Language of document : ECLI:EU:T:2013:408

Kawża T‑6/12

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Godrej Industries Ltd

u

VVF Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjoni ta’ ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja — Aġġustament mitlub abbażi tal-konverżjoni tal-muniti — Oneru tal-prova — Dannu — Dazju antidumping definittiv”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)

tas-6 ta’ Settembru 2013

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu — Stabbiliment tar-rabta kawżali — Obbligi tal-istituzzjonijiet — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi mhux relatati mad-dumping — Nuqqas ta’ imputazzjoni tad-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 3(6) u (7))

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu — Kunċett ta’ industrija tal-Unjoni — Importazzjonijiet minn produttur tal-Unjoni ta’ prodotti provenjenti minn pajjiżi kkunsidrati f’investigazzjoni antidumping — Inklużjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-importazzjonijiet imsemmija bħala “fattur ieħor” skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 3(7) u 4(1)(a))

1.      Mill-Artikolu 3(6) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovaw li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping joħolqu dannu kbir lill-industrija tal-Unjoni, fid-dawl tal-volum u tal-prezz tagħhom. Dan jinvolvi analiżi msejħa ta’ imputazzjoni. Mill-Artikolu 3(7) ta’ dan ir-regolament jirriżulta wkoll li l-imsemmija istituzzjonijiet għandhom, minn naħa, jeżaminaw il-fatturi l-oħra magħrufa kollha li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, fl-istess ħin bħall-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping, u, min-naħa l-oħra, għandhom jiżguraw li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jkunx imputat lill-importazzjonijiet imsemmija. Dan jinvolvi analiżi msejħa ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni.

B’hekk, l-għan tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament Nru 1225/2009 huwa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jisseparaw u jiddistingwu l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma suġġetti għal dumping minn dawk tal-fatturi l-oħra. Jekk l-istituzzjonijiet ma jisseparawx u ma jiddistingwux l-impatt tad-diversi fatturi dannużi, huma ma jkunux jistgħu jikkonkludu b’mod validu li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Sussegwentement, fid-determinazzjoni tad-dannu, l-istituzzjonijiet għandhom b’mod partikolari jeżaminaw jekk id-dannu li jridu jikkunsidraw huwiex ikkawżat mill-aġir tal-produtturi tal-Unjoni stess.

(ara l-punti 62-64)

2.      Il-kunċett ta’ industrija tal-Unjoni jinsab fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament antipdumping bażiku Nru 1225/2009. Issa, l-inklużjoni fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni ta’ produttur li huwa hu stess importatur tal-prodott allegat li huwa s-suġġett ta’ dumping ma timplikax b’mod awtomatiku li l-importazzjonijiet tiegħu ma għandhomx jitqiesu iktar bħala “fattur ieħor” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-regolament imsemmi. Għalhekk, in-natura awtoimposta tad-dannu li jista’ eventwalment jirriżulta mix-xiri minn produttur tal-Unjoni ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping provenjenti mill-pajjiżi kkunsidrati fl-investigazzjoni antidumping hija “fattur ieħor” li l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dannu. Madankollu, la mir-Regolament Nru 1225/2009 u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li importazzjonijiet minn produttur tal-Unjoni ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping provenjenti minn pajjiżi kkunsidrati fl-investigazzjoni antidumping ma jistgħu qatt jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dannu.

(ara l-punti 65, 67)