Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2024 minn Crédit agricole SA u Crédit agricole Corporate and Investment Bank mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2024 fil-Kawża T-113/17, Crédit agricole SAut Crédit agricole Corporate and Investment Bank vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-191/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Crédit agricole SA u Crédit agricole Corporate and Investment Bank (rappreżentanti: J.-P. Tran Thiet, M. Powell, Y. Utzschneider, A. Martin, J.-J. Lemonnier, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ma kisirx l-obbligu tiegħu ta’ imparzjalità suġġettiva, li l-Kummissjoni ma naqsitx mill-obbligu tagħha ta’ imparzjalità oġġettiva u li l-allegata imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni setgħet tneħħi d-difett minn imparzjalità suġġettiva mwettqa mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni tagħha;

tikkonstata li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li kellha dwar l-iskambji ta’ informazzjoni li bihom ġiet ikkritikata l-appellanti u kkonkludiet b’mod żbaljat li dawn kienu jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan;

tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkonstatat l-eżistenza ta’ pjan ġenerali li jsegwi għan wieħed;

tikkonstata, b’mod prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet eżerċitat b’mod żbaljat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha; sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ddeterminat l-ammont tal-valur tal-bejgħ tal-appellanti, li jiddetermina l-ammont tas-sanzjoni; b’mod iktar sussidjarju, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multa;

konsegwentement, tilqa’ l-appell preżenti u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023, Crédit agricole u Crédit agricole Corporate and Investment Bank vs Il-Kummissjoni (T-113/17);

tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, diversament komposta, sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2017 mill-appellanti fil-Kawża T-113/17;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-klassifikazzjoni tal-kummenti tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni u l-interpretazzjoni tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq allegat żnaturament, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-iskambji tat-13 ta’ Diċembru 2006 u tal-11 ta’ Jannar 2007, li jwassal għal klassifikazzjoni żbaljata ta’ dawn l-iskambji bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

It-tielet aggravju jikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni dwar l-eżistenza ta’ pjan jew ta’ diversi pjanijiet ġenerali u ta’ għan uniku relatat mal-ksur uniku u kontinwu.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi, mill-Qorti Ġenerali, dwar il-legalità u l-proporzjonalità tal-multa imposta fuq l-appellanti. Qabel kollox, l-appellanti jsostnu, primarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ultra petita billi eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Imbagħad huma jsostnu, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja qalbet l-oneru tal-prova, kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, b’mod estremament sussidjarju, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multa.

____________