Language of document : ECLI:EU:T:2024:247

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

17 ta’ April 2024 (*)

“Varjetajiet ta’ pjanti – Għoti tal-protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà ta’ patata Melsrose – Nuqqas ta’ ħlas fit-termini tat-taxxa annwali – Annullament ta’ protezzjoni – Rikors għal restitutio in integrum – Kundizzjonijiet għall-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet taċ-CPVO”

Fil-Kawża T‑2/23,

Romagnoli Fratelli SpA, stabbilita f’Bologna (l-Italja), irrappreżentata minn E. Truffo u A. Iurato, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. García-Moncó Fuente u Á. Martínez López, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn F. Schalin, President, I. Nõmm (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Romagnoli Fratelli SpA, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) tas‑7 ta’ Novembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fl‑10 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanti quddiem iċ-CPVO, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390). Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata bin-numru 2009/2240.

3        Il-varjetà ta’ pjanti li għaliha saret l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju hija l-varjetà ta’ patata Melrose, li tappartjeni għall-ispeċi Solanum tuberosum L.

4        Permezz ta’ deċiżjoni taċ-CPVO tal‑20 ta’ Frar 2012, il-protezzjoni Komunitarja ngħatat għall-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni.

5        Fis‑27 ta’ Ottubru 2021, inħarġet nota ta’ debitu dwar il-ħlas tat-taxxa annwali għad-dritt Komunitarju tal-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni u ntbagħtet lir-rikorrenti miċ-CPVO fuq l-ispazju personali ta’ din tal-aħħar, imsejjaħ “MyPVR”.

6        Peress li n-nota ta’ debitu ma tħallsitx fit-terminu prefiss, intbagħtet tfakkira formali lir-rikorrenti fl‑10 ta’ Jannar 2022, konformement mal-Artikolu 83(2) tar-Regolament Nru 2100/94, permezz tal-ispazju personali MyPVR. Fil-kuntest ta’ din it-tfakkira, iċ-CPVO stieden lir-rikorrenti sabiex tħallas l-ammont dovut bħala taxxa annwali f’terminu ta’ xahar sabiex jiġi evitat l-annullament tad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni skont l-Artikolu 21(2)(ċ) tal-imsemmi regolament.

7        Fis‑16 ta’ Frar 2022, peress li d-dokumenti relatati mat-taxxa annwali ma tniżżlux mir-rikorrenti mill-ispazju personali MyPVR, iċ-PVO bagħat lil din tal-aħħar tfakkira oħra permezz ta’ posta elettronika, mingħajr madankollu ma estenda t-terminu għall-ħlas.

8        Fil‑21 ta’ Marzu 2022, peress li t-taxxa annwali ma kinitx tħallset fit-terminu prefiss, iċ-CPVO annulla d-dritt Komunitarju tal-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni. Id-deċiżjoni dwar dan l-annullament ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fit‑22 ta’ Marzu 2022.

9        Fis‑6 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrenti ressqet talba għal restitutio in integrum tagħha, skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, fir-rigward tat-terminu għall-ħlas tat-taxxa annwali msemmija iktar ’il fuq.

10      Fis‑6 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrenti ħallset it-taxxa annwali li sa dak iż-żmien kienet għadha ma tħallsitx.

11      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-CPVO ma laqax it-talba għal restitutio in integrum tar-rikorrenti. L-imsemmija talba ġiet miċħuda, minħabba li, minn naħa, hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kinitx uriet li hija kienet ikkonfrontat b’ċirkustanzi imprevedibbli u li hija kienet uriet il-viġilanza kollha meħtieġa sabiex il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 80(1) tal-imsemmi regolament jiġu ssodisfatti.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna liċ-CPVO għall-ispejjeż.

13      Iċ-CPVO essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fuq lammissibbiltà

14      Iċ-CPVO jitlob li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli, peress li ma teżisti ebda bażi legali għal dan ir-rikors la fir-Regolament Nru 2100/94 u lanqas fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas‑17 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 2100/94 fir-rigward tal-proċedimenti quddiem is-CPVO (ĠU 2009, L 251, p. 3). Barra minn hekk, fid-dawl tal-assenza ta’ bażi legali f’dawn ir-regolamenti, huwa jikkontesta wkoll l-applikabbiltà tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

15      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti taċ-OPVO.

16      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

17      Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi li l-atti li jistabbilixxu korpi u organi tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu bħala li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet jew il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tagħha (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni, C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tieni lok, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, iċ-CPVO indika mingħajr ambigwità l-pożizzjoni finali tiegħu dwar ir-rikors għar-restitutio in integrum inkwistjoni, u b’hekk ipproduċa effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti.

20      Madankollu, iċ-CPVO jsostni li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiġġustifika l-kapaċità tiegħu li jiddeċiedi fuq it-talbiet għal restitutio in integrum mingħajr possibbiltà ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO jew quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li tali azzjoni la hija prevista mir-Regolament Nru 2100/94 u lanqas mir-Regolament Nru 874/2009, li jikkostitwixxu l-“kondizzjonijiet u arranġamenti speċjali” fis-sens tal-ħames paragrafu tal-imsemmi artikolu. Għaldaqstant, jirrileva li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valuri ta’ ugwaljanza u tal-Istat tad-dritt. Issa, l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ tali Stat tad-dritt (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet f’kawża jisiltu minn dan id-dritt (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263, 265, 268, 270 u 272 TFUE, bl-eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita taħt l-Artikolu 257 TFUE tal-istess Trattat, u ta’ dawk li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżerva għall-Qorti tal-Ġustizzja.

24      B’hekk, is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija kkostitwita minn sett komplut ta’ rimedji u proċeduri intiżi li jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, EU:C:2020:492, punt 60 u l-ġurisprudenza msemmija.

25      Għaldaqstant, għalkemm il-“kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari” imsemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ċertament jippermettu l-istabbiliment, minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, ta’ kundizzjonijiet u arranġamenti interni, prerekwiżiti għal rimedju ġudizzjarju, li jirregolaw, fost oħrajn, il-funzjonament ta’ mekkaniżmu ta’ awtomonitoraġġ jew l-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ ftehim bonarju, dawn il-kundizzjonijiet u dawn l-arranġamenti ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw istituzzjoni tal-Unjoni teżenta t-tilwim li jinvolvi l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 2100/94, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet proċedurali fl-imsemmi regolament jew fid-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tal-istess regolament, iċ-CPVO għandu japplika l-prinċipji tal-liġi proċedurali ġeneralment irrikonoxxuti fl-Istati Membri.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — li jipprevedi l-possibbiltà ta’ rikors kontra atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni — jirrifletti preċiżament tali “prinċipji tal-liġi proċedurali li jkunu ġeneralment rikonoxxuti fl-Istati Membri” previst fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 2100/94. Għaldaqstant, minkejja li r-Regolament Nru 2100/94 ma jipprevedix b’mod espliċitu rimedju ġudizzjarju quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO u lanqas direttament quddiem il-Qorti Ġenerali għad-deċiżjonijiet meħuda miċ-CPVO wara talba għal restitutio in integrum imressqa skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, madankollu jeżisti rimedju ġudizzjarju abbażi tal-Artikolu 81(1) tal-imsemmi regolament u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

28      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti liċ-CPVO ta’ kompetenza esklużiva sabiex jinterpreta u japplika r-Regolament Nru 2100/94 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 80 tal-imsemmi regolament imur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 21 sa 25 iktar ’il fuq (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P EU:C:2015:492, punt 64).

29      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda l-eċċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Fuq ilmertu

30      Ir-rikors huwa bbażat, essenzjalment, fuq żewġ motivi, ibbażati, tal-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u, tat-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 874/2009.

 Fuq lammissibbiltà tal-provi prodotti għallewwel darba quddiem ilQorti Ġenerali

31      Għandu jiġi kkonstatat li mill-fajl taċ-CPVO jirriżulta li l-Annessi 1, 8 sa 12, 14 sa 16 u 23 sa 25, annessi mar-rikors, ma ġewx prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva quddiem iċ-CPVO.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għall-istituzzjoni fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu. B’hekk, quddiem il-qorti tal-Unjoni, wieħed ma jistax jinvoka fatti li ma tressqux matul il-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2023, Novasol vs ECHA, mhux ippubblikata, EU:T:2023:106, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għaldaqstant, peress li l-annessi msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, huma ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandhom, għalhekk, jiġu esklużi.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 80(1) tarRegolament Nru 2100/94

34      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti, dwar, l-ewwel wieħed, il-forza maġġuri jew iċ-ċirkustanzi imprevedibbli kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-ħlas tat-taxxa annwali ffissat miċ-CPVO u, it-tieni wieħed, l-interpretazzjoni żbaljata miċ-CPVO tal-provi li pproduċiet.

35      Iċ-CPVO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

36      Skont l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 2100/94, meta, minkejja li tkun ingħatat l-attenzjoni kollha meħtieġa fiċ-ċirkustanzi partikolari, l-applikant għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jew id-detentur jew xi parti oħra fil-proċeduri quddiem iċ-CPVO ma setgħax josserva terminu rigward dan tal-aħħar, id-drittijiet tiegħu għandhom, b’talba, jingħataw lura jekk in-nuqqas tiegħu li josserva t-terminu jirriżulta direttament, permezz ta' dan ir-regolament, fit-telf ta’ xi dritt jew mezz ta’ rimedju.

37      Mill-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li r- restitutio in integrum hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, l-ewwel waħda hija li l-persuna inkwistjoni tkun għamlet dak kollu meħtieġ fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari u t-tieni, li n-nuqqas ta’ dik il-persuna li tosserva t-terminu kellu bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Prinz Sobieski zu Schwarzenberg vs UASI – British-American Tobacco Polska (Romuald Prinz Sobieski zu Schwarzenberg), T‑271/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:478, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, l-osservanza tat-termini hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku u r-restitutio in integrum jista’ tippreġudika ċ-ċertezza legali. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ restitutio in integrum għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tad‑9 ta’ Diċembru 2022, AMO Development vs EUIPO (Strumenti mediċi), T‑311/22, mhux ippubblikat, EU:T:2022:822, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni taċ-CPVO fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, sa fejn hija kkonkludiet li hija ma kinitx ipproduċiet il-prova, li, minn naħa, hija kienet qiegħda taffaċċja ċirkustanzi imprevedibbli u, min-naħa l-oħra, hija kienet uriet id-diliġenza kollha meħtieġa f’dawn iċ-ċirkustanzi.

40      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li tali ċirkustanzi imprevedibbli ġew stabbiliti, minn naħa, minħabba s-sitwazzjoni mhux mistennija tal-pandemija tal-COVID-19 li wasslet għall-assenza tal-unika impjegata tagħha inkarigata mill-korrispondenza maċ-CPVO u, min-naħa l-oħra, minħabba l-attakk ċibernetiku li hija ġarrbet.

41      Fir-rigward tal-allegat attakk ċibernetiku subit mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li la dan l-argument ma tressaq u lanqas il-provi li jissostanzjawha ma ġew iprodotti liċ-CPVO fil-mument tat-talba għal restitutio in integrum. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt int 32 iktar ’il fuq, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

42      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi imprevedibbli li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u li jwasslu għall-assenza tal-unika impjegata tagħha li kienet inkarigata mill-korrispondenza maċ-CPVO, ir-rikorrenti pproduċiet prova unika, jiġifieri ċertifikat datat is‑7 ta’ Ġunju 2022 tal-Confcommercio Ascom Bologna li ddikjara li, matul il-perijodu minn Ottubru 2021 sa April 2022, il-persunal tal-uffiċċju tagħha kien assenti 600 siegħa minħabba mard marbut mal-COVID-19. Barra minn hekk, fil-posta elettronika tagħha liċ-CPVO tas‑7 ta’ Ġunju 2022, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-imsemmija impjegata kienet assenti darbtejn matul il-ħames xhur preċedenti minħabba l-COVID-19.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċertifikat tas‑7 ta’ Ġunju 2022 tal-Confcommercio Ascom Bologna, li jiddikjara n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol mitlufa mill-persunal kollu tar-rikorrenti, la jindika n-numru ta’ sigħat jew ta’ ġranet u lanqas il-perijodu li matulhom l-unika impjegata li kienet inkarigata mill-korrispondenza maċ-CPVO kienet assenti u għalhekk ma kinitx kapaċi twettaq il-kompiti fdati lilha, fir-rigward tal-korrispondenza maċ-CPVO. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li jintwera li l-imsemmija impjegata kienet assenti u li hija kienet għalhekk affaċċjat ċirkustanzi partikolari minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li jipprekluduha milli tosserva t-terminu għall-ħlas tat-taxxa annwali.

44      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tad-daqs medju tagħha, hija ma kellhiex riżorsi finanzjarji sabiex timpjega persunal addizzjonali sabiex tissostitwixxi l-persunal bil-leave tal-mard.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba tagħha għal restitutio in integrum, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi oħra ħlief iċ-ċertifikat tas‑7 ta’ Ġunju 2022 tal-Confcommercio Ascom Bologna msemmi fil-punt 42 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova f’dan ir-rigward, is-sempliċi konstatazzjoni dwar mezzi finanzjarji insuffiċjenti għar-reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex turi li r-rikorrenti ffaċċjat ċirkustanzi imprevedibbli u li hija aġixxiet bid-diliġenza kollha meħtieġa f’dawn iċ-ċirkustanzi sabiex tosserva t-terminu għall-ħlas tat-taxxa annwali prefiss miċ-CPVO.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom soluzzjonijiet oħra possibbli ma kinux ġew applikati sabiex tiġi rrimedjata l-assenza tal-impjegata tagħha li kienet inkarigata mill-korrispondenza maċ-CPVO. Pereżempju, anki jekk ġiet prodotta l-prova tal-assenza ta’ din l-impjegata tagħha, li ma huwiex il-każ hawnhekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma spjegat u lanqas ma ssostanzjat bi provi li kienu pprekludewha milli tittrażmetti l-kompiti tal-imsemmija impjegata u d-dettalji għall-login għaż-żona personali MyPVR lil membru ieħor tal-persunal tagħha għal perijodu ta’ madwar ħames xhur.

47      Barra minn hekk, fis‑16 ta’ Frar 2022, iċ-CPVO bagħat lir-rikorrenti posta elettronika addizzjonali, fejn stedinha tikkonsulta l-ispazju personali tagħha MyPVR u filwaqt li esprima d-disponibbiltà tiegħu sabiex jipprovdi kull informazzjoni addizzjonali dwar l-aċċess għal MyPVR. Issa, anki jekk jitqies li r-rikorrenti kellha problemi sabiex taċċedi għal MyPVR, għandu jiġi kkonstatat li hija la rreaġixxiet għal din il-posta elettronika u lanqas ma talbet l-għajnuna f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li hija kienet aġixxiet bid-diliġenza kollha meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

48      Konsegwentement, wara li ħa inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt li kienu ġew ipprovduti lilu fil-mument tar-rikors għal restitutio in integrum, iċ-CPVO ġustament ikkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-prova li hija kienet affaċċjat ċirkustanzi partikolari u lanqas li hija kienet aġixxiet bid-diliġenza kollha meħtieġa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

49      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar ‘il fuq, l-ewwel motiv għandha jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 65 tar‑Regolament Nru 874/2009

50      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega, fl-ewwel lok, li hija ma rċevietx it-tfakkira mibgħuta miċ-CPVO fl‑10 ta’ Jannar 2022 dwar it-taxxa annwali mhux imħallsa u tallega li dan tal-aħħar kiser l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 874/2009, sa fejn huwa ma pproduċiex il-prova tal-komunikazzjoni effettiva u tar-riċezzjoni ta’ din it-tfakkira. Fit-tieni lok, tikkontesta, b’mod ġenerali, il-fatt li l-ispazju personali MyPVR huwa kkunsidrat bħala mezz uffiċjali ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti jew ta’ deċiżjonijiet fis-sens tar-Regolament Nru 2100/94 u tar-Regolament Nru 874/2009 u, konsegwentement, tikkontesta l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet ġenerali dwar l-użu tas-sistemi elettroniċi ta’ komunikazzjoni maħruġa miċ-CPVO u intiżi għal dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali ta’ MyPVR”), kif iddefiniti fid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO.

51      Iċ-CPVO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

52      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-ispazju personali MyPVR jistax jitqies bħala mezz uffiċjali ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti jew ta’ deċiżjonijiet fis-sens tar-Regolamenti Nri 2100/94 u 874/2009. F’dan il-każ, peress li n-nota ta’ debitu tas‑27 ta’ Ottubru 2021 u t-tfakkira tal‑10 ta’ Jannar 2022 ġew ikkomunikati permezz tal-ispazju personali MyPVR, hemm lok li tiġi eżaminata l-validità ta’ dan l-ispazju personali bħala mezz uffiċjali ta’ komunikazzjoni għal dawn iż-żewġ dokumenti.

53      Skont l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2109/94, iċ-ĊPVO jikkomunika minn jeddu d-deċiżjonijiet kollha u t-taħrikiet, u l-komunikazzjonijiet li minnhom jiddekorru terminu u li n-notifika tagħhom hija meħtieġa skont dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jew permezz ta’ dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta’ dan ir-regolament jew b’ordni tal-President taċ-ĊPVO. In-notifika tista’ tingħata permezz tal-uffiċċji kompetenti tal-varjetajiet tal-Istati Membri.

54      Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, peress li n-nota ta’ debitu tas‑27 ta’ Ottubru 2021 u t-tfakkira tal‑10 ta’ Jannar 2022 it-tnejn iffissaw terminu li għandu jiġi osservat mir-rikorrenti, hemm lok li dawn jiġu kkunsidrati bħala “notifiki [jew] komunikazzjonijiet, li minnhom jiġi kalkolat limitu ta' żmien” fis-sens tal-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94.

55      Skont l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 874/2009, id-dokumenti jew il-kopji tagħhom li jkun fihom l-azzjonijiet li għalihom in-notifika ex ufficio hija prevista fl-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94 għandhom jiġu kkomunikati b’mezzi elettroniċi li għandhom ikunu stabbiliti mill-President taċ-ĊPVO jew bil-posta permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma ta’ riċezzjoni.

56      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 874/2009 jirriżulta li, minn naħa, il-komunikazzjonijiet taċ-CPVO li jagħtu bidu għad-dekorrenza ta’ terminu, fis-sens tal-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94, jistgħu jiġu kkomunikati elettronikament u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet tal-imsemmija komunikazzjoni b’mezz elettroniku huma ddeterminati mill-President taċ-CPVO.

57      Skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 874/2009, fl‑20 ta’ Diċembru 2016, il-President taċ-CPVO adotta deċiżjoni dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi li joriġinaw miċ-CPVO u intiżi għal dan tal-aħħar.

58      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO jipprevedi li ċ-CPVO għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika, fuq is-sit internet tiegħu “www.cpvo.europa.eu”, li tippermetti lill-utenti jirċievu, jaraw, jistampaw u jirreġistraw id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet kollha disponibbli b’mod elettroniku mibgħuta miċ-CPVO u r-risposta għall-komunikazzjonijiet u għat-talbiet għal fajls u għal dokumenti oħra. Dan l-ispazju ta’ komunikazzjoni elettronika (“Spazju personali”) huwa sistema ristretta u ser jissejjaħ “MyPVR”.

59      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO jipprevedi li, ladarba tintemm l-implimentazzjoni tagħha, MyPVR għandu jipproponi l-possibbiltà li jirċievi b’mod elettroniku l-komunikazzjonijiet kollha li joriġinaw miċ-CPVO. Jekk l-utent jagħżel din il-possibbiltà, iċ-CPVO għandu jibgħat il-komunikazzjonijiet kollha b’mod elettroniku permezz ta’ dan l-ispazju personali, il-pjattaforma elettronika, ħlief fil-każ li dan ikun impossibbli għal raġunijiet tekniċi.

60      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO, hekk kif l-utent attiv jagħżel li jikkomunika maċ-CPVO b’mod elettroniku, il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha taċ-CPVO disponibbli f’forma elettronika għandhom jintbagħtu lilu permezz ta’ MyPVR. Id-dokumenti li fihom atti li għalihom l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprevedi notifika ex officio għandhom jiġu kkomunikati permezz ta’ MyPVR.

61      Skont l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu li jinsabu fis-sit internet taċ-CPVO dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi li joriġinaw miċ-CPVO u intiżi għal dan tal-aħħar, imwettqa permezz ta’ MyPVR, għandhom jispeċifikaw iktar l-azzjonijiet elettroniċi, il-kundizzjonijiet relatati magħhom u l-modalitajiet tekniċi li għalihom huma suġġetti l-komunikazzjonijiet elettroniċi li joriġinaw miċ-CPVO u intiżi għal dan tal-aħħar kif ukoll l-impenji ta’ użu li l-utenti għandhom jidħlu għalihom.

62      Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, mill-ewwel u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO, imsemmija fil-punti 58 u 60 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-komunikazzjonijiet kollha, inklużi dawk koperti mill-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94, jistgħu jsiru permezz tal-ispazju personali MyPVR, bil-kundizzjoni li l-utent ikun attiva l-għażla li tippermetti liċ-CPVO jikkomunika miegħu b’mod elettroniku.

63      Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru  2016 tal-President taċ-CPVO, imsemmi fil-punt 61 iktar ’il fuq, jipprevedi li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ MyPVR għandhom jispeċifikaw iktar l-azzjonijiet elettroniċi, il-kundizzjonijiet relatati magħhom u l-modalitajiet tekniċi li għalihom huma suġġetti l-komunikazzjonijiet elettroniċi li joriġinaw miċ-CPVO. Konsegwentement, l-applikabbiltà ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali lanqas ma tista’ tiġi kkontestata.

64      Barra minn hekk, il-punt 4(b) tal-verżjoni 3.0 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ MyPVR jafferma mill-ġdid li, meta l-utent ikun għażel il-komunikazzjoni elettronika, iċ-CPVO jikkomunika lilu b’mod validu d-deċiżjonijiet, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti l-oħra b’mod elettroniku permezz tal-ispazju personali, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet tekniċi jew fil-każ fejn ċerti funzjonalitajiet tal-imsemmi spazju jkunu qegħdin jiġu żviluppati. F’dawn il-każijiet, il-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tal-posta elettronika jew b’kull mezz ieħor validu ta’ komunikazzjoni jistgħu jiġu aċċettati bħala mezz ta’ komunikazzjoni approvata.

65      Għaldaqstant, l-ilment dwar l-illegalità tal-ispazju personali MyPVR sa fejn jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi ta’ komunikazzjoni uffiċjali ma jistax jintlaqa’.

66      Madankollu, mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO kif ukoll mill-punt 4(b) tal-verżjoni 3.0 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ MyPVR jirriżulta li l-użu ta’ MyPVR bħala mezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-utent ikun attiva l-għażla li tippermetti liċ-CPVO jikkomunika miegħu b’mod elettroniku.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li r-rikorrenti kienet għażlet il-komunikazzjoni b’mod elettroniku permezz ta’ MyPVR, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mill-Anness C.2 tar-risposta taċ-CPVO tad‑19 ta’ Settembru 2023 jirriżulta li, fit‑12 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti kienet aċċettat il-verżjoni 3.0 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ MyPVR, u b’hekk ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tagħżel il-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi.

68      Skont il-punt 2 tal-verżjoni 3.0 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ MyPVR, l-utenti jintrabtu li jużaw l-ispazju personali sabiex, b’mod partikolari, jirċievu komunikazzjonijiet u dokumenti mibgħuta miċ-CPVO. Il-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tal-posta elettronika jistgħu jiġu ammessi bħala mezz ta’ komunikazzjoni awtorizzat biss fil-każijiet fejn il-pjattaforma ma tkunx xierqa. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu ta’ dan il-punt jipprevedi li, bl-użu tal-ispazju personali, l-utent jintrabat li jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-imsemmi punt.

69      Għaldaqstant, ma hemm l-ebda dubju li, bl-użu tal-ispazju personali u billi aċċettat il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ MyPVR, ir-rikorrenti aċċettat li tirċievi komunikazzjonijiet u komunikazzjonijiet taċ-CPVO permezz tal-ispazju personali MyPVR.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment dwar l-illegalità ta’ MyPVR bħala mezz ta’ komunikazzjoni uffiċjali f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti.

71      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 874/2009 sa fejn iċ-CPVO ma pproduċiex il-prova tal-komunikazzjoni effettiva u tar-riċezzjoni tat-tfakkira mibgħuta fl‑10 ta’ Jannar 2022, għandu jiġi ppreċiżat li mill-fajl taċ-CPVO jirriżulta li t-tfakkira ntbagħtet permezz ta’ MyPVR. Għaldaqstant, l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 874/2009, dwar il-komunikazzjonijiet mibgħuta permezz tal-posta, ma jistax japplika f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 64a tar-Regolament Nru 874/2009, dwar il-komunikazzjonijiet ppreżentati b’mezzi elettroniċi jew b’kull mezz tekniku ieħor.

72      L-Artikolu 64a(1) tar-Regolament Nru 874/2009 jipprevedi li l-komunikazzjoni b’mod elettroniku għandha titwettaq permezz tat-trażmissjoni ta’ kopja diġitali tad-dokument li għandu jiġi kkomunikat. Il-komunikazzjoni titqies li tkun saret fid-data li fiha l-komunikazzjoni tkun waslet għand id-destinatarju. Il-President taċ-CPVO għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-komunikazzjonijiet permezz ta’ mezzi elettroniċi. Skont l-Artikolu 64a(3) tal-istess regolament, il-President taċ-CPVO għandu jiddetermina l-modalitajiet ta’ komunikazzjoni permezz ta’ mezzi tekniċi oħra ta’ komunikazzjoni.

73      Bħall-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar mill-ġdid li r-rikorrenti aċċettat li tirċievi l-komunikazzjonijiet taċ-CPVO permezz ta’ MyPVR. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-President tal‑20 ta’ Diċembru 2016 taċ-CPVO, hekk kif l-utent ikun attiva l-għażla li jikkomunika maċ-CPVO b’mod elettroniku, il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha taċ-CPVO disponibbli f’forma elettronika, inklużi d-dokumenti li jinkludu atti li għalihom hija prevista notifika prevista fl-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94, jiġu kkomunikati lilu permezz ta’ MyPVR. Għaldaqstant, MyPVR għandu jitqies bħala l-unika mezz uffiċjali li jiġu kkomunikati l-komunikazzjonijiet uffiċjali, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2100/94.

74      Konsegwentement, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO, iċ-CPVO kkomunika lir-rikorrenti permezz ta’ MyPVR, fl-ewwel lok, fis‑27 ta’ Ottubru 2021, nota ta’ debitu dwar il-ħlas tat-taxxa annwali, segwita, fit‑28 ta’ Ottubru 2021, minn posta elettronika awtomatika u, fit-tieni lok, fl‑10 ta’ Jannar 2022, it-tfakkira inkwistjoni li stednitha tħallas it-taxxa mhux imħallsa skont l-Artikolu 83(2) tar-Regolament Nru 2100/94, segwita, fl-11 ta’ Jannar 2022, minn posta elettronika awtomatika.

75      F’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni effettiva tat-tfakkira tal‑10 ta’ Jannar 2022, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016, tal-President taċ-CPVO jippreċiża li deċiżjoni jew kull dokument ieħor għandhom jitqiesu li ġew ikkomunikati fl-iskadenza tas-seba’ jum wara dak li matulu tkun intbagħtet posta elettronika lill-utent sabiex javżah li l-kopja diġitali tad-deċiżjoni jew tad-dokument tkun ittellgħet miċ-CPVO fl-ispazju personali. F’dan il-każ, minn dan isegwi li t-tfakkira tal‑10 ta’ Jannar 2022 għandha titqies li ġiet ikkomunikata fit‑18 ta’ Jannar 2022, jiġifieri s-seba’ jum wara l‑11 ta’ Jannar 2022, data meta ntbagħtet il-posta elettronika awtomatika li tinforma lir-rikorrenti dwar it-tlugħ tad-dokument inkwistjoni fuq l-ispazju personali MyPVR.

76      Barra minn hekk, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2016 tal-President taċ-CPVO, jekk utent ma jirnexxilux jikkonsulta deċiżjoni jew kwalunkwe dokument ieħor, huwa obbligat jinforma liċ-CPVO mingħajr dewmien. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma informatx liċ-CPVO b’xi problema ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

77      Konsegwentement, iċ-CPVO ma jistax jiġi kkritikat li ma kkomunikax it-tfakkira tal‑10 ta’ Jannar 2022. Fl-assenza ta’ prova kuntrarja min-naħa tar-rikorrenti, it-tfakkira inkwistjoni tqieset li rċeviet din tal-aħħar fit‑18 ta’ Jannar 2022. B’hekk, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

79      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

80      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub miċ-CPVO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Romagnoli Fratelli SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Schalin

Nõmm

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ April 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.