Language of document : ECLI:EU:C:2024:292

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Benefiċċji tal-familja – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Benefiċċji tal-mard – Kamp ta’ applikazzjoni – Allowance tal-leave għal kura – Ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi u jaħdem fi Stat Membru ieħor u li jieħu ħsieb membru tal-familja tiegħu fl-ewwel Stat Membru – Natura anċillari għall-allowance ta’ dipendenza – Artikolu 4 – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑116/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

XXXX

fil-preżenza ta’:

Sozialministeriumservice,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal XXXX, minn K. Mayr u D. Menkovic, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 3, 4, 7 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn XXXX u s-Sozialministeriumservice (id-Dipartiment Ministerjali għall-Affarijiet Soċjali, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment Ministerjali”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil XXXX allowance ta’ leave għal kura.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Nru 883/2004

3        Il-premessi 8, 9, 12 u 16 tar-Regolament Nru 883/2004 jinqraw kif ġej:

“(8)      Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa ta’ importanza partikolari għal ħaddiema li ma humiex residenti fl-Istat Membru fejn jaħdmu, inklużi ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri.

(9)      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat, diversi drabi, opinjoni dwar il-possibbiltà ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ benefiċċji, dħul u fatti; dan il-prinċipju għandhu jkun adottat b’mod espliċitu u żviluppat skond is-sustanza u l-ispirtu ta’ deċiżjonijiet legali.

[...]

(12)      Fid-dawl ta’ proporzjonalità, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun assigurat li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew każijiet ma jwassalx għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux ġustifikati jew għall-overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu.

[...]

(16)      Fil-Komunità, bħala prinċipju, ma teżistix ġustifikazzjoni biex drittijiet ta’ sigurtà soċjali jsiru dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-persuna konċernata; madanakollu, f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-kuntest ekonomiku u soċjali tal-persuna involuta, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed in konsiderazzjoni.”

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

a)      benefiċċji marbutin mal-mard;

[...]

h)      benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[...]”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

a)      meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

b)      meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

7        Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.”

8        L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[...]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[...]”

9        L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      Persuna assigurata u membri tal-familji tagħha li għandhom il-post tar-residenza tagħhom jew joqogħdu fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji mogħtija bħala flus mill-istituzzjoni kompetenti skond il-leġislazzjoni li dina tapplika. Madanakollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza jew żjara, dawn il-benefiċċji jistgħu jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta' residenza jew żjara iżda jitħallsu mill-istituzzjoni kompetenti skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti.

[...]”

 IrRegolament (UE) Nru 492/2011.

10      L-Artikolu 7(1) u (2) tar- Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1) jipprovdi:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

 Iddritt Awstrijak

 LAVRAG

11      L-Artikolu 14a(1) tal-Arbeitsvertragsrechts-Anpassungsgesetz (il-Liġi li Tadatta l-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Impjieg, BGBl. 459/1993), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AVRAG”), jipprevedi:

“L-impjegat jista’ jeżiġi, bil-miktub, tnaqqis fis-sigħat normali tax-xogħol, tibdil fil-ħin tax-xogħol jew leave mhux imħallas sabiex jakkumpanja qarib [...] fi tmiem il-ħajja għal żmien determinat, li ma jeċċedix tliet xhur, billi jispeċifika l-bidu u t-tul ta’ żmien, u dan anki jekk l-impjegat u l-qarib ma jkunux membri tal-istess dar. [...]”

12      L-Artikolu 14c(1) ta’ din il-liġi jaqra kif ġej:

“Bil-kundizzjoni li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun laħqet perijodu ta’ tliet xhur mingħajr interruzzjoni, l-impjegat u l-persuna li timpjega jistgħu jiftiehmu bil-miktub dwar leave għall-kura, minn xahar sa tliet xhur, sabiex l-impjegat ikun jista’ jikkura jew jassisti qarib, fis-sens tal-Artikolu 14a, li, fid-data tal-bidu tal-leave ta’ kura, jirċievi allowance ta’ dipendenza ta’ livell 3 jew ogħla skont l-Artikolu 5 tal-Bundespflegegeldgesetz [(il-Liġi Federali dwar l-Allowance għal Dipendenza, BGBl. 110/1993), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BPGG”)]. [...]”

 IlBPGG

13      L-Artikolu 3a tal-BPGG huwa fformulat kif ġej:

“1.      Jistgħu jitolbu l-allowance għal dipendenza skont din il-liġi, mingħajr lanqas ma jibbenefikaw minn benefiċċju bażiku previst fl-Artikolu 3(1) u (2), iċ-ċittadini Awstrijaċi li r-residenza abitwali tagħhom tinsab fit-territorju nazzjonali, sakemm Stat Membru ieħor ma jkunx kompetenti għall-benefiċċji tal-kura skont ir-Regolament Nru [883/2004] [...]

2.      Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala ċittadini Awstrijaċi:

1)      il-barranin li ma jaqgħu taħt ebda wieħed mill-punti li ġejjin, sa fejn ugwaljanza fit-trattament tirriżulta mill-konvenzjonijiet internazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni, jew

[...]

3)      il-persuni li għandhom dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni [...]

[...]”

14      Konformement mal-Artikolu 21(c) tal-BPGG:

“1.      Il-persuni li jkunu ftehmu dwar leave għall-kura skont l-Artikolu 14c tal-AVRAG [...] għandhom jibbenefikaw, matul il-perijodu tal-leave għall-kura, iżda għal perijodu massimu ta’ tliet xhur, minn allowance ta’ leave għal kura skont id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima. [...] L-allowance għal leave għal kura hija bi dritt.

2.      Qabel ma tkun tista’ titlob l-allowance ta’ leave għal kura, il-persuna bil-leave għandha tkun ġiet assigurata, abbażi tar-relazzjoni ta’ impjieg li issa ġiet sospiża, għal perijodu mhux interrott ta’ tliet xhur [...] filwaqt li tibbenefika minn kopertura totali [...] Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja f’din il-liġi jew f’digriet adottat abbażi tal-paragrafu 5, l-allowance ta’ leave għal kura hija dovuta sal-ammont bażiku tal-allowances tal-qgħad [...]

3.      Il-persuni li, sabiex jakkumpanjaw qarib fi tmiem il-ħajja jew wild marid b’mod serju ħafna, jieħdu leave ta’ solidarjetà familjari

1.      skont l-Artikolu 14a jew l-Artikolu 14b tal-AVRAG [...]

[...]

matul il-leave tas-solidarjetà tal-familja, għandhom jibbenefikaw minn allowance ta’ leave għal kura li tingħata għajnuna skont din it-taqsima. [...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin Taljan li jirrisjedi u jaħdem fl-Awstrija sa mis-sena 2013, ftiehem mal-persuna li timpjegah, skont l-Artikolu 14c(1) tal-AVRAG, fuq leave għal kura għall-perijodu mill‑1 ta’ Mejju 2022 sat‑13 ta’ Ġunju 2022, sabiex jieħu ħsieb missieru, li kien jirrisjedi fl-Italja.

16      Fl‑10 ta’ Mejju 2022, dan ir-rikorrent ressaq talba għal allowance tal-leave għal kura mid-dipartiment ministerjali abbażi tal-Artikolu 21c(1) tal-BPGG, għall-perijodu mill‑10 ta’ Mejju 2022 sat‑13 ta’ Ġunju 2022, minħabba l-kura permanenti li kienet teħtieġ l-istat ta’ saħħa ta’ missieru. Dan tal-aħħar, li kien jidher li jibbenefika minn allowance għal dipendenza taħt il-leġiżlazzjoni Taljana, kellu stat ta’ dipendenza li jidher li kien jagħtih id-dritt, li kieku kellu r-residenza abitwali tiegħu fl-Awstrija, għal allowance għal kura ta’ livell 3, abbażi tal-Artikolu 3a tal-BPGG.

17      Missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali miet fid‑29 ta’ Mejju 2022.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2022, id-dipartiment ministerjali ċaħad it-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li missieru ma kienx jirċievi allowance ta’ dipendenza skont id-dritt Awstrijak, filwaqt li l-ħlas ta’ tali allowance lill-persuna li tingħata l-kura hija kundizzjoni neċessarja sabiex il-persuna li tagħti l-kura tibbenefika mill-allowance ta’ leave għal kura skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka applikabbli.

19      Fis‑7 ta’ Lulju 2022, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn sostna li l-allowance ta’ leave ta’ kura ma għandhiex natura anċillari għall-allowance ta’ dipendenza, sa fejn din tal-aħħar tingħata u titħallas lill-persuna li tingħata l-kura, filwaqt li l-allowance ta’ leave għal kura tingħata u titħallas lill-persuna li tagħti l-kura. Din l-aħħar allowance tidher li tikkostitwixxi għalhekk għajnuna soċjali għall-benefiċċju tal-persuna li tagħti l-kura, b’tali mod li l-għoti tagħha huwa ddeterminat mill-post tax-xogħol tagħha. Fil-fatt, tali allowance għandha titqies bħala “benefiċċju tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004. Għaldaqstant, peress li huwa jaħdem fl-Awstrija, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jqis li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tipprevedi din l-allowance hija applikabbli għalih f’dan il-każ, skont l-Artikolu 11(3)(a) ta’ dan ir-regolament, u li huwa għandu jibbenefika mill-imsemmija allowance, li għandha n-natura ta’ benefiċċju fi flus, anki jekk jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament.

20      Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-interpretazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2022 tad-dipartiment ministerjali teskludi, essenzjalment, mill-benefiċċju tal-allowance għal leave għal kura taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma għandhomx in-nazzjonalità Awstrijaka, peress li huma biss dawn tal-aħħar li ġeneralment jista’ jkollhom ġenituri residenti barra mit-territorju Awstrijak. Din l-interpretazzjoni tidher li tikkostitwixxi għalhekk diskriminazzjoni indiretta tal-ħaddiema migranti jew, tal-inqas, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, kuntrarja għall-Artikolu 45 TFUE u għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

21      Il-qorti tar-rinviju tosserva, l-ewwel nett, li, anki jekk il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu sabiex jikklassifikaw l-allowance ta’ leave għal kura bħala “benefiċċju tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa wkoll konċepibbli li din l-allowance jkollha n-natura ta’ allowance minħabba interruzzjoni temporanja tax-xogħol, li tiġġustifika li din tiġi ttrattata bħala benefiċċju tal-qgħad.

22      It-tieni nett, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-allowance ta’ leave għal kura bħala “benefiċċju fi flus”, din il-qorti tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-benefiċċji mħallsa lill-persuna li tagħti l-kura huma kkunsidrati bħala “benefiċċji tal-mard” skont ir-Regolament Nru 883/2004. Peress li l-allowance inkwistjoni tingħata lill-persuna li tagħti l-kura, iżda tibbenefika, b’mod definittiv, lill-persuna li tingħata l-kura, hija għandha, konsegwentement, tiġi kklassifikata mhux bħala “benefiċċju fi flus”, iżda bħala “benefiċċju fin-natura”, dovut biss għall-kura ta’ persuni residenti fl-Awstrija. Madankollu huwa wkoll possibbli li jiġi kkunsidrat li din l-allowance ma taqax taħt ir-Regolament Nru 883/2004, iżda taħt l-istatus tal-persuna li tagħti l-kura fir-rigward tad-dritt tax-xogħol, li jkollu bħala konsegwenza li din tkun dovuta jekk il-persuna li tagħti l-kura kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21c(1) tal-BPGG, indipendentement mill-post ta’ residenza tal-persuna li tingħata l-kura.

23      It-tielet nett, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu għaxar snin ilu, billi stabbilixxa ruħu fl-Awstrija, għandux effett fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u jekk, konsegwentement, ir-rifjut li tingħatalu l-allowance ta’ leave għal kura ma jipprekludix l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għall-moviment liberu.

24      Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 3a tal-BPGG, li jipprovdi li l-benefiċċju tal-allowance għal dipendenza Awstrijaka huwa rriżervat għall-persuni li jingħataw kura li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju Awstrijak, l-istess qorti tosserva li naturalment huwa iktar faċli għaċ-ċittadini Awstrijaċi li jissodisfaw dan il-kriterju miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra bħal, f’dan il-każ, missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kien jirrisjedi fl-Italja u li kien jidher li jirċievi allowance ta’ dipendenza Taljana. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, ibbażata fuq in-nazzjonalità iżda wkoll fuq il-post ta’ residenza, peress li l-obbligu, sabiex tintalab l-allowance ta’ leave għal kura, li l-persuna li tingħata l-kura tirċievi allowance ta’ dipendenza Awstrijaka ta’ livell 3 jew ogħla jidher li jaffettwa iktar lill-ħaddiema migranti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, milli ċ-ċittadini Awstrijaċi, li l-ġenituri tagħhom għandhom, bħala regola ġenerali, ir-residenza abitwali tagħhom fl-Awstrija.

25      Il-ħames nett, din il-qorti tixtieq tkun taf, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li minnha jirriżulta li kull organu tas-sigurtà soċjali huwa mitlub iwettaq l-evalwazzjoni tat-talbiet fi spirtu ta’ applikazzjoni soċjali tad-dritt favorevoli għall-persuna assigurata, sa fejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ħlas ta’ allowance nazzjonali oħra iktar favorevoli, jiġifieri l-allowance ta’ leave ta’ solidarjetà familjari prevista fl-Artikolu 21c(3) tal-BPGG, li ma tiddependix mill-ħlas, lill-persuna li tingħata l-kura, ta’ allowance ta’ dipendenza Awstrijaka. Hija tistaqsi jekk, minkejja li din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għad-dipartiment ministerjali, li ma għandux in-natura ta’ organu ta’ sigurtà soċjali, u l-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma talabx il-benefiċċju ta’ din l-allowance ta’ leave ta’ solidarjetà familjari, is-sitwazzjoni inkwistjoni ma turix diskriminazzjoni indiretta, kuntrarja, b’mod partikolari, għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u għall-Artikolu 7 tal-Karta.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-allowance tal-leave għall-kura hija benefiċċju marbut mal-mard fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali jew benefiċċju ieħor skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004?

2)      Jekk huwa benefiċċju marbut mal-mard, l-allowance tal-leave għall-kura hija benefiċċju mogħti bħala flus fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 883/2004?

3)      L-allowance tal-leave għall-kura hija benefiċċju għall-persuna li tipprovdi l-kura jew għall-persuna li teħtieġ kura?

4)      Sitwazzjoni fejn applikant għal allowance tal-leave għall-kura fit-tul, li huwa ċittadin Taljan, residenti permanenti fl-Awstrija fil-Bundesland Oberösterreich (il-Land Federali tal-Awstrija ta’ Fuq) mit‑28 ta’ Ġunju 2013, li ilu jaħdem kontinwament fl-Awstrija fl-istess Land Federali mill‑1 ta’ Lulju 2013 għall-istess persuna li timpjega, u għalhekk ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-applikant huwa ħaddiem fruntalier, u li jieħu leave għall-kura bi ftehim mal-persuna li timpjegah sabiex jieħu ħsieb lill-missieru, li huwa ċittadin Taljan u jgħix b’mod permanenti fl-Italja (Sassuolo), għall-perijodu rilevanti mill‑1 ta’ Mejju 2022 sat‑13 ta’ Ġunju 2022 u li jitlob l-allowance tal-leave għall-kura mingħand l-awtorità li fil-konfront tagħha tressqet il-proċedura, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004?

5)      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004 jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-verżjonijiet varji tad-dritt tal-Unjoni (pereżempju, l-Artikolu 18 TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u simili) jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tagħmel il-ħlas tal-allowance tal-leave għall-kura dipendenti fuq il-fatt li l-persuna li teħtieġ il-kura tirċievi allowance għall-kura Awstrijaka tal-livell 3 jew ogħla?

6)      Il-prinċipju ta’ effettività taħt id-dritt tal-Unjoni jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-verżjonijiet varji tad-dritt tal-Unjoni (pereżempju, l-Artikolu 18 TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u simili) jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali jew ta’ ġurisprudenza stabbilita nazzjonali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li ma tippermetti l-ebda marġni għall-interpretazzjoni mill-ġdid ta’ ‘applikazzjoni għal allowance tal-leave għall-kura’ bħala ‘applikazzjoni għal leave ta’ solidarjetà mal-familja’, peress li huwa ċar li ġiet użata formola relatata mal-‘applikazzjoni għal allowance tal-leave għall-kura’ u mhux formola għall-‘applikazzjoni għal leave ta’ solidarjetà mal-familja’ u huwa wkoll ċar li l-ftehim konkluż mal-persuna li timpjega jirreferi għal ‘kura ta’ qarib strett’ minflok ‘kura terminali’, għalkemm il-fatti sottostanti kienu wkoll bażikament jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-allowance tal-leave għall-kura taħt it-titolu ta’ leave ta’ solidarjetà mal-familja minħabba li safrattant il-missier li kien jeħtieġ il-kura miet, li kieku biss kien ġie konkluż ftehim ieħor mal-persuna li timpjega u li applikazzjoni oħra ġiet ssottomessa lill-awtorità?

7)      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni (pereżempju l-Artikolu 7 tal-[Karta] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali (l-Artikolu 21c(1) tal-[BPGG] (il-Liġi Federali dwar Allowance għall-Kura)) li tagħmel il-ħlas tal-allowance tal-leave għall-kura dipendenti fuq il-fatt li l-persuna li teħtieġ il-kura tirċievi allowance għall-kura Awstrijaka tal-livell 3 jew ogħla, filwaqt li dispożizzjoni nazzjonali oħra (l-Artikolu 21c(3) tal-Liġi Federali dwar Allowance għall-Kura), meta applikata għall-istess fatti, ma tagħmilx il-ħlas tal-allowance dipendenti fuq kundizzjoni simili?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel sarraba’ domanda

27      Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri allowance għal leave għal kura li tingħata għajnuna lil impjegat li jassisti jew jikkura qarib li għandu allowance għal dipendenza fi Stat Membru ieħor u li jibbenefika, f’dan ir-rigward, minn leave bla ħlas. Fl-affermattiv, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk tali allowance taqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji fi flus”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

 Fuq lammissibbiltà

28      Il-Kummissjoni Ewropea ssostni, mingħajr ma teċċepixxi formalment l-inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi, li dawn ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali minħabba li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 japplikaw, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-allowance ta’ leave għal kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

29      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita sew li tgħid li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, Obshtina Razgrad, C‑441/22 u C‑443/22, EU:C:2023:970, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis rilevanti, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għall-imsemmija domandi, b’mod partikolari sabiex tikklassifika, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, l-allowance ta’ leave għal kura inkwistjoni. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex manifestament neċessarja għal din tal-aħħar sabiex issolvi t-tilwima li għandha quddiemha.

31      Konsegwentement, l-ewwel sar-raba’ domanda huma ammissibbli.

 Fuq ilmertu

32      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2023, Thermalhotel Fontana, C‑411/22, EU:C:2023:490, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, il-benefiċċju jingħata lill-benefiċjarji, irrispettivament minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u sa fejn, min-naħa l-oħra, ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji indikati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Thermalhotel Fontana, C‑411/22, EU:C:2023:490, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li din tkun issodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jitwettaq fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi li, ladarba jkunu ssodisfatti, jagħtu d-dritt għall-benefiċċju b’mod li l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Thermalhotel Fontana, C‑411/22, EU:C:2023:490, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, jidher li din l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta, peress li l-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata ipso jure, konformement mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 21(1) tal-BPGG, meta l-applikant jibbenefika minn leave għal kura, mingħajr ma d-dipartiment ministerjali jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra għalih.

36      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jsemmi espliċitament il- “benefiċċji tal-mard”, li huma l-benefiċċji li għandhom bħala għan essenzjali l-kura tal-morda, billi jipprovdu l-kura meħtieġa mill-istat tagħha, u jkopru, għalhekk, ir-riskju marbut ma’ stat morbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Thermalhotel Fontana, C‑411/22, EU:C:2023:490, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma assimilati ma’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, spejjeż ikkawżati mill-istat ta’ dipendenza tal-persuna li tingħata l-kura li jikkonċernaw, fl-istess ħin jew le, il-kura mogħtija lil din il-persuna u t-titjib tal-ħajja tagħha ta’ kuljum, bħal, b’mod partikolari, spejjeż li jiżgurawlha l-assistenza ta’ terzi, peress li tali spejjeż huma intiżi sabiex itejbu l-istat ta’ saħħa u l-ħajja tal-persuni dipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punti 23 u 24, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, l-għoti tal-allowance ta’ leave għal kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ċertament tirriżulta mill-istatus ta’ impjegat tal-persuna li tagħti l-kura. Madankollu, minn naħa, dan l-għoti huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li tingħata l-kura li tibbenefika minn allowance għal dipendenza ta’ ċertu livell skont id-dritt Awstrijak.

39      Min-naħa l-oħra, jidher li l-allowance ta’ leave għal kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk tingħata u titħallas lill-persuna li tagħti l-kura sabiex tikkumpensa t-telf tas-salarji li hija ġġarrab matul il-perijodu tal-leave mingħajr ħlas tagħha, għandha wkoll u prinċipalment l-għan, b’mod definittiv, li tippermetti lill-persuna li tagħti l-kura li tipprovdi l-kura li teħtieġ l-istat ta’ saħħa tal-persuna li tingħata l-kura, b’tali mod li hija tibbenefika, qabel kollox, lil din tal-aħħar.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-allowance ta’ leave għal kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

41      Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din l-allowance għandhiex tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju fi flus”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija allowance tikkonsisti f’somma ta’ flus fissa mħallsa perjodikament lil min jagħti l-kura, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża reali tal-kura, intiża li tikkumpensa t-telf ta’ salarju marbut mal-leave għal kura li jgħin kif ukoll li jnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan il-leave.

42      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ terza persuna li tirrikorri għaliha persuna dipendenti sabiex tassistiha fid-dar għandha hija stess tiġi kklassifikata bħala benefiċċju fi flus, sa fejn hija anċillari għall-provvista ta’ kura fil-veru sens tal-kelma, fis-sens li hija intiża sabiex tiffaċilita l-użu tal-kura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, Gaumain-Cerri u Barth, C‑502/01 u C‑31/02, EU:C:2004:413, punt 27).

43      Konsegwentement, l-allowance għal leave ta’ kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha b’mod partikolari natura anċillari għall-benefiċċju ta’ kura fil-veru sens tal-kelma, għandha wkoll tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju fi flus”, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri allowance ta’ leave għal kura li tingħata lil impjegat li jassisti jew jikkura qarib li għandu allowance għal dipendenza fi Stat Membru ieħor u li jibbenefika, f’dan ir-rigward, minn leave bla ħlas. Konsegwentement, tali allowance taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji fi flus”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

 Fuq ilħames domanda

45      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tirreferi fil-ħames domanda tagħha għall-Artikolu 18 TFUE.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Caisse nationale d’assurance d’assurance pension, C‑731/21, EU:C:2022:969, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 98).

49      Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi kollha rrilevati mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ħames domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(2) TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ allowance ta’ leave għal kura hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna li tingħata l-kura tirċievi allowance għal dipendenza ta’ ċertu livell skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu l-għan li jiżgura, skont l-Artikolu 45 TFUE, l-ugwaljanza fil-qasam tas-sigurtà soċjali mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, billi jelimina kull diskriminazzjoni f’dan ir-rigward li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jippreċiża li ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jgawdi, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punti 93 u 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, estiż mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra, jinkludi l-vantaġġi kollha, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, li huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk xierqa sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Ir-riferiment magħmul minn din id-dispożizzjoni għall-vantaġġi soċjali ma jistax jiġi interpretat b’mod limitat (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti benefiċċji jistgħu jikkostitwixxu kemm benefiċċji tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

53      Għaldaqstant, il-fatt li l-allowance ta’ leave għal kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, hija intiża li tibbenefika qabel kollox lill-persuna li tingħata l-kura, ma għandhiex effett fuq il-klassifikazzjoni tagħha wkoll bħala “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, sa fejn din l-allowance hija intiża sabiex tiżgura s-sussistenza ta’ ħaddiem li ma jeżerċita ebda attività professjonali matul il-perijodu tal-leave tiegħu u għalhekk ma jirċievi ebda remunerazzjoni.

54      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif intqal fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkonkretizzaw it-tnejn li huma r-regola tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom, bħala prinċipju, jiġu interpretati bl-istess mod u b’mod konformi mal-Artikolu 45 TFUE (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 98).

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, li tista’ tkun iktar ta’ detriment għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li ma humiex ċittadini, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li tkun oġġettivament iġġustifikata (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan il-każ, l-għoti tal-allowance tal-leave għal kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa suġġett, konformement mal-Artikolu 21c(1) tal-BPGG, moqri flimkien mal-Artikolu 14c(1) tal-AVRAG u mal-Artikolu 3a tal-BPGG, għall-kundizzjoni li l-persuna li tingħata l-kura tirċievi allowance għal dipendenza ta’ livell 3 jew ogħla skont id-dritt Awstrijak. Għalhekk, din l-allowance għal leave tal-kura tingħata biss fil-każ fejn l-awtoritajiet Awstrijaċi huma kompetenti sabiex iservu allowance għal dipendenza fuq il-persuna li tingħata l-kura. Konsegwentement, ir-rabta diretta mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuni li jingħataw il-kura għandha titqies li hija stabbilita.

57      Minn dan isegwi li l-fatt li l-allowance għal leave għal kura hija ta’ natura anċillari għall-allowance għal dipendenza, mogħtija skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka applikabbli, tista’ taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali li missieru kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, milli ċittadini Awstrijaċi, fosthom il-familja, u b’mod partikolari l-ġenituri, għandhom, bħala regola ġenerali, ir-residenza abitwali tagħhom fl-Awstrija.

58      Għalhekk jidher li din in-natura anċillari tal-allowance ta’ leave għal kura twassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun oġġettivament iġġustifikata.

59      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex tkun iġġustifikata, tali diskriminazzjoni indiretta għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda element dwar l-eventwali ġustifikazzjoni tan-natura anċillari tal-allowance ta’ leave għal kura meta mqabbla mal-allowance ta’ dipendenza ta’ livell 3 jew ogħla, mogħtija skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka applikabbli, il-Kummissjoni ssemmi madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-għan taż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji soċjali (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Rechtsanwaltskammer Wien, C‑58/21, EU:C:2022:691, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Sa fejn, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-livell ta’ dipendenza jista’ jindika l-grad ta’ kura li għandha bżonn il-persuna kkonċernata, li jimplika, jekk ikun il-każ, li l-persuna li tagħti l-kura tinsab fl-impossibbiltà li tkompli l-attività professjonali tagħha, l-għan li jiġi limitat il-benefiċċju tas-servizzi ffinanzjati minn fondi pubbliċi għall-każijiet ta’ dipendenza ta’ livell 3 jew ogħla jidher leġittimu.

63      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kundizzjoni bħal din dwar il-livell ta’ grad 3 jew ogħla ta’ dipendenza tista’ tiġi sodisfatta wkoll meta l-allowance għal dipendenza tingħata skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 9 ta’ din tal-aħħar, tistabbilixxi l-prinċipju ġurisprudenzjali ta’ assimilazzjoni tal-benefiċċji, tad-dħul u tal-fatti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jintroduċi fit-test tal-imsemmi regolament sabiex dan il-prinċipju jiġi żviluppat fl-osservanza tal-mertu u tal-ispirtu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle, C‑769/18, EU:C:2020:203, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tevalwa, fid-dawl b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 61 sa 63 ta’ din is-sentenza u abbażi tal-elementi rilevanti kollha disponibbli, jekk, fid-dawl tal-ġustifikazzjonijiet ammessi fid-dritt tal-Unjoni kif imfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju eventwali ta’ preġudizzju serju għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 41, u tal‑15 ta’ Settembru 2022, Rechtsanwaltskammer Wien, C‑58/21, EU:C:2022:691, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), in-natura anċillari tal-allowance ta’ leave għal kura inkwistjoni meta mqabbla mal-allowance għal dipendenza tal-livell 3 jew ogħla, mogħtija skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, tista’ tiġi ġġustifikata. Issa, id-diskriminazzjoni indiretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq in-nazzjonalità, kif irrilevata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk hija tfittex li tilħaq l-għan imfittex b’mod koerenti u sistematiku. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Caisse nationale d’assurance d’assurance pension, C‑731/21, EU:C:2022:969, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), fatt li għandu jiġi vverifikat ukoll mill-qorti tar-rinviju.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(2) TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ allowance għal leave għal kura huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li tibbenefika minn kura tirċievi allowance għal dipendenza ta’ ċertu livell taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, sakemm din il-kundizzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu relatat, b’mod partikolari, maż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, u ma tikkostitwixxix mezz proporzjonat li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan.

 Fuq issitt u sseba’ domanda

66      Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li, minn naħa, tissuġġetta l-għoti ta’ allowance ta’ leave għal kura u dak ta’ allowance għal leave ta’ solidarjetà familjari għal kundizzjonijiet differenti u, min-naħa l-oħra, ma tippermettix li talba għal leave għal kura tiġi kklassifikata mill-ġdid f’talba għal leave ta’ solidarjetà familjari.

67      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 48 TFUE, li jipprevedi sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, u li abbażi tagħha ġie adottat ir-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li d-differenzi ta’ mertu u ta’ proċedura bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru u, għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni affiljati magħhom ma humiex milquta minn din id-dispożizzjoni, peress li kull Stat Membru jibqa’ kompetenti sabiex jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal kooperazzjoni), C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fil-fatt, ir-Regolament Nru 883/2004 ma jorganizzax sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu sistemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan uniku li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar sabiex jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Għalhekk, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw is-sistemi rispettivi ta’ sigurtà soċjali (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għall-kooperazzjoni), C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ allowance għal leave ta’ solidarjetà tal-familja, skont l-Artikolu 21c(3) tal-BPGG, huma differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-allowance tal-leave għal kura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-Artikolu 21c(3) tal-BPGG ma jeżiġix li l-persuna mogħtija l-kura tirċievi allowance għal dipendenza Awstrijaka ta’ livell 3 jew ogħla, kif jipprevedi l-Artikolu 21c(1) tal-BPGG.

70      Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dipartiment ministerjali ma jidhirx li huwa mitlub jipproċedi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), bl-evalwazzjoni tat-talba għal allowance tal-leave għal kura fi spirtu ta’ applikazzjoni soċjali tad-dritt favorevoli, anki jekk l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn allowance nazzjonali iktar favorevoli, jiġifieri l-allowance għal leave ta’ solidarjetà familjari skont l-Artikolu 21c(3) tal-BPGG.

71      Madankollu, kif isostni l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-kunċett differenti ta’ żewġ drittijiet relatati ma’ benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li jsegwu kull wieħed għanijiet differenti, kif ukoll il-mod kif jiġu invokati dawn id-drittijiet quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaqgħu biss taħt id-dritt nazzjonali.

72      B’hekk jidher li l-kunċett differenti tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ allowance tal-leave għal kura u ta’ allowance tal-leave ta’ solidarjetà familjari ma jipproduċix effetti diskriminatorji għad-detriment tal-persuni li għamlu użu mid-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

73      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għas-sitt u għas-seba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li, minn naħa, tissuġġetta l-għoti ta’ allowance ta’ leave għal kura u dik ta’ allowance ta’ leave ta’ solidarjetà tal-familja għal kundizzjonijiet differenti u, min-naħa l-oħra, ma tippermettix li talba għal leave għal kura tiġi kklassifikata mill-ġdid f’talba għal leave ta’ solidarjetà familjari.

 Fuq lispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri allowance ta’ leave għal kura li tingħata lil impjegat li jassisti jew jikkura qarib li għandu allowance għal dipendenza fi Stat Membru ieħor u li jibbenefika, f’dan ir-rigward, minn leave bla ħlas.

Konsegwentement, tali allowance taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji fi flus”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

2)      L-Artikolu 45(2) TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ allowance għal leave għal kura huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li tibbenefika minn kura tirċievi allowance għal dipendenza ta’ ċertu livell taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, sakemm din il-kundizzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu relatat, b’mod partikolari, maż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, u ma tikkostitwixxix mezz proporzjonat li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan.

3)      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li, minn naħa, tissuġġetta l-għoti ta’ allowance ta’ leave għal kura u dik ta’ allowance ta’ leave ta’ solidarjetà tal-familja għal kundizzjonijiet differenti u, min-naħa l-oħra, ma tippermettix li talba għal leave għal kura tiġi kklassifikata mill-ġdid f’talba għal leave ta’ solidarjetà familjari.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.