Language of document : ECLI:EU:C:2019:772

Kawża C507/17

Google LLC

vs

Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal24 ta’ Settembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data – Direttiva 95/46/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Muturi ta’ tfittxija fuq l-internet – Ipproċessar tad-data li tidher fuq paġni tal-internet – Portata territorjali tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46, Artikolu 12 u Artikolu 14 – Dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-data personali u dritt ta’ oppożizzjoni għall-ipproċessar tagħha – Dritt li tintalab it-tneħħija mil-lista tar-riżultati ta’ links li jwasslu għal paġni tal-internet – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a))

(ara l-punt 44)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46, Artikolu 12 u Artikolu 14 – Dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-data personali u dritt ta’ oppożizzjoni għall-ipproċessar tagħha – Tfittxija mwettqa permezz ta’ mutur ta’ tfittxija fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna – Wiri ta’ lista ta’ riżultati – Dritt li jintalab li din l-informazzjoni ma tibqax titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7 u Artikolu 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 6(1)(ċ) sa (e), Artikolu 12(b), u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a))

(ara l-punt 45)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46, Artikolu 4 – Dritt nazzjonali applikabbli – Ipproċessar ta’ data fil-kuntest tal-attivitajiet tal-istabbiliment ta’ operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru – Portata – Promozzjoni u bejgħ tal-ispazji ta’ reklamar intiżi għar-residenti ta’ dan l-Istat Membru proposti minn dan il-mutur ta’ tfittxija permezz tal-imsemmi stabbiliment – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 4(1)(a); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 3(1))

(ara l-punti 49 sa 51)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Dritt għar-rettifika u dritt għat-tħassir tad-data – Dritt għat-tneħħija ta’ referenza – Portata territorjali – Obbligu tal-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jwettaq it-tneħħija ta’ referenza biss mill-verżjonijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-Istati Membri kollha – Obbligu tal-imsemmi operatur li jieħu miżuri effikaċi sabiex jimpedixxi jew jiskoraġġixxi lill-utenti tal-internet milli jkollhom aċċess għal-links li huma s-suġġett tat-tneħħija ta’ referenza – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 17(1))

(ara l-punti 60 sa 73 u d-dispożittiv)

Sunt

L-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija ma huwiex obbligat li jwettaq tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-mutur ta’ tfittxija tiegħu

Permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ referenza) (C‑507/17), il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkostitwita bħala Awla Manja, iddeċidiet li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandu, bħala prinċipju, l-obbligu li jwettaq it-tneħħija ta’ referenza biss mill-verżjonijiet tal-mutur tiegħu li jikkorrispondu għall-Istati Membri kollha.

Il-Commission nationale de l’informatique et des libertés (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u tal-Libertajiet (CNIL) (Franza) intimat lil Google, meta din il-kumpannija tilqa’ talba għal tneħħija ta’ referenza, li twettaq it-tħassir mil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ isem il-persuna kkonċernata, ta’ links li jwasslu għal paġni tal-internet li jinkludu data personali dwar din tal-aħħar, fuq l-estensjonijiet kollha tal-isem tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija tagħha. Wara li Google rrifjutat li tagħti segwitu għal din l-intimazzjoni, iċ-CNIL imponiet fil-konfront ta’ din il-kumpannija sanzjoni ta’ EUR 100 000. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), li ġie adit minn Google, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika l-portata territorjali tal-obbligu, għall-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija, ta’ implimentazzjoni tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza b’applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 (1).

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dwar il-possibbiltà għall-persuni fiżiċi li jinvokaw, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt tagħhom għat-tneħħija ta’ referenza fil-konfront tal-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jiddisponi minn stabbiliment wieħed jew iktar fit-territorju tal-Unjoni, indipendentement minn jekk l-ipproċessar ta’ data personali (f’dan il-każ, ir-referenza għal links li jwasslu għal paġni tal-internet li fuqhom hemm data personali dwar il-persuna li tinvoka dan id-dritt) iseħħx jew le fl-Unjoni (2).

Fir-rigward tal-portata tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat li jwettaq it-tneħħija ta’ referenza mhux mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu iżda mill-verżjonijiet ta’ dan il-mutur li jikkorrispondu għall-Istati Membri kollha. Hija rrilevat f’dan ir-rigward li, għalkemm tneħħija ta’ referenza universali tkun, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-internet u tal-muturi ta’ tfittxija, ta’ natura li tilħaq b’mod sħiħ l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni kollha, madankollu ma jirriżulta bl-ebda mod mid-dritt tal-Unjoni (3) li, għall-finijiet tat-twettiq ta’ tali għan, il-leġiżlatur għażel li jagħti lid-dritt għat-tneħħija ta’ referenza portata li tmur lil hinn mit-territorju tal-Istati Membri. B’mod partikolari, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri sabiex jaslu għal deċiżjoni komuni, ibbażata fuq ibbilanċjar bejn id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali, minn naħa, u l-interess tal-pubbliku tal-Istati Membri differenti li jaċċedi għal informazzjoni, min-naħa l-oħra, attwalment tali mekkaniżmi ma humiex previsti f’dak li jirrigwarda l-portata ta’ tneħħija ta’ referenza barra mill-Unjoni.

Attwalment taħt id-dritt tal-Unjoni, huwa l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li għandu jwettaq it-tneħħija ta’ referenza mitluba, mhux biss mill-verżjoni tal-mutur li tikkorrispondi għall-Istat Membru ta’ residenza tal-benefiċjarju ta’ din it-tneħħija ta’ referenza, iżda mill-verżjonijiet tal-mutur li jikkorrispondu għall-Istati Membri, u dan sabiex, b’mod partikolari, jiġi żgurat livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, tali operatur għandu jieħu, jekk ikun neċessarju, miżuri suffiċjentement effikaċi sabiex jipprekludi jew, tal-inqas, serjament jiskoraġġixxi lill-utenti tal-internet tal-Unjoni milli jkollhom aċċess, jekk ikun il-każ minn verżjoni tal-mutur li tikkorrispondi għal Stat terz, għal-links li huma s-suġġett tat-tneħħija ta’ referenza, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-miżuri adottati mill-operatur jissodisfawx dan ir-rekwiżit.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-mutur tiegħu, huwa lanqas ma jipprojbixxi dan. Għaldaqstant, awtorità ta’ superviżjoni jew awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tibqa’ kompetenti sabiex twettaq, fid-dawl tal-istandards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ibbilanċjar, minn naħa, bejn id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata tagħha u għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni, u, fi tmiem dan l-ibbilanċjar, tordna, skont il-każ, lill-operatur ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija jwettaq tneħħija ta’ referenza mill-verżjonijiet kollha tal-imsemmi mutur.


1      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Din id-direttiva tħassret, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


2      L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2016/679.


3      L-Artikolu 12(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46, u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2016/679.