Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' April 2011 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-233/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: B. Asimakopulos, G. Kanellopulos, A. Iosifidu u P. Mulonop)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2011)1006 finali, tat-23 ta' Frar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 48/2008 (ex NN 61/2008) ) li l-Greċja ħallset lill-impriża Ellinikos Krysos A.E.

Ir-rikorrenti tinvoka s-segwenti motivi ta'annullament:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssosnti li l-konvenuta kisret id-dispożizzjonijiet tat-Trattati (Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE, li qabel kienu l-Artikoli 87(1) u 88(2) KE), billi interpretathom u applikathom b'mod żbaljat, minħabba żball dwar il-konkors u l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta' fatt relatati mal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat.

Insostenn tal-ewwel parti ta' dan il-motiv, b'riferiment għall-miżura ta' għajnuna mill-Istat Nru 1 (bejgħ tal-minjieri Cassandra għal prezz inqas mill-valur tas-suq tagħhom), issostni: a) l-evalwazzjoni żbaljata dwar l-eżistenza tal-għajnuna, konsegwentement għal żball manifest fir-rigward tar-rwol tal-Istat bħala sempliċi intermedjarju u għan-nuqqas tal-użu ta' riżorsi tal-Istat għat-trasferiment kontroversjali ta' proprjetà, b) (subordinatament), evalwazzjoni żbaljata dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, ċ) (ulterjorment) evalwazzjoni żbaljata dwar l-għoti tas-sussidju, minħabba l-kalkolu manifestament żbaljat tal-valur tal-minjieri, tal-art u tad-depożitu ta' minerali fl-istat ta' kumulu naturali, kif ukoll l-allegata attività tal-minjieri fil-perijodu tal-bejgħ, d) (iktar subordinatament) evalwazzjoni żbaljata dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv, b'referiment għall-miżura ta' għajnuna Nru. 2 (eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxi fuq it-trasferiment tal-proprjetà), hija bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni mhux korretta tas-sussidju mogħti kif ukoll fuq l-allegata distorsjoni fil-kompetizzjoni imputabbli lir-rikorrenti, u fuq l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 1, fir-rigward tan-neċessità li tiġi rkuprata l-għajnuna għall-ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' kooperazzjoni leali, ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Insostenn tal-motiv inkwistjoni, hija ssostni li fid-dawl ta' dawn il-prinċipji, il-konvenuta għamlet żball meta wieżnet ir-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni mal-benefiċċju mit-tkomplija tal-attività tal-minjieri inkwistjoni.

Fl-aħħarnett, insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret ir-regoli ta' motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE, li qabel kien l-Artikolu 253 KE), fir-rigward tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

Insostenn ta' dan il-motiv hija ssostni li l-konvenuta ma spjegatx għaliex il-prezz tal-bejgħ tal-minjieri Cassandra, li evidentement ġej minn riżorsi privati, jikkostitwixxi telf dirett jew indirett ta' riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Istat, u lanqas għaliex hija kkunsidrat li, f'dan il-każ, għandha jitħallsu kemm it-taxxi fuq it-trasferiment ta' proprjetà kemm tal-minjieri, kif ukoll tal-art u mhux biss it-taxxa dwar il-minjieri. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-minjieri, tal-art u tad-depożitu minerali, il-konvenuta ma spjegatx l-għoti tas-sussidju, u bbażat ruħha b'mod selettiv parzjalment fuq ir-rapport ta' Behre Dolbear u parzjalment fl-argument arbitarju ta' dan ir-rapport, li wkoll applikat b'mod kontradittorju fir-rigward tal-valur negattiv tal-minjieri magħluqa.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)