Language of document : ECLI:EU:C:2017:690

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2017 (1)

Kawża C‑627/15

Dumitru Gavrilescu

Liana Gavrilescu

vs

SC Banca Transilvania SA, li kienet SC Volksbank România SA

SC Volksbank România SA – sucursala Câmpulung

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung, ir-Rumanija)]

“Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Eżistenza ta’ tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju — Dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu r-rinunzja għall-atti wara rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja — Dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu lil qorti tal-appell tistħarreġ digriet li jissospendi l-proċeduri fi prim’istanza sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni rrinvijata lilha — Klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE — Ftehimiet ta’ kreditu ddenominati f’munita barranija — Klawżoli eżenti minn evalwazzjoni dwar kemm ikunu ġusti”






1.        Dumitru u Liana Gavrilescu (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Gavrilescu”) ikkonkludew fir-Rumanija, ftehim ta’ self ma’ SC Volksbank România SA (iktar ’il quddiem “Volksbank” jew “il-bank”) fi franki Svizzeri b’obbligu li jħallsuh lura fl-istess munita. Matul il-perijodu ta’ dak is-self, madankollu, il-munita lokali (il-leu Rumen) għaddiet minn deprezzament sinjifikattiv mal-frank Svizzeru. Dan kellu impatt negattiv fuq l-ammont tal-pagamenti b’rata mensili li l-konjuġi Gavrilescu kellhom iħallsu lill-bank, minħabba li huma rċevew ir-remunerazzjoni tagħhom f’lei Rumeni.

2.        Il-konjuġi Gavrilescu ddeċidew li jibdew proċedura kontra Volksbank quddiem il-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung, ir-Rumanija), billi bbażaw, b’mod partikolari, fuq in-natura allegatament inġusta tal-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura tas-self fil-munita barranija. Fil-fehma tagħhom, minħabba dawk it-termini, huma kellhom ibatu r-riskju li kien joriġina mir-rata tal-kambju tal-munita li setgħet tvarja.

3.        Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, il-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung) iddeċidiet li tirrinvija ċerti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE (2). Sussegwentement, madankollu, il-konjuġi Gavrilescu waslu għal soluzzjoni bonarja ma’ Volksbank u, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, iddeċidew li jirrinunzjaw għall-atti tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju.

4.        Minkejja r-rinunzja għall-atti, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija xtaqet, minn naħa, li żżomm id-domandi tagħha u, min-naħa l-oħra, tirrinvija żewġ domandi addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

5.        Din il-kawża, għalhekk, toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità li tirfina l-ġurisprudenza tagħha dwar ir-rekwiżit, skont l-Artikolu 267 TFUE, li d-deċiżjoni tagħha dwar id-domandi preliminari għandha tkun meħtieġa biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti sentenza fil-kawża prinċipali.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jgħid:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

B.      Il-liġi Rumena

1.      Il-Liġi Nru 193/2000

8.        Il-legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între comercianţi şi consumatori (Liġi Nru 193/2000 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi), tal-10 ta’ Novembru 2000, fil-verżjoni tagħha ppubblikata mill-ġdid (3) (“Liġi Nru 193/2000’), hija intiża biex tittrasponi d-Direttiva 93/13.

2.      Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

9.        L-Artikolu 406 tal-Codul de procedură civilă (kodiċi tal-proċedura ċivili Rumen) jgħid:

“1.      Ir-rikorrent jista’ dejjem jirrinunzja l-azzjoni tiegħu, totalment jew parzjalment, oralment waqt is-seduta jew b’talba bil-miktub.

2.      Dik it-talba għandha ssir mill-persuna stess jew permezz ta’ rappreżentant speċifikament awtorizzat.

3.      Jekk l-azzjoni tiġi rrinunzjata wara l-preżentata tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq it-talba tal-konvenut, għandha tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż sostnuti mill-konvenut.

4.      Jekk ir-rikorrent jirrinunzja l-azzjoni tiegħu fl-ewwel seduta li għaliha l-partijiet ikunu debitament issejħu jew f’data iktar tard, l-azzjoni tkun tista’ tiġi rrinunzjata biss bil-qbil espress jew taċitu tal-parti l-oħra. Jekk il-konvenut ma jkunx preżenti għas-seduta li fiha r-rikorrent jiddikjara li jkun qiegħed jirrinunzja għall-atti, il-qorti għandha tiffissa terminu perentorju biex il-konvenut jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba għar-rinunzja għall-atti. L-assenza ta’ kwalunkwe tweġiba f’dak it-terminu perentorju titqies bħala aċċettazzjoni taċita għar-rinunzja. […]”

10.      L-Artikolu 414 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili jgħid:

“1.      Is-sospensjoni tal-proċedura tiġi ddeterminata b’digriet li jista’ jkun is-suġġett ta’ appell, separatament, quddiem qorti superjuri. […]

2.      Waqt li l-proċedura tkun sospiża, l-appell ikun jista’ jiġi ppreżentat kemm kontra d-digriet ta’ sospensjoni tal-proċedura, kif ukoll kontra d-digriet li jkun ċaħad ir-rikors biex il-proċedura tinbeda mill-ġdid.”

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.      Huwa evidenti mill-fatti tal-kawża prinċipali, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, li fil-5 ta’ Settembru 2008 il-konjuġi Gavrilescu kienu laħqu ftehim ta’ self ta’ somma ta’ CHF 45 000 (franki Svizzeri) mal-Volksbank. Il-kundizzjonijiet tas-self kienu ta’ 276 xahar, b’rata ta’ interessi annwali ta’ 3.99 %. Sussegwentement il-kuntratt kien emendat permezz ta’ addenda Nru 1 tal-20 ta’ Awwissu 2010 u Nru 2 tal-25 ta’ Ġunju 2013.

12.      Il-ftehim ta’ self kien jgħid li kull ħlas kellu, bħala prinċipju, isir fil-munita tas-self. Skont il-qorti tar-rinviju, kull differenza fir-rata tal-kambju, skont il-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ self, kellu jagħmel tajjeb għaliha kollha d-debitur.

13.      Il-paragrafu 4.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali kien jgħid li d-debitur kien aċċetta li meta, matul il-perijodu ta’ validità tas-self, ir-rata tal-kambju tal-munita tas-self kienet togħla, billi taqbeż b’iktar minn 10 % l-imsemmija rata fid-data meta l-kuntratt kien iffirmat, sussegwentement, biex jiġi żgurat li r-riskju li l-munita kienet esposta għalih ma kienx ikompli jikber, il-bank kien intitolat, iżda ma kienx obbligat, li unilateralment jikkonverti s-self f’lei Rumeni, billi juża r-rata franki Svizzeri/leu Rumeni applikata mill-bank fid-data tal-konverżjoni. Bħala konsegwenza, il-valur tas-self kien ikun, minn dak il-waqt ’il quddiem, il-valur f’lei Rumeni kkalkolat skont il-konverżjoni. Dwar dan, id-debituri ntrabtu wkoll li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż kollha li tali konverżjoni kienet iġġib magħha.

14.      Skont il-paragrafu 4.3 tal-kundizzjonijiet ġenerali, id-debituri setgħu, matul il-perijodu tas-self, jitolbu lill-bank biex jagħmel tali konverżjoni f’lei Rumeni, iżda l-bank ma kienx obbligat jilqa’ dik it-talba.

15.      Billi qiesu li l-kundizzjonijiet li kienu jeħtieġu li s-self jitħallas lura fi franki Svizzeri u li r-riskju tal-kambju barrani kellhom iġorruh id-debituri ma kinux ġusti, il-konjuġi Gavrilescu ppreżentaw rikors kontra l-Volksbank quddiem il-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung). Il-qorti, minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, iddeċidiet, b’digriet tat-22 ta’ Ottubru 2015, li tissospendi l-proċedura u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1) L-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċetti ta’ ‘kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt’ u ta’ ‘suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra’ jkopru klawżola, inkluża f’kuntratt ta’ kreditu fformulat f’munita barranija bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma kinitx suġġetta għal negozjati individwali, li permezz tagħha, għall-ħlas lura tal-pagamenti mensili, id-debitur huwa obbligat isostni b’mod esklużiv ir-‘riskju tal-kambju’, jiġifieri l-effett negattiv potenzjali li jikkonsisti fiż-żieda tal-obbligu tal-pagament mensili kkawżat mill-fluttwazzjoni tar-rati tal-kambju, li huwa għandu jsostni bħal[a] konsegwenza tal-kon[k]lużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu u tar-rimbors tas-somom imħallsa abbażi tal-kuntratt ta’ kreditu f’munita li ma hijiex il-munita nazzjonali tar-Rumanija?

(2) Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, wieħed għandu jifhem li l-obbligu tal-konsumatur li jsostni, matul il-ħlas lura tas-self, id-differenza li tirriżulta miż-żieda tal-munita li fiha s-self ġie fformulat [franki Svizzeri] jirrappreżenta ħlas li l-adegwatezza tiegħu meta mqabbel mas-servizz ipprovdut ma jistax jiġi analizzat bl-għan tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tiegħu?

(3) Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija li tali klawżola ma tevitax l-evalwazzjoni tan-natura inġusta, wieħed għandu jqis li din tissodisfa r-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza previsti mid-[Direttiva 93/13], billi tippermettti lill-konsumatur jipprevedi, abbażi ta’ kriterji ċari u li jinfthiemu, il-konsegwenzi li jirriżultaw minnha fir-rigward tiegħu?

(4) Klawżola kuntrattwali bħall-[punt] 4.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kunratt, li permezz tagħha d-dritt li wieħed jaqleb f’munita nazzjonali kreditu fformulat fi [franki Svizzeri] huwa rrikonoxxut lill-bank fil-każ ta’ żieda fir-rata tal-kambju li taqbeż l-10 % tal-valur tagħha fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt, sabiex jiġi evitat li l-[bank] ikompli jżid l-espożizzjoni tiegħu għar-riskju tal-kambju, mingħajr ma jiġi rrikonoxxut dritt simili lill-konsumatur, taqa’ fil-qasam ta’ protezzjoni tad-Direttiva 93/13 jew inkella tevita l-evalwazzjoni tan-natura inġusta?”

16.      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2016, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu għamlu talba biex jirtiraw il-kawża. Dan il-fatt kien wassal lill-qorti tar-rinviju biex tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 267 TFUE ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 406 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Rumen. F’dan il-kuntest il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tirrinvija l-ħames domanda addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 267 [TFUE], li bis-saħħa tiegħu l-qrati nazzjonali huma ħielsa li jressqu kwistjonijiet quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja], jipprekludi dispożizzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 406 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, li ma tipprojbixxix espressament ir-rinunzja għall-atti wara rinviju lill-[Qorti tal-Ġustizzja], liema rinunzja ċċaħħad lill-qorti nazzjonali mill-possibbiltà ta’ deċiżjoni dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali[?]”

17.      Sussegwentement, permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Ġunju 2016, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li — permezz ta’ appell mid-digriet tal-qorti tar-rinviju tat-22 ta’ Ottubru 2015 ippreżentat minn Volksbank — it-Tribunalul Argeş (qorti ta’ Argeş, ir-Rumanija), b’deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2016, ħassret dak id-digriet u bagħtet lura l-kawża lill-qorti tar-rinviju biex tissokta bil-proċedura.

18.      Kif nifhimha jiena, id-deċiżjoni tat-Tribunalul Argeş (qorti ta’ Argeş) widdbet lill-qorti tar-rinviju talli naqset milli tislet, skont id-dritt nazzjonali, il-konklużjonijiet xierqa mit-talba għar-rinunzja għall-atti miftuħa mill-konjuġi Gavrilescu. Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju messha temmet il-proċedura u, konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet tkun mingħajr skop. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tirrinvija s-sitt domanda, ġdida u addizzjonali, lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 267 [TFUE] jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 414 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Rumen, li tippermetti lil qorti ta’ appell tistħarreġ, fil-kuntest ta’ appell, digriet li jissospendi proċedura fil-kawża meta, b’dak id-digriet, il-qorti inferjuri tkun iddeċidiet li tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?”

19.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn Volksbank, mill-Gvern Pollakk u mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni. Volksbank, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni għamlu wkoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2017.

III. Analiżi

20.      Mill-bidu nett, irrid ngħid li naqbel ma’ Volksbank, mal-Gvern Rumen u mal-Kummissjoni li l-kawża ma taqax, kważi kollha kemm hi, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE.

21.      Madankollu, minħabba li l-ħames u s-sitt domanda magħmula — li l-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung) sussegwentement żiedet mal-erba’ domandi oriġinali — jikkonċernaw preċiżament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, ser nindirizza dawk id-domandi mingħajr ebda dewmien. Fid-dawl tar-risposti mogħtija għal dawn id-domandi, ikun evidenti li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex — jew ma għadx għandha — is-setgħa tiddeċiedi dwar l-ewwel erba’ domandi.

A.      Il-ħames u s-sitt domandi

22.      Permezz tal-ħames u tas-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 267 TFUE jipprekludix (i) regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu rinunzja għall-atti wara rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, biex b’hekk il-qorti nazzjonali tkun imċaħħda mill-possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, u (ii) regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu qorti tal-appell tistħarreġ, fil-kuntest ta’ appell, digriet li jissospendi proċedura fil-kawża meta, permezz ta’ dak id-digriet, il-qorti inferjuri tkun iddeċidiet li tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Essenzjalment, dawk id-domandi għandhom l-għan li jiddeterminaw jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jobbligaw lill-qorti tar-rinviju ttemm il-kawża prinċipali wara r-rinunzja għall-atti mir-rikorrenti, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Minn perspettiva oħra, dawk id-domandi jqajmu l-kwistjoni jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali għadhiex tista’ titqies bħala pendenti għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE.

1.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE

24.      Kif kelli l-opportunità nenfasizza fis-sentenza Gullotta (4), ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja huma rregolati, eżatt bħal dawk ta’ kull istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea, bil-prinċipju ta’ attribuzzjoni. Dwar dan, l-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi: “Kull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom.” Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija mfassla fuq is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattati, li jkunu disponibbli biss meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

25.      Fir-rigward tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 267 TFUE espressament jagħmel il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet. B’mod iktar speċifiku, skont l-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, id-domandi magħmula għandhom jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni jew il-validità tagħhom tkun dubjuża fil-kawża prinċipali. Barra minn dan, skont it-tieni paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, il-korp li jagħmel ir-rinviju għandu jkun qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru u deċiżjoni dwar id-domanda preliminari għandha tkun meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jagħtu sentenza fil-kawża prinċipali.

26.      Dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti mhux biss fil-mument li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita mill-qorti nazzjonali, iżda wkoll tul il-proċedura. Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux ġew issodisfatti, jew ma jkunux iktar issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta ġurisdizzjoni, u tista’ tagħmel hekk f’kull ħin matul il-proċedura (5).

27.      Dak li huwa ta’ importanza ċentrali f’din il-proċedura huwa l-kundizzjoni li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-domandi magħmula għandha tkun meħtieġa biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti sentenza fil-kawża prinċipali. Din il-kundizzjoni timplika, b’mod partikolari, li għandu jkun hemm tilwima ġenwina pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, u li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ dik it-tilwima. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li huwa ċar kemm mill-kliem, kif ukoll mill-iskema tal-Artikolu 267 TFUE li qorti jew tribunal nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li jressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari sakemm ma jkunx hemm kawża pendenti quddiemhom, fejn jintalbu jagħtu deċiżjoni li tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (6).

28.      Ir-raġuni tinsab fil-funzjoni stess mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE: biex tassisti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri (7), billi tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ tilwim li jikkonċerna d-dritt tal-Unjoni, u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (8).

29.      Huwa f’dan il-kuntest li ser neżamina f’iktar dettall il-ħames u s-sitt domandi preliminari tal-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung).

2.      Dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu rinunzja għall-atti wara rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, regoli nazzjonali — bħall-Artikolu 406 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Rumen — li jippermettu rinunzja għall-atti wara rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ikunux konformi mad-dritt tal-Unjoni. Ir-raġuni ddikjarata hija li r-rinunzja għall-atti għandha l-effett li l-qorti nazzjonali tiġi mċaħħda mis-setgħa li tiddeċiedi dwar talbiet relatati mal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mill-konsumaturi.

31.      Jiena ma naqsamx dawn id-dubji. Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, ma nara ebda raġuni biex inqis li regola proċedurali nazzjonali li tippermetti rinunzja għall-atti wara rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, biex b’hekk tikkawża li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari titlef l-iskop tagħha, tista’ tkun inkompatibbli mal-Artikolu 267 TFUE. Anzi għall-kuntrarju, tali regola nazzjonali tidher li hija ferm skont l-ispirtu tal-Artikolu 267 TFUE.

a)      Prinċipji ta’ awtonomija individwali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja

32.      Mill-bidu nett, wieħed għandu jiftakar li regoli li jippermettu lil rikorrenti li jwaqqfu jew jirrinunzjaw għall-atti tagħhom kollha jew parzjalment — partikolarment f’materji ċivili u kummerċjali — huma assolutament kruċjali għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dawk ir-regoli huma l-espressjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija individwali (imsemmi wkoll f’ċerti ġurisdizzjonijiet bħala l-prinċipju dispożittiv): jekk u sa fejn individwu jiddeċiedi li jsostni d-drittijiet tiegħu quddiem il-qrati fl-aħħar mill-aħħar jiddependi mill-intenzjoni ta’ dak l-individwu (9).

33.      Tabilħaqq, f’ħafna ġurisdizzjonijiet — inkluż fi proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (10) — is-setgħa ta’ rinunzja għall-atti tista’ tiġi eżerċitata unilateralment mir-rikorrent, u l-konvenut ma jistax jopponiha. Obbligu (jew anki biss possibbiltà) għal qorti li tissokta bil-proċedura meta ma jkunx hemm iktar tilwima pendenti quddiemha ma jservi għal ebda għan utli: ma jkunx hemm talbiet x’jiġu deċiżi mill-imħallfin. Fil-fatt, dan iżid biss mal-lista ta’ kawżi pendenti (problema komuni f’ħafna ġurisdizzjonijiet) u l-infiq pubbliku.

34.      Kontinwazzjoni “forzata” tal-proċedura tista’, minbarra dan, tiskoraġġixxi lill-partijiet milli jaslu għal soluzzjonijiet bonarji, fi jew barra mill-qorti, għan segwit minn ħafna sistemi ġuridiċi (11). F’dan ir-rigward, irrid ninnota li, skont l-Artikolu 147(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma jingħadx mod ieħor, “[j]ekk, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-partijiet jilħqu ftehim dwar it-tilwima ta’ bejniethom u jekk jinformaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li qegħdin jirrinunzjaw għal kull pretensjoni, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 141, jekk ikun il-każ fid-dawl tal-proposti magħmula f’dan is-sens mill-partijiet”.

35.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE issuġġerita mill-qorti tar-rinviju hija inkonsistenti mal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

b)      Ma hemmx ħtieġa ta’ risposta għal domandi ipotetiċi

36.      Iktar importanti, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li hija ma tistax tagħti risposta għal domandi rrinvijati għal deċiżjoni preliminari meta l-proċedura quddiem il-qorti li tkun għamlet ir-rinviju tkun diġà ntemmet (12). L-istess prinċipju japplika meta, anki jekk il-proċedura fil-livell nazzjonali ma tkunx għadha ntemmet formalment, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tibqax isservi iktar ta’ użu minħabba li l-kawża prinċipali tkun de facto tilfet l-iskop tagħha (13).

37.      Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm ħtieġa ta’ risposta għal ċerti domandi preliminari meta, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tkunx irrinunzjat għat-talba tagħha taħt l-Artikolu 267 TFUE, it-talbiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jkunu ġew issodisfatti kollha (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li, bħala prinċipju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa f’pożizzjoni li jirrendi rinviju mingħajr skop billi sempliċement jirrinunzja għall-azzjoni tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju (15).

38.      F’dawk il-kawżi kollha d-domandi preliminari kienu saru ipotetiċi minħabba li r-regoli tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali kienet talbet l-interpretazzjoni tagħhom ma setgħux sussegwentement jiġu applikati fil-kawża prinċipali. Ix-xewqa biss tal-qorti tar-rinviju li żżomm domanda waħda jew iktar, minkejja l-fatt li l-kawża prinċipali kienet saret mingħajr skop, ma setgħetx ikollha rilevanza f’dan ir-rigward (16). Ma tantx jeħtieġ jiġi nnotat li x-xewqa tal-qorti nazzjonali li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari ma tistax ikollha l-effett li tespandi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lil hinn mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 267 TFUE. Lanqas ma huwa ta’ xi rilevanza li risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju (jew għal qrati nazzjonali oħra) fil-kuntest ta’ kawżi pendenti oħra li jqajmu kwistjonijiet simili (17), jew ta’ kawżi futuri li jista’ jkollhom rabta mal-kawża prinċipali (18).

39.      Tabilħaqq, ir-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun applikabbli, bl-ebda dubju b’saħħa vinkolanti (19), fil-proċedura nnifisha li minnha dawk id-domandi jkunu oriġinaw (20). Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal talba skont l-Artikolu 267 TFUE, anki meta tkun ifformulata b’mod astratt, tkun dejjem marbuta mal-kuntest fattwali u legali tal-kawża attwali quddiem il-qorti tar-rinviju. Kawżi differenti, minkejja li jkunu simili, xorta waħda jistgħu juru ċerti differenzi li jistgħu jkunu rilevanti għar-risposta li jkollha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

40.      Huwa għal din ir-raġuni li, fir-“Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari” li hija għamlet, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “[m]eta l-eżitu ta’ diversi kawżi pendenti quddiem din tal-aħħar jiddependi mir-risposta li tkun ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jista’ jkun opportun li din tgħaqqad dawn il-kawżi sabiex jinstemgħu flimkien fit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi għad-domandi magħmula minkejja l-eventwali rtirar ta’ waħda jew iktar minn dawn il-kawżi”(21)

c)      Konsegwenzi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE issuġġerita mill-qorti tar-rinviju għandu jkollha wkoll ċerti konsegwenzi importanti għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      L-ewwel nett, wieħed jistenna li l-partijiet fil-kawża prinċipali sikwit ma jressqux osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ma jkollhomx interess li jagħmlu dan) jew jagħmlu hekk biss biex jinnotaw li l-kawża prinċipali tkun saret mingħajr skop. Din is-sitwazzjoni hija riflessa f’din il-proċedura: ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (il-konjuġi Gavrilescu) la ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas ma dehru fis-seduta orali, u l-konvenut fil-kawża prinċipali (Volksbank România) issottometta osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jikkonċentraw l-iktar fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’kawża bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju, minkejja li tkun semgħet argumenti limitati jew ebda argument dwar dawk il-kwistjonijiet mingħand il-partijiet fil-kawża prinċipali. Ikun ġust jingħad li dan ma huwiex mod ideali ta’ azzjoni.

43.      It-tieni nett, u iktar minn hekk, il-partijiet fil-proċedura li għalihom tiġi applikata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (mill-qorti tar-rinviju jew minn qrati oħra) essenzjalment ikunu miċħuda mill-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jidhirli li jikkostitwixxi użu ħażin, jew tal-inqas trattament mhux ortodoss tal-proċedura prevista mill-Artikolu 267 TFUE. Sakemm kawżi simili jew futuri jinġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawk il-kawżi — mill-perspettiva tal-Qorti tal-Ġustizzja — ma humiex “maturi” biex ikunu deċiżi (22).

d)      Il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali

44.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE proposta hawnhekk hija wkoll iktar konformi mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. Skont ġurisprudenza stabbilita, jekk ma jeżistux regoli tal-Unjoni dwar il-materja, huwa għall-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi regoli proċedurali għal rikors intiż biex jitħarsu d-drittijiet ta’ individwi, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawk ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (23).

45.      F’dan il-każ, iż-żewġ prinċipji jidhirli li huma ssodisfatti. Sa fejn nista’ nifhem, l-Artikolu 406 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Rumen japplika mingħajr distinzjoni għal rikors rigward ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal rikors simili rigward ksur tad-dritt nazzjonali (24). Barra minn dan, dik id-dispożizzjoni ma tantx tista’ titqies li tagħmel impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni: il-persuni li jallegaw ksur tad-Direttiva 93/13 ikun jeħtiġilhom biss jissoktaw bil-proċedura li tkun diġà nbdiet biex it-talba tagħhom tiġi eżaminata mill-qrati nazzjonali kompetenti.

46.      Huwa minnu li, fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet numru ta’ limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, biex b’mod adegwat jitħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi, minħabba li ġeneralment huma jkunu f’pożizzjoni ta’ dgħjufija vis-à-vis bejjiegħa jew fornituri (25). Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet kienu dwar okkażjonijiet li fihom ir-regoli proċedurali nazzjonali kienu għamlu diffiċli jew impossibbli, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji eżistenti, li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu protetti. Dan kien hekk, b’mod partikolari, minħabba li l-konsumatur ma kellux għarfien dwar id-drittijiet tiegħu jew seta’ jiltaqa’ ma diffikultajiet fl-inforzar ta’ dawk id-drittijiet (26) (pereżempju, ma kienx ingħata smigħ jew ma kienx jitħalla jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, jew l-imħallef kien miżmum milli jqajjem ex officio kwistjonijiet skont dik id-direttiva) (27). Għalhekk, l-azzjoni pożittiva tal-qorti nazzjonali “ikkumpensat” in-nuqqas ta’ kapaċità tal-konsumatur li jiddefendi sewwa d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

47.      Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-konjuġi Gavrilescu kienu jafu sewwa dwar id-drittijiet li d-Direttiva 93/13 tagħti lil konsumaturi, minħabba li huma bdew proċedura biex jinforzaw id-drittijiet allegati tagħhom skont dik id-direttiva. Sussegwentement, madankollu, huma ddeċidew minn rajhom li jirtiraw ir-rikors tagħhom għar-raġuni — wieħed jista’ jassumi — li huma qiesu l-offerta tal-bank għal soluzzjoni bħala sodisfaċenti. Għalhekk, f’dan il-każ, ma hemmx nuqqas ta’ għarfien jew diffikultà ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur li l-azzjoni pożittiva tal-qorti nazzjonali għandha “tikkumpensa”.

48.      Barra minn dan, ir-riżultat tal-intervent attiv tal-qorti nazzjonali fil-kawża prinċipali jkun li r-rieda ċara tal-konsumatur ma titqiesx u tiddawwar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li l-azzjoni tal-qorti nazzjonali f’dan il-kuntest ma tistax tmur kontra r-rieda ċara tal-konsumaturi kkonċernati (28).

49.      F’dak il-kuntest, ikolli ninnota li dak li seħħ fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma huwa mhux tas-soltu jew anormali: rikorrenti sikwit jibdew proċedura intiża eżattament biex iġġiegħel lil konvenuti jissodisfaw it-talbiet tagħhom, jew, għall-inqas, biex iħeġġuhom jidħlu f’negozjati possibbilment għal soluzzjoni. L-irtirar ta’ rikors ikun, għaldaqstant, sikwit dovut għall-fatt li t-talbiet tar-rikorrent ikunu ntlaqgħu kollha, jew sa livell sodisfaċenti fil-kuntest ta’ soluzzjoni extraġudizzjarja. L-irtirar jista’ wkoll ikun il-konsegwenza ta’ stima, mir-rikorrent, tal-ispejjeż tal-kontenzjuż mal-benefiċċji potenzjali, fid-dawl tal-possibbiltà ta’ suċċess.

50.      Huwa evidenti li, f’xi każijiet, il-konsumatur jista’ jinduna, matul il-proċedura, li x’aktarx ikun ser jitlef il-kawża tiegħu, kemm jekk kollha jew parti kbira minnha. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kontinwazzjoni “forzata” tal-proċedura — li tirriżulta mir-rifjut tal-qorti nazzjonali li tqis ir-rieda tal-partijiet — iġġib riskju ta’ effett “pervers”: jekk il-konsumatur eventwalment jitlef il-kawża tiegħu, il-bank ikun intitolat jirtira dak li jkun offra fil-bidu u, possibbilment, jirkupra l-ispejjeż legali tiegħu mingħand il-konsumatur (inklużi l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-kontinwazzjoni “forzata” tal-proċedura).

51.      Fil-fatt, din verament tista’ tkun is-sitwazzjoni f’din il-proċedura. Tabilħaqq, mill-atti inklużi fil-proċess, bl-ebda mod ma huwa ċar li ż-żewġ settijiet ta’ klawżoli kuntrattwali kkontestati bħala inġusti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiksru tassew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13. Għal dak li jirrigwarda l-klawżoli meħtieġa għall-ħlas lura tas-self fl-istess munita li biha jkun sar, u li, għalhekk, issuġġettaw lill-konsumaturi għal xi “riskju tal-kambju barrani”, diversi elementi jindikaw li dawk il-klawżoli jistgħu jevitaw evalwazzjoni dwar kemm huma inġusti minħabba li huma relatati mal-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (29). Barra minn dan, dwar il-klawżola li tagħti lill-bank id-dritt li jikkonverti s-self fil-munita lokali b’ċerti kundizzjonijiet — minkejja li wisq probabbli ma taqax taħt l-ambitu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (30) — l-element potenzjalment inġust tagħha bl-ebda mod, madankollu, ma huwa evidenti (31).

52.      Peress li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, it-talbiet tal-konjuġi Gavrilescu kienu kważi kollha aċċettati mill-bank f’soluzzjoni nnegozjata, wieħed jista’ biss jispekula jekk kienx ikun għaqli, mill-perspettiva tagħhom, li jissoktaw bil-proċeduri ġudizzjarji. Għalkemm ma hijiex din il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, ma jistax jiġi miċħud li, f’ħafna każijiet, l-intervent ex officio tal-qorti nazzjonali jmur kontra r-rieda tal-partijiet u finalment joħloq ir-riskju li jitfixkel, iktar milli jinkiseb, l-għan li titħares il-parti iktar dgħajfa.

53.      Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE issuġġerita mill-qorti tar-rinviju mhux biss tmur kontra l-formulazzjoni u l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni, iżda tidher ukoll li hija inkonsistenti ma’ xi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn dan, flok issewwi l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, l-azzjoni pożittiva tal-imħallef nazzjonali tista’, tal-inqas f’xi każijiet, tkun kontroproduttiva għall-konsumatur.

e)      Distinzjoni ta’ din il-kawża mal-kawża Matei

54.      Fl-aħħar nett, irrid biss ninnota li għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u l-kawża Matei (32), kawża ripetutament imsemmija fid-digriet tar-rinviju. F’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju kienet informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, minkejja l-fatt li kien intlaħaq ftehim bejn il-partijiet, dik il-qorti ma setgħetx tikkonferma dak il-ftehim minħabba li ma kienx konsistenti mal-liġi nazzjonali. Konsegwentement, il-kawża tqieset li kienet għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, kif il-qorti tar-rinviju rrikonoxxiet fl-ittri tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent kien irrinunzja għar-rikors f’konformità mal-liġi nazzjonali.

55.      Barra minn dan, filwaqt li fil-kawża Matei il-ftehim bejn il-partijiet kien ikun ġie fformulat b’mod konkret fid-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali (biex b’hekk potenzjalment isir res judicata), f’din il-kawża l-konjuġi Gavrilescu jibqgħu ħielsa li jibdew proċedura mill-ġdid jekk kellhom iqisu li l-klawżoli kuntrattwali li ġew miftehma ma’ Volksbank jiksru d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

f)      Konklużjoni intermedja

56.      F’dan il-kuntest, jidher li ma hemm xejn quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jitfa’ dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola proċedurali nazzjonali bħal dik inkwistjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu r-rinunzja għall-atti wara rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk dan iċaħħad lill-qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali.

57.      Ir-risposta proposta għall-ħames domanda tidher li hija suffiċjenti biex din il-kawża tiġi deċiża: minħabba li ma għadx hemm tilwima quddiem il-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung), ma hemmx iktar ħtieġa li tingħata risposta għal domanda oħra magħmula minn dik il-qorti. Madankollu, minħabba li s-sitt domanda għandha rabta mill-qrib mal-ħames domanda, ser ngħaddi issa, għas-saħħa tal-kompletezza, għall-kwistjoni mqajma minn dik id-domanda.

3.      Dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu qorti tal-appell tistħarreġ digriet ta’ sospensjoni ta’ proċedura

58.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix deċiżjonijiet ta’ qrati jew tribunali, li fil-konfront tagħhom jeżisti rimedju ġudizzjarju skont liġi nazzjonali, u li jkunu rrinvijaw il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, milli jibqgħu suġġetti għar-rimedji normalment disponibbli skont il-liġi nazzjonali, li jippermettu lil qorti superjuri tiddeċiedi dwar it-tilwima li kienet is-suġġett tar-rinviju, biex b’hekk tieħu r-responsabbiltà li tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni (33).

59.      F’konformità ma’ dak il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, pereżempju fil-kawżi Pohotovosť (34) u BNP Paribas Personal Finance u Facet (35)li proċedura tista’ tisfa mingħajr skop jekk qorti tal-appell tiddeċiedi, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali applikabbli, li tannulla r-rifjut tal-qorti tar-rinviju li tqis ir-rinunzja għall-atti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tordna li t-talba tal-qorti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tiġi rtirata.

60.      Għalkemm il-formulazzjoni tas-sentenza fil-kawża Pohotovosť (36) tista’, mad-daqqa t’għajn, tidher li tħalli xi diskrezzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, f’dik it-tip ta’ sitwazzjoni, hija tkunx tista’, madankollu, tiddeċiedi li tkompli bil-proċedura, din ovvjament tkun interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza.

61.      Il-marġni ta’ mmanuvrar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha f’dak il-kuntest — u li għalih is-sentenza fil-kawża Pohotovosť tagħmel riferiment — għandu jikkonċerna biss l-evalwazzjoni tas-sinjifikat, piż u kredibbiltà tal-informazzjoni li hija tista’ tirċievi, mingħand il-partijiet jew minn qrati li ma humiex il-qorti tar-rinviju, dwar il-fatt li l-kawża prinċipali tkun ġiet mitmuma jew tkun saret mingħajr skop.

62.      Tabilħaqq, dwar dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, għandna quddiemna sitwazzjoni ta’ “iswed jew abjad”: jew it-Trattat jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa (u l-obbligu) li tisma’ l-kawża, jew ma jagħtihiex. Minn naħa, dejjem jekk ikollha l-ġurisdizzjoni, u dik it-talba tkun ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta tisma’ l-kawżi kollha rriferiti lilha skont l-Artikolu 267 TFUE(37) Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi li tisma’ kawża anki jekk dik il-kawża ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

63.      Għalhekk, meta l-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tirċievi tkun turi b’mod inekwivoku li l-kawża prinċipali ma jkunx għad għandha skop, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li ma taċċettax ġurisdizzjoni. Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-proċedura minħabba li hija l-qorti tar-rinviju nnifisha li informat lill-Qorti tal-Ġustizzja bir-rinunzja tar-rikorrenti — legalment, skont il-liġi nazzjonali — għall-atti.

64.      B’mod sinjifikattiv, huwa minħabba r-rifjut li jinsiltu l-konsegwenzi tar-rinunzja għall-atti tar-rikorrenti li l-qorti tal-appell ikkritikat id-digriet tal-qorti tar-rinviju għas-sospensjoni tal-proċedura. Id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell ma kinitx tikkonċerna — kif il-Gvern Rumen innota — l-aspetti ta’ dak id-digriet li kienu relatati mat-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

65.      Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija, għalhekk, simili għal dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, fil-kawża Nationale Loterij (38) u fil-kawża Cloet u Cloet (39): il-qorti tal-appell interpretat u applikat id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni b’tali mod li sempliċement tiddeċiedi dwar it-tilwima nnifisha, abbażi ta’ regoli li ma jinvolvu ebda interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni eżaminata fil-kawża Cartesio (40), ir-regola proċedurali nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx interpretata jew applikata biex iċċaħħad lill-qorti tar-rinviju mil-libertà li tirrinvija domanda għal deċiżjoni preliminari.

66.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu lil qorti tal-appell tistħarreġ, fil-kuntest ta’ appell, digriet li jissospendi proċedura sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kawża tkunx għadha pendenti, anki jekk b’dak id-digriet il-qorti inferjuri tkun iddeċidiet li tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.      Osservazzjonijiet finali

67.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames u għas-sitt domandi fis-sens li l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu rinunzja għall-atti wara rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk dan iċaħħad lill-qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali. Barra minn dan, dik id-dispożizzjoni ma tipprekludix regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu qorti tal-appell tistħarreġ, fil-kuntest ta’ appell, digriet li jissospendi proċedura sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kawża tkunx għadha pendenti, anki jekk b’dak id-digriet il-qorti inferjuri tkun iddeċidiet li tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

68.      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għadx għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel erba’ domandi magħmula. Minħabba li r-regoli nazzjonali li jippermettu r-rinunzja għall-atti ma humiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ma għadx hemm iktar tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE. Konsegwentement, dawk id-domandi saru ipotetiċi. Għaldaqstant, nipproponi li, f’konformità mal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għall-ewwel, għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domandi.

IV.    Konklużjoni

69.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti risposta għad-domandi preliminari għal deċiżjoni preliminari mill-Judecătoria Câmpulung (qorti tal-prim’istanza, Câmpulung, ir-Rumanija) kif ġej:

–        l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu rinunzja għall-atti wara rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk dan iċaħħad lill-qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali;

–        l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix regoli proċedurali nazzjonali li jippermettu qorti tal-appell tistħarreġ, fil-kuntest ta’ appell, digriet li jissospendi proċedura sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kawża tkunx għadha pendenti, meta b’dak id-digriet il-qorti inferjuri tkun iddeċidiet li tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.


1      Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3      Ippubblikata mill-ġdid l-iktar reċentement f’Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 543 tat-3 ta’ Awwissu 2012.


4      Konklużjonijiet fil-kawża Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C., C‑497/12, EU:C:2015:168, punti 16 sa 19 u riferimenti ulterjuri.


5      Ara l-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


6      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-5 ta’ Ġunju 2014, Antonio Gramsci Shipping et, C‑350/13, EU:C:2014:1516, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata.


7      Ara, fost ħafna, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya, C‑197/10, EU:C:2011:590, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.


8      Ara, inter alia, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9      Ara, reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:406, punti 84 u 85 u riferimenti ulterjuri. B’mod ġenerali, dwar l-importanza ta’ dak il-prinċipju, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Belov, C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 45, nota ta’ qiegħ il-paġna 39: “Il-prinċipju dispożittiv, li jipprovdi li l-partijiet jiddeċiedu meta jressqu, jinterrompu u jwettqu l-proċedura, huwa rikonoxxut f’għadd ta’ kodiċijiet ta’ proċedura (ċivili) tal-Istati Membri u jippermetti li l-partijiet, pereżempju, jirrinunzjaw għal sentenza billi jaslu għal tranżazzjoni dwar il-kawża.”


10      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 148 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal applikazzjoni, ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C-120/94, EU:C:1996:116, punti 5 sa 13.


11      Biex nagħti mqar eżempju wieħed, ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) jipprovdu: “Soluzzjoni aċċettabbli reċiprokament mill-partijiet għal tilwima u li tkun konsistenti mal-ftehimiet tad-[WTO] tkun manifestament preferibbli [biex każ jinġieb skont il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim]” (enfasi miżjuda) (ara l-Artikolu 3.7 tal-Qbil dwar Regoli u Proċeduri li jirregolaw is-soluzzjoni tat-tilwim). [traduzzjoni mhux uffiċjali]


12      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punti 10 u 11, u tas-16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias, C‑343/90, EU:C:1992:327, punt 18.


13      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et, C‑422/93 sa C‑424/93, EU:C:1995:183, punt 30.


14      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C‑314/96, EU:C:1998:104, punti 15 sa 23, u tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C‑225/02, EU:C:2005:34, punti 29 sa 32.


15      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, EU:C:2001:281, punt 34.


16      Ara dwar dan id-digrieti tal-10 ta’ Ġunju 2011, Mohammad Imran, C‑155/11 PPU, EU:C:2011:387, punti 16 sa 22, u tat-22 ta’ Ottubru 2012, Šujetová, C‑252/11, mhux ippubblikati, EU:C:2012:653, punt 10 et seq.


17      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C‑225/02, EU:C:2005:34, punti 22 sa 24 u 30 sa 32. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fl-istess kawża, EU:C:2004:669, punt 34.


18      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-10 ta’ Ġunju 2011, Mohammad Imran, C‑155/11 PPU, EU:C:2011:387, punti 19 u 20.


19      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20      Ara, dwar dan, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Da Silva, C-189/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2043, punt 34.


21      Punt 25 (enfasi miżjuda) (ĠU 2016 C 439, p. 1).


22      Hawnhekk qed nissellef terminu komunement użat fid-dritt Amerikan. Kif il-Qorti tal-Appell Amerikana għat-Tieni Ċirkwit kitbet f’sentenza, “maturità kostituzzjonali hija duttrina li […] hija limitazzjoni għas-setgħa ġudizzjarja. Ma tippermettix lill-qrati jiddikjaraw it-tifsira ta’ liġi in abstacto u jikkostruwixxu regoli legali ġeneralizzati sakemm ir-riżoluzzjoni ta’ tilwima attwali ma tkunx teħtieġ dan. [...] Il-prudenza fil-maturità hija, imbagħad, mezz li l-qrati jistgħu jużaw biex isaħħu l-preċiżjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom u biex jevitaw li jinqabdu f’sentenzi li wara jirriżulta li ma kinux meħtieġa jew li jkun jeħtiġilhom eżami qabel żmienu, l-iktar ta’ kwistjonijiet kostituzzjonali li ż-żmien jista’ jagħmilhom iktar faċli jew inqas kontroversjali” [ara Simmonds v. Immigration and Naturalization Service, 326 F.3d 351, 357 (2d Cir. 2003)]. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jidhirli li huma, mutatis mutandis, validi f’dan il-kuntest.


23      Ara, fost ħafna, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24      Ara, b’mod simili, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 30.


25      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 56.


26      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt  28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164; tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349; u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C-137/08, EU:C:2010:659.


28      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 33 u d-dispożittiv, u tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 35. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Duarte Hueros, C‑32/12, EU:C:2013:128, punt 53 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi maqugħda Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C-385/14, EU:C:2016:15, punti 69 u 70.


29      Dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:313, punti 34 sa 59.


30      L-ewwel nett, klawżola bħal dik inkwistjoni ma tidhirx li għandha x’taqsam mal-qofol tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-bank u l-konsumatur, iżda hija pjuttost aspett ta’ importanza sekondarja f’dik ir-relazzjoni. Dik il-klawżola tidher, tabilħaqq, aċċessorja fl-iskema ġenerali tal-kuntratt: tagħti biss lil min isellef is-setgħa li jikkonverti s-somma ta’ flus mislufa minn munita għal oħra. Il-klawżola tidher ukoll li tista’ tiġi sseparata mill-bqija tal-kuntratt: kieku dik il-klawżola ma kinitx hemm, il-karatteristiċi essenzjali tal-ftehim ta’ self kien jibqa’ mhux mibdul. It-tieni nett, minn naħa, il-klawżola inkwistjoni ma tidhirx li hija relatata ma’ kemm il-prezz u r-remunerazzjoni jkunu adegwati, minn naħa, fil-konfront tas-servizzi jew prodotti pprovduti, min-naħa l-oħra. Il-klawżola inkwistjoni ma tipprevedi ebda servizz li għandu jiġi pprovdut mill-bank bi skambju mal-obbligu li jkollhom il-konsumaturi. Is-setgħa mogħtija lill-bank — li tista’ tiġi eżerċitata unilateralment fid-diskrezzjoni tal-bank stess u li l-konsumatur ma jingħata ebda setgħa simili li taqbel magħha — ma tistax, għalhekk, tikkostitwixxi “remunerazzjoni”, li tista’ tiġi evalwata dwar kemm tkun adegwata bħala korrispettiv għal servizz mogħti minn min isellef. Dwar dawn il-kwistjonijiet, ara, b’mod ġenerali, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 36 sa 59 u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C‑96/14, EU:C:2015:262, punti 33 sa 39.


31      Dwar dan, il-qorti nazzjonali jkollha tivverifika, inter alia, jekk l-iżbilanċ possibbli bejn il-partijiet maħluq minn dik il-klawżola jkunx skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, “bi ħsara għall-konsumatur”. Dan ma huwiex ovvju: l-għan iddikjarat tal-punt 4.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim tas-self f’dan il-każ kien li “jiġi żgurat li r-riskju tal-munita li [l-konsumaturi] kienu esposti għalih ma kienx ikompli jiżdied”. Għaldaqstant, l-effett ta’ dik il-klawżola huwa wkoll, minn tal-inqas b’mod indirett, li jiġi protett il-konsumatur. Wieħed jista’ jsostni li huwa wkoll fl-interess tal-bank li l-konsumatur jevita li jonqos minn pagament jekk ikun hemm deprezzament sinjifikattiv tal-munita lokali vis-à-vis il-munita barranija li fiha jkun sar is-self.


32      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punti 37 sa 42.


33      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C‑72/14 u C-197/14, EU:C:2015:564, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 33.


35      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2013, BNP Paribas Personal Finance u Facet, C‑564/12, EU:C:2013:642.


36      Il-punt 33 tas-sentenza jaqra kif ġej: “Huwa biss fil-każ li l-qorti tal-appell tiddeċiedi, skont ir-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, li tannulla r-rifjut tal-qorti tar-rinviju li tieħu att tar-rinunzja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tordna l-irtirar tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn din il-qorti, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tislet il-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-qorti tal-appell billi eventwalment tipproċedi għat-tħassir tal-kawża mil-lista tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun rċeviet, jekk ikun il-każ, l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward” (enfasi miżjuda).


37      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 1968, De Cicco, 19/68, EU:C:1968:56, p. 478, u tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 29.


38      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Nationale Loterij, C‑667/15, EU:C:2016:958.


39      Digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, Cloet u Cloet, C‑129/08, EU:C:2009:347.


40      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723.