Language of document : ECLI:EU:C:2017:994

Kawża C-434/16

Peter Nowak

vs

Data Protection Commissioner

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali – Korrezzjonijiet tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti – Artikolu 12(a) u (b) – Portata tad-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika tal-persuna kkonċernata”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Kamp ta’ applikazzjoni – Data personali – Kunċett – Risposti bil-miktub ipprovduti minn kandidat waqt eżami professjonali u korrezzjonijiet tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(a))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Drittijiet ta’ rettifika u ta’ tneħħija tad-data – Portata – Drittijiet ta’ kandidat fir-rigward ta’ risposti pprovduti waqt eżami professjonali u kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti – Għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għall-ħajja privata tal-kandidat

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2016/679; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Premessa 41 u Artikoli 6(1)(d) u (e) u 12(a)u (b))

1.      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti, jikkostitwixxu data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Għalhekk, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 huwa wiesa’ ħafna u d-data personali koperta minn din id-direttiva hija varja (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C-553/07, EU:C:2009:293, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-użu tal-espressjoni “kull data” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett “data personali” li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi portata wiesgħa lil dan il-kunċett, li ma hijiex limitata għal data sensittiva jew privata, iżda tinkorpora potenzjalment kull tip ta’ informazzjoni, kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, f’għamla ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, bil-kundizzjoni li “tikkonċerna” lill-persuna inkwistjoni. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, din hija ssodisfatta meta, minħabba l-kontenut, il-finalità jew l-effett tagħha, l-informazzjoni tkun relatata ma’ persuna partikolari.

Fir-rigward tal-kummenti tal-eżaminatur dwar ir-risposti tal-kandidat, għandu jiġi kkonstat li, l-istess bħar-risposti mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami, dawn jikkostitwixxu informazzjoni li tikkonċerna lil dan il-kandidat. Il-konstatazzjoni li l-kummenti tal-eżaminatur dwar ir-risposti mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami jikkostitwixxu informazzjoni li, minħabba l-kontenut, il-finalità u l-effett tagħha, hija relatata ma’ dan il-kandidat, ma hijiex kontradetta bil-fatt li dawn il-kummenti jikkostitwixxu wkoll informazzjoni dwar l-eżaminatur. Fil-fatt, l-istess informazzjoni tista’ tikkonċerna diversi persuni fiżiċi u għalhekk tikkostitwixxi fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, bil-kundizzjoni li dawn il-persuni jkunu identifikati jew identifikabbli, data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

(ara l-punti 33-35, 42, 44, 45, 62 u d-dispożittiv)

2.      Sa fejn ir-risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dan l-eżami jistgħu għalhekk jiġu suġġetti għal verifika, b’mod partikolari, tal-eżattezza tagħhom u tan-neċessità tal-konservazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 95/46, u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rettifika jew ta’ tneħħija, skont l-Artikolu 12(b) tagħha, hemm lok li jitqies li l-fatt li kandidat jingħata dritt ta’ aċċess għal dawn ir-risposti u għal dawn il-kummenti, skont l-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, iservi l-għan ta’ din l-aħħar li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata ta’ dan il-kandidat fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li tikkonċernah (ara, a contrario, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punti 45 u 46), u dan indipendentement mill-punt dwar jekk l-imsemmi kandidat għandux jew le dritt ta’ aċċess ukoll skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-proċedura ta’ eżami. Huwa minnu li d-dritt ta’ rettifika, previst fl-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46 ma jistax jawtorizza lil kandidat “jirrettifika”, a posteriori, risposti “żbaljati”.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata jimplika, b’mod partikolari, li kull persuna fiżika tista’ tkun ċerta li d-data personali li tikkonċernaha hija korretta u tiġi pproċessata legalment. Kif jirriżulta mill-premessa 41 tad-Direttiva 95/46, huwa sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki neċessarji li l-persuna kkonċernata għandha, skont l-Artikolu 12(a) tagħha, dritt ta’ aċċess għad-data li tikkonċernaha. Dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, b’mod partikolari, sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb, skont il-każ, mingħand l-entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, ir-rettifika, it-tneħħija jew l-imblokk ta’ din id-data, u konsegwentement, teżerċita d-dritt previst fl-Artikolu 12(b) tal-imsemmija direttiva (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika, skont l-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 95/46, ma jestendux għal domandi f’eżami, li bħala tali ma jikkostitwixxux tali data personali tal-kandidat. Min-naħa l-oħra, kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll ir-Regolament Nru 2016/679, li jissostitwixxiha, jipprevedu ċerti limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet.

(ara l-punti 52, 56-59)