Language of document : ECLI:EU:F:2014:49

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

9 ta’ April 2014

Kawża F‑59/13

Thierry Rouffaud

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt – Proċedura prekontenzjuża – Regola ta’ konkordanza – Modifika tal-kawża ta’ kapijiet ta’ kontestazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106(a), li permezz tiegħu T. Rouffaud jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2012 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li tiċħad it-talba tiegħu intiża sabiex il-perijodu ta’ servizz li huwa wettaq skont kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt jitqies li huwa perijodu ta’ servizz imwettaq bħala membru tal-persunal bil-kuntratt u u sabiex il-kuntratti suċċessivi tiegħu ta’ impjieg għal żmien determinat jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. T. Rouffaud għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors – Identiċità tas-suġġett u tal-kawża – Espożizzjoni simili tal-motivi u tal-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt li jirrevelaw bdil tal-objettiv tal-uffiċjal – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(1) u 91(2))

Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel u r-rikors tirriżulta mill-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-finalità nnifsha tal-proċedura prekontenzjuża li l-għan tagħha huwa li tippermetti ftehim bonarju tal-kwistjonijiet li jqumu bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni. Hija timplika b’mod partikolari li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltàu u għar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, it-talbiet tar-rikors jistgħu jinkludu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, għalkemm dawn tal-aħħar jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment, iżda li huma marbuta mill-qrib magħhom.

Għalkemm il-motivi żviluppati fir-rikors ikunu simili għall-argumenti li jinsabu fl-ilment, huma ma jistgħux jitqiesu li huma marbuta mill-qrib magħhom, jekk id-differenzi jirriflettu, fundamentalment, bdil tal-objettiv tal-uffiċjali.

Barra minn hekk, il-bidla tal-perspettiva tal-uffiċjali fl-ilment tiegħu tista’ twassal ukoll għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu f’talba ġdida fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, f’din l-ipoteżi, wara li din it-tieni talba tiġi miċħuda, ilment ġdid ikun meħtieġ qabel ma tkun tista’ tinbeda azzjoni.

(ara l-punti 12, 15 u 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata