Language of document : ECLI:EU:T:2021:465

Kawża T677/20

Ryanair DAC u Laudamotion GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tal14 ta’ Lulju 2021

“Għajnuna mill-Istat – Suq Awstrijak tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mill Awstrija favur kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Self subordinat favur Austrian Airlines – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna mogħtija preċedentement lill-kumpannija omm tal benefiċjarju – Għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirremedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Self subordinat li jista’ jiġi kkonvertit f’sussidju favur kumpannija tal-ajru sabiex din tal-aħħar tiġi kkumpensata fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE – Teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija favur kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp bħall-benefiċjarju u r-relazzjoni bejniethom

(Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 29 sa 44)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirremedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Self subordinat li jista’ jiġi kkonvertit f’sussidju favur kumpannija tal-ajru sabiex din tal-aħħar tiġi kkumpensata fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kriterji – Għan tal-għajnuna – Neċessità tal-għajnuna – Proporzjonalità tal-għajnuna

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 48 sa 69)

3.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi ta’ trasport bl-ajru – Sistema legali partikolari

(Artikoli 56, 58(1) TFUE u 100(2) TFUE)

(ara l-punti 70 sa 72)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirremedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Self subordinat li jista’ jiġi kkonvertit f’sussidju favur kumpannija tal-ajru sabiex din tal-aħħar tiġi kkumpensata fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE – Kriterji – Proporzjonalità tal-għajnuna – Evalwazzjoni tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 lill-impriża benefiċjarja tal-għajnuna

(Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 82 sa 96)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirremedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Self subordinat li jista’ jiġi kkonvertit f’sussidju favur kumpannija tal-ajru sabiex din tal-aħħar tiġi kkumpensata fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE – Kriterji – Proporzjonalità tal-għajnuna – Kalkolu tal-ammont tal-għajnuna – Kumulu tal-għajnuna intiża li tikkumpensa lill-benefiċjarju fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19 ma’ miżuri oħra li ma jkoprux l-istess spejjeż eliġibbli – Ammissibbiltà

(Artikoli 107(2)(b) TFUE u (3)(b) TFUE)

(ara l-punti 102 sa 122)

6.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors – Rikors intiż li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tal-persuni interessati – Motivi li jistgħu jiġu invokati – Assenza ta’ kontenut awtonomu ta’ tali motiv f’dan il-każ

(Artikoli 108(2) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 125 sa 127)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam

(Artikoli 107(2)(b) TFUE u 296 TFUE)

(ara l-punti 130 sa 139)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-għajnuna mogħtija mill-Awstrija lil Austrian Airlines sabiex tikkumpensaha għad-danni li jirriżultaw mill-kanċellazzjoni u mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha minħabba l-pandemija tal-Covid-19 hija kompatibbli mas-suq intern. Din l-għajnuna, peress li tnaqqset mis-sussidji mogħtija, f’dan l-istess kuntest, mill-Ġermanja lill-grupp Lufthansa, li minnu tagħmel parti ukoll Austrian Airlines, ma tikkostitwixxix kumpens żejjed favur dan il-grupp.

F’Ġunju 2020, ir-Repubblika tal-Awstrija kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea miżura ta’ għajnuna individwali favur il-kumpannija tal-ajru Austrian Airlines AG (iktar ’il quddiem “AUA”). L-għajnuna kkomunikata, mogħtija fil-forma ta’ self subordinat li jista’ jiġi kkonvertit f’sussidju ta’ EUR 150 miljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), kienet intiża li tikkumpensa lil AUA għad-danni li jirriżultaw mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar u ta’ miżuri oħra ta’ konfinament fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

AUA tagħmel parti mill-grupp Lufthansa, li jitmexxa mill-kumpannija omm Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “DLH”). Bejn Marzu u Ġunju 2020, il-Kummissjoni kienet diġà approvat diversi miżuri ta’ għajnuna favur impriżi tal-grupp Lufthansa, b’mod partikolari, (1) garanzija mill-Istat mill-Ġermanja ta’ 80 % fuq self ta’ EUR 3 biljuni lil DLH, mogħtija abbażi tal-iskema ta’ għajnuna Ġermaniża stabbilita sabiex issostni lill-impriżi tal-oqsma ekonomiċi kollha li għandhom bżonn likwidità għall-attivitajiet tagħhom fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem is-“self Ġermaniż”) (1) (2) garanzija mill-Istat mir-Repubblika tal-Awstrija ta’ 90 % fuq self ta’ EUR 300 miljuni mogħti minn konsorzju ta’ banek kummerċjali lil AUA, abbażi tal-iskema ta’ għajnuna Awstrijaka intiża li ssostni l-ekonomija matul il-pandemija attwali tal-COVID-19 (iktar ’il quddiem is-“self Awstrijak”) (2), u (3) għajnuna individwali ta’ EUR 6 biljuni mogħtija mill-Ġermanja lil DLH. Din l-aħħar miżura ta’ għajnuna kienet ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Lufthansa”) (3).

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet madankollu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE (4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont din l-aħħar dispożizzjoni, għajnuna intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra hija kompatibbli mas-suq intern.

Il-kumpanniji tal-ajru Ryanair u Laudamotion ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li qed jiġi madankollu miċħud mill-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tippreċiża l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE għal għajnuna individwali adottata sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, meta din tkun taqa’ fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri adottati favur benefiċjarju tal-għajnuna u l-grupp ta’ impriżi li huwa jifforma parti minnu (5).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Insostenn tar-rikorsi għal annullament tagħhom, Ryanair u Laudamotion sostnew b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija lil kumpanniji tal-grupp Lufthansa, u lanqas ma eżaminat ir-relazzjoni bejniethom.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabelxejn, li l-Kummissjoni kienet ippreċiżat li l-miżura inkwistjoni kienet tagħmel parti minn pakkett finanzjarju favur AUA ta’ ammont totali ta’ EUR 600 miljuni, ikkostitwit, minbarra l-miżura inkwistjoni, minn kontribuzzjoni ta’ EUR 150 miljun f’kapital proprju li joriġina mill-kumpannija omm DLH (iktar ’il quddiem l-“injezzjoni tal-kapital ta’ DLH”), u mis-self Awstrijak ta’ EUR 300 miljun. Il-Kummissjoni kienet, barra minn hekk, fakkret li, konformement mad-deċiżjoni Lufthansa tagħha, l-għajnuna ta’ EUR 6 biljuni mogħtija mill-Ġermanja lil DLH setgħet tintuża minn din tal-aħħar biex issostni l-kumpanniji l-oħra tal-grupp Lufthansa li ma kellhomx diffikultajiet finanzjarji fil‑31 ta’ Diċembru 2019, inkluża AUA.

Il-Qorti Ġenerali tirrileva, sussegwentement, li, fid-deċiżjoni Lufthansa, adottata ġimgħatejn qabel id-deċiżjoni kkontestata u li tikkostitwixxi element tal-kuntest li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet diġà qieset il-miżuri ta’ għajnuna kollha mogħtija lil kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Lufthansa, inkluż favur AUA, kif ukoll ir-relazzjoni bejniethom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, fid-deċiżjoni Lufthansa, il-miżuri ta’ għajnuna addizzjonali kollha jew previsti favur kumpanniji tal-grupp kienu tqiesu li kienu limitati għall-minimu neċessarju sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tal-grupp Lufthansa u sabiex tiġi ggarantita l-vijabbiltà ta’ dan tal-aħħar.

Il-Qorti Ġenerali tfakkar, barra minn hekk, li, peress li s-sostenn mogħti minn Stati oħra lill-kumpanniji tal-grupp Lufthansa kien jitnaqqas, skont il-każ, jew mill-ammont tal-għajnuna li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa, jew mis-self Ġermaniż, il-Kummissjoni kienet eskludiet kwalunkwe riskju ta’ kumpens żejjed fl-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, skont mekkaniżmu ta’ tnaqqis, applikabbli għall-miżuri kollha adottati favur l-imsemmi grupp, l-għajnuna totali mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur il-grupp Lufthansa kollu titnaqqas sal-ammont tal-għajnuna mogħtija minn Stati oħra lil xi kumpannija oħra tal-imsemmi grupp, b’tali mod li l-ammont globali li minnu jibbenefika dan tal-aħħar jibqa’ l-istess.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-injezzjoni tal-kapital ta’ DLH, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li, għalkemm l-ammont tagħha kellu jiġi mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa, dan tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, għajnuna diġà awtorizzata abbażi ta’ din id-deċiżjoni.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li, kuntrarjament għal dak li sostnew Ryanair u Laudamotion, il-Kummissjoni mhux biss eżaminat il-miżuri ta’ għajnuna kollha mogħtija lil kumpanniji tal-grupp Lufthansa, iżda eżaminat ukoll ir-relazzjoni bejniethom.

Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis applikabbli għall-miżuri kollha adottati favur il-grupp Lufthansa, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, barra minn hekk, li ma hemm l-ebda riskju konkret li l-miżura inkwistjoni, mogħtija lil AUA, tista’ ukoll tibbenefika lil kumpanniji oħra tal-grupp Lufthansa.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll l-argument ibbażat fuq ir-riskju li AUA tista’ tibbenefika minn sostenn min-naħa ta’ DLH li jmur lil hinn mill-injezzjoni tal-kapital ta’ EUR 150 miljuni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva, minn naħa, li eventwali trasferiment ipotetiku ta’ likwidità addizzjonali min-naħa ta’ DLH favur AUA jkun joriġina fi kwalunkwe każ minn miżura ta’ għajnuna diġà approvata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-għajnuna awtorizzata mid-deċiżjoni Lufthansa. Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li s-self Ġermaniż u l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Lufthansa huma bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, b’tali mod li ma jkoprux l-istess spejjeż eliġibbli bħal dawk imsemmija fil-miżura inkwistjoni, li hija, min-naħa tagħha, ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Fi kwalunkwe każ, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis stabbilit jippermetti li jiġi evitat ukoll f’dan il-kuntest ir-riskju ta’ kumpens żejjed.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, sa fejn id-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni bejn AUA u l-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw f’Awstrija tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, din kienet iġġustifikata fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari tar-rwol essenzjali li għandha AUA għas-servizz bl-ajru fl-Awstrija, id-differenza fit-trattament favur tagħha hija xierqa sabiex jiġu rrimedjati d-danni li din il-kumpannija ġarrbet minħabba restrizzjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar u ta’ miżuri oħra ta’ konfinament fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijiex applikabbli bħala tali għall-qasam tat-trasport, li huwa suġġett għal sistema legali partikolari. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux kif in-natura esklużiva tal-miżura inkwistjoni hija tali li tiddisswadihom milli jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija jew milli jipprovdu servizzi minn u lejn dan il-pajjiż.

Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni lanqas ma kienet wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, b’mod partikolari fil-kalkolu tad-dannu li kellu jiġi kkumpensat u tal-ammont tal-għajnuna. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tad-dannu li kellu jiġi kkumpensat, il-Kummissjoni kienet b’mod korrett ħadet inkunsiderazzjoni d-danni mġarrba f’perijodu preċedenti għall-immobilizzazzjoni tal-flotta ta’ AUA, peress li dawn id-danni kienu ġew ikkawżati minn kanċellazzjonijiet u skedar mill-ġdid tat-titjiriet imposti mill-Gvern Awstrijak. Il-Kummissjoni kienet, barra minn hekk, ikkalkolat b’mod korrett l-ispejjeż evitati li kellhom jiġu esklużi mill-evalwazzjoni tad-danni kkawżati lil AUA mill-pandemija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tqis id-danni mġarrba minn kumpanniji tal-ajru oħra fil-kuntest tal-kalkolu tagħha ta’ dan id-dannu. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-Kummissjoni ma kinitx naqset milli tikkunsidra l-miżuri ta’ għajnuna kollha li setgħu jibbenefikaw lill-grupp Lufthansa waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni


1      Awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2020, SA.56714 (2020/N) – Il-Ġermanja – Miżuri COVID-19.


2      Awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2020, SA.56981 (2020/N) – L-Awstrija – Skema Awstrijaka ta’ garanzija għal self tranżitorju skont il-Qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, kif emendata bid-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2020 SA.57520 (2020/N) Awstrija – Miżuri anti-kriżi Awstrijaċi – COVID-19: Garanziji għall-impriżi l-kbar abbażi tal-Liġi dwar il-Garanzija tal‑1977 minn Austria Wirtschaftsservice GmbH (AWS) – Emenda tal-iskema ta’ għajnuna SA.56981 (2020/N).


3      Deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SA.57153 (2020/N) - Il-Ġermanja – COVID-19 – Għajnuna lil Lufthansa


4      Deċiżjoni C(2020) 4684 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57539 (2020/N) – L-Awstrija – COVID-19 - Għajnuna favur Austrian Airlines


5      Għandu jiġi nnotat li, fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (SAS, id-Danimarka; Covid-19), T‑378/20 , Ryanair vs Il-Kummissjoni (SAS, l-Isvezja; Covid-19), T‑379/20 (ara ukoll l-istqarrija għall-istampa Nru 52/21) u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (Condor ; Covid-19), T‑665/20 (ara ukoll l-istqarrija għall-istampa Nru 98/21), il-Qorti Ġenerali eżaminat l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE għal tliet miżuri ta’ għajnuna individwali distinti adottati sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-Covid-19.