DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)
23 ta’ Ottubru 2013
Kawża F‑7/12
Aristidis Psarras
vs
L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)
“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Evalwazzjoni — Proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2009 — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Talba għall-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Att li jikkawża preġudizzju — Rikors manifestament inammissibbli”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Psarras jitlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu għas-sena 2009 (iktar ’il quddiem ir‑“RŻK 2009”) u l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) tas‑16 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi l-lista tal-persunal ikklassifikat mill-ġdid għas-sena ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid 2010.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn A. Psarras.
Sommarju
1. Rikorsi tal-uffiċjali — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Att li jikkawża preġudizzju — Natura ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti
(Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)
2. Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-membri tal-persunal ikklassifikati mill-ġdid — Inklużjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
1. L-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju li kontrih jiġi ppreżentat rikors għal annullament, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE jew tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kundizzjoni essenzjali għall-ammissibbiltà u n-nuqqas ta’ dan l-att jista’ jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant rikors intiż għall-annullament ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, li ma ġiex stabbilit b’mod definittiv u li, konsegwentement, ma kienx jeżisti fil-mument tal-preżentata tar-rikors, huwa manifestament inammissibbli.
(ara l-punti 36, 43 u 47)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: Groupe des droites européennes vs Il‑Parlament, 78/85, punt 11; 7 ta’ Ottubru 1987, Brüggemann vs Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, 248/86, punt 6
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑64/89, punt 41; 18 ta’ Novembru 1992, Rendo et vs Il‑Kummissjoni, T‑16/91, punt 39
2. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal- Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni li jiddeċiedi d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal‑Artikolu 15 tal- Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, il-klassifikazzjoni mill-ġdid hija promozzjoni mill-grad rikonoxxut għall-grad immedjatament ogħla fi ħdan l-istess grupp ta’ funzjonijiet. Konformement mal-Artikolu 10(10) tal-imsemmija deċiżjoni, il-lista ta’ membri tal-persunal temporanju kklassifikati mill-ġdid hija stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra.
Għalhekk id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tistabbilixxi l-lista tal-membri tal-persunal temporanju kklassifikati mill-ġdid tikkostitwixxi deċiżjoni finali inkwantu hija tidentifika l-membri tal-persunal temporanju li huma kklassifikati mill-ġdid fl-okkażjoni tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ikkunsidrat. B’hekk, huwa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ din il-lista li l-aġenti temporanji li kienu jqisu lilhom infushom f’pożizzjoni li jiġu kklassifikati mill-ġdid jieħdu konjizzjoni, b’mod ċert u definittiv, tal-evalwazzjoni tal-merti tagħhom u jistgħu jikkonstataw li l-pożizzjoni ġuridika tagħhom hija affettwata. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tikkostitwixxi, bħala prinċipju, att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jkun suġġett għal rikors ippreżentat mill-membri tal-persunal temporanji li jqisu lilhom infushom leżi minnu inkwantu huma ma jkunux ġew ikklassifikati mill-ġdid.
(ara l-punti 51 u 52)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Novembru 1996, Michaël vs Il‑Kummissjoni, T‑144/95, punti 30 u 31; 28 ta’ Settembru 2004, Tenreiro vs Il‑Kummissjoni, T‑216/03, punti 47 u 48