Language of document :

Kawżi magħquda T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04

TV 2/Danmark A/S et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar pubbliku TV2 sabiex tiġi ffinanzjata l-funzjoni ta’ servizz pubbliku tiegħu — Miżuri kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni — Rikors għal annullament —Ammissibbiltà — Interess ġuridiku — Drittijiet tad-difiża — Servizz pubbliku tax-xandir — Definizzjoni u finanzjament — Riżorsi tal-Istat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Obbligu ta’ eżami ”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Ħtieġa ta’ interess reali u attwali

(Artikolu 230 KE)

2.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli biex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Setgħa diskrezzjoniali tal-Istati Membri

(Artikolu 86(2) KE; Protokoll ta’ Amsterdam)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura tal-Istat ikklassifikata provviżorjament bħala għajnuna ġdida — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6)

1.      Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat.

Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali jew, fi kliem ieħor, li r-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu.

B’hekk, il-benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat għandha interess ġuridiku li taġixxi kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li l-imsemmija għajnuna hija parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni, meta l-analiżi tal-Kummissjoni turi l-interdipendenza u n-natura inseparabbli tal-klassifikazzjoni tal-miżuri ta’ kompatibbiltà u inkompatibbiltà, b’tali mod li ma tippermettix li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors billi d-deċiżjoni tinqasam f’żewġ partijiet, waħda li tikklassifika l-miżuri kkontestati bħala għajnuna parzjalment inkompatibbli u l-oħra li tikklassifikahom bħala għajnuna parzjalment kompatibbli.

Barra minn hekk, l-interess ġuridiku, li għandu jkun eżistenti u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors, jista’ jiġi dedott mill-eżistenza ta’ “riskju” reali li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tintlaqat minn azzjonijiet ġudizzjarji, jew mill-fatt li r-“riskju” ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jkun eżistenti u attwali.

(ara l-punti 67-68, 72-74, 79)

2.      L-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ x’jikkunsidraw li huma servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest.

Il-possibbiltà, għal Stat Membru, li jiddefinixxi s-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali tax-xandir b’mod wiesa’, liema definizzjoni tkun tinkludi x-xandir ta’ programmi ta’ natura ġenerali, ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-fatt li x-xandar ta’ servizz pubbliku jeżerċita, barra minn hekk, attivitajiet kummerċjali, b’mod partikolari l-bejgħ ta’ spazji għar-reklamar. Fil-fatt, tali kontestazzjoni twassal sabiex id-definizzjoni nfisha tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali tax-xandir tiġi tiddependi fuq il-metodu ta’ finanzjament. Issa, servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali huwa ddefinit, ex hypothesi, b’riferiment għall-interess ġenerali li huwa intiż li jissodisfa u mhux b’riferiment għall-mezzi li jiżguraw il-provvista tiegħu.

(ara l-punti 101, 107, 108)

3.      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar “proċedura f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat”, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura nazzjonali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ sempliċement tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, tinkludi “stima [evalwazzjoni] preliminari” tal-miżura tal-Istat inkwistjoni intiża li tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u tesponi r-raġunijiet li joħolqu d-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Skont l-istess Artikolu 6, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkun jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punti 138, 139)