Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2021 minn Oriol Junqueras i Vies mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-5 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-613/20, Junqueras i Vies vs Il-Parlament

(Kawża C-780/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Oriol Junqueras i Vies (rappreżentant: M. Marsal i Ferret, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jogħġobha:

L-ewwel. – Tannulla u tirrevoka d-digriet tal-5 ta’ Ottubru 2021, tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħti fil-Kawża T-613/20.

It-tieni. – Tiddikjara l-ammissibbiltà sħiħa tal-appell ippreżentat minn din il-parti.

It-tielet. – Tibgħat lura l-kawża sabiex, la darba l-appell jiġi ddikjarat ammissibbli, is-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tkompli bl-eżami tagħha tiegħu.

Ir-raba’. Tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-proċedura dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji:

L-ewwel: Id-digriet jikser ir-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, (iktar ’il quddiem il-“Karta”)] u Artikoli 6 u 13 tal-[Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem]) billi jċaħħad, bid-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà (u d-deċiżjonijiet li l-kawżi ma jiġux magħquda u l-proċedura ma tiġix sospiża), minn kwalunkwe effett utli s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-115/21 [P] u s-sentenza li tista’ tagħti l-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-24/20 1 , jekk il-kawża tintbagħat lura lilha. Dan huwa għaliex il-Qorti Ġenerali wkoll tinterpreta b’mod żbaljat fid-dritt l-effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tittieħed fil-Kawżi T-24/20 u C-115/21 [P]. Il-Qorti Ġenerali temmen li tkun neċessarja deċiżjoni ġdida tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Renju ta’ Spanja sabiex O. Junqueras i Vies jiġi integrat mill-ġdid fis-siġġu Parlamentari tiegħu, meta l-effett tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji favur it-talbiet tiegħu tkun li O. Junqueras i Vies jinżamm fis-siġġu Parlamentari tiegħu.

It-tieni: Id-digriet appellat jinterpreta b’mod żbaljat fid-dritt ir-rekwiżiti ġurisprudenzjali sabiex jitqies li teżisti inċidenza diretta min-naħa tal-att ikkontestat, u għalhekk jikkonkludi b’mod żbaljat fid-dritt li r-rikorrent ma għandux locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Id-digriet iċaħħad id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jingħataw fil-Kawżi C-115/21 [P] u T-24/20 minn effett utli u jonqos milli jikkonstata li, li kieku l-att ma kienx ġie adottat, is-siġġu Parlamentari ta’ O. Junqueras i Vies kien jibqa’ vakanti u l-integrazzjoni mill-ġdid tiegħu f’dan is-siġġu Parlamentari u l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tiegħu ma kinux ikunu preklużi.

It-tielet: Id-digriet jikser id-dritt għall-ugwaljanza (Artikolu 20 tal-Karta) u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta). Huwa jinterpreta b’mod żbaljat li l-ksur tal-imsemmija drittijiet jimmanifestaw ruħu biss fid-dibattitu dwar il-mertu tal-kawża, meta, li kieku O. Junqueras i Vies kien irċieva l-istess trattament bħall-MEP [Membru tal-Parlament Ewropew] destinatarju tal-att ikkontestat (applikazzjoni diretta tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża C-502/19 1 u tad-deċiżjoni tal-P[arlament] E[wropew] kuntrarja għal dak li kien ikkomunikat mir-Renju ta’ Spanja), l-att issa kkontestat ma kienx jiġi adottat għaliex O. Junqueras i Vies kien jibqa’ jżomm is-siġġu Parlamentari tiegħu. Il-ksur tad-dritt għall-ugwaljanza u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jindikaw inċidenza diretta fir-rigward ta’ O. Junqueras i Vies, li tagħtih locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Ir-raba’: Id-digriet jinterpreta b’mod ħażin fid-dritt l-effetti tal-Karta. Id-digriet ma jqisx li l-inċidenza diretta li għandu l-att ikkontestat fuq id-drittijiet iggarantiti tal-Karta hija sors ta’ locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u ma jirrikonoxxix li, f’din il-kawża, is-setgħat ta’ kontroll ġudizzjarju tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma humiex affettwati għaliex O. Junqueras i Vies ma jistax jiġi rikjest li jappella internament minn att li jiddikjara li s-siġġu Parlamentari li huwa jixtieq jerġa’ jiġi integrat fih huwa vakanti, u għalhekk huwa żbaljat fid-dritt.

Il-ħames: Id-digriet japplika b’mod żbaljat fid-dritt il-prinċipji [ta’] effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Id-digriet huwa żbaljat fid-dritt billi ma jistabbilixxix li l-att ikkontestat huwa deċiżjoni li tippersevera fir-rieda li ma tagħti ebda effett utli [lis-]sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża C-502/19, li jikser ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-Artikolu 47 tal-Karta fl-aspett tiegħu tad-dritt ta’ eżekuzzjoni korretta tas-sentenzi u, għalhekk, O. Junqueras i Vies għandu locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

____________

1 Digriet tal-15 ta’ Diċembru 2020, Junqueras i Vies vs Il-Parlament (T-24/20, EU:T:2020:601).

1 Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C-502/19, EU:C:2019:1115).