Language of document : ECLI:EU:T:2013:348

Kawża T‑234/11 P-RENV-RX

Oscar Orlando Arango Jaramillo et

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Appell — Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali — Ċaħda tar-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli — Pensjonijiet — Żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Terminu raġonevoli”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tad-9 ta’ Lulju 2013

1.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Ċaħda — Klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Termini — Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli — Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal — Inammissibbiltà — Evalwazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Appell — Appell meqjus fondat — Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-qorti tar-rinviju — Kundizzjoni — Kawża fi stat li tista’ tiġi deċiża

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 13(1))

1.      Il-qorti tal-ewwel istanza biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Meta l-qorti tal-ewwel istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-qorti tal-appell għandha l-kompetenza li teżerċita stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-qorti tal-ewwel istanza.

F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk qorti tal-ewwel istanza setgħetx ġustament tikkonkludi, abbażi tal-fatti tal-kawża ineżami, li r-rikors ma kienx ġie ppreżentat f’terminu raġonevoli, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-appell.

(ara l-punti 27, 28)

2.      La t-Trattat FUE u lanqas ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew għall-Investiment, adottati mill-Bord tad-Diretturi tiegħu, skont l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, ma jinkludu indikazzjonijiet dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors applikabbli għal kawżi bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu. Il-konċiljazzjoni bejn, minn naħa, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeħtieġ li l-parti f’kawża jkollha terminu suffiċjenti biex tevalwa l-legalità tal-att li jikkawżalha preġudizzju u tħejji, jekk ikun il-każ, ir-rikors tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali li jeħtieġ li, wara l-iskadenza ta’ ċertu terminu, l-atti meħuda mill-istanzi tal-Unjoni jsiru definittivi, timponi madankollu li l-kawżi jitressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni f’terminu raġonevoli.

In-natura raġonevoli ta’ terminu, kemm jekk jirrigwarda t-tul ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja jew tkun kwistjoni ta’ terminu, li, jinfluwenza direttament l-ammissibbiltà ta’ rikors, għandu dejjem jiġi evalwat skont il-fatti kollha tal-kawża ineżami u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet involuti. Minn dan ġeneralment isegwi li l-kunċett ta’ terminu raġonevoli ma jistax jinftiehem bħala terminu ta’ dekadenza speċifiku u, b’mod partikolari, li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikawx b’analoġija inkwantu terminu ta’ dekadenza għall-membri tal-persunal tal-BEI meta huma jintroduċu rikors għal annullament fil-konfront ta’ att li jirriżulta minn dan tal-aħħar li jikkawżalhom preġudizzju.

Konsegwentement, is-sempliċi fatt li membru tal-persunal tal-Bank Ewropew għall-Investiment ikun ippreżenta rikors għal annullament ta’ att ta’ dan tal-aħħar li jkun jikkawżalu preġudizzju f’terminu li jeċċedi t-tliet xhur u l-għaxart ijiem ma huwiex biżżejjed biex jiġi konkluż li hemm natura tardiva ta’ dan ir-rikors, peress li l-qorti tal-Unjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tivverifika n-natura raġonevoli tat-terminu skont il-fatti tal-kawża.

(ara l-punti 30-32)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 37)