Language of document : ECLI:EU:T:2007:378

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Imħallef uniku)

12 ta’ Diċembru 2007

Kawża T-307/04

Carlo Pagliacci

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ tqegħid fuq il-lista ta’ riżerva – Ksur ta’ l-avviż ta’ kompetizzjoni – Kwalifiki u esperjenza professjonali meħtieġa”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ġurija tal-kompetizzjoni COM/A/1/02 li tagħti lir-rikorrent marka insuffiċjenti fl-eżamijiet sabiex jitqiegħed fuq il-lista tal-kandidati magħżula.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-ġurija tal-kompetizzjoni COM/A/1/02 li tagħti lil Carlo Pagliacci marka insuffiċjenti fl-eżamijiet sabiex jitqiegħed fuq il-lista tal-kandidati magħżula hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1)

Il-ġurija ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet hija responsabbli sabiex tevalwa, każ b’każ, jekk il-kwalifiki prodotti jew l-esperjenza professjonali ta’ kull kandidat jikkorrispondux għal-livell meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha għal stħarriġ ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest.

Madankollu, minkejja s-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-ġurija hija marbuta mit-test ta’ l-avviż tal-kompetizzjoni kif ikun ġie ppubblikat. Għaldaqstant, il-ġurija twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta taċċetta kandidat li d-diploma tiegħu ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-avviż tal-kompetizzjoni sabiex jipparteċipa fil-kompetizzjoni.

(ara l-punti 36 sa 38 u 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Novembru 1991, Van Hecken vs CES, T‑158/89, Ġabra p. II‑1341, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Frar 1999, Mertens vs Il-Kummissjoni, T‑244/97, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑91, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑1169, punt 69; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Marzu 2002, Bal vs Il-Kummissjoni, T‑139/00, ĠabraSP p. I‑A‑33 u II‑139, punt 35; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Marzu 2002, Martínez Alarcón et vs Il-Kummissjoni, T‑357/00, T‑361/00, T‑363/00 u T‑364/00, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑161, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T‑332/01, ĠabraSP p. I‑A‑233 u II‑1155, punti 39 sa 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Mejju 2005, de Stefano vs Il-Kummissjoni, T‑25/03, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑573, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata