Language of document : ECLI:EU:T:2007:168

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

12 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li fiha l-kliem ‘AB’, ‘genuine’, ‘budweiser’, ‘king of beers’ – Trade mark internazzjonali verbali preċedenti BUDWEISER – Denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona – Artikolu 8(1)(b) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Aċċettazzjoni u ċaħda parzjali ta’ l-oppożizzjoni”

Fil-kawżi magħquda T‑57/04 u T‑71/04,

Budějovický Budvar, národní podnik, stabbilita f’České Budějovice (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn F. Fajgenbaum, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑57/04,

Anheuser-Busch, Inc., stabbilita f’Saint Louis, Missouri (l-Istati Uniti), irrappreżentata inizjalment minn V. von Bomhard, A. Renck, A. Pohlmann, D. Ohlgart u B. Goebel, avukati, wara minn V. von Bomhard, A. Renck, D. Ohlgart u B. Goebel, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑71/04,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral u I. de Medrano Caballero, bħala aġenti,

konvenut,

il-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li huma

Anheuser-Busch, Inc. (fil-kawża T‑57/04),

Budějovický Budvar, národní podnik (fil-kawża T‑71/04),

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-3 ta’ Diċembru 2003 (każijiet R 1024/2001-2 u R 1000/2001‑2), li tirrigwarda proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Budějovický Budvar, národní podnik u Anheuser-Busch, Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 (kawża T‑57/04) u fl-20 ta’ Frar 2004 (kawża T‑71/04),

wara li rat id-digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2004, li għaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara li rat ir-risposti ta’ l-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Settembru 2004,

wara li rat ir-risposti ta’ l-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 (kawża T‑71/04) u fid-29 ta’ Settembru 2004 (kawża T‑57/04),

wara li rat ir-rinviju ta’ dawn il-kawżi quddiem il-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza u wara s-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2005,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali ta’ l-14 ta’ Mejju 2007 u l-osservazzjonijiet tal-partijiet fuq it-talba għal dikjarazzjoni li mhemmx lok għal deċiżjoni mressqa minn Anheuser-Busch, Inc. fit-8 ta’ Mejju 2007 fil-kawża T 71/04,

wara l-għeluq tal-proċedura orali ta’ l-24 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Id-dritt internazzjonali

1        L-Artikoli 1 sa 5 tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liżbona”), adottat fil-31 ta’ Ottubru 1958, rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979, jiddisponu kif ġej:

“Artikolu 1

1) Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni Speċjali fil-qafas ta’ l-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali.

2) Huma jobbligaw ruħhom li jipproteġu, fit-territorji tagħhom, skond it-termini ta’ dan il-Ftehim, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ prodotti tal-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni Speċjali, li huma rikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż ta’ oriġini u rreġistrati fl-Uffiċċju Internazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali […] li għalih tirreferi l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali […]

Artikolu 2

1) F’dan il-Ftehim, ‘denominazzjoni ta’ oriġini’ tfisser l-isem ġeografiku ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ lokalità li jservi sabiex jindika prodott li joriġina minn hemm u li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, li jinkludi l-fatturi naturali u umani.

2) Il-pajjiż ta’ oriġini huwa dak li ismu, jew dak li fih jinsab ir-reġjun jew il-lokalità li isimhom, jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini li tat il-fama tagħha lill-prodott.

Artikolu 3

Għandha tiġi assigurata l-protezzjoni kontra kull użu ħażin jew imitazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk id-denominazzjoni hija tradotta jew użata flimkien ma’ espressjonijiet bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘imitazzjoni’ jew espressjonijiet simili.

Artikolu 4

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim bl-ebda mod ma jeskludu l-protezzjoni ġa eżistenti favur id-denominazzjonijiet ta’ oriġini f’kull pajjiż ta’ l-Unjoni Speċjali, permezz ta’ strumenti internazzjonali oħra, bħalma huma l-Konvenzjoni ta’ Pariġi ta’ l-20 ta’ Marzu 1883 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħha, u l-Ftehim ta’ Madrid ta’ l-14 ta’ April 1891 dwar it-Trażżin ta’ Indikazzjonijiet ta’ Provenjenza Foloz jew Qarrieqa fuq il-Prodotti u r-reviżjonijiet sussegwenti tiegħu, jew permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-ġurisprudenza.

Artikolu 5

1) Ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandha ssir fl-Uffiċċju Internazzjonali, fuq talba ta’ l-Uffiċċji tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Speċjali, f’isem il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, li għandhom id-dritt li jużaw dawn id-denominazzjonijiet skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

2) L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jinnotifika r-reġistrazzjonijiet mingħajr dewmien lill-Uffiċċji tad-diversi pajjiżi ta’ l-Unjoni Speċjali u jippubblikahom f’ġabra maħruġa f’intervalli regolari.

3) L-Uffiċċji tal-pajjiżi jistgħu jiddikjaraw li ma jistgħux jassiguraw il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li r-reġistrazzjoni tagħha tkun ġiet innotifikata lilhom, iżda biss sakemm id-dikjarazzjoni tagħhom tkun innotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali, b’indikazzjoni tal-motivi għaliha, fi żmien sena minn meta jkunu rċevew in-notifika tar-reġistrazzjoni, u bil-kundizzjoni li din id-dikjarazzjoni ma tkunx ta’ ħsara, fil-pajjiż in kwistjoni, għall-forom l-oħra ta’ protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini li l-proprjetarju ta’ din ta’ l-aħħar jista’ jkollu d-dritt jitlob skond l-Artikolu 4 iktar ’il fuq.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        Ir-Regoli 9 u 16 tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Liżbona, kif daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002, jipprovdu kif ġej:

“Regola 9

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda

1) Kull dikjarazzjoni ta’ ċaħda għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż kontraenti li għalih inħarġet iċ-ċaħda u għandha tkun iffirmata minn din l-awtorità.

[…]

Regola 16

Invalidità

1) Meta l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali jiġu invalidati f’pajjiż kontraenti u li l-invalidazzjoni ma tistax tkun iktar suġġetta għal appell, l-imsemmija invalidazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju internazzjonali mill-awtorità kompetenti ta’ dan il-pajjiż kontraenti. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II –  Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikoli 8 u 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat u kif applikabbli meta seħħew il-fatti, jaqraw kif ġej:

“L-Artikolu 8

Raġunijiet relattivi għal rifjut

1. Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

a)       jekk tkun identika għal trade mark preċedenti u jekk il-prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem qiegħda ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma identiċi mal-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark preċedenti;

b)       jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2. għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:

a)       trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

[…]

iii)  trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;

[…]

4. Malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata, meta u sa fejn, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal,

a)       id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

b)       dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju id-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.

[…]

L-Artikolu 43

Eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni

[…]

2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika [oppożizzjoni] għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex [mhijiex] tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu [għall-użu] fil-Komunità.

[…]”

4        Ir-Regola 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), kif emendat u kif applikabbli meta seħħew il-fatti, tipprovdi li:

“Regola 22

PROVA TA’ UŻU

1. Fejn, skond Artikolu 43(2) jew (3) tar-Regolament, il-parti li tkun qegħda topponi għandha tagħti prova ta’ użu jew turi li hemm ragunijiet xierqa għan-nuqqas ta’ użu, l-[UASI] għandu jistedinha sabiex tagħti l-provi meħtieġa fiż-żmien li l-[UASI] għandu jispeċifika. Jekk il-parti li tkun qegħda topponi ma tagħtix din il-prova qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien, l-[UASI] għandu jiċħad l-oppożizzjoni.

2. L-indikazzjonijiet u l-provi sabiex tagħti prova ta’ użu għandhom jikkonsistu f’indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin [it-tul ta’ żmien], il-limitu [il-portata] u n-natura ta’ użu tat-trade mark opposta [preċedenti] għall-prodotti u servizzi li għalihom hija reġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni hija bażata, u provi li jsaħħu dawn l-indikazzjonijiet skond paragrafu 3.

3. Il-provi għandhom, ġeneralment, ikunu ristretti għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ appoġġ u affarijiet bħal pakketti, tikketti, listi ta’ prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, riklami fil-gazzetti, u prospetti bil-miktub kif imsemmi f’Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament.

[…]”

III –  Id-dritt nazzjonali

5        L-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Rurali”), kif applikabbli meta seħħew il-fatti, jiddisponi:

“Il-prodotti agrikoli jew il-prodotti ta’ l-ikel, nejjin jew ipproċessati, jistgħu jingħataw denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata esklużiva. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli L. 115‑2 sa L. 115‑4 u L. 115‑8 sa L. 115‑15 tal-Kodiċi tal-Konsumatur mhumiex applikabbli għalihom.

Taħt il-kundizzjonijiet previsti iktar ’il quddiem, dawn il-prodotti jistgħu jibbenefikaw minn denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu L. 115‑1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, jekk ikollhom fama debitament stabbilita u jekk ikunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ approvazzjoni.

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata qatt ma tista’ tkun ikkunsidrata bħala li għandha natura ġenerika u li taqa’ fil-qasam pubbliku.

L-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew kwalunkwe referenza oħra għalih ma jistgħu jintużaw għall-ebda prodott simili, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari fis-seħħ fis-6 ta’ Lulju 1990, u lanqas ma jistgħu jintużaw għall-ebda prodott jew servizz ieħor meta dan l-użu jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini.

Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbejjed iddefiniti ta’ kwalità superjuri, imsemmija fl-Artikolu L. 641‑24 u dawk li huma fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1990 fid-dipartimenti extra Ewropej iżommu l-istatus tagħhom.”

6        L-Artikolu L. 115‑5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Konsumatur”), kif applikabbli meta seħħew il-fatti, jiddisponi:

“Il-proċedura għall-għoti ta’ denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata hija stabbilita fl-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, riprodott iktar ’il quddiem […]”

7        L-Artikoli L. 711‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali”), kif applikabbli meta seħħew il-fatti, jaqraw kif ġej:

“Artikolu L. 711‑3

Is-sinjali li ġejjin ma jistgħux jiġu adottati bħala trade mark jew element ta’ trade mark:

a)      dawk li huma esklużi bl-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ta’ l-20 ta’ Marzu 1883, riveduta, għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, jew bl-Artikolu 23(2) ta’ l-Anness I C mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

b)      dawk li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew prinċipji aċċettati ta’ moralità, jew li l-użu tagħhom huwa pprojbit mil-liġi;

c)      dawk li huma ta’ natura li jqarrqu bil-pubbliku, b’mod partikolari dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz.

Artikolu L. 711‑4

Sinjal ma jistax jiġi adottat bħala trade mark jekk ikun ta’ preġudizzju għal drittijiet preċedenti, u b’mod partikolari:

a)      għal trade mark preċedenti rreġistrata jew magħrufa sew fis-sens ta’ l-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali;

b)      għal isem ta’ kumpannija, jekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku;

c)      għal isem kummerċjali jew għal tabella magħrufa fit-territorju nazzjonali kollu, jekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku;

d)      għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta;

e)      għad-drittijiet ta’ l-awtur;

f)      għad-drittijiet li jirriżultaw minn disinn protett;

g)      għad-dritt tal-personalità ta’ terz, b’mod partikolari għall-isem patronomiku tiegħu, għall-psewdonimu tiegħu jew għall-immaġni tiegħu;

h)      għall-isem, għall-immaġni jew għar-reputazzjoni ta’ awtorità lokali.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ppreżentata minn Anheuser-Busch

8        Fl-1 ta’ April 1996, Anheuser-Busch, Inc. ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-UASI, skond ir-Regolament Nru 40/94.

9        Din l-applikazzjoni kellha bħala suġġett it-trade mark figurattiva li ġejja:

Image not found

10      Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25, 30 u 32 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali (inklużi fil-klassi 16); materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; kartoleriji; adeżivi għall-użu ta’ kartolerija jew tad-dar; materjal istruttiv jew għat-tagħlim (ħlief apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (inklużi fil-klassi 16); karti tal-logħob”;

–        klassi 21: “Apparat u reċipjenti għall-użu fid-dar jew fil-kċina (minbarra dawk magħmulin minn jew miksijin b’metalli prezzjużi); pettnijiet u sponoż; xkupilji (minbarra pniezel); materjal għal xkupi u xkupilji; materjal tat-tindif; ħġieġ mhux maħdum jew nofsu maħdum (minbarra dak użat fil-kostruzzjoni); oġġetti tal-ħġieġ, tal-porċellana u fajjenza (inklużi fil-klassi 21)”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”;

–        klassi 30: “Dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, għaġina u ħlewwiet; ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ; snakkijiet inklużi fil-klassi 30”;

–        klassi 32: “Birra, ale (birra ċara), porter (birra kannella skura), xarbiet alkoħoliċi magħmula mix-xgħir u xarbiet mhux alkoħoliċi”.

11      Fl-1 ta’ Diċembru 1997, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja figurattiva ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 31/97.

II –  L-oppożizzjoni mressqa fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja

12      Fis-27 ta’ Frar 1998, il-kumpannija Budějovický Budvar, národní podnik, stabbilita fir-Repubblika Ċeka (iktar ’il quddiem “Budvar”), ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, u dan għall-prodotti kollha speċifikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

13      In sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha, Budvar invokat, l-ewwel nett, probabbiltà ta’ konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade mark figurattiva mitluba u t-trade marks internazzjonali preċedenti li tagħhom hija proprjetarja, jiġifieri:

–        it-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER (R 238 203), irreġistrata inizjalment fil-5 ta’ Diċembru 1960 għall-“birra ta’ kull tip”, b’effett fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Benelux, u fl-Italja;

–        it-trade mark internazzjonali figurattiva (R 342 157), irreġistrata inizjalment fis-26 ta’ Jannar 1968 għall-“birra ta’ kull tip”, b’effett fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Benelux, fi Franza, u fl-Italja, riprodotta hawn taħt:

Image not found

14      Fit-3 ta’ Frar 1999, Anheuser-Busch talbet lil Budvar tressaq il-prova ta’ l-użu tat-trade marks internazzjonali tagħha, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94. Fis-7 ta’ April 1999, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI stiednet lil Budvar sabiex tressaq din il-prova f’terminu ta’ xahrejn, jiġifieri mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 1999. Fuq talba ta’ Budvar, dan it-terminu ġie pprorogat sas-7 ta’ Settembru 1999.

15      Fis-7 ta’ Settembru 1999, Budvar ippreżentat, inter alia, kopji ta’ reklami li dehru fi tmien rivisti li jkopru s-snin 1996 u 1997 kif ukoll għaxar fatturi maħruġa bejn l-1993 u l-1997, sabiex tipprova l-użu tat-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203 fil-Ġermanja. Barra minn dan, Budvar ippreżentat kopji ta’ reklami li dehru f’sitt rivisti li jkopru s-snin 1996 u 1998 kif ukoll għaxar fatturi maħruġa bejn l-1993 u l-1997, sabiex tipprova l-użu tat-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203 fl-Awstrija.

16      In sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha, Budvar invokat, it-tieni nett, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, erba’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, irreġistrati fit-22 ta’ Novembru 1967, għall-birra, ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), skond il-Ftehim ta’ Liżbona. Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini huma dawn li ġejjin:

–        denominazzjoni ta’ oriġini Nru 49: ČESKOBUDĚJOVICKÉ PIVO (BUDWEISER BIER skond il-verżjoni Ġermaniża tar-reġistrazzjoni);

–        denominazzjoni ta’ oriġini Nru 50: BUDĚJOVICKÉ PIVO – BUDVAR (BUDWEISER BIER – BUDVAR skond il-verżjoni Ġermaniża tar-reġistrazzjoni);

–        denominazzjoni ta’ oriġini Nru 51: BUDĚJOVICKÝ BUDVAR (BUDWEISER BUDVAR skond il-verżjoni Ġermaniża tar-reġistrazzjoni);

–        denominazzjoni ta’ oriġini Nru 52: BUDĚJOVICKÉ PIVO (BUDWEISER BIER skond il-verżjoni Ġermaniża tar-reġistrazzjoni).

17      Abbażi ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet, Budvar sostniet li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati kienu jibbenefikaw minn protezzjoni, b’mod partikolari fit-territorju Franċiż, u kienu jiġġustifikaw, f’dan ir-rigward, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

III –  Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni

18      Bid-Deċiżjoni Nru 2412/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni:

–        ċaħdet parzjalment l-oppożizzjoni mressqa fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-parti ta’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq l-erba’ denominazzjonijiet ta’ oriġini msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq;

–        laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni mressqa fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni, u dan għall-prodotti fil-klassi 32 (“Birra, ale (birra ċara), porter (birra kannella skura), xarbiet alkoħoliċi magħmula mix-xgħir u xarbiet mhux alkoħoliċi”), f’dak li jirrigwarda l-parti ta’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq it-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203.

19      F’dak li jikkonċerna ċ-ċaħda ta’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-użu tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ma ġiex ipprovat fir-rigward ta’ Franza u tal-Portugall − billi d-drittijiet Franċiżi u Portugiżi kienu ġew invokati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni − u li, għaldaqstant, ma kienx ġie pprovat li d-drittijiet miksuba abbażi tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ma kinux biss ta’ sinjifikat lokali, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. F’dak li jirrigwarda l-Italja − billi l-użu ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini f’dan it-territorju ġie pprovat −, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkonkludiet li ma kinitx saret il-prova tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt Taljan lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati fir-rigward ta’ prodotti li ma kinux jixxiebhu.

20      Fir-rigward ta’ l-aċċettazzjoni parzjali ta’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkunsidrat li kienet saret il-prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203 u tat-trade mark internazzjonali figurattiva R 342 157 fir-rigward tal-Ġermanja, ta’ l-Awstrija, tal-Benelux u ta’ l-Italja. Barra minn dan, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni eżaminat, l-ewwel nett, it-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203. Billi din it-trade mark kienet kjarament valida fil-Ġermanja u fl-Awstrija, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni llimitat l-eżami tagħha għal dawn iż-żewġ Stati Membri. Id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni qieset li l-prodotti koperti mit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 32 (“Birra, ale (birra ċara), porter (birra kannella skura), xarbiet alkoħoliċi magħmula mix-xgħir u xarbiet mhux alkoħoliċi”) kienu identiċi għall-prodotti koperti mit-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203. Hija indikat li, minħabba l-identiċità fonetika u kunċettwali kkonstatata bejn it-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203, u minħabba l-identiċità tal-prodotti, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fil-Ġermanja u fl-Awstrija, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li l-prodotti koperti mit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25, 30 u l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti ma kinux simili u li għaldaqstant ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għal dawn il-prodotti.

IV –  Id-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI

21      Fis-27 ta’ Novembru 2001, Anheuser-Busch ippreżentat appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, safejn din id-deċiżjoni laqgħet l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32.

22      Fl-10 ta’ Diċembru 2001, Budvar ippreżentat appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, safejn, b’mod partikolari, din l-oppożizzjoni kienet ġiet miċħuda fir-rigward ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, u dan għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25, 30 u 32.

23      Fil-kuntest ta’ l-appell tagħha, Budvar ma tikkontestax iċ-ċaħda parzjali ta’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30.

24      B’deċiżjoni mogħtija fit-3 ta’ Diċembru 2003 (każijiet R 1000/2001-2 u R 1024/2001-2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad l-appelli ppreżentati minn Budvar u Anheuser-Busch kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

25      Fir-rigward ta’ l-appell ippreżentat minn Anheuser-Busch, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma wettqet l-ebda żball meta qieset li kienet saret il-prova ta’ l-użu tat-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203 għall-Ġermanja u l-Awstrija. Barra minn dan, il-Bord ta’ l-Appell qies li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark internazzjonali verbali BUDWEISER R 238 203, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, fid-dawl tal-fatt li, l-ewwel nett, l-iktar karatteristika dominanti tat-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni kienet identika għat-trade mark verbali preċedenti u, it-tieni nett, il-prodotti in kwistjoni kienu identiċi.

26      Fir-rigward ta’ l-appell imressaq minn Budvar, il-Bord ta’ l-Appell l-ewwel nett ikkunsidra li dan kien inammissibbli f’dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, billi l-oppożizzjoni ta’ Budvar kienet ġiet milqugħa, fuq dan il-punt, taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

27      Fuq il-mertu, f’dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30 ta’ l-applikazzjoni għal trade mark u f’dak li jirrigwarda l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini, il-Bord ta’ l-Appell, l-ewwel nett, ikkunsidra li l-provi ppreżentati minn Budvar ma kinux biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni mid-dritt Taljan u mid-dritt Portugiż.

28      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, il-Bord ta’ l-Appell qies li l-prova li d-drittijiet miksuba abbażi tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ma kinux biss ta’ sinjifikat lokali, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, kienet ġà saret fi proċedimenti oħra fir-rigward ta’ Franza. Għaldaqstant, skond il-Bord ta’ l-Appell, Budvar ma kelliex għalfejn tipprova dawn il-fatti għal darb’oħra, kuntrarjament għal dak li kienet iddeċidiet id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

29      Għaldaqstant, skond il-Bord ta’ l-Appell, l-unika kwistjoni li kellha tiġi determinata kienet jekk id-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni kinux protetti skond id-dritt Franċiż. Huwa ddeċieda din il-kwistjoni, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30, billi kkunsidra li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona kienu jibbenefikaw fi Franza mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, li jipprovdi li “[l]-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew kwalunkwe referenza oħra għaliha ma jistgħu jintużaw għall-ebda prodott simili, […] u lanqas ma jistgħu jintużaw għall-ebda prodott jew servizz ieħor meta dan l-użu jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini”. Il-Bord ta’ l-Appell żied li, billi l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja kienu differenti mill-prodotti koperti mid-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni, kellu jiġi vverifikat jekk l-użu fi Franza tat-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni setax jużurpa jew idgħajjef il-fama ta’ l-imsemmija denominazzjonijiet ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell speċifika li l-fama ma setgħetx tiġi użurpata jew imdgħajfa jekk din ma kinitx teżisti u li Budvar ma kienet ippreżentat l-ebda element li jipprova li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni kienu magħrufa fi Franza. Il-Bord ta’ l-Appell qies li tali fama ma setgħetx, barra minn dan, tkun preżunta u li Budvar ma kienx irnexxielha tipprova kif il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, jekk wieħed iqis li din teżisti, setgħet tiġi użurpata jew imdgħajfa li kieku Anheuser-Busch kellha tiġi awtorizzata li tuża trade mark figurattiva li tinkludi l-kelma “Budweiser” għall-prodotti mitluba li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30.

 It-talbiet tal-partijiet

I –  Il-kawża T‑57/04

30      Budvar titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-3 ta’ Diċembru 2003 mogħtija fil-każ R 1024/2001‑2;

–        tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata fl-1 ta’ April 1996 f’isem il-kumpannija Anheuser-Busch għall-klassijiet ta’ prodotti 16, 21, 25 u 31;

–        tinnotifika s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza lill-UASI;

–        tikkundanna lil Anheuser-Busch għall-ispejjeż.

31      L-UASI u Anheuser-Busch jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Budvar għall-ispejjeż.

II –  Il-kawża T‑71/04

32      Anheuser-Busch titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-3 ta’ Diċembru 2003 mogħtija fil-każ R 1000/2001‑2, safejn tiċħad l-applikazzjoni għal trade mark għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

33      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu;

–        tikkundanna lil Anheuser-Busch għall-ispejjeż.

34      Budvar titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ippreżentat minn Anheuser-Busch inammissibbli;

–        sussidjarjament, tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata minn Anheuser-Busch;

–        tordna n-notifika tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza lill-UASI;

–        tikkundanna lil Anheuser-Busch għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

I –  Il-kawża T-57/04

35      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikors ta’ Budvar quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jfittex li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata safejn din ċaħdet l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30.

36      Ir-rikors ta’ Budvar quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jfittixx li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata safejn din ikkunsidrat li l-appell imressaq quddiem il-Bord ta’ l-Appell kien inammissibbli, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32.

37      Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat, li, fil-kuntest tar-rikors tagħha, Budvar tirreferi, bi żball, għall-klassi 31, li mhijiex ikkonċernata mill-applikazzjoni għal trade mark figurattiva in kwistjoni.

A –  Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet ta’ Budvar

38      Għandu jiġi rrilevat li, bit-tieni kap tat-talbiet li hija tippreżenta, sabiex “tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata fl-1 ta’ April 1996 f’isem il-kumpannija Anheuser-Busch għall-klassijiet ta’ prodotti 16, 21, 25 u 31”, Budvar qiegħda, essenzjalment, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna lill-UASI jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI − Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 18, u tad-9 ta’ Marzu 2005, Osotspa vs UASI − Distribution & Marketing (Hai), T‑33/03, Ġabra p. II‑763, punt 14].

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-qorti Komunitarja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex is-setgħa li tagħti ordni lill-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12; u ELS, punt 38 iktar ’il fuq, punt 19].

40      Minn dan jirriżulta li t-tieni kap tat-talbiet ta’ Budvar huwa inammissibbli.

B –  Fuq il-mertu

41      Ir-rikors ta’ Budvar jistrieħ fuq raġuni waħda bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

42      Preliminarjament, Budvar tfakkar is-sistema li tirregola l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini fid-dritt Franċiż.

43      Budvar issostni, b’mod partikolari, li l-għan tad-denominazzjoni ta’ oriġini huwa li jorbot ma’ prodott isem ġeografiku li jiggarantixxi l-provenjenza tiegħu u l-kwalitajiet tiegħu sabiex jipproteġi kemm lill-konsumatur kif ukoll lill-produttur ta’ dan il-prodott kontra kull użu ħażin. Dan il-għan jiġġustifika l-fatt li t-testi li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini fi Franza jinsabu kemm fil-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali kif ukoll fil-Kodiċi Rurali, li t-tnejn li huma jirreferu għall-Kodiċi tal-Konsumatur. Budvar tenfasizza wkoll li d-denominazzjoni ta’ oriġini hija ddefinita b’digriet, li jiddelimita ż-żona ġeografika tal-produzzjoni u jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ din il-produzzjoni u ta’ approvazzjoni tal-prodott.

44      Barra minn dan, Budvar tispeċifika li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini jibbenefikaw minn status ta’ ordni pubbliku u minn protezzjoni assoluta u li teżisti, fid-dritt Franċiż, preminenza tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini fuq it-trade marks. Din il-preminenza hija mfissra permezz ta’ projbizzjoni assoluta li tiġi rreġistrata trade mark li tippreġudika denominazzjoni ta’ oriġini, u wkoll permezz ta’ projbizzjoni li jsir użu minn kull sinjal li, bil-fatt li jagħmel użu mill-isem ġeografiku li jikkostitwixxi din id-denominazzjoni ta’ oriġini, jista’ jippreġudikaha. F’dan ir-rigward, Budvar tenfasizza, l-ewwel nett, li l-Artikolu L. 115‑5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur jipprovdi li “[i]d-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata qatt ma tista’ tkun ikkunsidrata bħala li għandha natura ġenerika u li taqa’ fil-qasam pubbliku”, it-tieni nett, li d-denominazzjoni ta’ oriġini hija, min-natura stess tagħha, l-indikazzjoni ta’ prodott li joriġina minn post speċifiku, u, it-tielet nett, li d-denominazzjoni ta’ oriġini ma tistax tiddekadi, kuntrarjament għat-trade mark li ma tiġix użata.

45      Minn dan Budvar iddeduċiet li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark qatt mhija possibbli meta din tista’ tippreġudika denominazzjoni ta’ oriġini protetta fi Franza, indipendentement mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom issir din l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Konsegwentement, denominazzjoni ta’ oriġini ma tista’ tintuża għall-ebda prodott ieħor, irrispettivament minn jekk ikunx identiku, simili jew differenti.

46      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, Budvar issostni li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żewġ żbalji.

47      Fl-ewwel parti tar-raġuni tagħha, Budvar tqis li l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali ma kienx applikabbli u li l-Bord ta’ l-Appell kien imissu rrefera għall-Artikoli L. 711‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali sabiex jevalwa jekk sinjal ikkostitwit mill-isem ġeografiku ta’ denominazzjoni protetta jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark.

48      Fit-tieni parti tar-raġuni tagħha, sussidjarjament, Budvar tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, il-Bord ta’ l-Appell għamel applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali.

49      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-argumenti tal-partijiet jirrigwardaw, iktar preċiżament, ir-rilevanza, f’din il-kawża, tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali.

1.     Fuq l-ewwel parti, dwar l-inapplikabbiltà tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti ta’ Budvar

50      Filwaqt li tfakkar il-kliem ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, Budvar tispjega li mhuwiex ikkontestat li d-dritt Franċiż jippermetti lill-proprjetarju ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li jipprojbixxi kemm ir-reġistrazzjoni kif ukoll l-użu ta’ trade mark suċċessiva, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali u ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali.

51      Madankollu, f’din il-kawża, hija r-reġistrazzjoni ta’ l-isem “Budweiser” bħala trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, filwaqt li l-użu ta’ tali trade mark ma jifformax parti mill-kwistjonijiet ittrattati.

52      Għaldaqstant, Budvar tirreferi għall-Artikoli L. 711‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, li jindikaw il-bażijiet li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

53      Abbażi ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, li jipprovdi li “[s]injal ma jistax jiġi adottat bħala trade mark jekk ikun ta’ preġudizzju għal drittijiet preċedenti, u b’mod partikolari […] [g]ħal denominazzjoni ta’ oriġini protetta”, Budvar tqis li l-benefiċjarju tad-dritt li jsir użu minn denominazzjoni ta’ oriġini jista’ jikseb l-annullament u jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark li tirriproduċiha jew timitaha.

54      Budvar tispeċifika wkoll li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini jikkostitwixxu drittijiet preċedenti li jipprekludu l-validità ta’ trade mark, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi pprovata probabbiltà ta’ konfużjoni jew xebh tal-prodotti, kuntrarjament għal dak li huwa mitlub għall-ismijiet ta’ kumpanniji, għat-tabelli jew ismijiet kummerċjali jew ukoll għat-trade marks preċedenti. Dwar dan l-aħħar punt Budvar tirreferi għall-Artikoli L. 716‑1, L. 713‑2 u L. 713‑3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali. Għaldaqstant, abbażi ta’ l-Artikolu L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, għandu jiġi kkunsidrat li sinjal li jipproduċi denominazzjoni ta’ oriġini ma jistax jiġi adottat bħala trade mark, mingħajr mhemm bżonn li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fama ta’ l-imsemmija denominazzjoni ta’ oriġini, li teżisti min-natura tagħha stess, jew il-prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark mitluba.

55      Barra minn dan, Budvar iżżid li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ tiġi miċħuda wkoll abbażi tal-preġudizzju għall-ordni pubbliku, kif previst mill-Artikolu L. 711‑3(b) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, li jiddisponi li “[i]s-sinjali li ġejjin ma jistgħux jiġu adottati bħala trade mark jew element ta’ trade mark […] dawk li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew prinċipji aċċettati ta’ moralità, jew li l-użu tagħhom huwa pprojbit mil-liġi”. Skond Budvar, billi n-natura ta’ ordni pubbliku ta’ denominazzjoni ta’ oriġini ġa ġiet ipprovata, kull applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li hija ta’ preġudizzju għal denominazzjoni ta’ oriġini għandha tiġi miċħuda fuq din il-bażi. Budvar tirreferi, b’mod partikolari, għal sentenza tal-cour d’appel de Paris (qorti ta’ l-appell ta’ Pariġi) tal-15 ta’ Frar 1990, li fiha dik il-qorti kkunsidrat li l-ordni pubbliku kellu jinftiehem li jinkludi r-regoli mandatorji tal-leġiżlazzjoni ekonomika, b’mod partikolari dawk intiżi sabiex jipproteġu l-konsumatur, u għal sentenza tal-Cour de cassation (Qorti ta’ kassazzjoni) Franċiża tas-26 ta’ Ottubru 1993 li tistabbilixxi protezzjoni ta’ ordni pubbliku għad-denominazzjonijiet “Fourme d’Ambert” u “Fourme de Montbrison”.

56      Fl-aħħar nett, Budvar tispjega li l-Artikolu L. 711‑3(c) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jipprojbixxi wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ kull sinjal li jqarraq, billi f’dan ir-rigward jiddisponi li “[i]s-sinjali li ġejjin ma jistgħux jiġu adottati bħala trade mark jew element ta’ trade mark […] dawk li huma ta’ natura li jqarrqu bil-pubbliku, b’mod partikolari dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz”. Għaldaqstant, skond Budvar, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30 taħt l-isem ta’ “Budweiser”, magħruf għal ċertu numru ta’ prodotti, fosthom birer, jinduċi lill-pubbliku fi żball jew jista’ jqarraq bihom, fir-rigward tal-kwalitajiet ta’ dan il-prodott, b’mod partikolari dawk marbuta mal-post fejn jiġi mmanifatturat.

57      Min-naħa l-oħra, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, riprodott fl-Artikolu L. 115‑5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, ma jfittixx li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tmur kontra denominazzjoni ta’ oriġini iżda jipprojbixxi biss l-użu ta’ isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini sħiħa jew parti minnha. Skond Budvar, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali m’għandhomx l-istess għan bħal dak tal-Kodiċi tal-Konsumatur. Dawk ta’ l-ewwel jirrigwardaw l-approprjazzjoni tas-sinjali li jidħlu fl-ambitu tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li dawn ta’ l-aħħar jikkonċernaw direttament il-protezzjoni tal-konsumatur.

58      Konsegwentement, sabiex jiġi evalwat jekk sinjal ikkostitwit mill-isem ġeografiku ta’ denominazzjoni protetta jistax jiġi adottat bħala trade mark, għandha ssir referenza għall-Artikoli L. 711‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali u mhux għar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali kif għamel il-Bord ta’ l-Appell.

59      Barra minn dan, Budvar tispjega, f’ittra ta’ l-24 ta’ Awwissu 2005 ippreżentata bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija rreferiet quddiem l-istanzi ta’ l-UASI, u b’mod partikolari quddiem il-Bord ta’ l-Appell, għar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali sabiex tibbaża l-oppożizzjoni tagħha. Madankollu Budvar issostni li huwa ammissibbli li hija minn issa ‘l quddiem tinvoka, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Budvar tqis li hija ma timmodifikax is-suġġett tal-kawża, billi dan ta’ l-aħħar huwa kkostitwit mill-oppożizzjoni magħmula kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tieni nett, Budvar tispjega li l-invokar ta’ l-Artikoli L. 711‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali ma jammontax għat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ fatti ġodda, billi dawn l-artikoli jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’mod iktar partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, Budvar tispeċifika li hija invokat din id-dispożizzjoni quddiem l-istanzi ta’ l-UASI. Fl-aħħar nett, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI − Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ) (T‑318/03, Ġabra p. II‑1319), Budvar essenzjalment tikkunsidra li l-UASI kien imissu, ex officio, informa ruħu dwar id-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

 L-argumenti ta’ l-UASI

60      Qabel ma jwieġeb għall-argumenti żviluppati minn Budvar fl-ewwel parti, l-UASI jagħti l-interpretazzjoni tiegħu tat-test ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet stabbiliti minnu.

61      L-ewwel nett, l-UASI jenfasizza li d-dritt preċedenti għandu jkun ibbażat fuq użu li ma jkunx biss ta’ sinjifikat lokali. F’dan ir-rigward, l-UASI jispjega li r-reġistrazzjonijiet imwettqa skond il-Ftehim ta’ Liżbona jikkostitwixxu drittijiet preċedenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn dan, l-UASI jispeċifika li l-prova ta’ l-użu tad-drittijiet preċedenti fi Franza, inġiebet, f’din il-kawża, minn Budvar.

62      It-tieni nett, l-UASI jikkunsidra li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 huwa applikabbli għal trade marks mhux irreġistrati u għal sinjali simili preċedenti, li huma użati fil-kummerċ sabiex jindikaw prodotti jew servizzi jew ukoll l-attività kummerċjali tal-proprjetarju tad-dritt. L-oriġini ġeografika hija fattur marbut ma’ l-attività kummerċjali safejn din hija element fundamentali li jiddetermina l-għażla u x-xiri tal-prodotti in kwistjoni. Fuq dan il-punt, l-UASI jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita (C‑108/01, Ġabra p. I‑5121).

63      It-tielet nett, l-UASI jirrileva li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jitlob li min jopponi jkun “proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ”. L-UASI jispeċifika, fuq dan il-punt, li f’ċerti sistemi legali, l-indikazzjonijiet ġeografiċi mhumiex sinjali kummerċjali, billi l-ebda dritt individwali ma jingħata lil dawk li għandhom dritt jużawhom. Sistemi legali oħra, min-naħa l-oħra, jagħtu lill-persuni fiżiċi jew lill-assoċjazzjonijiet dritt esklużiv fuq l-indikazzjoni ġeografika, li jinkludu d-dritt li jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark suċċessiva. F’dan l-aħħar każ, li, skond l-UASI, ikopri d-dritt Franċiż applikabbli f’din il-kawża, id-dritt li jirriżulta mill-indikazzjoni ġeografika jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

64      Barra minn dan, filwaqt li jirreferi għall-Artikolu 5(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona, l-UASI jqis li d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini huma rreġistrati, għalkemm fuq talba ta’ l-Uffiċċji kompetenti, f’isem persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati. Barra minn dan, l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Liżbona jipprovdi li l-azzjoni legali meħtieġa sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tista’ tittieħed skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’inizjattiva ta’ l-Uffiċċju kompetenti jew fuq talba ta’ l-uffiċċju tal-prosekutur, jew minn kull parti interessata. Għall-UASI, id-dritt esklużiv ta’ użu ta’ isem protett flimkien mad-dritt li tittieħed azzjoni kontra użu żbaljat ta’ dan ta’ l-aħħar huwa biżżejjed sabiex dan ikun ikkwalifikat bħala dritt ta’ proprjetarju jew, għall-inqas, bħala dritt ekwivalenti għal dak ta’ proprjetarju, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-qari ta’ l-Artikolu 5(3) tal-Ftehim ta’ Liżbona.

65      Ir-raba’ nett, l-UASI jindika li d-dritt in kwistjoni għandu jkun protett skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel id-data meta tressqet l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata. F’dan il-każ, l-UASI jenfasizza li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati ġew irreġistrati fit-22 ta’ Novembru 1967 u li l-protezzjoni tagħhom fi Franza bdiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni. Id-drittijiet in kwistjoni huma għalhekk preċedenti għad-data meta tressqet l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata.

66      Il-ħames nett, l-UASI jikkonċentra fuq il-kundizzjoni li skondha d-dritt preċedenti għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, id-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata.

67      F’dan l-istadju, l-UASI jwieġeb, b’mod partikolari, għall-argumenti mressqa minn Budvar, fl-ewwel parti tagħha, dwar id-dritt Franċiż applikabbli.

68      Skond l-UASI, huwa paċifiku li r-regoli tad-dritt Franċiż jinkludu diversi dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti bejn denominazzjonijiet ta’ oriġini u sinjali suċċessivi.

69      Filwaqt li jfakkar il-kliem tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, l-UASI jirrileva li din id-dispożizzjoni hija msemmija u riprodotta fl-Artikolu L. 115‑5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur.

70      Għal dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Budvar li jenfasizzaw il-fatt li d-dispożizzjonijiet applikabbli kienu l-Artikoli L. 711‑3(b) u (c) u L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali u mhux l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, kuntrarjament għal dak li ddeċieda l-Bord ta’ l-Appell, l-UASI jispeċifika li, f’każ li jinvolvi l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi applikata bl-istess mod kif tagħmel qorti nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza nazzjonali għandha awtorità partikolari li torbot lill-UASI.

71      L-UASI jirrileva li s-sentenzi nazzjonali ppreżentati minn Budvar waqt il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li jirrigwardaw kunflitti bejn denominazzjonijiet ta’ oriġini u trade marks suċċessivi, kollha applikaw ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali minflok l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali. Dan juri li l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jew kull dispożizzjoni oħra msemmija f’dan il-Kodiċi mhumiex applikabbli.

72      Filwaqt li janalizza b’mod iktar partikolari l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, l-UASI jopponi l-konklużjoni ta’ Budvar li skondha l-protezzjoni li joffru d-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontra trade marks suċċessivi hija assoluta u inkondizzjonata. F’dan ir-rigward, l-UASI jirrileva li l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jirreferi għall-projbizzjoni li jiġi rreġistrat sinjal li jkun f’kunflitt ma’ denominazzjoni ta’ oriġini u mhux għall-projbizzjoni li jintuża tali sinjal. Billi l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jitlob espressament li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti “dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv[a]” iktar milli r-reġistrazzjoni tagħha, l-UASI jikkonkludi li l-Artikolu L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali mhuwiex applikabbli.

73      Anki jekk jitqies li d-dritt ta’ projbizzjoni tar-reġistrazzjoni jagħti wkoll id-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark suċċessiva, il-kundizzjonijiet sabiex isir “preġudizzju” lil denominazzjoni ta’ oriġini, fis-sens ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.

74      L-UASI jirrileva, kif indikat Budvar, li l-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali ma jgħid xejn dwar dan il-kunċett ta’ “preġudizzju” fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, filwaqt li huwa iktar espliċitu fir-rigward ta’ trade marks preċedenti, ismijiet ta’ kumpanniji jew ismijiet kummerċjali. Skond l-UASI, dan mhuwiex sorprendenti billi l-protezzjoni tad-denominazzjonijet ta’ oriġini hija ddefinita speċifikament mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “preġudizzju” għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

75      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali ma jistax iżid jew inaqqas il-kontenut legali tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali. Din l-aħħar dispożizzjoni hija l-unika waħda applikabbli sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontra l-użu ta’ sinjali, b’mod partikolari trade marks, suċċessivi.

76      Fir-rigward ta’ l-invokazzjoni minn Budvar ta’ l-Artikolu L. 711‑3(b) u (c) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, l-UASI jikkunsidra li din id-dispożizzjoni mhijiex rilevanti, peress li tirrigwarda raġunijiet assoluti ta’ rifjut, jiġifieri l-projbizzjoni tas-sinjali li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew li jistgħu jqarrqu bil-pubbliku, b’mod partikolari dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz. Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 7(1)(f) u (g) tar-Regolament Nru 40/94. B’referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI − Kolene (NU-TRIDE) (T‑224/01, Ġabra p. II‑1589), l-UASI jispeċifika li, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji dwar ir-raġunijiet assoluti ta’ rifjut ma jistgħux jiġu invokati fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI.

77      Barra minn dan, l-UASI jindika, f’ittra tad-9 ta’ Awwissu 2005 ppreżentata bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li Budvar ma tistax tinvoka l-inapplikabbiltà tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali f’dan il-każ, wara li sostniet quddiem l-istanzi ta’ l-UASI li din id-dispożizzjoni kienet il-bażi ta’ l-oppożizzjoni in kwistjoni.

 L-argumenti ta’ Anheuser-Busch

78      L-ewwel nett, Anheuser-Busch tfakkar li, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, u f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, id-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, il-ġurisprudenza u d-dottrina jifformaw parti mill-fatti. Dawn l-elementi għandhom jitressqu u jiġu pprovati minn min jopponi, skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. F’dan il-każ, Budvar ma tatx spjegazzjoni koerenti tad-dritt applikabbli, u wisq inqas ressqet provi li jsaħħu l-pożizzjonijiet tagħha.

79      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż applikabbli, Anheuser-Busch tikkunsidra li l-elementi mressqa minn Budvar waqt id-diversi proċedimenti kienu kontradittorji u ma kinux ċari. Quddiem l-UASI, l-oppożizzjoni kienet ibbażata prinċipalment fuq ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali. Peress li l-Bord ta’ l-Appell ċaħad l-oppożizzjoni fuq din il-bażi, Budvar biddlet l-opinjoni u sostniet, għall-ewwel darba, li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali ma kienx applikabbli (billi sostniet li kellhom jiġu applikati l-Artikoli L. 711‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali). Għal Anheuser-Busch, dan il-bdil ta’ l-opinjoni u l-preżentazzjoni kontradittorja tas-sitwazzjoni legali fi Franza jiġġustifikaw, minnhom infushom, iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors. B’mod partikolari, Anheuser-Busch issostni li Budvar ma tistax tbiddel il-bażi legali f’dan l-istadju tal-proċedimenti u li l-argumenti ppreżentati, f’dan ir-rigward, quddiem il-Bord ta’ l-Appell m’għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni. Dan huwa konformi mal-prassi tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan il-qasam [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI − Anheuser‑Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 67, u tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs UASI − Flabesa (CONFORFLEX), T‑10/03, Ġabra p. II‑719, punt 52].

80      Barra minn dan, Anheuser-Busch issostni li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali huwa applikabbli. Anheuser-Busch tenfasizza li Budvar indikat hija stess li l-Artikolu L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali “jipprojbixxi r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ sinjal li jippreġudika denominazzjoni ta’ oriġini”, meta, min-naħa l-oħra, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali “jipprojbixxi biss l-użu ta’ isem ġeografiku li jikkostitwixxi f’kollox jew in parti denominazzjoni ta’ oriġini”. Fi kliem ieħor, l-Artikolu L. 711-4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jirrigwarda r-reġistrazzjoni tat-trade marks Franċiżi, filwaqt li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali jirrigwarda l-użu ta’ trade mark suċċessiva. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jirrigwarda d-“dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv[a]”, Anheuser-Busch tikkonkludi li huwa biss ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali li huwa applikabbli.

81      Barra minn dan, anki jekk jitqies li l-argumenti ta’ Budvar li jirrigwardaw l-Artikolu L. 711-4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali huma ammissibbli, u li hemm bżonn li jiġu analizzati, Anheuser-Busch tikkunsidra li dawn l-argumenti mhumiex fondati.

82      B’mod partikolari, Anheuser-Busch tenfasizza li l-Artikolu L. 711-4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali ma jiddeterminax il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti kollha li huwa jsemmi. Bil-fatt li jindika li dawn id-drittijiet preċedenti jimpedixxu l-adozzjoni ta’ trade mark jekk din tippreġudikahom, l-Artikolu L. 711-4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali pjuttost jippresupponi li l-portata tal-protezzjoni hija ddefinita u rregolamentata x’imkien ieħor. Li kieku l-interpretazzjoni sostnuta minn Budvar kienet eżatta, drittijiet preċedenti oħra − bħal trade marks preċedenti ferm magħrufa, copyrights, drittijiet industrijali jew personali − igawdu minn “protezzjoni assoluta” fil-konfront ta’ trade marks suċċessivi, indipendentement minn kundizzjonijiet oħra bħal, b’mod partikolari, ix-xebh tad-drittijiet in kwistjoni.

83      Il-vera kwistjoni li tqum taħt l-Artikolu L. 711-4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali hija jekk drittijiet preċedenti ġewx ippreġudikati jew le. It-tweġiba tista’ biss tingħata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi applikabbli għal dawn id-drittijiet. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch tinnota li l-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jagħmel huwa stess referenza espliċita għall-Kodiċi Rurali. B’mod partikolari, it-Titolu II tal-Ktieb VII tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, li jirrigwarda d-“denominazzjonijiet ta’ oriġini”, fih Artikolu wieħed biss (L. 721-1) li jgħid li “[i]r-regoli dwar id-determinazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini huma stabbiliti mill-Artikolu L. 115‑1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur”. Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom, għaldaqstant, ikunu dawk tal-Kodiċi tal-Konsumatur li, min-naħa tiegħu, jirreferi għall-Kodiċi Rurali. Għalhekk, Anheuser-Busch topponi l-pożizzjoni sostnuta minn Budvar li skondha sinjal li jirriproduċi denominazzjoni ta’ oriġini ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi. Għal Anheuser‑Busch, id-denominazzjoni ta’ oriġini hija protetta għal prodott partikolari. Billi l-prodotti kkonċernati minn dawn il-kawżi ma jixtiebħux, l-użu ta’ l-istess kelma għal dawn il-prodotti ma jistax jippreġudika d-denominazzjonijiet ta’ oriġini, ħlief f’ċirkustanzi partikolari. Ċirkustanzi bħal dawn huma previsti biss fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali u mhux fl-Artikolu L. 711-4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali. Għalhekk, din l-aħħar dispożizzjoni mhijiex applikabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni Franċiża tagħtix dritt lil Budvar, skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

84      Barra minn dan, Anheuser-Busch tqis li, għall-ewwel darba f’sitt snin ta’ proċedimenti, Budvar qiegħda tqajjem ksur ta’ l-Artikolu L. 711‑3(b) u (c) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali. Anheuser-Busch ma tqisx li huwa neċessarju li twieġeb għal dawn l-argumenti, li huma inammissibbli u inapplikabbli. Dawn l-allegazzjonijiet saru tard wisq u, f’kull każ, mhumiex sostnuti minn fatti jew provi. Anheuser‑Busch tenfasizza wkoll li dawn il-kawżi jirriżultaw minn oppożizzjonijiet li jikkonċernaw raġunijiet relattivi ta’ rifjut. L-Artikolu L. 711‑3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jirrigwarda raġunijiet assoluti ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark u, barra minn hekk, japplika biss għal applikazzjonijiet għal trade mark ippreżentati fi Franza.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

85      Għandu jitqies li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jippermetti li ssir oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja abbażi ta’ sinjal li mhuwiex trade mark preċedenti, billi din l-aħħar sitwazzjoni hija prevista mill-Artikolu 8(1) sa (3) u (5).

86      Skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dan is-sinjal għandu jiġi użat fil-kummerċ u m’għandux ikun biss ta’ sinjifikat lokali. Skond id-dritt ta’ l-Istat Membru applikabbli għal dan is-sinjal, id-drittijiet li joħorġu minnu għandhom ikunu nkisbu qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja jew id-data tal-prijorità invokata in sostenn ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Dejjem skond id-dritt ta’ l-Istat Membru applikabbli għal dan is-sinjal, dan ta’ l-aħħar għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiva.

87      Il-kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrigwarda l-aħħar kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri jekk, f’dan il-każ, ġiex suffiċjentement ipprovat li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini invokati jagħtu d-dritt, abbażi tad-dritt Franċiż applikabbli, li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark suċċessiva.

88      Billi l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jinsab fil-parti ddedikata għar-raġunijiet assoluti ta’ rifjut, u fid-dawl ta’ l-Artikolu 74 ta’ l-istess Regolament, l-oneru tal-prova li s-sinjal in kwistjoni jagħti d-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark suċċessiva qiegħed fuq min jopponi quddiem l-UASI.

89      F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, min jopponi għandu jipprova li s-sinjal in kwistjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Istat Membru invokat u li huwa jippermetti li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark suċċessiva. Għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-prova mressqa minn min jopponi għandha titqiegħed fil-perspettiva tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

90      Wara li fakkar il-kliem ta’ l-Artikolu 1(1) u (2), ta’ l-Artikolu 2(1), ta’ l-Artikolu 3, ta’ l-Artikolu 5(1) u ta’ l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Liżbona (punti 41 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li “[d]-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona jibbenefikaw fi Franza mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali” (punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali huma riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115‑5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur.

92      Għandu wkoll jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115‑5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, ġew invokati minn Budvar quddiem l-istanzi ta’ l-UASI, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

93      Budvar invokat, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-fatt li l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali ma kienx applikabbli f’dan il-każ u li l-Bord ta’ l-Appell kien imissu rrefera għall-Artikolu L. 711‑3(b) u (c) u għall-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali.

94      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, ċerti Artikoli tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali ġew invokati minn Budvar quddiem l-istanzi ta’ l-UASI. Barra minn dan, fir-rigward, b’mod speċifiku, ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tkopri d-denominazzjonijiet ta’ oriġini “protetti”. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kellha d-dritt li tistaqsi fuq ir-rwol ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali fid-dritt Franċiż u fuq ir-rabta li setgħet teżisti bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li huwa ammissibbli għal Budvar li tikkontesta l-applikazzjoni li għamel il-Bord ta’ l-Appell tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali għal dan il-każ u n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali.

95      Fuq il-mertu, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li Budvar titlaq mill-premessa legali li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali mhuwiex applikabbli safejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-projbizzjoni li jintuża isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini u mhux il-projbizzjoni li tiġi rreġistrata trade mark. L-argumenti ta’ Budvar għandhom jinftiehmu fis-sens li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali mhuwiex applikabbli fi proċedura li tirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, skond id-dritt nazzjonali applikabbli, is-sinjal in kwistjoni għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-“użu” ta’ trade mark suċċessiva. L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jeħtieġx li, skond id-dritt nazzjonali applikabbli, is-sinjal in kwistjoni jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi r-“reġistrazzjoni ta’ trade mark”. Għalhekk, il-premessa ta’ Budvar mhijiex fondata. Għaldaqstant, it-teħid in kunsiderazzjoni tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali ma jistax jiġi eskluż għal dan il-motiv.

96      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali jirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom sinjal suċċessiv juża direttament jew indirettament l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini.

97      L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Liżbona, li taħtu l-ismijiet in kwistjoni ġew irreġistrati bħala denominazzjonijiet ta’ oriġini, jipprovdi li denominazzjoni ta’ oriġini, fis-sens ta’ dan il-Ftehim, huwa kkostitwit mill-“isem ġeografiku” ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ lokalità li jservi sabiex tindika prodott li joriġina minn hemm u li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, li jinkludi fatturi naturali u fatturi umani.

98      F’din il-kawża, huwa paċifiku li t-trade mark figurattiva li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tuża direttament isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Liżbona.

99      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali jaqa’ taħt it-Titolu IV dwar l-użu tal-prodotti agrikoli jew ta’ l-ikel u taħt il-Kapitolu 1 bit-titolu “Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini”. L-Artikoli L. 641‑1‑1 sa L. 641‑4 tal-Kodiċi Rurali jistabbilixxu l-proċedura għar-rikonoxximent tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 jispeċifika l-portata tal-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini meta jintuża l-isem ġeografiku li jikkostitwixxihom jew kull referenza oħra li ssir għalihom. Għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u ċertifikati ta’ karattru speċifiku rreġistrati fuq livell Komunitarju, hija riprodotta fl-Artikoli L. 642‑1 sa L. 642‑4 tal-Kodiċi Rurali.

100    Ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, huwa riprodott f’taqsima bit-titolu “Denominazzjonijiet ta’ oriġini”, li hija stess tinsab f’kapitolu dwar l-użu tal-prodotti u tas-servizzi u f’titolu li jirrigwarda l-informazzjoni tal-konsumaturi. Ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur ifakkar il-proċedura ta’ l-għoti ta’ denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata, kif iddefinita mill-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, kif ukoll il-portata tal-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini, taħt ir-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, meta jintuża l-isem ġeografiku li jikkostitwixxihom jew kull referenza oħra li ssir għalihom.

101    Minn dan jirriżulta li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, kif ukoll ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur li jipproduċih, huma dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddefinixxu l-portata tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini fid-dritt Franċiż, meta jintuża l-isem ġeografiku li jikkostitwixxihom jew kull referenza oħra li ssir għalihom.

102    Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-Kodiċi invokati minn Budvar, huma riprodotti, min-naħa tagħhom, fit-Titolu 1 dwar it-trade marks ta’ manifattura, tal-kummerċ jew ta’ servizz u fil-Kapitolu 1 bit-titolu “Elementi li jikkostitwixxu t-trade mark”.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali invokati minn Budvar, għad-differenza tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija tal-Kodiċi Rurali u tal-Kodiċi tal-Konsumatur, ma jinstabux f’parti mill-kodiċi li hija speċifika għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini.

104    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali invokati minn Budvar jirrigwardaw il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks fid-dritt Franċiż u mhux il-kundizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

105    Barra minn dan, fir-rigward, b’mod speċifiku, ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, dan jispeċifika li ma “sinjal ma jistax jiġi adottat bħala trade mark jekk ikun ta’ preġudizzju […] għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta”. Sabiex jiġi ddeterminat safejn denominazzjoni ta’ oriġini hija “protetta” u, jekk ikun il-każ, jekk sinjal huwiex ta’ “preġudizzju” għaliha, għandha ssir referenza, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, meta, bħal f’dan il-każ, l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi l-imsemmija denominazzjoni ta’ oriġini huwa użat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

106    Ir-raba’ nett, għandu jiġi enfasizzat li, fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-unika deċiżjoni ġudizzjarja Franċiża li kienet tikkonċerna, bħal f’dan il-każ, l-użu għal prodott mhux simili ta’ isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata f’pajjiż terz u protetta taħt il-Ftehim ta’ Liżbona, u li ngħatat wara l-introduzzjoni fl-1990 tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali fid-dritt Franċiż, hija sentenza tal-Cour d’appel de Paris tas-17 ta’ Mejju 2000 li timplementa d-denominazzjonijiet ta’ oriġini Kubana Habana u Habanos sabiex tindika sigarri u tabakk mhux maħdum jew immanifatturat, kif ukoll il-prodotti magħmula b’dan it-tabakk (iktar ’il quddiem is-“sentenza Habana tal-Cour d’appel de Paris”). Din is-sentenza ġiet invokata minn Budvar quddiem l-istanzi ta’ l-UASI.

107    Dik il-kawża kienet tirrigwarda t-trade mark Havana, irreġistrata u użata fi Franza, b’mod partikolari għal fwieħa.

108    F’dik is-sentenza, il-Cour d’appel de Paris, l-ewwel nett, analizzat il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, sabiex tikkonkludi li “ir-riskju ta’ użu ħażin tal-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini Habana [kien] reali u [kien] għalhekk suffiċjentement serju”.

109    It-tieni nett, f’parti bit-titolu “Fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu”, il-Cour d’appel de Paris ikkunsidrat li, b’applikazzjoni, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu L. 711‑4(d) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, ir-rikorrenti kienet “iġġustifikata sabiex titlob l-annullament tat-trade mark Havana ppreżentata fi Franza”.

110    Barra minn dan, mingħajr ma bbażat ruħha fuq dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, il-Cour d’appel de Paris speċifikat li r-rikorrenti kienet “iġġustifikata wkoll sabiex titlob li l-kumpanniji [in kwistjoni] jiġu pprojbiti milli jużaw l-isem ‘havana’ sabiex jindikaw il-prodotti kosmetiċi kollha tal-gamm[i] [tagħhom]”. Fid-dawl tal-kliem użat mill-Cour d’appel de Paris, il-projbizzjoni li jintuża l-isem “havana” ssib il-bażi tagħha fid-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriproduċu dawk tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali.

111    Jirriżulta li, f’dik il-kawża, il-Cour d’appel de Paris analizzat il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, sabiex tiddetermina l-protezzjoni li minnha setgħu jibbenefikaw id-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni, irreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona, taħt id-dritt Franċiż.

112    Jirriżulta wkoll, li b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Konsumatur iċċitati iktar ’il fuq, li jirriproduċu dawk tal-Kodiċi Rurali, il-Cour d’appel de Paris setgħet tipprojbixxi l-użu ta’ l-isem ġeografiku li kien jikkostitwixxi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni għall-prodotti kkonċernati u għalhekk, konsegwentement, l-użu tat-trade mark ikkontestata. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, jistgħu għalhekk jagħtu d-dritt li jiġi pprojbit l-“użu” ta’ trade mark suċċessiva, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

113    Għandu jiġi rrilevat li l-approċċ segwit fis-sentenza Habana ġa kien stabbilit mill-Cour d’appel de Paris, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond id-dritt Franċiż, f’sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Champagne. Din is-sentenza, ukoll invokata minn Budvar quddiem l-istanzi ta’ l-UASI, kienet tikkonċerna trade mark irreġistrata fi Franza, għal fwieħa, li kein fiha l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi l-imsemmija denominazzjoni ta’ oriġini. F’dik il-kawża, il-Cour d’appel de Paris, l-ewwel nett, applikat ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, qabel ma ddeċidiet fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali.

114    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi konkluż li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaq l-ebda żball meta ħa in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur.

115    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ l-unika raġuni mqajma minn Budvar għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Sussidjarjament, fuq it-tieni parti tar-raġuni, dwar l-applikazzjoni żbaljata mill-Bord ta’ l-Appell tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti ta’ Budvar

116    Jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini tirrappreżenta l-uzu ta’ isem ġeografiku fis-sens tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, Budvar titlob, f’kull każ, lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonstata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell applika dan l-Artikolu u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Liżbona b’mod żbaljat.

117    Budvar tgħid, l-ewwel nett, li l-Bord ta’ l-Appell ġustament qies li:

“Ma jistax jiġi miċħud li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini Franċiżi huma protetti fi Franza biss jekk il-fama tagħhom tkun ġiet debitament stabbilita. L-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali jiddisponi li l-prodotti agrikoli, tal-foresta u ta’ l-ikel jistgħu jibbenefikaw minn denominazzjoni ta’ oriġini jekk, fost kundizzjonijiet oħra, ‘ikollhom fama debitament stabbilita.” (Punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata.)

118    Budvar iżżid li l-Bord ta’ Appell madankollu dehrilha li setgħet tispeċifika li:

“Madankollu, din il-kundizzjoni ma tapplikax għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini barranin protetti fi Franza skond il-Ftehim ta’ Liżbona. Jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 5(1) tal-Ftehim […] li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti fil-pajjiż ta’ oriġini jiksbu protezzjoni fil-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni partikolari fuq sempliċi talba ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ oriġini.” (Punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata.)

119    Għal Budvar, din l-aħħar affermazzjoni mhijiex fondata.

120    Budvar tgħid, l-ewwel nett, li l-pajjiżi firmatarji kollha tal-Ftehim ta’ Liżbona għandhom leġiżlazzjoni simili fir-rigward tal-ksib tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini. L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Liżbona jagħti, f’dan ir-rigward, definizzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini li hija valida fil-pajjiżi firmatarji kollha.

121    Għaldaqstant, il-pajjiżi firmatarji kollha tal-Ftehim ta’ Liżbona jeħtieġu l-prova ta’ fama stabbilita sabiex tingħata denominazzjoni ta’ oriġini. Dan il-punt mhuwiex ikkontestat mid-deċiżjoni kkontestata.

122    Budvar iżżid li l-fama ta’ l-ismijiet ġeografiċi “Budweiser” sabiex jindikaw birer ġiet neċessarjament ipprovata fir-Repubblika Ċeka sabiex jingħataw id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati. Budvar tfakkar f’dan ir-rigward li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati ġew irreġistrati mal-WIPO fit-22 ta’ Novembru 1967.

123    Barra minn dan, l-Istat Franċiż, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Liżbona, irrikonoxxa u ddikjara li jistgħu ikunu protetti d-denominazzjonijiet ta’ oriġini li jinkludu l-isem ġeografiku “Budweiser” fit-territorju Franċiż, fid-digriet Nru 70-65 tad-9 ta’ Jannar 1970, ippubblikat fil-Journal officiel de la République française fit-23 ta’ Jannar 1970. Budvar tispeċifika li ma tressaq l-ebda appell quddiem il-Conseil d’État (Kunsill ta’ l-Istat) kontra dan id-digriet.

124    Għal Budvar, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati huma għaldaqstant protetti fi Franza sempliċement b’effett tal-Ftehim ta’ Liżbona u, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tiegħu.

125    Għaldaqstant, denominazzjoni ta’ oriġini li nħolqot f’pajjiż firmatarju tal-Ftehim ta’ Liżbona hija protetta fit-territorju Franċiż bl-istess mod bħad-denominazzjonijiet nazzjonali, mingħajr mhemm bżonn li jiġi pprovat li effettivament tgawdi fama. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata tiżbalja meta tqis li “ma jistax jiġi preżunt li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini […] li huma protetti fi Franza skond il-Ftehim ta’ Liżbona għandhom fama fi Franza” (punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Budvar iżżid li l-Bord ta’ l-Appell jagħmel ukoll applikazzjoni ħażina tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali meta jqis dan li ġej:

“Meta denominazzjoni ta’ oriġini […] hija protetta fi Franza skond il-Ftehim ta’ Liżbona, hija tibbenefika minn protezzjoni fil-konfront ta’ prodotti li mhumiex simili biss jekk tinġieb il-prova li hija għandha fama fi Franza u li l-użu tagħha għal prodotti li mhumiex simili jużurpa jew idgħajjef din il-fama.

[…]

F’dan il-każ, [Budvar] mhux biss naqset milli ġġib il-prova li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom fama fi Franza, iżda wkoll naqset milli tipprova kif il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, kieku kellu jitqies li din teżisti, tista’ tiġi użurpata jew imdgħajfa li kieku [Anheuser-Busch] kellha tiġi awtorizzata tuża trade mark figurattiva li tinkludi l-kelma ‘Budweiser’ għall-prodotti mitluba li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30.” (Punti 51 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata.)

127    Budvar tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-fatt li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, kif riprodott fil-Kodiċi tal-Konsumatur, jikkonċerna l-użu ta’ l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini sħiħa jew parti minnha. Huwa ma jirrigwardax id-denominazzjoni ta’ oriġini iżda l-isem ġeografiku li huwa msemmi fiha. Għaldaqstant, minn dan għandu jiġi dedott li r-riproduzzjoni ta’ l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini hija pprojbita, indipendentement minn jekk il-prodotti humiex identiċi, simili jew differenti. Din is-soluzzjoni hija loġika billi l-isem ġeografiku huwa l-element essenzjali u determinanti ta’ kull denominazzjoni ta’ oriġini. L-użu ta’ l-isem ġeografiku waħdu huwa ta’ natura li jevoka neċessarjament il-prodott ikkonċernat mid-denominazzjoni ta’ oriġini.

128    F’dan il-każ, Anheuser-Busch applikat għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tammonta għar-riproduzzjoni ta’ l-isem ġeografiku “Budweiser” waħdu, mingħajr ma dan ġie inkorporat f’assjem b’mod li tittelliflu l-kwalità ta’ denominazzjoni ta’ oriġini. Għaldaqstant mhemmx lok li tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali u li jiġi vverifikat jekk it-trade mark figurattiva li għaliha ntalbet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li tammonta għall-isem ġeografiku “Budweiser”, hijiex ta’ natura li twassal jew le sabiex tiddgħajjef jew tiġi użurpata l-fama li hija neċessarjament marbuta ma’ kull denominazzjoni ta’ oriġini.

129    Barra minn dan, u sussidjarjament għall-aħħar, Budvar tqis li l-fama li hija intrinsika għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati tista’ tiġi użurpata u mdgħajfa bir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni. Budvar tispeċifika f’dan ir-rigward li l-ebda test Franċiż ma jitlob li din il-fama intrinsika tkun ta’ grad partikolarment għoli sabiex il-protezzjoni tagħha testendi għal prodotti differenti. L-iktar l-iktar, tista’ tintalab il-prova li din il-fama intrinsika tista’ tiddgħajjef u ssir ordinarja bir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tirriproduċi l-isem ġeografiku tagħha.

130    Budvar tgħid li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata toriġina minn kumpannija li tipproduċi l-birra, jiġifieri minn kompetitur dirett. Barra minn hekk Budvar tirrileva li waħda mill-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ppreżentati minn Anheuser-Busch kienet għall-birra (li hija s-suġġett tal-kawża magħquda T‑71/04). Barra minn dan, Budvar tirrileva li wieħed mill-elementi tat-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni huwa l-islogan “king of beers”. Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-ewwel tagħmel referenza għall-birer. F’kull każ, fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, Anheuser-Busch, fil-kwalità tagħha ta’ professjonista fil-qasam tal-produzzjoni tal-birra, kienet bilfors taf bil-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini pretiżi, għall-inqas fit-territorju Ċek.

131    Iċ-ċirkustanzi li fihom tressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark għalhekk jindikaw mhux biss rieda evidenti li tiġi ppreġudikata l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni, billi dawn jiddgħajfu u billi tinqered l-uniċità tagħhom billi l-isem “Budweiser” jiġi reż ordinarju, iżda wkoll tentattiv li jiġu approprijati dawn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini. Il-fatt li Anheuser‑Busch hija produttur sinjifikattiv tal-birra jindika l-intenzjoni parassitika u żleali tagħha kif ukoll l-għan li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini jiddgħajfu u jiġu reżi ordinarji. Budvar tirrileva li l-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Cour d’appel de Paris tal-15 ta’ Diċembru 1993 (Champagne) u tas-17 ta’ Mejju 2000 (Habana, punt 106 iktar ’il fuq) kienu jinvolvu impriżi li ma kinux jikkompetu ma’ xulxin. F’dawk il-kawżi, ġie kkonstatat li l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati kienet ġiet użurpata.

132    Barra minn dan, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn Budvar u Anheuser-Busch fil-passat. Il-kwistjoni bejn dawn il-partijiet bdiet iktar minn seklu ilu. Budvar tispjega li, fl-1894, is-Sur Adolphus Busch fil-fatt iddikjara li kien ispira ruħu mill-eċċellenza tal-birra prodotta f’Budweis, fiċ-Ċekoslovakkja, sabiex jipperfezzjona l-birra “Budweiser”, prodotta skond il-metodu Ċek, f’Saint Louis (Missouri), fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija Anheuser-Busch.

133    Minn dan Budvar tikkonkludi li r-riskju ta’ preġudizzju għall-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini huwa għallhekk suffiċjentement serju u għandu jwassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkonċernati.

 L-argumenti ta’ l-UASI

134    L-UASI jirrispondi għall-argumenti ta’ Budvar fil-kuntest ta’ l-analiżi tiegħu tal-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fis-sens li d-dritt preċedenti jagħti lill-proprjetarju tiegħu, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, id-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark opposta.

135    Wara li kkonkluda, fil-kuntest ta’ l-ewwel parti tar-raġuni waħdanija, li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali kien applikabbli, l-UASI janalizza l-portata tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini skond din id-dispożizzjoni.

136    F’dan l-istadju l-UASI jagħmel distinzjoni bejn il-bżonn li tiġi pprovata l-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini u r-riskju li din il-fama tiġi użurpata jew imdgħajfa.

–       Fuq il-bżonn li tiġi pprovata l-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini

137    L-UASI jirrileva li l-Ftehim ta’ Liżbona jitlob li kull parti kontraenti tagħti protezzjoni lid-denominazzjonijiet irreġistrati. Din il-protezzjoni, skond l-UASI, għandha tkun għall-inqas fil-livell tal-protezzjoni prevista mill-Ftehim ta’ Liżbona.

138    F’dan ir-rigward, l-UASI jfakkar li l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Liżbona jipprovdi li “[g]ħandha tiġi assigurata l-protezzjoni kontra kull użu ħażin jew imitazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk id-denominazzjoni hija tradotta jew użata flimkien ma’ xi espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘imitazzjoni’ jew espressjonijiet simili”.

139    Għall-UASI, il-protezzjoni minima mitluba testendi biss għall-prodotti li għalihom saret reġistrazzjoni u għall-prodotti li jidħlu fl-istess klassi (f’dan il-każ, il-birra). Il-Ftehim ta’ Liżbona ma jitlobx li tingħata protezzjoni lil hinn minn din il-kategorija ta’ prodotti.

140    Madankollu, dan ma jfissirx li denominazzjoni ta’ oriġini ma tistax tibbenefika minn protezzjoni iktar wiesgħa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż li fih id-dritt miksub huwa applikat.

141    Filwaqt li jfakkar il-kliem tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, l-UASI jqis li l-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni hija ta’ żewġ tipi.

142    L-ewwel nett, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali jipprevedi protezzjoni minima li tkopri l-użu ta’ indikazzjoni identika jew ta’ indikazzjoni li tista’ tevoka d-denominazzjoni ta’ oriġini, fir-rigward ta’ prodotti simili. Din il-protezzjoni hija inkondizzjonata u tista’ tiġi invokata għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kollha, nazzjonali jew barranin, u l-uniċi elementi li għandhom jiġu stabbiliti huma l-possibbiltà li s-sinjali jevokaw lil xulxin kif ukoll ix-xebh bejn il-prodotti.

143    It-tieni nett, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali jipprevedi protezzjoni iktar wiesgħa tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, nazzjonali jew barranin, li testendi għall-użu ta’ indikazzjoni identika jew indikazzjoni li tista’ tevoka d-denominazzjoni ta’ oriġini għal prodotti li mhumiex simili. Din il-protezzjoni hija suġġetta għall-prova li d-denominazzjoni ta’ oriġini għandha fama u li din tista’ tiġi użurpata jew imdgħajfa.

144    Dan ir-riskju għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-pubbliku Franċiż. Bl-istess mod, għandu jiġi pprovat li l-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini hija magħrufa mill-pubbliku Franċiż. Ma jistax ikun hemm riskju ta’ użu ħażin jew indeboliment fin-nuqqas ta’ fama.

145    Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ma wettaq l-ebda żball meta kkonkluda li “ma jistax jiġi preżunt li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini barranin li huma protetti fi Franza skond il-Ftehim ta’ Liżbona għandhom fama fi Franza” (punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Budvar tiżbalja meta tgħid li denominazzjoni ta’ oriġini, min-natura tagħha stess, għandha fama jew hija magħrufa sew. Il-konfużjoni ta’ Budvar ġejja mill-fatt li l-kunċett ta’ “fama tal-prodott”, li huwa meħtieġ mill-Artikolu 2(2) tal-Ftehim ta’ Liżbona għar-reġistrazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, ma jestendix awtomatikament għall-pajjiżi Membri l-oħra li fihom wieħed ifittex li jikseb il-protezzjoni. Għaldaqstant, indikazzjoni bħal “Budweiser”, li għandha fama fir-Repubblika Ċeka iżda li mhijiex magħrufa jew użata estensivament fis-suq Franċiż, ma jistax ikollha fama fi Franza.

147    Fuq dan il-punt, l-UASI jikkunsidra li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali kif ukoll kull dispożizzjoni oħra li tipprojbixxi l-użu ħażin, l-isfruttament, l-indeboliment jew li tittebba’ l-fama ta’ denominazzjoni ta’ oriġini [l-UASI jirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 208, p. 1)] għandhom bħala għan li jipproteġu l-“immaġni” tad-denominazzjoni ta’ oriġini, jiġifieri l-valur ekonomiku tagħha. Dan id-dannu jista’ jseħħ biss jekk id-denominazzjoni ta’ oriġini għandha fama fil-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni.

148    L-UASI jirrileva li l-kunċett ta’ “fama” tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ġie identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, punt 62 iktar ’il fuq (punt 64), li kienet tirrigwarda r-Regolament Nru 2081/92, fit-termini segwenti:

“Ir-reputazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi mill-immaġni li dawn igawdu mal-konsumaturi. Min-naħa tagħha, din l-immaġni tiddependi, essenzjalment, mill-karatteristiċi partikolari, u b’mod iktar ġenerali mill-kwalità tal-prodott. Fl-aħħar mill-aħħar, hija din ta’ l-aħħar li tifforma l-bażi tal-fama tal-prodott.”

149    L-immaġni jew il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi mill-perċezzjoni suġġettiva tal-pubbliku u tista’ tvarja skond it-territorju kkunsidrat. Skond l-UASI, huwa minnu li l-immaġni jew il-fama ta’ denominazzjoni ta’ oriġini tiġi mill-kwalità tal-prodott. Madankollu, l-immaġni jew il-fama ta’ denominazzjoni ta’ oriġini tiddependi b’mod sinjifikattiv minn fatturi oħra estranji għall-prodott innifsu. L-UASI jirreferi b’mod partikolari għall-ammont ta’ l-investimenti fir-reklamar, l-intensità ta’ l-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini u s-sehem fis-suq li għandu l-prodott.

150    Billi l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi prinċipalment minn dawn il-fatturi u mill-impatt tagħhom fuq il-pubbliku, din il-fama ma tistax tiġi dedotta mir-reġistrazzjoni imwettqa fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Liżbona u dejjem jeħtieġ li tiġi pprovata f’kull pajjiż fejn jiġi allegat li sar dannu lil din il-fama. Kull soluzzjoni oħra twassal sabiex tingħata l-istess grad ta’ protezzjoni lil denominazzjonijiet ta’ oriġini ferm magħrufa u lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini magħrufa ftit u, probabbilment, sabiex tingħata protezzjoni lil dawn ta’ l-aħħar f’pajjiż fejn m’għandhom l-ebda fama.

151    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq l-UASI jikkonkludi li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaq l-ebda żball meta ssuġġetta l-applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali għall-prova li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom fama fi Franza.

152    Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-ġurisprudenza Franċiża. Skond l-UASI, f’ċerti każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi applikata kif tagħmel qorti nazzjonali. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali għandhom importanza partikolari.

153    F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell kellu raġun li jirreferi għas-sentenza Habana, punt 106 iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna kunflitt bejn id-denominazzjoni ta’ oriġini Havane, protetta skond il-Ftehim ta’ Liżbona għas-sigarri, u t-trade mark suċċessiva Havana għal fwejjaħ. Jirriżulta minn din is-sentenza li n-nuqqas li tiġi pprovata l-fama, fi Franza, tad-denominazzjoni ta’ oriġini internazzjonali Havane kienet twassal sabiex din l-azzjoni tiġi miċħuda.

154    L-UASI jżid li, meta l-protezzjoni hija invokata kontra l-użu ta’ indikazzjoni iktar reċenti fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex simili, il-qrati Franċiżi jitolbu l-prova tal-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kollha, indipendentement mill-fatt jekk l-oriġini tagħhom hijiex nazzjonali jew internazzjonali. L-UASI jirreferi għas-sentenzi mogħtija mill-Cour d’appel de Paris fil-15 ta’ Diċembru 1993 u fit-12 ta’ Settembru 2001 dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini Champagne, annessi mar-rikors. Għaldaqstant, mhemmx trattament differenti, kuntrarjament għal dak li tistqarr Budvar.

–       Fuq l-użu ħażin jew l-indeboliment tal-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini

155    L-UASI jsostni li l-Bord ta’ l-Appell kellu raġun ukoll jiċħad l-appell għar-raġuni li Budvar ma rnexxilhiex “tipprova kif il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, jekk wieħed iqis li din teżisti, setgħet tiġi użurpata jew imdgħajfa li kieku [Anheuser-Busch] kellha tiġi awtorizzata li tuża trade mark figurattiva li tinkludi l-kelma ‘Budweiser’ għall-prodotti mitluba li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30” (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

156    Budvar ma ppreżentat l-ebda element ta’ fatt jew argument, fl-ebda stadju tal-proċedura, li jsostni r-raġuni li skondha l-użu tat-trade marks in kwistjoni jipperikola li tiġi użurpata jew imdgħajfa l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini. Billi huwa marbut bil-kliem ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta’ l-Appell għaldaqstant ma wettaqx żball meta eskluda l-possibbiltà ta’ tali użu ħażin jew indeboliment.

157    L-argumenti kontenuti fir-rikors f’dan ir-rigward huma għalhekk inammissibbli, billi ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

158    Kieku dawn l-argumenti kellhom madankollu jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli, l-UASI jgħid li l-użu ħażin tal-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini jista’ jseħħ f’każ li l-operaturi jagħżlu minn jeddhom sinjali identiċi jew simili għal użu f’qasam differenti, bil-għan li jużurpaw għall-benefiċċju tagħhom parti mill-investimenti mwettqa mill-proprjetarju tad-dritt preċedenti. Din is-sitwazzjoni tixbah il-fatt li jinkiseb vantaġġ inġust mill-fama tat-trade mark preċedenti, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 5(2) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), jew ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

159    L-UASI jirrikonoxxi li l-użu ta’ trade mark figurattiva li fiha l-kliem “king of beers” b’relazzjoni għal kull tip ta’ prodott li jkun jista’, teoretikament, joħloq assoċjazzjoni f’moħħ il-pubbliku mal-birer, billi fiha l-kliem “king of beers” u billi dan l-użu jista’ jiġi pperċepit mill-pubbliku bħala li jippromwovi indirettament l-attività prinċipali ta’ produzzjoni tal-birra ta’ Anheuser-Busch. Dan ikun partikolarment veru fir-rigward ta’ l-użu tat-trade mark figurattiva li għaliha saret applikazzjoni b’relazzjoni għall-“isnakkijiet” li jaqgħu taħt il-klassi 30, billi dawn il-prodotti jkunu jistgħu jinbiegħu minn fuq il-bank tal-bars u tal-kafejiet. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tista’ tiġi preżunta, l-UASI jitlob li din il-kawża tiġi rrinvijata lill-Bord ta’ l-Appell għal analiżi ulterjuri fuq dan il-punt.

160    Fir-rigward ta’ l-indeboliment tal-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, l-UASI jqis li tali indeboliment jista’ jeżisti meta l-prodotti li għalihom jintuża s-sinjal konfliġġenti jappella lis-sensi tal-pubbliku b’mod li jiġu affettwati l-immaġni u l-poter li tattira tad-denominazzjoni ta’ oriġini. Din is-sitwazzjoni hija simili għall-fatt li ssir ħsara lill-fama tat-trade mark preċedenti, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 5(2) ta’ l-Ewwel Direttiva 89/104 jew ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

161    Madankollu, f’dan il-każ, mhemmx antagoniżmu bejn il-birra, minn naħa, u l-biċċa l-kbira tal-prodotti kkonċernati mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, min-naħa l-oħra, li jista’ jaffettwa l-immaġni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini preċedenti. Barra minn dan, mhuwiex probabbli li l-użu tat-trade marks ikkonċernati b’relazzjoni għall-biċċa l-kbira tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jista’ jevoka assoċjazzjonijiet mentali negattivi jew xejn pjaċevoli li jikkonfliġġu mal-prestiġju li jista’ jkollhom id-denominazzjonijiet ta’ oriġini preċedenti.

162    Barra minn hekk, l-UASI jippreżenta osservazzjonijiet rigward l-Att dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, u rigward l-emenda ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

163    Għal dak li jirrigwarda l-Att dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-UASI jirrileva li, mill-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ismijiet “Ceskobudejovické pivo” u “Budejovické pivo” (“Budweiser Bier”) huma protetti taħt ir-Regolament Nru 2081/92 bħala indikazzjonijiet ġeografiċi, u l-Att ta’ adeżjoni jipprovdi, barra minn dan, li din il-protezzjoni hija “bla ħsara għal xi trade mark tal-birra jew drittijiet oħra li jeżistu fl-Unjoni Ewropea fid-data ta’ l-adeżjoni”.

164    Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jirrileva li dan ta’ l-aħħar ġie emendat mir-Regolament tal-Kunsill Nru 422/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU L 70, p. 1), jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jinkludi d-drittijiet preċedenti protetti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

165    Skond l-UASI, dawn l-emendi m’għandhomx jaffettwaw dan il-każ peress li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’kull każ, l-UASI jirrileva li l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 2081/92 huwa fformulat f’termini analogi għal dawk ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali.

 L-argumenti ta’ Anheuser-Busch

166    Billi Anheuser-Busch tikkunsidra li l-fama hija meħtieġa, skond l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, sabiex tinkiseb il-protezzjoni ta’ prodott differenti minn dak li għalih id-denominazzjoni ta’ oriġini hija protetta, hija tanalizza l-kwistjoni jekk tali fama teżistix f’dan il-każ.

167    Skond Anheuser-Busch, Budvar qatt ma argumentat li kienet teżisti fama attwali fost il-pubbliku Franċiż u lanqas biss ġabet xi prova ta’ din il-fama. Anheuser-Busch iżżid li lanqas mhemm allużjoni għall-użu tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini fi Franza u tirrileva, f’dan ir-rigward, li Budvar ma ppreżentatx fatturi, reklami, fuljetti, ċifri dwar il-bejgħ jew l-ispejjeż ta’ reklamar, l-ishma fis-suq jew il-konoxxenza tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini.

168    Minflok, Budvar sostniet li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom “fama intrinsika” li għandha tiġi preżunta, billi hija totalment indipendenti minn kull użu ta’ l-isem ġeografiku fi Franża u mill-perċezzjoni tagħha li għandu l-konsumatur. L-argument li jsostni din it-teżi, imressqa minn Budvar, huwa li l-fama ta’ denominazzjoni ta’ oriġini Franċiża għandha tiġi pprovata fil-mument meta tintalab il-protezzjoni tagħha fi Franza mingħand l-Istitut nazzjonali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini.

169    Madankollu, skond Anheuser-Busch, il-prova ta’ tali fama hija meħtieġa biss għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini Franċiżi. Il-fama fi Franza mhijiex meħtieġa għar-rikonoxximent tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini barranin. Hemm mijiet ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati, b’effett fi Franza skond il-Ftehim ta’ Liżbona, li huma għal kollox mhux magħrufa mill-biċċa l-kbira tal-pubbliku Franċiż. Anheuser-Busch tirreferi għan-nota tagħha ppreżentata fit-18 ta’ Frar 2002 quddiem il-Bord ta’ l-Appell, li hija tannetti mar-risposti tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u b’mod partikolari għall-opinjoni mogħtija minn avukat fi Franza, speċjalist tal-proprjetà intellettwali.

170    B’referenza għas-sentenzi mogħtija mill-Cour d’appel de Paris fil-kawżi Habana u Champagne, Anheuser-Busch iżżid li qatt ma ġie pprovat li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni f’dawk il-kawżi ġew użati fi Franza u lanqas li dawn kisbu fama mal-pubbliku Franċiż.

171    Għal dawn ir-raġunijiet, il-konklużjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-punti 49 sa 53 ta’ din id-deċiżjoni, huma korretti.

172    Barra minn dan, Anheuser-Busch tenfasizza li l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali jikkundizzjona l-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini kontra l-użu ta’ kelma protetta għal prodotti li mhumiex simili għall-fatt li l-fama ta’ dan l-isem huwa suxxettibbli li jiġi użurpat jew imdgħajjef.

173    Skond Anheuser-Busch, fama li ma teżistix ma tistax tiġi użurpata jew imdgħajfa fis-sens ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali. Budvar ma rnexxielha tipprova ebda użu ħażin jew indeboliment tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini.

174    F’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ta’ Budvar fir-rigward ta’ l-allegata attitudni malizzjuża ta’ Anheuser-Busch, dawn mhumiex rilevanti u saru kjarament tard wisq. Barra minn dan, dawn mhumiex sostnuti minn xi fatt jew prova rilevanti u huma, fil-fatt, sempliċement foloz. Anheuser-Busch tikkunsidra wkoll li l-attitudni ta’ parti m’għandha l-ebda rwol fid-determinazzjoni ta’ jekk l-użu ta’ sinjal iwassalx għal preġudizzju potenzjali jew għal użu ħażin tal-fama ta’ sinjal ieħor.

175    F’kull każ, abbażi ta’ argumenti ppreżentati b’mod addizzjonali, Anheuser-Busch tikkunsidra li l-oppożizzjoni ta’ Budvar kellha tiġi miċħuda fid-dawl ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

176    L-ewwel nett, Anheuser-Busch tqis li waħda mir-raġunijiet li abbażi tagħha l-oppożizzjoni ġiet miċħuda hija l-ispjegazzjoni insuffiċjenti mogħtija minn Budvar fir-rigward tad-dritt applikabbli f’dan il-każ. It-tieni nett, Anheuser-Busch tiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ prova ta’ l-użu fil-kummerċ, fi Franza, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, qabel ma tressqet l-applikazzzjoni għat-trade mark. It-tielet nett, skond Anheuser-Busch, Budvar ma ppreżentat l-ebda prova li l-użu tas-sinjali in kwistjoni kien iktar sinjifikattiv minn sempliċi użu lokali. Ir-raba’ nett, Anheuser-Busch issostni li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni mhumiex validi, billi ma jirrispettawx l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent stabbiliti mill-Ftehim ta’ Liżbona.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

177    L-ewwel nett, billi kkunsidra li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 642‑1 tal-Kodiċi Rurali kien applikabbli f’dan il-każ u li l-prodotti koperti mit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni u dawk koperti mid-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni kienu differenti, il-Bord ta’ l-Appell iddikjara:

“Ma jistax jiġi miċħud li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini Franċiżi huma protetti fi Franza biss jekk il-fama tagħhom tkun ġiet debitament stabbilita […] [u] ma jistax jiġi preżunt li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini barranin li huma protetti fi Franza skond il-Ftehim ta’ Liżbona għandhom fama fi Franza.” (Punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata.)

178    It-tieni nett, il-Bord ta’ l-Appell speċifika:

“Meta denominazzjoni ta’ oriġini barranija hija protetta fi Franza skond il-Ftehim ta’ Liżbona, hija tibbenefika minn protezzjoni fil-konfront ta’ prodotti li mhumiex simili biss jekk tinġieb il-prova li hija għandha fama fi Franza u li l-użu tagħha għal prodotti li mhumiex simili jużurpa jew idgħajjef din il-fama.” (Punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata.)

179    It-tielet nett, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata:

“[Budvar] mhux biss naqset milli ġġib il-prova li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom fama fi Franza, iżda wkoll naqset milli tipprova kif il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, kieku kellu jitqies li din teżisti, tista’ tiġi użurpata jew imdgħajfa li kieku [Anheuser-Busch] kellha tiġi awtorizzata tuża trade mark figurattiva li tinkludi l-kelma ‘Budweiser’ għall-prodotti mitluba li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30.” (Punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata.)

180    L-argumenti ta’ Budvar imsemmija fit-tieni parti ta’ l-unika raġuni jisħqu, fir-realtà, fuq żewġ żbalji li allegatament wettaq il-Bord ta’ l-Appell.

181    L-ewwel nett, Budvar essenzjalment tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, sabiex tingħata, fil-kuntest ta’ prodotti mhux simili, protezzjoni fi Franza lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati minn pajjiż ieħor skond il-Ftehim ta’ Liżbona, u b’mod partikolari l-bżonn li jiġi pprovat riskju ta’ użu ħażin jew indeboliment tal-fama ta’ l-imsemmija ismijiet, huma iktar restrittivi mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim ta’ Liżbona. Għaldaqstant, l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skond il-Ftehim ta’ Liżbona hija protetta, ikunu xi jkunu l-prodotti koperti mit-trade mark sussegwenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ kwalunkwe fama jew ta’ riskju ta’ użu ħażin jew ta’ indeboliment ta’ l-imsemmija fama.

182    F’dan il-kuntest, Budvar speċifikat, matul is-seduta, li, skond l-Artikolu 55 tal-Kostituzzjoni Franċiża, it-Trattati jew Ftehim debitament ratifikati jew approvati għandhom, mill-mument li jiġu ppubblikati, awtorità ogħla minn dik tal-liġijiet, bil-kundizzjoni, għal kull ftehim jew trattat, li dan jiġi applikat mill-parti l-oħra. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Franċiżi preċedenti jew saħansitra suċċessivi għad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-test għandhom jiġu interpretati skond it-termini tal-Ftehim ta’ Liżbona. Budvar żiedet li hija kienet tikkritika l-mod kif il-qrati Franċiżi japplikaw il-Ftehim ta’ Liżbona.

183    It-tieni nett, u f’kull każ, Budvar tqis li l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati setgħet tiġi preżunta u li r-riskju ta’ użu ħażin jew ta’ indeboliment ta’ din il-fama ġie stabbilit.

 Fuq il-konformità tal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Liżbona fir-rigward ta’ prodotti mhux simili

184    Fost l-Istati li attwalment huma Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka kienu partijiet kontraenti tal-Ftehim ta’ Liżbona, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

185    L-ewwel nett, skond it-termini tal-Ftehim ta’ Liżbona, għandha tiġi rilevata r-rabta stretta li teżisti bejn id-denominazzjoni ta’ oriġini u l-prodott ikkonċernat minn din id-denominazzjoni, kif ukoll il-protezzjoni li tirriżulta minnha. B’mod iktar partikolari, il-partijiet kontraenti tal-Ftehim ta’ Liżbona ntrabtu li jipproteġu, skond l-Artikolu 1(2) ta’ l-imsemmi Ftehim, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-“prodotti” tal-pajjiżi l-oħra. Skond ir-Regola 5(2)(iv) tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Liżbona, l-applikazzjoni internazzjonali għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini skond l-imsemmi Ftehim għandha tispeċifika “il-prodott li għalih tapplika din id-denominazzjoni”.

186    It-tieni nett, l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona jipprovdi li l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott li jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini għandhom ikunu dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, li jinkludi l-fatturi naturali u umani. Barra minn dan, il-protezzjoni prevista mill-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Liżbona tirrigwarda l-każijiet fejn id-denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata hija użata ħażin jew imitata. F’dan il-kuntest, il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini kontra kull użu ħażin jew imitazzjoni tapplika meta l-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew simili. Din il-protezzjoni tfittex li tassigura li l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat, li jirriżultaw mill-ambjent ġeografiku tiegħu li jinkludi l-fatturi naturali u umani, ma jiġux użurpati jew riprodotti illeġittimament.

187    It-tielet nett, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Liżbona jiddisponi li għandha tiġi assigurata l-protezzjoni “anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata” jew jekk id-denominazzjoni hija tradotta jew użata flimkien ma’ espressjonijiet bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “imitazzjoni” jew espressjonijiet simili. Fid-dawl tal-kliem użat, dawn id-dettalji jagħmlu sens biss meta l-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew, għall-inqas, simili.

188    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni mogħtija taħt il-Ftehim ta’ Liżbona japplika, bla ħsara għal eventwali estensjoni ta’ din il-protezzjoni minn parti kontraenti fit-territorju tagħha, meta l-prodotti koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini in kwistjoni u dawk koperti mis-sinjal li jista’ jkun ta’ preġudizzju għalih huma identiċi jew, għall-inqas, simili.

189    Barra minn dan, mingħajr mhemm bżonn li ssir analiżi b’analoġija, għandu jiġi rrilevat li, fuq livell Komunitarju, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel, kif applikabbli fil-mument meta seħħew il-fatti, jinkludi, fl-Artikolu 13(1)(b) tiegħu, dispożizzjonijiet simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Liżbona iżda wkoll, u b’mod espress fl-Artikolu 13(1)(a) tiegħu, dispożizzjonijiet li jipprovdu, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-protezzjoni ta’ l-ismijiet irreġistrati fuq livell Komunitarju meta l-prodotti in kwistjoni mhumiex paragunabbli ma’ dawk taħt dawn l-ismijiet.

190    Ma jirriżultax mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, Ġabra p. I‑1301), kif ukoll mill-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs f’dik il-kawża (Ġabra p. I‑1304), li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 ġie interpretat fis-sens li l-protezzjoni mogħtija taħt l-imsemmi Artikolu tapplika meta l-prodotti in kwistjoni huma differenti, billi din l-aħħar sitwazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 13(1)(a) ta’ l-istess Regolament.

191    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kieku l-qari tat-termini tal-Ftehim ta’ Liżbona kif propost minn Budvar, li jfittex li jestendi l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet għall-prodotti kollha, indipendentement minn jekk humiex identiċi, simili jew differenti, kien jikkorrispondi mar-rieda ta’ min abbozza dan il-Ftehim, dan kien ikollu bħala konsegwenza, fil-mument ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2081/92, li jqiegħed ċerti Stati Membri, li huma wkoll partijiet kontraenti f’dan il-ftehim, f’sitwazzjoni kontradittorja. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 u l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Liżbona huma fformulati f’termini kważi identiċi, il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati fuq livell Komunitarju jew taħt il-Ftehim ta’ Liżbona hija sinjifikattivament ferm differenti fis-suq uniku, għal prodotti differenti, skond jekk tkunx applikata waħda jew ta’ l-oħra mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

192    Madankollu, il-fatt li l-protezzjoni mogħtija taħt il-Ftehim ta’ Liżbona tapplika biss meta l-prodotti koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini in kwistjoni u dawk koperti mis-sinjal li jista’ jkun ta’ preġudizzju għalih huma identiċi jew, għall-inqas, simili, ma jimpedixxix lill-partijiet kontraenti għall-Ftehim ta’ Liżbona milli jkunu jistgħu jipprovdu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, għal protezzjoni iktar wiesgħa.

193    Barra minn dan, l-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Liżbona jgħid li d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Ftehim bl-ebda mod ma jeskludu l-protezzjoni ġa eżistenti favur id-denominazzjonijiet ta’ oriġini f’kull waħda mill-partijiet kontraenti, permezz ta’ strumenti internazzjonali l-oħra jew permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-ġurisprudenza.

194    Id-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, kif applikati mill-qrati Franċiżi għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona, isegwu din il-loġika.

195    Billi jipprovdu li l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini jew kull referenza oħra għaliha ma jistgħu jiġu użati għall-ebda prodott simili, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona li jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Ftehim kontra kull imitazzjoni jew użu ħażin. F’dan il-kuntest, jekk il-prodotti in kwistjoni kienu identiċi jew simili, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini invokati minn Budvar, u msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, jistgħu jkunu protetti taħt id-dritt Franċiż, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi pprovat li dawn id-denominazzjonijiet igawdu fama fit-territorju Franċiż u lanqas, a fortiori, li din il-fama tista’ tiġi użurpata jew imdgħajfa.

196    Barra minn dan, billi jipprovdu li l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew kull referenza oħra għaliha ma jistgħu jiġu użati għall-ebda prodott jew servizz ieħor meta dan l-użu jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini, id-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, jippermettu lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona li jibbenefikaw minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dik prevista mill-imsemmi Ftehim. Din il-protezzjoni iktar wiesgħa hija, madankollu, suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet.

197    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, li kuntrarjament għal dak li ssostni essenzjalment Budvar, il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, fil-kuntest ta’ prodotti mhux simili, mhumiex iktar restrittivi mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim ta’ Liżbona.

198    Għall-kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO, li jamministra l-Ftehim ta’ Liżbona, huwa stess enfasizza dan li ġej f’dokument pubbliku tat-8 ta’ Ġunju 2000 bit-titolu “Soluzzjonijiet possibbli f’każ ta’ kunflitt bejn trade marks u indikazzjonijiet ġeografiċi u f’każ ta’ kunflitt bejn indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi”, disponibbli fuq is-sit internet tal-WIPO taħt ir-referenza SCT/5/3 u mqassam waqt il-ħames sessjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-dritt tat-trade marks, disinni industrijali u indikazzjonijiet ġeografiċi:

“Kull utent leġittimu ta’ indikazzjoni ġeografika għandu d-dritt li jimpedixxi lil kull persuna milli tuża din l-indikazzjoni ġeografika jekk il-prodotti li fuqhom hija użata m’għandhomx l-oriġini ġeografika indikata. Bħat-trade marks, l-indikazzjonijiet ġeografiċi huma suġġetti għall-prinċipju ta’ l-‘ispeċjalità’, jiġifieri li huma protetti biss għat-tip ta’ prodotti li fuqhom huma verament użati, u għall-prinċipju tat-‘territorjalità’, jiġifieri li huma protetti biss għal territorju speċifiku u huma suġġetti għal-liġijiet u regolamenti applikabbli f’dan it-territorju. Teżisti eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ l-ispeċjalità għall-indikazzjonijiet ġeografiċi magħrufa. Attwalment, it-trattati amministrati mill-WIPO jew il-Ftehim fuq l-[aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jolqtu l-kummerċ] ma jipprovdux għall-estensjoni tal-protezzjoni għal din il-kategorija partikolari ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi.” (Punt 20 tad-dokument SCT/5/3.)

 Fuq il-prova tal-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni fit-territorju Franċiż, fil-kuntest ta’ prodotti mhux simili

199    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie rilevat fil-punt 188 iktar ’il fuq, il-protezzjoni mogħtija mill-Ftehim ta’ Liżbona japplika meta l-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew simili.

200    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti in kwistjoni fil-kawża T‑57/04, jiġifieri dawk koperti mit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni − li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25, 30, billi l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 huma s-suġġett tal-kawża T‑71/04 − u dawk koperti mid-denominazzjonijiet ta’ oriġini invokati minn Budvar fid-dawl ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 − li jaqgħu fil-klassi 32 − huma differenti. L-ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma tqiegħed fid-dubju dan l-element ta’ fatt, li, barra minn dan, ġie rilevat mill-Bord ta’ l-Appell.

201    It-tielet nett, skond id-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, kif applikati mill-qrati Franċiżi għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona, l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew kull referenza oħra għaliha ma jistgħu jiġu użati għall-ebda prodott ieħor jew servizz meta dan l-użu jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini. Kif intqal fil-punt 196 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tippermetti lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona li jibbenefikaw minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dik prevista mill-imsemmi Ftehim.

202    Ir-raba’ nett, f’dan il-kuntest, skond il-prinċipju tat-territorjalità, il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini hija regolata mid-dritt tal-pajjiż li fih tintalab il-protezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Novembru 1992, Exportur, C‑3/91, Ġabra p. I‑5529, punt 12). Din il-protezzjoni hija għalhekk iddeterminata mid-dritt ta’ dan il-pajjiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt li jipprevalu fih.

203    Il-ħames nett, għandu jiġi rrilevat li l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi mill-immaġni li dawn igawdu mal-konsumaturi. Min-naħa tagħha, din l-immaġni tiddependi, essenzjalment, mill-karatteristiċi partikolari, u b’mod iktar ġenerali mill-kwalità tal-prodott. Fl-aħħar mill-aħħar, hija din ta’ l-aħħar li tifforma l-bażi tal-fama tal-prodott, liema fama taf tkun kbira ħafna jew ftit.

204    Jirriżulta minn dawn l-elementi li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaq l-ebda żball meta kkunsidra li Budvar kien imissha ġabet il-prova li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni kienu jgawdu fama fit-territorju Franċiż. Din il-prova kellha b’mod partikolari tippermetti li tiġi ddeterminata l-immaġni li minnha jgawdu d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni mal-konsumaturi Franċiżi.

205    Il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata li Budvar ma kinitx ġabet il-prova ta’ tali fama fit-territorju Franċiż. Budvar ma qegħditx fid-dubju quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rikors tagħha, il-konstatazzjoni fattwali tal-Bord ta’ l-Appell fuq dan il-punt. Budvar issostni, fil-fatt, li l-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni tista’ tiġi preżunta taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż jew bis-saħħa tar-reġistrazzjoni magħmula skond il-Ftehim ta’ Liżbona.

206    Għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjonijiet tal-fama sostnuti minn Budvar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala elementi oġġettivi li jippermettu li tiġi stabbilita konkretament il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni fit-territorju Franċiż jew li titkejjel, jekk ikun il-każ, il-portata tagħha.

207    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Cour d’appel de Paris, fis-sentenza Habana, punt 106 iktar ’il fuq, speċifikat li kien “inkontestabbli u ampjament stabbilit mid-dokumenti mressqa fil-proċedimenti (b’mod partikolari l-estratt mill-ktieb La grande histoire du cigare kif ukoll id-diversi estratti mill-gazzetti) li s-sigarru ta’ Havana li ġej minn Kuba jgawdi reputazzjoni eċċezzjonali u huwa komunement ikkunsidrat bħala wieħed mill-aħjar fid-dinja”. Minn dan jirriżulta li sabiex tivverifika, f’dik il-kawża, li l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, kienu sodisfatti, il-Cour d’appel de Paris ibbażat ruħha fuq elementi oġġettivi u ma ppresumietx il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni f’dik il-kawża. Huma dawn l-elementi oġġettivi li ppermettewlha tikkonstata li l-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini in kwistjoni kienet “eċċezzjonali” u tikkunsidra, barra minn dan, li l-użu ħażin tal-fama ta’ denominazzjoni li tant kienet evokattiva u “prestiġjuża” kien jipperikola li jwassal sabiex din tiddgħajjef, b’mod partikolari fi Franza.

208    Fir-rigward, b’mod speċifiku, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li rreferiet għalihom Budvar, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali ma jippermettix li tiġi preżunta xi fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni fit-territorju Franċiż. Din id-dispożizzjoni tipprovdi: “Taħt il-kundizzjonijiet previsti iktar ’il quddiem, [il-prodotti agrikoli jew ta’ l-ikel, nejjin jew ipproċessati] jistgħu jibbenefikaw minn denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu L. 115‑1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, jekk ikollhom fama debitament stabbilita u jekk ikunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ approvazzjoni.” Kif jirrileva ġustament il-Bord ta’ l-Appell, essenzjalment, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona iżda tikkonċerna l-proċedura tal-ksib ta’ “denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata” fi Franza. Għaldaqstant, l-ebda preżunzjoni ta’ fama, fit-territorju Franċiż, għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona, ma tista’ tirriżulta minn din id-dispożizzjoni.

209    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-qrati Franċiżi japplikaw, barra minn dan, id-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriproduċu d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, sabiex jagħtu protezzjoni wiesgħa lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona, meta l-prodotti in kwistjoni huma differenti. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni tagħhom skond id-dritt Franċiż. Għaldaqstant, minkejja li l-qrati Franċiżi jagħtu lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona protezzjoni iktar wiesgħa minn dik prevista mill-imsemmi Ftehim, b’mod partikolari b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, dan madankollu ma jfissirx li dawn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ fama abbażi ta’ proċedura ta’ rikonoxximent applikabbli għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollati, irreġistrati fi Franza. Għandu jiġi enfasizzat, barra minn dan, li tali preżunzjoni ta’ fama, abbażi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali, ma tirriżultax mid-dokumenti mressqa fil-proċedimenti u b’mod partikolari mis-sentenza Habana tal-Cour d’appel de Paris, punt 106 iktar ’il fuq.

210    F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Liżbona, dawn lanqas ma jippermettu li tiġi preżunta l-fama, fit-territorju Franċiż, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini invokati minn Budvar. Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, kif ġie rilevat fil-punt 188 iktar ’il fuq, li l-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Ftehim ma tirrigwardax sitwazzjonijiet fejn, bħal f’dan il-każ, il-prodotti in kwistjoni huma differenti. Għaldaqstant, il-Ftehim ta’ Liżbona ma jistax ikollu effett fuq il-prova tal-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni fit-territorju Franċiż, fil-kuntest ta’ prodotti differenti. Barra minn dan, minn perspettiva fattwali, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Liżbona jipprovdi li “[i]l-pajjiż ta’ oriġini huwa dak li ismu, jew dak li fih jinsab ir-reġjun jew il-lokalità li isimhom, jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini li tat il-fama tagħha lill-prodott”, ma jistax jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati skond il-Ftehim ta’ Liżbona jgawdu fama fit-territorju ta’ kull waħda mill-partijiet kontraenti għal dan il-Ftehim.

211    Jirriżulta minn dawn l-elementi kollha li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaq l-ebda żball meta kkunsidra li Budvar ma kinitx ġabet il-prova li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom fama fi Franza u li, għaldaqstant, wieħed mill-elementi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħija mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali, riprodott fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, kien nieqes f’dan il-każ.

212    Għall-kompletezza, għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta’ l-Appell mhux biss ikkonstata li Budvar ma kinitx ġabet il-prova li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni kellhom fama fit-territorju Franċiż iżda żied li Budvar ma kienx irnexxielha “tipprova kif il-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, jekk wieħed iqis li din teżisti, setgħet tiġi użurpata jew imdgħajfa li kieku [Anheuser-Busch] kellha tiġi awtorizzata li tuża trade mark figurattiva li tinkludi l-kelma ‘Budweiser’ għall-prodotti mitluba li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30” (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

213    Għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 642‑1 tal-Kodiċi Rurali, riprodotti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, jispeċifikaw li l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew kwalunkwe referenza oħra għaliha ma jistgħu jintużaw għall-ebda prodott simili u lanqas “għall-ebda prodott jew servizz ieħor” meta “dan l-użu” jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini. Għaldaqstant, huwa l-użu ta’ l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini għal “prodott” jew “servizz” partikolari li għandu jkun tali li jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini. Dan il-prodott jew dan is-servizz għalhekk jittieħed neċċessarjament in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ użu ħażin jew ta’ indeboliment tal-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini.

214    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza Franċiża, b’mod partikolari, mis-sentenza Habana tal-Cour d’appel de Paris (punt 106 iktar ’il fuq).

215    Il-konstatazzjonijiet li ġejjin għamlithom il-Cour d’appel de Paris f’dik is-sentenza:

“Billi l-kumpannija Aramis introduċiet fis-suq u tiddistribwixxi fwieħa ta’ l-irġiel bl-isem ‘havana’ […]; billi l-forma tal-flixkun […] tevoka, minħabba l-forma oblunga tagħha li fuq nett għandha tapp griż tal-metall, il-forma ta’ sigarru mqabbad […]

Billi mhuwiex ikkontestat li l-introduzzjoni ta’ fwieħa ġdida fiha riskju finanzjarju sinjifikattiv u li jeħtieġ, sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, li l-pubbliku li ma jafx bir-riħa tfuħ tagħha jiġi mħajjar għaliha, billi f’moħħ il-pubbliku tiġi kkultivata immaġni partikolarment attraenti permezz tal-poter evokattiv li hija tista’ tittrasmetti […]

Billi l-għażla […] tal-kelma ‘havana’ sabiex tippromwovi fwieħa ta’ lussu għall-irġiel bl-ebda mod ma saret b’kumbinazzjoni iżda tirrifletti r-rieda deliberata tal-kumpannija li tittrasmetti, permezz tal-poter evokattiv partikolarment qawwi li hija għandha, l-immaġni prestiġjuża, senswali u ta’ gosti tajba marbuta mas-sigarru ta’ Havana u li toħroġ mill-baram tad-duħħan […]”

216    Minn dan jirriżulta li l-Cour d’appel de Paris qagħdet, fil-parti l-kbira, fuq il-prodott ikkonċernat bl-użu ta’ l-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini in kwistjoni sabiex tikkonkludi li l-fama ta’ dan l-isem setgħet tiġi użurpata jew imdgħajfa.

217    Barra minn dan, dan l-approċċ ġie segwit mill-qrati Franċiżi fil-kuntest tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontrollati Franċiżi. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Champagne, sentenza li ġiet ipprovduta wkoll minn Budvar quddiem l-istanzi ta’ l-UASI, il-Cour d’appel de Paris speċifikat li, “bil-fatt li adottaw l-isem Champagne għall-introduzzjoni ta’ fwieħa ġdida ta’ lussu, bil-fatt li għażlu preżentazzjoni li tfakkar it-tapp karatteristiku tal-fliexken ta’ dan l-inbid u bil-fatt li fir-reklami użaw l-immaġni u s-sensazzjonijiet ta’ togħma, ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjoni li jevoka dan l-inbid, l-appellanti riedu joħolqu effett attraenti misluf mill-prestiġju tad-denominazzjoni in kwistjoni”.

218    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li Budvar ma ressqitx quddiem l-istanzi ta’ l-UASI, u, b’mod partikolari, quddiem il-Bord ta’ l-Appell, provi li juru li l-użu ta’ l-isem ġeografiku in kwistjoni, speċifikament għall-prodotti koperti mit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni, u li jidħlu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 30, jista’ jużurpa jew idgħajjef il-fama – jekk wieħed iqis li din ġiet stabbilita fit-territorju Franċiż – tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkonċernati. Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward ta’ kwistjoni purament ipotetika, hija Budvar li għandha tagħti d-dettalji suffiċjenti fit-talba tagħha sabiex tippermetti lill-UASI tiddeċiedi dwar l-allegazzjonijiet tagħha b’mod komprensiv.

219    Għar-raġunijiet kollha fuq imsemmija, it-tieni parti tar-raġuni waħdanija mqajma minn Budvar għandha tiġi miċħuda.

220    Konsegwentement, mingħajr mhemm bżonn li jiġu deċiżi l-argumenti ppreżentati addizzjonalment minn Anheuser-Busch, ir-rikors ta’ Budvar għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argumenti addizzjonali ppreżentati minn Anheuser-Busch, u safejn dawn għandhom jinftiehmu li jikkostitwixxu raġuni awtonoma bbażata fuq l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi rrilevat li din ir-raġuni hija inkompatibbli mat-talbiet ta’ l-intervenjenti stess u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2006, Jabones Pardo vs UASI – Quimi Romar (YUKI), T-278/04, Ġabra p. II-90, punti 44 u 45]. Fil-fatt, l-argumenti addizzjonali mressqa minn Anheuser-Busch ifittxu li jikkontestaw, essenzjalment, ċerti punti ta’ fatt u ta’ liġi aċċettati mill-Bord ta’ l-Appell. Issa Anheuser-Busch ma talbitx l-annullament jew ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata taħt l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

II –  Il-kawża T-71/04

221    B’ittra indirizzata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Mejju 2007, Anheuser-Busch informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija rtirat it-talba tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għal prodotti fil-klassi 32. Anheuser-Busch ippreżentat kopja ta’ l-att ta’ rtirar tat-talba għar-reġistrazzjoni, mibgħut lill-UASI fit-8 ta’ Mejju 2007.

222    Safejn is-suġġett tar-rikors fil-kawża T 71/04 jirrigwarda speċifikament ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għal prodotti fil-klassi 32, Anheuser-Busch tqis li mhemmx iktar bżonn li tkompli bil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

223    F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż, Anheuser-Busch tħalli f’idejn il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tieħu deċiżjoni xierqa f’dan ir-rigward.

224    Wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali deċiża b’digriet ta’ l-14 ta’ Mejju 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-UASI u Budvar sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba ta’ Anheuser-Busch għal dikjarazzjoni li mhemmx lok għal deċiżjoni, ħaġa li huma għamlu fit-terminu stabbilit.

225    B’ittra indirizzata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Mejju 2007, l-UASI kkonferma li t-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, għal dak li jirrigwarda prodotti fil-klassi 32, kienet ġiet irtirata u indika li mhemmx iktar lok għal deċiżjoni fil-kawża T 71/04. F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż, l-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex ma jiġix ordnat ibati l-ispejjeż.

226    B’ittra indirizzata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Mejju 2007, Budvar ħadet nota ta’ l-irtirar tat-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, għal prodotti fil-klassi 32, u talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

227    Il-proċedura orali ġiet magħluqa mill-ġdid fl-24 ta’ Mejju 2007.

228    Skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ l-irtirar tat-talba għar-reġistrazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-prodotti fil-klassi 32, ir-rikors fil-kawża T 71/04 m’għadx għandu skop. Għaldaqstant, jirriżulta li mhemmx iktar lok għal deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

I –  Kawża T 71/04

229    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

230    Peress li Budvar tilfet fil-kawża T-57/04, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u minn Anheuser-Busch.

II –  Kawża T 71/04

231    Skond l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li mhemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

232    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw li Anheuser-Busch tbati l-ispejjeż.Peress li Anheuser-Busch tilfet fil-kawża T-71/04, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u minn Budvar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Fil-kawża T‑57/04:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        Budějovický Budvar, národní podnik hija kkundannata għall-ispejjeż.

2)      Fil-kawża T‑71/04:

–        mhemmx iktar lok li tiddeċiedi dwar ir-rikors;

–        Anheuser-Busch, Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

      Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Ġunju 2007.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

I –  Id-dritt internazzjonali

II –  Id-dritt Komunitarju

III –  Id-dritt nazzjonali

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ppreżentata minn Anheuser-Busch

II –  L-oppożizzjoni mressqa fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja

III –  Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni

IV –  Id-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI

It-talbiet tal-partijiet

I –  Il-kawża T‑57/04

II –  Il-kawża T‑71/04

Fid-dritt

I –  Il-kawża T-57/04

A –  Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet ta’ Budvar

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel parti, dwar l-inapplikabbiltà tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi Rurali

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti ta’ Budvar

L-argumenti ta’ l-UASI

L-argumenti ta’ Anheuser-Busch

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Sussidjarjament, fuq it-tieni parti tar-raġuni, dwar l-applikazzjoni żbaljata mill-Bord ta’ l-Appell tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti ta’ Budvar

L-argumenti ta’ l-UASI

–  Fuq il-bżonn li tiġi pprovata l-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini

–  Fuq l-użu ħażin jew l-indeboliment tal-fama tad-denominazzjoni ta’ oriġini

L-argumenti ta’ Anheuser-Busch

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-konformità tal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi Rurali mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Liżbona fir-rigward ta’ prodotti mhux simili

Fuq il-prova tal-fama tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini in kwistjoni fit-territorju Franċiż, fil-kuntest ta’ prodotti mhux simili

II –  Il-kawża T-71/04

Fuq l-ispejjeż

I –  Kawża T 71/04

II –  Kawża T 71/04


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.