ta’ Megara u ta’ Resinall tat-2 ta’ Awwissu 2006 tikkonferma bl-istess mod li s-sitwazzjoni ta’ fornitura kienet difficli ħafna, peress li huma ddikjaraw li dik is-sena l-industrija kellha titħabat ma’ sfidi mingħajr preċedenti, li kienu jinkludu nuqqas ta’ materji primi u żidiet fl-ispejjeż, li, kif beda jersaq il-perijodu l-iktar attiv tas-sena, żviluppi reċenti kienu għamlu probabbli interruzzjonijiet oħra fil-fornitura u li, konsegwentement, sa avviż ieħor ġdida, Resinall ma taċċettax klijenti ġodda jew ordnijiet ġodda u tuża’ l-isforzi neċessarji kollha sabiex tevita li jkollha tirrikorri għal kwoti. Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, is-sit Internet ta’ l-impriża DRT juri li l-informazzjoni l-iktar reċenti li ġejja miċ-Ċina dwar il-materji primi turi li s-sitwazzjoni għadha diffiċli ħafna.

150    Ir-rikorrenti jsostnu minbarra dan li, għalkemm ir-rapport fuq ir-raża u d-dikjarazzjoni ta’ Megara u ta’ Resinall ma kinux disponibbli fid-29 ta’ Mejju 2006, hija b’sorpriża li l-Kummissjoni ma kinitx indunat, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bl-inqas indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ materji primi. Filwaqt li huwa osservat fid-deċiżjoni kkontestata li Magera u DRT għandhom kapaċità ta’ riżerva ta’, rispettivament, 5 000 t (korrispondenti għal 50 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha) u 1 000 t (korrispondenti għal madwar 6 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha), Megara kienet ħabbret preokupazzjoni li ma tkunx fil-pożizzjoni li tissodisfa l-impenji eżistenti tagħha. Skond ir-rikorrenti, barra minn hekk, DRS kellha wkoll problemi serji ta’ fornitura.

151    Ir-rikorrenti jistaqsu wkoll fuq il-metodu applikat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kapaċità. Għalkemm hija kienet għarfet in-natura staġonali tat-talba, li toħloq problemi ta’ fornitura marbuta ma’ restrizzjonijiet ta’ kapaċità, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li industrija li tikkaratterizza lilha nfisha permezz tal-kapaċitajiet eċċessivi tagħha għandha tkun fil-pożizzjoni li tuża’ din il-kapaċità sabiex twettaq l-ordnijiet tal-klijenti tagħha matul il-perijodi ta’ talba kbira.

152    Ir-rikorrenti jikkonkludu li l-infomazzjoni li l-Kummissjoini kellha ma kinitx sostniet il-konklużjonijiet tagħha, li “il-maġġoranza tal-klijenti ammettew li s-suq ippreżenta kapaċità favorevoli”. Huma jqisu li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li “ħamsa mis-seba’ klijenti kienu indikaw li s-suq ma [kienx] suġġett għal restrizzjonijiet ta’ kapaċità u kellhom eċċess tal-kapaċità ta’ produzzjoni” u “żewġ klijenti oħra ma ħadux pożizzjoni” hija żbaljata, peress li r-rikorrenti kollha ddikjaraw li s-suq kien suġġett għal restrizzjonijiet ta’ kapaċità.

153    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni kelhom eċċess tal-kapaċità sa limitu ta’ għall-anqas 19,5 % tal-produzzjoni totali fis-suq, u ta’ 41 % fid-dawl ta’ l-estimi tal-partijiet għall-produtturi li ma rrispondewx għal din il-mistoqsija.

154    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-argument huwa żbaljat fil-prinċipju tiegħu stess, peress li nuqqas ta’ materji primi fis-suq jirrisjka li jaffettwa l-fornituri kollha bl-istess mod. Effetti antikompetittivi jiġu prodotti biss jekk l-entità parti minn konċentrazzjoni tikseb aċċess preferenzjali għall-materji primi, li jippermetillha b’hekk tillimita l-aċċess għalhom lill-kompetituri. Madankollu, ir-rikorrenti ma jsostnux dan u ma teżisti ebda indikazzjoni f’dan is-sens. Fil-fatt, jirriżulta minn dokument meħud mill-Internet mill-Kummissjoni li 25 % biss tal-kolofon isservi għall-produzzjoni tar-raża ddestinata għal-linka tipografika. Konsegwentement, skond is-sehem tagħha tas-suq dinji ta’ [20-30] % għal raża kolofonika (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata), l-entità parti minn konċentrazzjoni tista’ tixtri biss bejn 5 u 10 % tal-produzzjoni dinjija tal-kolofon, li jfisser li din mhijiex qawwa kumpensatorja tax-xerrej.

155    Fit-tielet lok, l-investigazzjoni tas-suq ma tippermettix li jiġi preżuppost li nuqqas ta’ materji primi kkostitwixxa barriera għaż-żieda tal-produzzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni ma kinitx speċifikatament talbet lill-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni jekk huma kellhomx iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqasijiet ta’ ċerta kolofon, il-Kummissjoni tqis li din l-informazzjoni kienet issemmiet fir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet 39 u 40 tal-kwestjonarju lill-kompetituri jekk huma kinux ikkunsidraw li dawn in-nuqqasijiet kinux ostaklu kbir għall-produzzjoni tar-raża. Madankollu, dan mhuwiex il-każ. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-unika klijenta li kien qajmet il-problema ta’ nuqqasijiet ta’ materji primi matul il-proċedura amministrattiva hija Siegwerk. La Flint u lanqas Sun ma kienu semmew matul il-proċedura amministrattiva problema li huma jikkunsidraw issa bħala element prinċipali għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni. Minbarra dan, l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni li tikkonċerna [kunfidenzjali] tindika rispettivament diffikultajiet tekniċi u miżuri ta’ manutenzjoni tar-reatturi. Huma m’għandhom ebda referenza għal nuqqasijiet ta’ materji primi.

156    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet li għalihom jirreferu r-rikorrenti, il-Kummissjoni tfakkar li l-legalità ta’ l-atti kkontestati għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha l-att kien ġie adottat. Hija tikkunsidra wkoll li eżami bir-reqqa ta’ dawn id-dokumenti juri li ebda wieħed minnhom ma indika nuqqas ta’ materji primi li kien impedixxa ż-żieda tal-produzzjoni tar-raża kolofonika.

157    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-kawżi jirrigwardaw fatti differenti ħafna minn dawk tal-każ in eżami u li, konsegwentement, din hija mingħajr rilevanza fir-rigward ta’ dan il-każ.

158    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li Siegwerk irrispondiet għall-mistoqsijiet 35 u 39 tal-kwestjonarju lill-klijenti li hija tqis “li kien hemm ċerta kapaċità żejda fis-suq”.

159    Il-partijiet intervenjenti jippreċiżaw li l-prezz tal-kolofon kien żdied sewwa fiż-żmien tal-konċentrazzjoni għar-raġuni ta’ tnaqqis temporanju ta’ l-offerta meta mqabbla mat-talba, li rriżulta minn kombinazzjoni ta’ stokk baxx fil-bidu, ta’ żmien ħażin li kien dewwem il-ġbir tal-kolofon u ta’ spekulazzjoni, iżda li kien possibbli dan jiġi pprokurat bil-prezz tal-suq u li l-prezzijiet kienu sadanittant niżlu. Filwaqt li jirreferu għal laqgħa ma’ Sun, li seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet intervenjenti jsostnu li r-rikorrenti kienu jafu dan il-fatt fil-preżentata tar-rikors.

160    Fir-rigward ta’ tnejn mill-pubblikazzjonijiet li għalihom irreferew ir-rikorrenti, il-partijiet intervenjenti jispjegaw li d-dikjarazzjonijiet li kienu jinsabu fihom mhumiex rilevanti, peress li dawn ma jippreżentaw ebda rabta mal-produzzjoni ta’ raża kolofonika fl-Ewropa. It-tielet pubblikazzjoni tindika li Arez għamlet xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fiċ-Ċina fil-kuntest ta’ proġett intiż sabiex jirdoppja l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha, li jimplika li din l-impriża kienet konvinta li kellha l-aċċess neċessarju għall-materji primi. Minbarra dan, dawn il-pubblikazzjonijiet kif ukoll ftehim ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ bejn Megara u Resinall huma eżempji ta’ dħul ġodda fis-suq li juru li l-barriera għad-dħul u għall-espansjoni kienu dgħajfa.

161    Fl-aħħar nett, ebda fatt ma jsostni l-konklużjoni li l-entità parti minn konċentrazzjoni setgħet tikseb aċċess privileġġjat għall-materji primi. Bil-kontra, matul laqgħa tas-7 ta’ April 2006, Sun kienet esprimiet il-preokkupazzjonijiet tagħha għall-fatt li Hexion ma kinitx integrat verfikalment fis-settur tal-kolofon, kuntrarjament għal uħud mill-kompetituri tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

162    Permezz ta’ din l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqajmu, fir-realtà, żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel, fuq żbalji li l-Kummissjoni wettqet meta kkonkludiet li kienu jeżistu kapaċitatjiet eċċessivi fis-suq u, it-tieni, żbalji li hija kienet wettqet meta ma analizzatx, fid-deċiżjoni kkontestata, la d-disponibbiltà tal-materji primi neċessarji għall-produzzjoni tar-raża kolofonika u lanqas l-effetti ta’ nuqqas allegat ta’ dawn il-materji primi fuq l-użu tal-kapaċità.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji relatati mal-kapaċitajiet eżistenti fis-suq

163    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 63 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq kien ikkaratterizzat minn eċċess ta’ kapaċità.

164    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li kien jeżisti eċċess tal-kapaċità fis-suq.

165    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-restrizzjonijiet ġenerali u staġonali allegati, jirriżulta mill-faxxiklu amministrattiv li r-rikorrenti indikaw li fis-suq kienu jeżistu restrizzjonijiet li jostakolaw il-kapaċità ta’ produzzjoni, li l-kapaċità tal-fornituri kienet potenzjalment fid-deklin, u li Sun kull sena kienet tagħmel sforzi kbar sabiex tassigura l-fornitura li hija kellha bżonn, b’mod partikolari fil-perijodu bejn Settembru sa Diċembru meta t-talba kienet, b’mod staġonali, kbira u li l-kapaċità tal-produtturi eżistenti kienet insuffiċjenti (risposti ta’ Flint għall-mistoqsija 40 u ta’ Sun tal-mistoqsija 39 tal-kwestjonarju lill-klijenti). Minbarra dan, Sun indikat, fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha, l-eżistenza ta’ [kunfidenzjali].

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha, fil-premessi 62 sa 65, prinċipalment fuq informazzjoni pprovduta mill-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni, li kienu jeżistu kapaċitajiet ta’ riżerva ta’ produzzjoni ta’ għall-anqas 19,5 % tal-produzzjoni totali fis-suq u li tista’ tilħaq, skond l-estimi, sa 41 % (ara l-punt 25 iktar ’il fuq). Skond il-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra dan, ħamsa mis-seba’ klijenti li rrispondew għall-kwestjonarju rrikonoxxew li s-suq kellu eċċess ta’ kapaċità. Fil-każ fejn ir-rikorrenti jikkontestaw dan il-fatt, il-Kummissjoni tirreferi ġustament għar-risposti ta’ Siegwerk għall-mistoqsijiet 35 u 39 tal-kwestjonarju lill-klijenti, li fhom hija rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ eċċess ta’ kapaċità. B’hekk, jirriżulta mill-proċess li Flint u Sun biss indikaw b’mod ċar, matul il-proċedura amministrattiva, li kienet teżisti restrizzjoni ta’ kapaċità. Minbarra dan jirriżulta mill-osservazzjonijiet addizzjonali ta’ Sun u tar-risposta ta’ [kunfidenzjali] li [kunfidenzjali]. Fil-fatt, huma jindikaw li [kunfidenzjali].

167    Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-korrispondenza permezz ta’ messaġġ b’posta elettronika ppreżentat minn Sun li [kunfidenzjali]. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tispjega wkoll kif [kunfidenzjali] u lanqas li tivverifika l-affermazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward bħal ma għamlet Sun. Minbarra dan, l-informazzjoni pprovduta minn [kunfidenzjali] fuq [kunfidenzjali] tispjega biżżejjed [kunfidenzjali], il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tivverifika dan l-element bħal ma għamlet Sun.

168    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkorrobora iktar il-konstatazzjonijiet mogħtija fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li kien jeżisti eċċess ta’ kapaċità fis-suq.

169    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-allegati restrizzjonijiet ta’ kapaċità fost il-kompetituri tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li Fint indikat li ma kinitx teżisti fost il-fornituri l-oħra kapaċità disponibbli biżżejjed, li kien diffiċli ħafna li jinkisbu mill-fornituri impenn fuq il-volumi rilevanti li hija kellha bżonn, li l-kapaċità kienet il-kriterju prinċipali li kellu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ fornitura u li hija kienet obbligata li tinkludi l-entità parti minn konċentrazzjoni fil-portafoll ta’ forrnituri tagħha, minħabba li l-fornituri l-oħra ma kinux fil-pożizzjoni li jipprokurawlha l-volumi li hija kellha bżonn (risposti għall-mistqosijiet 12, 40, 43 u 45 tal-kwestjonarju lill-klijenti). Minbarra dan, Sun indikat li l-fabbrikanti tar-raża kolofonika kollha kienu attwalment jipprovdu lill-industrija tal-linka u konsegwentement ma kienx jeżisti fornitur alternattiv wieħed disponibbli għall-industrija tal-linka, li l-volum meħtieġ kien wieħed mill-kriterji sabiex jiġu konklużi kuntratti ta’ fornitura, li mhemmx fornitur li l-ġurnata ta’ llum jista’ jirrispondi għat-talbiet tagħha u li x-xerrejja l-kbar tar-raża kollha kellhom strateġijiet ta’ fornitura multipli (risposti għat-twegħġibiet 12, 442 u 44 tal-kwestjonarju lill-klijenti). Fl-aħħar nett, Siegwerk indikat li ma kinux jeżistu fornituri alternattivi għal dawk eżistenti fl-Ewropa (risposta għall-mistoqsija 12 tal-kwestjonarju lill-klijenti).

170    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk il-kapaċità disponibbli fis-suq tippermettix lill-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni li jbiddlu l-ordnijiet, li sa dak iż-żmien kienu pprovduti mill-partijiet magħuqda, għal fuq fornituri oħra eżistenti jew fornituri potenzjali. Jirriżulta mir-risposti għall-kwestjonarju lill-klijenti mfakkar fil-punt preċedenti li Flint biss indikat b’mod ċar, matul il-proċedura amministrattiva, l-eżistenza ta’ diffikultajiet marbuta mal-volumi disponibbili għand il-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni. Madankollu, Flint esprimiet ukoll, fir-rigward tad-diffikultajiet li tikseb fornituri għal impenji fuq il-“volum rilevanti” li kien possibbli li dawn l-impenji jinkisbu jekk il-klijent kien lest li jħallas il-prezz (“If we pay, we get!”). B’hekk, l-allegati diffikultajiet irrilevati jidhru li huma iktar marbuta mal-livell tal-prezzijiet mitluba mill-fornituri fil-funzjoni tat-talba milli minn nuqqasijiet ta’ kapaċità.

171    Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li huwa neċessarju, sabiex jiġi skoraġġat eventwali aġir antikompetittiv ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni, li l-klijenti kollha jistgħu jagħmlu l-ordnijiet tagħhom għand fornituri oħra. Fil-fatt, il-possibbiltà għar-rikorrenti li jagħmlu parti sostanzjali tat-talba tagħhom għand fornituri oħra tista’ tiġi kkunsidrata bħala thedida ta’ telf kbira biżżejjed għall-entità parti minn konċentrazzjoni, li tista’ tiddiswadiha li ssegwi din l-istrateġija. F’dan il-każ, jirriżulta mill-istrateġija ta’ fornitura multipla li Sun semmiet matul il-proċedura amministrattiva li l-klijenti jfittxu li jinkludu bosta produtturi fil-portafoll ta’ fornituri tagħhom. Madankollu, jirriżulta mis-sehem tas-suq ta’ Arizona, ta’ Cray Valley u ta’ Respoli kif ukoll fir-rigward tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom u ta’ l-eċċess tal-kapaċità kbira li huma għandhom, kif intqal fil-premessi 51 u 62 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestati mir-rikorrenti, li l-fornituri huma kapaċi jipprovdu l-volumi kbar li r-rikorrenti jistgħu jitolbu. Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-fornituri ta’ daqs iktar żgħir għandhom, flimkien, sehem tas-suq ta’ madwar 21 % u ta’ eċċess tal-kapaċità kbir. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fil-premessi 68 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-produtturi tas-suq l-oħra għandhom il-kapaċità li tippermettilhom jikkumbattu aġir antikompetittiv u li jipprovdu lill-klijenti kbar tal-partijiet tal-konċentrazzjoni.

172    Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li Flint u Sun biss sostnew li kien hemm restrizzjonijiet ta’ kapaċità matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li l-klijenti l-oħra, li jinkludu Siegwerk, u l-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni kollha rrikonoxxew li kien jeżisti eċċess tal-kapaċità. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stmat li ma kinux jeżistu fost il-kompetituri tar-rikorrenti restrizzjonijiet ta’ kapaċità li setgħu jimpedixxu dawn il-klijenti milli jagħmlu parti suffiċjentement importanti ta’ l-ordinjiet tagħhom għand fornituri oħra.

173    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra b’mod ġust li kien jeżisti eċċess ta’ kapaċità fis-suq. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji relatati mad-disponibbiltà tal-materji primi

174    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar, fil-punt 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kkonstatat, matul l-aħħar snin li jippreċedu l-konċentrazzjoni, żieda tal-prezzijiet tal-materji primi li jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-produzzjoni ta’ raża kolofonika, bħal żejt mhux raffinat, il-gamma ta’ kolofon u r-raża ta’ tall oil, il-prezz tat-tunnellata ta’ gamma ta’ kolofon kienet tela’ minn USD 500 f’Jannar 2004 għal madwar USD 1 250 fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

175    B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma analizzatx, fid-deċiżjoni kkontestata, id-disponibbiltà tal-materji primi neċessarji għall-produzzjoni tar-raża kolofonika u lanqas l-effetti ta’ allegat nuqqas ta’ dawn il-materji primi fuq l-użu tal-kapaċità.

176    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-indikazzjonijiet ta’ l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ materji primi, għandu jiġi rrilevat li Siegwerk indikat, fir-risposta għall-mistoqsijiet 36 u 39 tal-kwestjonarju lill-klijenti, li l-karatteristika għolja tal-prezzijiet u d-disponibbiltà f’materji primi kienu ostaklu kbir sabiex dan is-suq jiġi attwalment ippenetrat u li problemi serji ta’ fornitura kienu rriżultaw fil-passat reċenti minħabba l-indisponibbiltà ta’ materji primi. Bħala risposta għall-mistoqsija 15 tal-kwestjonarju lill-klijenti, Siegwerk, minbarra dan, indikat li, fi Frar 2006, Arizona kienet waqfet li tipprovdilha l-parti l-kbira tar-raża fenolika mmodifikata minħabba li din ta’ l-aħħar kienet waqqfet il-produzzjoni tagħha minħabba l-indisponibbiltà mnaqqsa persistenti ta’ żewġ materji primi indispensabbli, ir-raża mhux raffinata ta’ tall oil u l-gamma ta’ kolofon. Minbarra dan, diġà ġie mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fill-premessa 67, għal żieda kunsiderevoli tal-prezz tal-materji primi matul l-aħħar snin u sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, il-partijiet intervenjenti jirrikonoxxu li kien hemm tnaqqis temporanju ta’ l-offerta meta mqabbla mat-talba, li tirriżulta minn kombinazzjoni ta’ fatturi differenti.

177    Madankollu, il-Kummissjoni sostniet ġustament li Siegwerk hija l-unika mill-għaxar klijenti li rrispondiet għall-kwestjonarju għall-klijenti li fih indikat il-problemi marbuta mad-disponibbiltà ta’ materji primi. Ebda klijent ieħor, inklużi Flint u Sun, ma sostnew, matul il-proċedura amministrattiva, tali diffikultajiet. Bl-istess mod, ebda mit-tlettax-il kompetitur tal-partijiet tal-konċentrazzjoni li rrispondew għall-kwestjonarju għall-kompetituri ma semmew dawn il-problemi fir-rigward tar-raża mhux raffinata ta’ tall oil jew għall-gamma ta’ kolofon, għalkemm il-Kummissjoni kienet għamlet mistoqsijiet dwar l-użu tal-kapaċità għall-produzzjoni ta’ raża mħallta (li hija komposta minn raża idorkarbonika u minn raża b’bażi ta’ tall oil jew minn gamma ta’ kolofon) u fir-rigward tad-diffikultajiet ta’ dħul fuq, b’mod partikolari, is-suq tar-raża kolofonika (mistoqsjiet 39 u 40 tal-kwestjonarju lill-kompetituri). Fil-fatt, l-unika indikazzjoni f’dan is-sens ġejja minn Cary Valley, li affermat li “l-aċċess limitat għal materji primi li ma jiswewx ħafna (b’mod partikolari l-idrokarboniċi)” kien ostaklu għal partijiet ġodda fis-suq. B’mod partikolari, Arizona ma semmiet ebda diffikultà f’dan ir-rigward. Madankollu, il-produtturi tar-raża kolofonika jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jindunaw bi problemi ta’ fornitura li jikkonċernaw il-materji primi tagħhom. Minbarra dan, il-partijiet intervenjenti jsostnu wkoll li, minkejja t-tnaqqis temporanju osservat ta’ l-offerta meta mqabbla mat-talba, huwa dejjem possibbli li tinkiseb il-gamma ta’ kolofon bil-prezz tas-suq.

178    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fir-rigward ta’ l-uniċi indikazzjonijiet ta’ Siegwerk, filwaqt li l-produtturi kollha għandhom jiltaqgħu ma’ l-istess diffikultajiet, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ttrattax id-disponibbiltà tal-materji primi fid-deċiżjoni kkontestata.

179    Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dokumenti disponibbli fuq l-Internet li għalihom jirreferu r-rikorrenti, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provi ta’ l-eżistenza ta’ nuqqas allegat ta’ materji primi, peress li ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma ġie ppreżentat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Minbarra dan, it-tħabbir tal-ftehim bejn Megara u Resinall kif ukoll ir-rapport fuq ir-raża ġew ippubblikati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li d-dikjarazzjoni ta’ DRT m’għandhiex data.

180    Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jibbażaw ruħhom fuq dawn id-dokumenti dabiex juru l-allegat għarfien, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tan-nuqqasijiet ta’ raża raffinata ta’ tall oil u ta’ gamma ta’ kolofon, għandu jiġi osservat li l-avviż ta’ Resinall ma jippreċiżax il-materji primi affettwati min-nuqqas allegat u lanqas ma jippreċiża l-oriġini tiegħu u li l-intervenjenti rrilevaw, mingħajr ma kienu kkontestati mir-rikorrenti, li Resinall ma kinitx qed tbigħ raża kolofonika fl-Ewropa fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ l-avviż. Minbarra dan, id-dikjarazzjoni ta’ DRT tirreferi għad-derivanti terpeniċi u l-partijiet intervenjenti sostnew, mingħajr ma ġew ikkontestati mir-rikorrenti, li dak li huwa applikabbli għad-derivati terpeniċi mhuwiex neċessarjament validu għar-raża kolofonika. Barra minn hek, fil-każ fejn din id-dikjarazzjoni tirreferi għall-gamma ta’ kolofon, hemm lok li jiġi osservat li ma jirriżultax b’mod ċar minn din id-dikjarazzjoni li hija tirreferi għal żieda tal-produzzjoni jew tal-prezz u li wkoll indikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet ma turix neċessarjament l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas. Fl-aħħar nett, jirriżulta mir-rapport fuq ir-raża li dan ma jirrigwardax speċifikament ir-raża mhux raffinata ta’ tall oil u l-gamma ta’ kolofon, iżda tirrigwarda l-materji primi kollha u b’mod partikolari l-idrokarboniċi, li jindika b’mod ġenerali l-eżistenza ta’ diffikultajiet fl-2005, iżda ta’ stabbiltà fil-fornitura fl-2006 u li d-diffikultajiet fl-2005 kienu pjuttost marbuta maż-żidiet fil-prezzijiet u mal-volatilità milli l-indisponibbiltà taż-żewġ materji primi in kwistjoni. Fil-fatt, l-unika riferiment għal nuqqas ta’ dawn iż-żewġ materji preċiżament jirrigwarda s-sena 2005 u jispjega li dan in-nuqqas kif ukoll l-ispejjeż iktar għolja b’mod partikolari minħabba l-ispejjeż iktar għolja ta’ l-enerġija. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti jistabbilixxu biss li nuqqas ta’ raża mhux raffinata ta’ tall oil u ta’ gamma ta’ kolofon kien magħruf matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni kellha l-obbligu, minħabba dan il-fatt, tinvestiga din il-kwistjoni.

181    Minħabba dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li d-dokumenti disponibbli fuq l-Internet li għalihom jirreferu r-rikorrenti ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ttrattatx id-disponibbiltà tal-materji primi fid-deċiżjoni kkontestata.

182    Fir-rigward, fit-tielet lok, ta’ l-allegazzjoni li l-allegati nuqqasijiet ta’ materji primi jimpedixxu lill-kompetituri milli jżidu l-produzzjoni tagħhom u li huma barriera għad-dħul u għall-espansjoni fis-suq, il-Kummissjoni tosserva ġustament li r-rikorrenti ma spjegawx kif effetti antikompetittivi setgħu jirriżultaw minn nuqqas ta’ materji primi li jidher li jaffettwa l-fornituri kollha bl-istess mod. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li Siegwerk iddikjarat, bħala risposta għall-mistoqsija 12 tal-kwestjonarju lill-klijenti, li l-volum l-iktar importanti ta’ kolofon kien prodott fiċ-Ċina u li jekk il-kolofon Ċiniż isir iktar għali, il-fornituri kollha f’livell dinji kien ikollhom jaffrontaw l-istess problema. Fil-fatt, jekk il-gamma ta’ kolofon mhijiex disponibbli, ebda produttur, kif ukoll ebda entità parti minn konċentrazzjoni, ma jkun jista’ jipproduċi raża kolofonika, inkluża l-gamma ta’ kolofon. Min-naħa l-oħra, jekk tkun disponibbli, kull produttur ikun jista’ jipprokuraha sakemm huwa jkun lest iħallas il-prezz (ara l-punt 170 iktar ’il fuq).

183    B’hekk, kif sostniet il-Kummissjoni, aċċess preferenzjali tal-partijiet tal-konċentrazzjoni meta mqabbel ma’ kompetituri tagħhom biss jista’ jkollu effetti fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-partijiet tal-konċentrazzjoni għandhom dan. Huma sempliċement isostnu li l-entità parti minn konċentrazzjoni tista’, fid-dawl tad-daqs tagħha, ta’ l-infrastruttura u ta’ l-esperjenza tagħha, tikseb livell għoli ta’ kontroll jew ta’ influwenza fuq il-fornitura ta’ gamma ta’ kolofon. Madankollu l-Kummissjoni rrilevat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-entità parti minn konċentrazzjoni ser tixtri biss minn 5 sa 10 % tal-produzzjoni dinjija ta’ gamma ta’ kolofon (ara l-punt 154 iktar ’il fuq).

184    Minħabba dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, nuqqasijiet ta’ materji primi jimpedixxu lill-kompetituri li jżidu l-produzzjoni tagħhom u huma barriera għad-dħul u għall-espansjoni fis-suq u, min-naħa l-oħra, l-entità parti minn konċentrazzjoni għandha qawwa tax-xerrej ma ġewx suffiċjentement ippruvati.

185    Fir-rigward, fir-raba’ lok, għal riferimenti għal-linji gwida u għall-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li kull kawża għandha tiġi evalwata fil-funzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali partikolari tagħha u li jirriżulta minn dak li ntqal li l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kellha l-obbligu, f’dan il-każ, li tidħol fid-deċiżjoni kkontestata dwar id-disponibbiltà tal-materji primi u dwar l-effett tan-nuqqas allegat tagħhom fuq l-użu tal-kapaċità.

186    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ttrattatx, fid-deċiżjoni kkontestata, id-disponibbiltà tal-materji primi u l-effetti ta’ allegat nuqqas ta’ dawn il-materji primi fuq l-użu tal-kapaċià. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

187    Min dan jirriżulta li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji relatati man-natura u mal-portata ta’ l-integrazzjoni tal-klijenti ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

188    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx in-natura u l-portata ta’ l-integrazzjoni vertikali tal-klijenti. Meta hija osservat, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li impriżi bħal Siegwerk u Flint, li għandhom “produzzjoni interna ta’ raża kolofonika [...] jikkontrollaw b’suċċess il-fornituri tagħhom”, il-Kummissjoni bbażat dawn l-ammonti li jikkonċernaw il-kapaċità ta’ produzzjoni li tirriżulta mill-estimi magħmula mill-partijiet tal-konċentrazzjoni mingħajr ma staqsiet lir-rikorrenti fuq in-natura tal-produzzjoni tagħhom. Il-produzzjoni interna in kwistjoni tkopri biss tip partikolari ta’ raża kolofonika li tista’ tiġi użata biss biex jipproduċi gamma limitata ta’ linka tipografika. Minbarra dan, minflok 25 000 t u 12 000 t, Flint u Siegwerk jipproduċu fir-realtà, rispettivament, [kunfidenzjali] t. Investigazzjoni serja, li tfittex li tikkorrobora dawn l-ammonti, kienet turi li din il-produzzjoni mhijiex suxxettibbli li tikkostitwxxi pressjoni fuq il-partijiet tal-konċentrazzjoni minħabba li r-rikorrenti jibqgħu dipendenti fuq fornituri esterni. Il-Kummissjoni kienet naqset milli tivverifika jekk l-informazzjoni li hija kellha kinitx ta’ min joqgħod fuqha, rilevanti u oġġettiva. Peress li żewġ rikorrenti kienu wrew fl-osservazzjonijiet tagħhom dubji serji fir-rigward tal-konċentrazzjoni, fejn isostnu l-pressjonijiet kompetittivi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni, ikun sorprendenti li l-Kummissjoni ma tkunx eżaminat mill-ġdid l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet tal-konċentrazzjoni.

189    Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma ċaħdux li Flint u Siegwerk għandhom produzzjonijiet interni kbar u tikkunsidra li d-differenzi bejn l-estimi ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċifri mogħtija mir-rikorrenti hija dgħajfa. L-argument imressaq mir-rikorrenti li l-produzzjoni interna tista’ tiġi użata biss għal serje limitata ta’ linka tipografika għandha tiġi miċħuda bħala mingħajr biżżejjed bażi, peress li l-produtturi ta’ raża kolofonika ddestinata għal-linka tipografika huma ġeneralment kapaċi li jipproduċu gamma sħiħa. F’kull każ, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni, magħmula fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li teżisti theddida ta’ integrazzjoni vertikali min-naħa tal-klijenti.

190    Il-partijiet intervenjenti jinfurmaw li l-kapaċità magħquda ta’ Flint u ta’ Siegwerk, skond iċ-ċifri tagħhom hija ta’ [kunfidenzjali] t, volum sinjifikattiv meta mqabbel ma’ dak ta’ 35 000 t li jikkorrispondi għall-kapaċità ta’ Hexion qabel il-konċentrazzjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni kienet taf, permezz tal-formulazzjoni ta’ notifika tal-konċentrazzjoni, li Flint u Siegwerk kienu jipproduċu biss prodotti tar-raża. Fir-rigward tal-faċilità ta’ sostituzzjoni tal-fornituri, Flint u Siegwerk jistgħu jużaw il-kapaċità tagħhom ta’ produzzjoni interna sabiex jikkontrollaw il-fornituri tagħhom, minn naħa, billi jheddu li ma jagħmlux iktar ordnijiet ta’ raża ddestinati għal fotoinċiżjoni u għal litografija kif ukoll, min-naħa l-oħra, billi jipprovdu l-kapaċità ta’ produzzjoni li kellhom fornituri oħra sabiex dawn ikunu jistgħu jipproduċu tipi oħra ta’ raża ddestinata għas-suq tal-linka tipografika. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti huma għal kollox konxji mis-setgħa tagħhom li jheddu li jintegraw ruħhom vertikalment. Sun kienet heddet li tagħmel dan matul laqgħa ma’ Hexion fil-5 ta’ Mejju 2006.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

191    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ l-eżami tagħha ta’ qawwa kumpensatorja tal-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skond l-estimi tal-partijiet, tliet klijenti importanti kellhom kapaċità ta’ produzzjoni interna sinjifikattiva: Flint u Siegwerk, li għandhom kapaċità ta’ produzzjoni stmata fi, rispettivament, madwar 25 000 t u 12 000 t, u Huber, li reċentement xtara Micro Inks u infurmat il-fornituri tagħha li hija kienet ser tibda titrasferixxi x-xiri tagħha fuq is-sussidjarja tagħha.

192    B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji dwar l-integrazzjoni vertikali ta’ Flint u ta’ Siegwerk li jistgħu jaffettwaw il-konklużjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ qawwa kumpensatorja tal-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni.

193    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-differenza bejn il-kwantitajiet ta’ produzzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċifri mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din id-differenza hija minima. Anki fuq il-bażi taċ-ċifri mressqa mir-rikorrenti, il-produzzjoni magħquda ta’ Flint u ta’ Siegwerk kienet ekwivalenti għal iktar minn [kunfidenzjali] % tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ Hexion qabel il-konċentrazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-differenza rrilevata mir-rikorrenti hija mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-qawwa kumpensatorja effettwata mill-Kummissjoni u tinsab fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata.

194    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-argument li l-produzzjoni ta’ Flint u ta’ Siegwerk hija limitata għal ċerta raża u li, b’hekk, dawn jiddependu mill-fornituri tas-suq, il-partijiet intervenjetni jindikaw li produzzjoni interna, anki limitata għal ċerta raża ta’ kolofon, tippermettilhom li jeżerċitaw pressjoni fuq il-fornituri. F’kull każ, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-eventwali limitazzjonijiet tal-produzzjoni interna ta’ Flint u ta’ Siegwerk ma jmissux l-essenzjali tar-raġunament tagħha espost fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija tuża’ l-eżempji ta’ Flint, ta’ Siegwerk u ta’ Huber sabiex turi li l-qawwa kumpensatorja tal-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni hija msaħħa mir-realtà tat-theddida ta’ integrazzjoni vertikali. Minħabba dawn ir-raġunijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx semmiet, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eventwali limitazzjonijiet tal-produzzjoni ta’ Flint u ta’ Siegwerk huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-qawwa kumpensatorja effettwata minnha.

195    Fl-aħħar nett, jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, verifika ta’ l-informazzjoni dwar il-produzzjoni mingħand Siegwerk u Flint ma kinitx essenzjali.

196    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li teżisti qawwa kumpensatorja fost il-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni jew, dwar it-theddida ta’ integrazzjoni vertikali ta’ Flint u Siegwerk, żball ta’ fatt li jista’ jaffettwa din il-konklużjoni.

197    Konsegwentement, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji relatati ma’ l-impatt ta’ żidiet importanti ta’ prezz tal-materji primi

 L-argumenti tal-partijiet

198    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni m’għamlitx investigazzjoni xierqa ta’ l-impatt fuq il-kompetizzjoni taż-żieda tal-prezz tal-gamma tal-kolofon minn USD 500 sa USD 1 250 kull tunnellata matul id-29 xahar qabel il-konċentrazzjoni. Sun kienet infurmat lill-Kummissjoni biż-żidiet imħabbra tal-prezzijiet tar-raża kolofonika, u b’mod partikolari taż-żidiet tal-prezzijiet imposti mill-partijiet tal-konċentrazzjoni mix-xahar ta’ Frar 2005 sal-15 ta’ Mejju 2006. Madankollu, il-Kummissjoni ma kinitx eżaminat l-impatt fuq il-produttur u x-xerrejja ta’ raża kolofonika ta’ dawn iż-żidiet fil-prezz, marbut ma’ talba li dejjem tikber filwaqt li, f’kawżi oħra, hija kkunsidrat li “possibbiltà ta’ żieda [....] tal-prezzijiet [...] [kienet] tikkostitwixxi l-aħjar prova li l-kompetizzjoni ma kinitx suffiċjenti fil-passat, u li hija [kienet] kienet inqas minn hekk wara l-konċentrazzjoni, sabiex tkun tista’ tillimita b’mod sinjifikattiv is-saħħa” ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni (ara d-Deċiżjoni Nestlé/Perrier) u li l-żidiet fil-prezz “jikkuntradixxu l-argument li l-prezzijiet kienu miżmuma permezz ta’ l-eżistenza ta’ kapaċità eċċessiva” [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/244/KE ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (każ COMP/M.1663 – Alcan/Alusuisse) (ĠU L 90, 2002, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Alcan/Alsuisse”)].

199    Il-Kummissjoni tosserva li r-rikokrrenti ma spjegawx għalfejn investigazzjoni ddettaljata fuq iż-żidiet fil-prezz tal-materji primi li jaffettwaw il-produtturi ta’ prodotti kkonċernati kollha hija neċessarja. Hija ssostni li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet ma jippreżentaw ebda rabta ma’ din il-konċentrazzjoni u li din il-konċentrazzjoni mhijiex il-kawża. Fil-fatt, peress li l-prezzijiet tal-materji primi meħtieġa sabiex jipproduċu raża kolofonika kienu żdiedu b’mod kunsiderevoli matul l-aħħar snin, il-prezzijiet tar-raża kolofonika żdiedu bħala konsegwenza.

200    L-intervenjenti jsostnu wkoll li mhuwex stabbilit fl-investigazzjoni kif iż-żidiet fil-prezzijiet tal-materji primi jistgħu jkollhom rabta mal-konċentrazzjoni nnotifikata. Minbarra dan, huma jikkunsidraw li l-fatti tal-każijiet li taw lok għad-Deċiżjonijiet Alcan/Alusuisse u Nestlé/Perrier ma jixxiebhux ma’ dawk ta’ dan il-każ. Fl-aħħar nett, huma josservaw li l-provi li jikkonċernaw iż-żidiet fil-prezz ipprovduti minn Sun ġew eżaminati fil-premessi 66 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

201    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestatat, li Akzo u Hexion fil-passat kienu żdiedu l-prezzijiet tar-raża kolofonika. Hija rrilevat, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn iż-żidiet matul dawn l-aħħar snin li jippreċedu l-konċentrazzjoni kienu dovuti għal żieda fil-prezzijiet tal-materji primi, li jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-produzzjoni tar-raża kolofonika, bħaż-żejt mhux raffinat, il-gamma ta’ kolofon u r-raża ta’ tall oil, il-prezz tat-tunnellata ta’ gamma ta’ kolofon kien żdied minn USD 500 f’Jannar 2004 għal madwar USD 1 250 fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

202    B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma pproċedietx, bħal ma jallegaw ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, għal analiżi ta’ l-impatt fuq il-produtturi u x-xerrejja tar-raża kolofonika taż-żidiet tal-prezzijiet, minn naħa, tar-raża kolofonika, b’mod paritkolari dawk imposti mill-partijiet tal-konċentrazzjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-materji primi.

203    Fir-rigward, fl-ewwel lok, taż-żieda tal-prezzijiet tar-raża kolofonika, diġà ġie mfakkar fil-premessa 67 li ż-żieda tagħhom hija dovuta għaż-żieda fil-prezz tal-materji primi. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx din l-ispjegazzjoni. Isegwi li, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata f’dan il-każ li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi tal-kawżi li kienu taw lok għad-Deċiżjonijiet Alcan/Alusuisse u Nestlé/Perrier, iż-żidiet fil-prezz ma kinux indikattivi ta’ kompetizzjoni insuffiċjenti u ta’ setgħa fuq is-suq. Peress li r-rikorrenti ma ressqu ebda spjegazzjoni in sostenn ta’ l-allegata rilevanza ta’ dawn iż-żidiet fil-prezz ġenerali, li jaffettwaw, a priori, il-klijenti kollha bl-istress mod, għall-evalwazzjoni ta’ l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni, huma ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma eżaminatx l-impatt ta’ dawn iż-żidiet fil-prezz fuq ix-xerrejja ta’ raża kolofonika.

204    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prezzijiet tal-materji primi, huwa ppreċiżat fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata li, sa ċertu punt, iż-żieda tagħhom hija dovuta għaż-żieda fil-prezz taż-żejt mhux raffinat. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li Siegerk indikat li mhuwiex ikkontestat li dawn iż-żidiet jaffettwaw il-produtturi tal-prodotti kollha li huma affettwati bl-istess mod (ara l-punt 181 iktar ’il fuq). B’hekk, mhemmx lok li jiġi kkunsidrat li dawn iż-żidiet ġenerali tal-prezzijiet tal-materji primi jqajmu problemi kompetittivi (ara l-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq). Madankollu, ir-rikorrenti ma ressqux raġunijiet speċifiċi li jispjegaw għalfejn il-Kummissjoni kellha tinvestiga fuq l-impatt taż-żieda tal-prezzijiet tal-materji primi fuq il-produtturi u x-xerrejja tar-raża kolofonika.

205    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma pproċedietx għal analiżi ta’ l-impatt taż-żidiet tal-prezzijiet fuq il-produtturi u x-xerrejja tar-raża kolofonika. Għaldaqstant, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

d)     Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji relatati mal-qawwa kumpensatorja tax-xerrej.

 L-argumenti tal-partijiet

206    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma eżaminatx korrettament l-argumenti relatati mal-kwistjoni tal-qawwa kumpensatorja tax-xerrej. Mhuwiex biżżejjed li jintwera li t-talba fis-suq hija kkonċentrata jew li l-klijenti jipprovdu lilhom infushom mingħand bosta fornituri. Il-Kummissjoni kellha tikkonċentra fuq il-kapaċità tax-xerrejja u tieħu miżuri sabiex timpedixxi kull tentattiv min-naħa tal-fonituri li jżidu l-prezzijiet. Fid-dawl ta’ l-elementi ta’ prova li jinsabu fil-faxxiklu tagħha, li kkontraddixxew l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-qawwa kumpensatorja tax-xerrej, kien obbligu tal-Kummissjoni li tagħmel analiżi iktar intensiva li tapplika għall-istrutturi ta’ l-industrija u ta’ fatturi oħra tad-dinamika tagħha kif ukoll għall-istrateġiji preċiżi li setgħu jadottaw ix-xerrejja tas-settur biex iwaqqfu kull żieda fil-prezz li tirriżulta mill-konċentrazzjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/641/KE tal-25 ta’ Novembru 1998, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (każ IV/M.1225 – Enso/Stora) (ĠU L 254, p. 9, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Enso/Stora”)]. Peress li d-deċiżjoni kkontestata tibqa’ madankollu siekta fuq dawn il-kwistjonijiet kollha, il-Kummissjoni sempliċement issostni li d-dipendenza qawwija tal-partijiet tal-konċentrazzjoni fir-rigward ta’ xi klijenti kbar tikkontrobatti kull aġir antikompetittiv filwaqt li r-rikorrenti sostnew li s-suq ma jikkaratterizzax ruħu mill-eżistenza ta’ saħħa ta’ suq u sostnew li, minħabba li huma jieħdu mingħand żewġ impriżi li huma partijiet tal-konċentrazzjoni, huma kienu partikolarment vulnerabbli fuq dak li dawn jimponu fuqhom. Ir-rikorrenti kienu indikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom imressqa quddiem il-Kummissjoni li dan huwa suq tal-bejjiegħa u li huma ma setgħux jeżerċitaw fuq il-fornitur tas-settur setgħa ta’ negozjar importanti minħabba n-nuqqas ta’ fornituri alternattivi u minħabba restrizzjonijiet tekniċi. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tagħti motivazzjoni lill-konklużjonijiet tagħha, ħaġa li hija m’għamlitx, kif ukoll li fid-deċiżjoni kkontestata hija ma kkunsidratx l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti.

207    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jikkontestawx li t-talba fis-suq hija kkonċentrata ħafna u tfakkar li l-ewwel ħames produtturi ta’ linka jirrappreżentaw madwar [80-90] % tad-dħul ta’ Hexion u [90-100] % ta’ dak ta’ Akzo. Hija tosserva wkoll li l-offerta hija inqas ikkonċentrata, peress li l-bejgħ ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni għar-rikorrenti tirrappreżenta [kunfidenzjali] % tal-bejgħ totali ta’ Hexion u [kunfidenzjali] ta’ dak ta’ Akzo, iżda biss [kunfidenzjali] tal-bżonnijiet kollha ta’ Sun. Minn dan jirriżulta li l-partijiet fil-konċentrazzjoni huma ħafna iktar dipendenti mir-rikorrenti, milli l-kontra. Minbarra dan ix-xerrejja għandhom numru importanti ta’ fornituri alternattivi kredibbli, peress li l-produzzjoni tagħhom stess u l-possibbiltà li jintegrawhom lilhom infushom vertikalment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konstatazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li d-dipendenza qawwija tal-partijiet tal-konċentrazzjoni lejn xi klijenti kbar tikkostitwixxi restrizzjoni fuq eventwali aġir antikompetittiv ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni hija ġġustifikata.

208    Il-partijiet intervenjenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni analizzat b’attenzjoni l-kwistjoni tal-qawwa tax-xerrej fid-deċiżjoni kkontestata. Id-Deċiżjoni Enso/Stora ma tiffissax politika li l-Kummissjoni għandha obbligu li ssegwi u l-fatti ta’ din il-kawża mhumiex biżżejjed simili sabiex juru li analiżi ddettaljata ekwivalenti hija rilevanti f’din il-kawża. Ir-risposti għall-mistoqsijiet li għalihom jirreferu r-rikorrenti huma mingħajr ambigwità, ma jikkuntradixxux il-fatti rrilevati u analizzati mill-Kummissjoni u mhumiex sostnuti biżżejjed.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

209    Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta limitat l-analiżi tal-qawwa kumpensatorja tagħha għall-elementi rrilevati fid-deċiżjoni kkontestata.

210    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-punti 64 u 65 tal-linji gwida jipprovdu li anki impriżi li għandhom ishma għolja ħafna ma jistgħux ikunu f’pożizzjoni, wara l-formazzjoni ta’ l-għaqda, li jimpedixxu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva jekk il-kljienti tagħhom ikollhom il-qawwa kumpensatorja tax-xerrej. Dawn għandhom jinftehmu bħala s-setgħa ta’ negozjar li xerrej għandu fir-rigward ta’ bejjiegħ fit-taħdidiet kummerċjali tiegħu, minħabba d-daqs tiegħu, l-importanza kummerċjali tiegħu għall-bejjiegħ in kwistjoni u l-kapaċità tiegħu li jhedded, b’mod kredibbli, li jirrikorri f’terminu raġonevoli ta’ żmien għal sorsi ta’ fornitura oħra, jew li jnaqqas il-kwalità jew il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna, jekk il-fornitur tiegħu jiddeċiedi li jżid il-prezzijiet tiegħu. Dan huwa wkoll il-każ jekk ix-xerrej ikun jista’ jhedded, b’mod kredibbli, li jintegra ruħu vertikalment fis-suq billi jżid, jew jinkuraġġixxi l-iżvilupp jew id-dħul ta’ kompetituri fis-suq iktar ’il quddiem. Fl-aħħar nett, hemm iktar probabbiltajiet li tinstab tali qawwa kumpensatorja tax-xerrej għand il-kljienti l-kbar avżati milli għand impriżi żgħar li huma preżenti f’settur ta’ attività magħluqa.

211    Sussegwentement, fir-rigward ta’ l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti stess, Flint iddikjarat li, fil-konoxxjenza tagħha, ma kien hemm ebda setgħa ta’ negozjar fost ix-xerrejja ta’ raża kolofonika (risposta għall-mistoqsija 40 tal-kwestjonarju lill-klijenti). Siegwerk sostniet li dan huwa suq ta’ bejjiegħa u mhux suq tax-xerrejja (risposta għall-mistoqsija 40 tal-kwestjonarju għall-klijenti). Sun osservat li, fil-fehma tagħha, ix-xerrejja ma setgħux jeżerċitaw setgħa ta’ negozjar sostnut fuq il-fornituri tas-settur minħabba l-eżistenza ta’ numru limitat ħafna ta’ fornituri, assoċjat mad-diffikultà għax-xerrejja li jbiddlu malajr is-sors ta’ fornitura jew li jużaw prodotti kimiċi alternattivi (risposta għall-mistoqsija 40 tal-kwestjonarju għall-klijenti).

212    B’hekk, Sun biss ressqet raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ qawwa kumpensatorja, jiġifieri n-numru limitat ħafna ta’ fornituri u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fir-rigward ta’ ordnijiet lejn fornituri oħra. Madankollu, diġà ġie espost li r-rikorrenti ma pprovawx suffiċjentement dawn l-allegazzjonijiet (ara l-punti 84 et seq u 94 et seq iktar ’il fuq). L-istess japplika għall-argumenti li jikkonċernaw nuqqas tal-volumi neċessarji u kapaċità li qed tonqos tal-fornituri, li tressqu, skond ir-rikorrenti, minn Flint f’dan il-kuntest (ara l-punt 73 et seq iktar ’il fuq).

213    Fir-rigward ta’ l-arugment li l-Kummissjoni kellha teżamina l-kapaċità tal-klijenti li jieħdu miżuri kontra kull tentattiv min-naħa tal-fornituri li jżidu l-prezzijiet u li kien obblilgu tagħha li tagħmel analiżi iktar intensiva, fir-rigward ta’ l-istruttura ta’ l-industrija u ta’ fatturi oħra tad-dinamika tagħha kif ukoll strateġiji preċiżi li x-xerrejja tas-settur setgħu jadottaw sabiex iwaqqfu kull żieda ta’ prezz li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, hemm lok li jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ produzzjoni interna ta’ ċerti klijenti, li tippermettilhom li jikkontrollaw il-fornituri tagħhom sa ċertu punt. Fit-tieni lok, hija ssostni l-possibbiltà għall-klijenti li jieħdu min fornituri oħra ta’ daqs kbir u żgħir, li għandhom eċċessi ta’ kapaċità eċċessivi u li huma fil-pożizzjoni li jipproduċu l-gamma kollha ta’ raża kolofonika. Fit-tielet lok, hija tosserva li t-talba tikkonċentra ruħha fuq numru limitat ħafna ta’ klijenti kbar, li tagħti lil dawn il-klijenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-elementi diġà mħabbra, setgħa ta’ negozjar kbir. Fir-raba’ lok, hija tirreferi għall-eżistenza tat-theddida kredibbli ta’ integrazzjoni vertikali, li tippermetti lil dawn il-klijenti jikkontrollaw il-fornituri tagħhom.

214    Minbarra dan, dawn il-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata jikkorrispondu, fis-sustanza, għall-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-qawwa kumpensatorja tax-xerrej, li huma msemmija fil-punti 64 u 65 tal-linji gwida (ara l-punt 210 iktar ’il fuq). Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata turi l-livell għoli ta’ dipendenza tal-fornituri fir-rigward ta’ xi klijenti kbar. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, f’dan ir-rigward, li mhuwiex neċessarju għal dawn il-kljienti, sabiex jikkumbattu aġir antikompetittiv ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni, li jabbandunaw għal kollox il-fornitur in kwistjoni. Fil-fatt, il-possibbiltà għar-rikorrenti li jagħmlu parti sostanzjali tat-talba tagħhom għand fornitur ieħor tista’ tiġi kkunsidrata bħala theddida ta’ telf suffiċjentement importanti għall-entità parti minn konċentrazzjoni, li tista’ tiddiswadiha milli ssegwi din l-istrateġija (ara l-punt 171 iktar ’il fuq).

215    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti huma, f’dak li jirrigwarda r-raża kolofonika ddestinata għal applikazzjonijiet fis-settur tal-linka tipografika, fost l-iktar klijienti kbar tal-partijiet tal-konċentrazzjoni. Konsegwentement, il-bdil ta’ parti biss mill-ordnijiet tagħhom fuq fornituri oħra ser tirrappreżenta parti kbira tal-produzzjoni ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni. Minbarra dan għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fil-premessi 68 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-produtturi tas-suq l-oħra għandhom il-kapaċità li tippermettilhom jikkumbattu aġir antikompetittiv u li jipprovdu l-klijenti l-kbar tal-partijiet tal-konċentrazzjoni (ara l-punti 170 sa 172 iktar ’il fuq) u li r-rikorrenti ma stabbilixxewx id-diffikultajiet kunsiderevoli sabiex ibidllu l-fornitur li huma jallegaw fir-rigward tan-neċessità li jiddistingwu r-raża kolofonika u li b’hekk il-klijenti ma jkunux jistgħu jheddu, b’mod kredibbli, li jirrikorru f’terminu raġonevoli ta’ żmien għal sorsi ta’ fornitura oħra jekk l-entità parti minn konċentrazzjoni tiddeċiedi li żżid il-prezzijiet tagħha (ara l-punt 96 sa 99 iktar ’il fuq).

216    Barra minn hekk, jekk iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża li kienu taw lok għad-Deċiżjoni Enso/Stora jistgħu jkunu talbu, minħabba l-istruttura ta’ suq eċċezzjonali, analiżi intensiva ta’ l-istruttura ta’ l-industrija u ta’ l-istrateġiji li setgħu jadottaw ix-xerrejja sabiex jikkumbattu kull żieda fil-preżż kif jirriżulta mill-konċentrazzjoni, jirriżulta minn dak li ntqal li ma dan mhuwiex l-istess f’din il-kawża. Fil-fatt, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma jistax jiġi mitlub mill-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li tagħmel eżami iktar intensiv tal-qawwa kumpensatorja ta’ kljienti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni.

217    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

e)     Fuq l-allegati insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni.

218    Safejn ir-rikorrenti jqisu li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċitajiet eċċessivi disponibbli tal-kompetituri tal-partijiet tal-konċentrazzjoni mhijex biżżejjed motivata, minħabba li l-Kummissjoni ma eżaminatx fid-deċiżjoni kkontestata d-disponibbiltà tal-materji primi neċessarji għall-produzzjoni tar-raża kolofonika u lanqas ma eżaminat l-effetti ta’ allegat nuqqas ta’ dawn il-materji primi fuq l-użu tal-kapaċità u li hija kienet injorat jew ċaħdet il-provi pprovduti mir-rikorrenti mingħajr ma motivat dan ir-rifjut, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tal-punti 165 sa 185 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni motivat suffiċjentement il-konklużjoni tagħha li kien jeżisti eċċess ta’ kapaċità fis-suq. Fil-fatt, il-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata juru, b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward u ppermettew lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita l-istħarriġ tagħha kif ukoll lill-partijiet interessati li jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

219    Fl-aħħar nett, jirriżulta wkoll mill-konstatazzjonijiet tal-punti 213 u 214 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni motivat suffiċjentement ruħha fir-rigward tal-qawwa ta’ xiri kumpensatorja tal-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni. Fil-fatt, il-premessi 69 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata juru, b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward u ppermettew lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha kif ukoll lill-partijiet interessati jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

220    Isegwi li l-argumenti bbażati fuq allegati insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

221    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

222    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

223    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni kif ukoll mill-partijiet intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sun Chemical Group BV, Siegwerk Druckfarben AG et Flint Group Germany GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 9 ta’ Lulju 2007.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-partijiet fil-proċedura u l-konċentrazzjoni

B –  Is-suq ta’ prodotti

C –  Il-proċedura amministrattiva

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

B –  Fuq il-mertu tar-rikors

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida

a)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida fir-rigward ta’ l-effetti mhux koordinati tal-konċentrazzjoni

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-prossimità tar-relazzjonijiet kompetittivi tal-partijiet tal-konċentrazzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-kredibbiltà tal-fornituri alternattivi

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-possibbiltà għall-klijenti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni li jbiddlu l-fornitur

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-fatt ta’ żbalji relatati ma’ kapaċità eżistenti fis-suq

Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tal-kapaċità ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni li timpedixxi l-espansjoni tal-kompetituri

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

b)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida fir-rigward ta’ l-effetti koordinati tal-konċentrazzjoni in kwistjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx segwiet il-linji gwida fir-rigward tas-sehem tas-suq u livelli ta’ konċentrazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

3.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità disponibbli fis-suq

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

–  Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji relatati mal-kapaċitajiet eżistenti fis-suq

–  Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji relatati mad-disponibbiltà tal-materji primi

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji relatati man-natura u mal-portata ta’ l-integrazzjoni tal-klijenti ta’ l-entità parti minn konċentrazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji relatati ma’ l-impatt ta’ żidiet importanti ta’ prezz tal-materji primi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

d)  Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji relatati mal-qawwa kumpensatorja tax-xerrej.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

e)  Fuq l-allegati insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni.

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali moħbija