Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Awissu 2010 - Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-353/10)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro (Ateni, Il-Greċja) (rappreżentant: E. Tzannini, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' dan ir-rikors;

tannulla n-nota ta' debitu kkontestata;

tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tiegħu, jekk hija tqis li l-ammonti, hekk kif deskritti fin-nota tiegħu tal-5 ta' Novembru 2009, għandhom jiġu rimborsati;

tannulla l-att ikkontestat ukoll fil-parti tiegħu li tikkonċerna t-tielet parti li ma tħallsitx;

tpaċi l-ammonti eventwalment rimborsabbli ma' dawk tat-tielet parti, li qatt ma tħallsu u li ilhom ħames snin sospiżi;

tiddeċiedi li dan ir-rikors jikkostitwixxi fatt li jinterrompi l-preskrizzjoni tad-dritt għall-ħlas tat-tielet parti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fin-nota ta' debitu Nru 3241007362 tat-22 ta' Lulju 2010 u li tirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-programm ta' riċerka Nru 507760 DICOEMS u l-implementazzjoni tar-riżultati tal-verifika finanazjarja Nru 09-BA74-028.

Insostenn tal-argumenti tiegħu, ir-rikorrent isostni l-motivi segwenti:

ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li abbażi tiegħu att li jikkawża preġudizzju għandu jkun immotivat, sabiex ikun possibbli li tiġi mistħarrġa l-legalità tal-motivazzjoni, peress li n-nota ta' debitu kkontestata ma fiha ebda motivazzjoni;

żball ta' evalwazzjoni tal-fatti, sa fejn il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi u, b'mod partikolari, it-time-sheets, li r-rikorrent ipproduċa man-nota tiegħu tal-5 ta' Novembru 2009;

żball ta' liġi u nuqqas ta' motivazzjoni, peress li l-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti fattwali tar-rikorrent u ċaħdithom b'mod abbużiv u mingħajr motivazzjoni;

ksur tal-prinċipju ta' bona fide u ta' aspettattivi leġittimi peress li l-konvenuta ma ħallsitx, b'mod abbużiv, l-aħħar parti tal-programm lir-rikorrent u ddistruġġiet ix-xogħol kollu tiegħu, ħames snin wara l-għeluq tal-programm.

____________