Language of document : ECLI:EU:T:2003:100

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

3 ta’ April 2003 (*)

“Kompetizzjoni ─ Konċentrazzjonijiet ─ Regolament (KEE) Nru 4064/89 ─ Rikors ippreżentat minn terz ─ Ammissibbiltà ─ Impenji matul l-ewwel fażi ta’ l‑eżami ─ Liċenzja ta’ trade mark ─ Modifiki ta’ l-impenji ─ Termini ─ Għajnuna finanzjarja mill-Istat ─ Prezz tax-xiri nominali ─ Eżistenza ta’ dubji serji dwar il‑kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni ─ Nuqqas ta’ impenn dwar is-swieq li jippreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni”

Fil-Kawża T‑114/02

BaByliss SA, stabbilita f’Montrouge (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Gunther, avukat,

rikorrenti

sostnuta minn

De’Longhi SpA, stabbilita f’Treviso (l-Italja), irrappreżentata minn M. Merola, D. Domenicucci u I. van Schendel, avukati,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Superti, K. Wiedner u F. Lelièvre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

SEB SA, stabbilita f’Écully (Franza), irrappreżentata minn D. Voillemot u S. Hautbourg, avukati,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni SG (2002) D/228078 tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Jannar 2002, li ma topponix il‑konċentrazzjoni bejn SEB u Moulinex u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kemm-il darba jiġu mħarsa l-impenji proposti (Każ COMP/M.2621 ─ SEB/Moulinex),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President, J. Azizi u M. Jaeger, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1310/97 (KE), tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 1, p. 164), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4064/89”] japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni Komunitarja kif imfisser fil-paragrafi 2 u 3 ta’ l-istess artikolu.

2        B’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4064/89, il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja għandhom ikunu notifikati minn qabel lill-Kummissjoni.

3        Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 4064/89 jipprovdi li konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja ma għandhiex tieħu effett qabel ma tiġi nnotifikata u qabel ma tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. L‑Artikolu 7(4) madankollu jawtorizza lill-Kummissjoni, fuq talba, li tagħti deroga minn dak l-obbligu ta’ sospensjoni tal-konċentrazzjoni.

4        Skond l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 4064/89, jekk il-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni nnotifikata, għalkemm taqa’ fl-ambitu tar-Regolament, ma toħloqx dubji serji ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li ma topponihiex u tiddikjara li hi kompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem il-“fażi I”).

5        Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89, jekk il-Kummissjoni ssib li l-konċentrazzjoni notifikata taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li tibda l-proċeduri (iktar ’il quddiem il-“fażi II”).

6        Skond l-Artikolu 6(2) ta’ l-imsemmi regolament:

“Fejn il-Kummissjoni ssib li, wara modifiki mill-impriżi kkonċernati, konċentrazzjoni notifikata m’għadhiex tqajjem dubbji serji skond il-ftehim ta’ paragrafu 1(c), tista’ tiddeċiedi li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skond il-paragrafu 1(b).

Il-Kummissjoni tista’ żżid mad-deċiżjoni tagħha taħt paragrafu 1(b) kundizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw l-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b’għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.”

7        Skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 447/98, tal-1 Marzu 1998, dwar in-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 284), “[w]egħdiet proposti lill-Kummissjoni mill-impriżi ikkonċernati skond l-artikolu 6(2) tar-Regolament […] Nru 4064/89 li huma maħsuba mill-partijiet sabiex jiffurmaw l-bażi għal deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(b) ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tlett ġimgħat mid-data ta’ riċevuta tan-notifika”.

8        Fl-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament Nru 447/98 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 89, iktar ’il quddiem l–“avviż dwar ir-rimedji”), il-Kummissjoni tippreżenta l-linji gwida li hi għandha l-intenzjoni ssegwi fil-qasam ta’ impenji.

9        Skond l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva li tieħu d-deċiżjonijiet previsti fl-imsemmi Regolament. L-Artikolu 21(2) jippreċiża barra minn hekk li l-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali tiegħu dwar il-kompetizzjoni għal konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja.

10      L-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 madankollu jippermetti lill-Kummissjoni li tirrinvija l-eżami ta’ konċentrazzjoni li jkollha dimensjoni Komunitarja lill-Istati Membri, meta dik il-konċentrazzjoni thedded li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ dan il-kompetizzjoni effettiva tkun ser tiġi mfixkla serjament f’suq, f’dak l-Istat Membru, li għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-impriżi in kwistjoni

11      Dan ir-rikors, li ġie ppreżentat minn BaByliss SA (iktar ’il quddiem msejħa wkoll ir-“rikorrenti”), huwa intiż biex jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni approvat, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konċentrazzjoni bejn SEB u Moulinex.

12      Ir-rikorrenti hija impriża Franċiża, ikkontrollata mill-grupp Amerikan Conair, li hija speċjalizzata fil-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni, taħt it-trade mark BaByliss, ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku “ta’ l-isbuħija” (per eżempju, hair-dryers, curlers u xkupilji tax-xahar li jaħdmu bis-sħana, clippers, apparat tat‑tqaxxir għan-nisa u għall-kura tal-ġisem). Il-grupp Conair huwa attiv fis-setturi ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku (tal-kċina, ta’ l-isbuħija, u tat-tindif) fl-Istati Uniti u fid-dinja, prinċipalment taħt it-trade marks Conair, BaByliss, Interplak, Forfex, Cuisinart, Revlon u Vidal Sassoon.

13      SEB hija impriża Franċiża attiva fis-settur ta’ l-żvilupp, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fuq livell dinji. SEB tikkumerċjalizza l-prodotti tagħha f’iktar minn 120 pajjiż taħt żewġ trade marks ta’ dimensjoni dinjija (Tefal u Rowenta) u erba’ trade marks lokali (Calor u SEB fi Franza u fil-Belġju, Arno fil-Brażil u fil-pajjiżi tal-Mercosur, Samurai fil-pajjiżi tal-patt Andean). Il-kategoriji ta’ prodotti kkummerċjalizzati minn SEB taħt dawn it-trade marks differenti huma l-apparat tat-tisjir (fran żgħar, apparat tal-qali, tax-xiwi tal-ħobż, ikliet informali), l-apparat tax-xarbiet sħan (magni tal-kafè ta’ l-elettriku, magni ta’ l-espresso, ktieli), miksers ta’ l-ikel, ħadid tal-mogħdija u apparat tal-mogħdija li jaħdem bil-fwar, apparat tal-kura personali (tqaxxir tas-suf tal-ġisem, qtugħ tax-xagħar, tqaxxir tal-leħja, eċċ.), vacuum cleaners, apparat domestiku tal-ventilazzjoni u tisħin, u utensili tal-kċina.

14      Moulinex hija wkoll impriża Franċiża attiva fis-settur ta’ l-żvilupp, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fuq livell dinji. Moulinex tikkummerċjalizza l-istess kategoriji ta’ prodotti bħal SEB taħt żewġ trade marks internazzjonali (Moulinex u Krups) u trade mark lokali (Swan fir-Renju Unit). Moulinex tikkummerċjalizza wkoll fran microwave.

II –  Il-proċedura nazzjonali

15      Fis-7 ta’ Settembru 2001, it-Tribunal de commerce ta’ Nanterre fetaħ proċedura ġudizzjarja ta’ falliment fir-rigward tal-grupp Moulinex. B’mod konformi mad-dritt Franċiż, amministraturi ġudizzjarji nnominati mit-Tribunal de commerce kellhom jistabbilixxu jekk l-impriża suġġetta għall-proċedura ġudizzjarja ta’ falliment setgħetx tkompli bl-attività tagħha, kellhiex tiġi ttrasferita lil terzi jew kellhiex tiġi stralċjata. Peress li rriżulta f’din il-kawża li kien impossibbli għal Moulinex li tissokta bl-attivitajiet tagħha, l-amministraturi ppruvaw isibu xerrej għall-attivitajiet kollha ta’ Moulinex jew parti minnhom.

16      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-grupp SEB ippreżenta ruħu bħala kandidat biex jixtri ċerti assi ta’ Moulinex relatati ma’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, jiġifieri:

–        id-drittijiet kollha marbuta ma’ l-użu tat-trade marks Moulinex, Krups u Swan, fir-rigward tal-prodotti kollha kkonċernati;

–        parti mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni (tmien siti industrijali minn total ta’ 18 u ċerti faċilitajiet preżenti fis-siti mhux mixtrija) li jippermettu l-produzzjoni ta’ mill-inqas ċerti mudelli għall-prodotti kollha mmanifatturati minn Moulinex, ħlief għall-vacuum cleaners u l-fran microwave;

–        ċerti kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri, għall-Ewropa, il-kumpannija Ġermaniża u dik Spanjola.

17      B’ittra tal-25 ta’ Settembru 2001, BaByliss bagħtet lill-amministraturi ġudizzjarji ta’ Moulinex, fir-rigward tar-rieda ta’ BaByliss li tkabbar il-preżenza tagħha fis-settur ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fi Franza u fid-dinja, offerta fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ l-attivitajiet kollha ta’ Krups fid-dinja, inkluż b’mod partikolari l-materjal, il-faċilitajiet, il-ħażniet, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u n-netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ Krups.

18      B’sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2001, it-Tribunal de commerce ta’ Nanterre aċċetta l-pjan ta’ xiri propost minn SEB.

III –  Proċedura quddiem il-Kummissjoni

19      Fuq talba ta’ SEB, il-Kummissjoni tat, fis-27 ta’ Settembru 2001, deroga mill-effett sospensiv previst fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 4064/89. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet immotivata prinċipalment mill-fatt li l-amministraturi ġudizzjarji kienu eżiġew li kull offerta ta’ xiri għandha tkun mingħajr kundizzjonijiet. Id-deroga mogħtija mill-Kummissjoni kienet limitata għall-ġestjoni ta’ l-assi mixtrija.

20      Fit-13 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni rċeviet notifika, abbażi ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89, tal-pjan ta’ akkwist minn SEB ta’ ċerti assi ta’ Moulinex.

21      Fil-21 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej l-avviż previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Skond il-punt 4 ta’ dak l-avviż, il-Kummissjoni stiednet “lit-terzi kkonċernati biex jibagħtulha l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom dwar il-pjan ta’ konċentrazzjoni”.

22      Wara dik il-pubblikazzjoni, BaByliss, b’ittri ddatati 27 u 29 ta’ Novembru 2001, esprimiet it-tħassib tagħha lill-Kummissjoni fir-rigward tal-pjan ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni, minħabba l-effetti antikompetittivi konsiderevoli tar-rabta mill-qrib bejn SEB u Moulinex fis-settur li BaByliss beħsiebha tippenetra fuq medda ta’ żmien ferm qasir. BaByliss enfasizzat f’dan ir-rigward li hija kienet tinsab f’pożizzjoni ta’ kompetitriċi potenzjali ta’ SEB-Moulinex fis-settur ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, u, b’mod iktar partikolari, fis-settur tal-materjal żgħir tal-kċina, fejn hija tiżviluppa l-attivitajiet tagħha taħt it-trade mark Cuisinart. B’ittra tad-29 ta’ Novembru 2001 annessa ma’ l-ittra ta’ l-istess data, BaByliss indirizzat lill-Kummissjoni proposta ta’ xiri globali li jinkludi l-impjegati u l-assi kollha ta’ Moulinex fi Franza u hemżet pjan ta’ negozju ta’ Cuisinart (“Stratégie Cuisinart en France”) datat Novembru 2001.

23      B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2001, BaByliss irrispondiet għall-kwestjonarju indirizzat lill-kompetituri mill-Kummissjoni, li kien intbagħtilha fis-27 ta’ Novembru 2001.

24      Fil-5 ta’ Diċembru 2001, il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni pproponew impenji lill-Kummissjoni.

25      Fl-istess jum, ir-rappreżentanti ta’ BaByliss iltaqgħu mal-Kummissjoni dwar il-pjan ta’ konċentrazzjoni.

26      B’ittra tas-6 ta’ Diċembru 2001, BaByliss esprimiet ir-riżervi tagħha lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li hija tista’, jekk ikun il-każ, tirrinvija, skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 4064/89, il-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jagħmlu talba f’dan is-sens.

27      Fis-7 ta’ Diċembru 2001, l-awtoritajiet Franċiżi tal-kompetizzjoni ressqu talba għal rinviju parzjali quddiem il-Kummissjoni, abbażi ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 4064/89, fir-rigward ta’ l-effetti tal-konċentrazzjoni in kwistjoni fuq il-kompetizzjoni fi Franza, fuq ċerti swieq tal-bejgħ ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku.

28      B’risposta għall-kritiki tal-Kummissjoni, il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni emendaw l-impenji inizjali tagħhom fit-18 ta’ Diċembru 2001.

29      Fl-20 ta’ Diċembru 2001, BaByliss ippreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ishma mis-swieq li kien ser ikollhom SEB-Moulinex fil-kategoriji ta’ prodotti eżaminati mill-Kummissjoni, b’riżultat tal-konċentrazzjoni in kwistjoni.

30      B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2001, BaByliss irrispondiet għal kwestjonarju dwar l-impenji tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, li kien ġie indirizzat lilha mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2001.

31      Wara li ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn terzi interessati, il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni reġgħu għal darb’oħra emendaw l-impenji tagħhom.

32      Fit-28 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti fformulat offerta ta’ xiri parzjali ta’ Moulinex.

33      Fit-3 ta’ Jannar 2002, BaByliss ippreżentat tweġibiet supplimentari għall-kwestjonarju dwar l-impenji tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, li kien ġie indirizzat lilha mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2001. Ir-rikorrenti barra minn hekk ġeddet l-interess tagħha fl-akkwist ta’ l-assi kollha ta’ Moulinex jew parti minnhom. Hija tenniet ukoll it-tħassib tagħha dwar il-pożizzjoni tagħha u l-pożizzjoni dominanti ta’ SEB-Moulinex li kienet ser tirriżulta mill-konċentrazzjoni in kwistjoni fuq ċertu numru ta’ kategoriji ta’ prodotti ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fil-pajjiżi Ewropej ewlenin.

34      Fit-8 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni approvat taħt ċerti kundizzjonijiet, b’mod konformi ma’ l-Artikoli 6(1)(b) u 6(2) tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-konċentrazzjoni bejn SEB u Moulinex (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

35      Id-deċiżjoni kkontestata madankollu ma tirrigwardax is-suq Franċiż, peress li fl-istess jum il-Kummissjoni laqgħet it-talba għal rinviju parzjali ta’ l-awtoritajiet Franċiżi.

36      Fit-8 ta’ Lulju 2002, il-ministru ta’ l-ekonomija Franċiż approva l-konċentrazzjoni mingħajr ma impona impenji fuq il-bażi ta’ l-hekk imsejħa duttrina tal-“entreprise défaillante” (impriża falluta).

 Id-deċiżjoni kkontestata

I –  Is-swieq tal-prodotti rilevanti

37      Id-deċiżjoni kkontestata tirrileva, fil-premessa 16, li s-settur ekonomiku kkonċernat mill-konċentrazzjoni in kwistjoni huwa dak tal-bejgħ ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku li jikkonsisti fi tlettax-il kategorija ta’ prodotti: apparat tal-qali, fran żgħar, apparat għax-xiwi tal-ħobż, apparat tas-sandwiches u l-waffles, apparat għal ikliet informali (“xiwi fuq il-ġebel”, “wokparty”, “raclette”, “fondue”, eċċ.), barbeques ta’ l-elettriku u grills ta’ ġewwa, apparat għat-tisjir tar-ross u għat-tisjir bil-fwar, magni tal-kafè ta’ l-elettriku, ktieli, magni ta’ l-espresso, blenders u miksers, ħadid tal-mogħdija u apparat tal-mogħdija li jaħdem bil-fwar, u apparat tal-kura personali (apparat tas-saħħa u ta’ l-isbuħija). L-ewwel ħdax-il kategorija ta’ prodotti normalment jissejħu prodotti tal-kċina.

38      Il-Kummissjoni tikkunsidra li kull kategorija ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tista’ tikkostitwixxi suq ta’ prodotti distint (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma essenzjalment ibbażati fuq analiżi tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, hekk kif kull kategorija tikkorrispondi għal funzjoni speċifika u hija intiża għal użu finali distint. Il-Kummissjoni barra minn hekk tiċħad is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista. Hija tenfasizza effettivament li, anki jekk wieħed kellu jassumi li l-manifatturi kollha huma f’pożizzjoni li jimmanifatturaw kull apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, l-ispejjeż u l-ħin meħtieġa għad-dħul f’suq ġdid ta’ prodotti jistgħu jkunu sostanzjali.

II –  Is-swieq ġeografiċi in kwistjoni

39      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li “definizzjoni nazzjonali tas-swieq ġeografiċi in kwistjoni għandha titqies li hija l-iktar probabbli fit-tmiem ta’ l-ewwel fażi ta’ l-eżami” (premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

III –  L-importanza tat-trade mark

40      Il-Kummissjoni tikkonstata li t-trade marks huma wieħed mill-fatturi prinċipali ta’ għażla għall-konsumaturi finali u b’hekk jikkostitwixxu wieħed mill-elementi ewlenin tal-kompetizzjoni bejn produtturi ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Hija tirrileva f’dan ir-rigward li SEB u Moulinex jinvestu somom konsiderevoli biex iżommu l-fama tat-trade marks tagħhom (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkonstata wkoll li l-offerti riċevuti matul il-bejgħ ta’ Moulinex kienu jirrigwardaw kważi esklużivament it-trade marks ta’ dak il-grupp iktar milli l-unitajiet ta’ produzzjoni (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

IV –  Analiżi tal-kompetizzjoni

42      Fir-rigward ta’ l-effetti tal-konċentrazzjoni in kwistjoni fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tiċħad, fl-ewwel lok, l-argument li l-effetti tal-konċentrazzjoni in kwistjoni mhijiex differenti mis-sitwazzjoni kompetittiva li kienet tirriżulta minn stralċ tal-grupp Moulinex. Hija tikkonstata f’dan ir-rigward:

“Matul l-ewwel fażi ta’ l-investigazzjoni, argument ta’ dan it-tip ma jistax jiġi aċċettat, għaliex ċertu numru ta’ impriżi kienu ħadu sehem fit-tpoġġija f’amministrazzjoni ġudizzjarja tal-grupp Moulinex minħabba l-interess tagħhom li jixtru t-trade marks tal-grupp. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li ċerti faċilitajiet jew proprjetajiet industrijali setgħu ġew mixtrija minn terzi differenti minn SEB. Minħabba l-importanza tat-trade mark fis-swieq rilevanti, dawk it-terzi akkwirenti probabbilment kienu jkunu f’pożizzjoni li jirrestawraw il-kapaċità kompetittiva ta’ Moulinex kollha jew parti minnha” (premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

43      Fit-tmiem ta’ l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni nnotifikata tagħti lok għal dubji serji ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni fuq ċertu numru ta’ swieq fis-settur ta’ l-oġġetti tal-kċina (premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tas-swieq ġeografiċi eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, hija essenzjalment tosserva li:

–        fil-Portugall, fil-Greċja, fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn SEB u Moulinex kellhom qabel il-konċentrazzjoni pożizzjonijiet xi kultant importanti fis-settur ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, il-pożizzjoni ta’ SEB ser tkun imsaħħa biż-żieda ta’ Moulinex u l-konċentrazzjoni twassal għal kombinamenti ta’ ishma mis-suq f’livelli xi kultant għoljin għal parti kbira tal-kategoriji ta’ prodotti rilevanti. Skond il-Kummissjoni, dik is-saħħa fis-suq barra min hekk ser tiġi aċċentwata minn portafoll uniku ta’ diversi trade marks, waqt li operaturi bħal Philips, Braun jew Taurus għandhom trade mark waħda (premessi 43, 45 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fil-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka, l-Isvezja u n-Norveġja, il-konċentrazzjoni ser tbiddel sostanzjalment il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’ċertu numru ta’ swieq ta’ prodotti (premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        finalment, fl-Istati Membri l-oħra, il-konċentrazzjoni tbiddel marġinalment il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Skond il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni nnotifikata toħloq ukoll dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni f’dawn is-swieq li ġejjin (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        Il-Ġermanja: apparat tal-qali u barbeques-grills;

–        L-Awstrija: apparat tal-qali u ta’ l-ikliet informali;

–        Il-Belġju: miksers ta’ l-ikel, magni ta’ l-espresso, ktieli, magni tax-xiwi tal-ħobż, ikliet informali, barbeques-grills u ħadid tal-mogħdija u apparat tal-mogħdija li jaħdem bil-fwar;

–        Id-Danimarka: apparat tal-qali u fran portabbli;

–        Il-Greċja: apparat tal-qali, ktieli, apparat tas-sandwiches u l-waffles, magni ta’ l-espresso u miksers ta’ l-ikel;

–        In-Norveġja: apparat tal-qali u fran portabbli;

–        Il-Pajjiżi l-Baxxi: apparat tal-qali, magni ta’ l-espresso, fran żgħar, ikliet informali, barbeques-grills u ħadid tal-mogħdija u apparat tal-mogħdija li jaħdem bil-fwar;

–        Il-Portugall: apparat tal-qali, magni tax-xiwi tal-ħobż, magni tal-kafè ta’ l-elettriku, magni ta’ l-espresso, ktieli, fran żgħar, apparat tas-sandwiches u l-waffles, ikliet informali, barbeques-grills u miksers ta’ l-ikel;

–        L-Isvezja: apparat tal-qali.

45      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji fir-rigward tas-swieq tal-kura personali, irrispettivament mill-pajjiż (bl-eċċezzjoni ta’ Franza) jew mid-definizzjoni tas-swieq ta’ prodotti adottata, peress li s-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet huwa inqas minn 20 % (premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

V –  Impenji tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni

46      Wara l-impenji proposti mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni madankollu hija tal-fehma li d-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni jistgħu jiġu megħluba in kwantu dawk l-impenji jikkostitwixxu risposta diretta u immedjata għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati fid-deċiżjoni barra minn Franza.

47      Inizjalment, l-impenji ppreżentati mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni fil-5 ta’ Diċembru 2001 kienu jipprevedu l-irtirar miż-ŻEE u għal perijodu ta’ sentejn tal-prodotti tat-trade mark Moulinex li jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ apparat tal-qali, tal-fran portabbli, ta’ l-ikliet informali, tal-barbeques-grills u tal-ħadid tal-mogħdija u apparat tal-mogħdija li jaħdem bil-fwar. Iżda skond il-Kummissjoni, dawn l-impenji inizjali ma kinux ser jippermettu li operatur jidħol minflok il-grupp Moulinex u ma kinux jikkonċernaw is-swieq kollha li fihom il-konċentrazzjoni setgħet toħloq dubji serji (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Għaldaqstant, fit-18 ta’ Diċembru 2001, il-partijiet “tejbu l-proposta tagħhom sabiex jagħmluha prattikabbli u effettiva” (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dik il-proposta kienet tipprevedi liċenzja esklużiva tat-trade mark Moulinex għal perijodu ta’ tliet snin (flimkien ma’ impenn ta’ nuqqas ta’ dħul fis-suq bit-trade mark Moulinex għal sena oħra) għall-kategoriji kollha ta’ prodotti fil-Belġju, fil-Greċja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Portugall u għall-kategorija ta’ l-apparat tal-qali fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fid-Danimarka, fin-Norveġja u fl-Isvezja. Il-benefiċjarji ta’ tali liċenzja kellhom ikunu suġġetti għal obbligu ta’ forniment għall-magni tax-xiwi tal-ħobż, magni tal-kafè ta’ l-elettriku, ktieli u miksers ta’ l-ikel.

49      It-terzi interrogati madankollu kkritikaw dawk l-impenji, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-liċenzja u l-perijodu ta’ nuqqas ta’ dħul fis-suq, l-obbligu ta’ forniment, in-nuqqas ta’ korrezzjoni ta’ l-effetti tal-konċentrazzjoni nnotifikata fuq il-kompetizzjoni f’ċerti swieq, in-nuqqas ta’ ċirkustanzi li huma biżżejjed serji sabiex jiġi ġġustifikat ekonomikament id-dħul ta’ operatur ġdid fis-swieq rilevanti kif ukoll in-nuqqas ta’ kontroll effettiv ta’ min jirċievi l-liċenzja fuq it-trade mark Moulinex fil-kuntest tar-rimedji li jirrigwardaw speċifikament l-apparat tal-qali, billi SEB tkompli tgawdi l-użu ta’ dik it-trade mark fuq il-prodotti l-oħrajn (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      B’hekk SEB, skond it-termini tad-deċiżjoni kkontestata, “ipperfezzjonat” l-impenji tagħha billi estendiet il-liċenzja ta’ trade mark għall-prodotti kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku għall-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja. SEB b’hekk allinjat l-impenn għal dawk il-ħames pajjiżi ma’ dak li kienet diġà offriet għall-Belġju, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall. SEB estendiet ukoll it-tul ta’ żmien tal-liċenzja għal ħames snin (u għal tliet snin għan-nuqqas ta’ dħul) u eliminat l-obbligu ta’ forniment li għandu min jirċievi l-liċenzja (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Id-deċiżjoni kkontestata tissintesizza l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni skond kif ġej:

“129      F’kull wieħed minn dawk l-Istati, il-grupp SEB jimpenja ruħu li jikkonkludi ma’ terz liċenzja esklużiva tat-trade mark Moulinex, fir-rigward tal-bejgħ tat-tlettax il-kategorija kollha ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku.

130      Skond l-impenji, dak il-kuntratt ta’ liċenzja għandu jiġi ffirmat ma’ terz jew diversi terzi għal terminu ta’ ħames snin. Matul it-terminu tal-kuntratt u għal perijodu ta’ tliet snin wara l-iskadenza tiegħu, SEB tintrabat li ma tagħmel ebda kummerċjalizzazzjoni bit-trade mark Moulinex ta’ kwalunkwe apparat domestiku fl-Istati kkonċernati. Il-grupp SEB barra minn hekk ta l-impenn tiegħu li ma jikkummerċjalizzax taħt xi trade mark oħra l-mudelli tal-firxa ta’ prodotti Moulinex fil-pajjiżi kkonċernati kemm-il darba min jirċievi l-liċenzja jkun għażel li jikseb il-provvisti tiegħu mingħand SEB jew li jibbenefika minn liċenzja ta’ proprjetà industrijali.

131      L-iskop ta’ dik il-liċenzja huwa li tawtorizza l-użu tat-trade mark Moulinex sabiex min jirċievi l-liċenzja jkun jista’ jistabbilixxi jew isaħħaħ it-trade mark tiegħu stess fis-swieq ġeografiċi in kwistjoni. Għal dak il-għan, matul it-tul ta’ żmien tal-liċenzja, min jirċievi l-liċenzja jkun awtorizzat juża t-trade mark Moulinex f’assoċjazzjoni mat-trade mark tiegħu stess, u sussegwentement jaqleb mill-’co-branding’ għat-trade mark tiegħu stess fi kwalunkwe mument. SEB ikollha s-setgħa li tiżgura r-rispett tal-logo Moulinex minn dawk li jirċievu l-liċenzja.

132      Dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja huma liberi li jagħżlu l-metodi tal-fornimenti tagħhom għall-prodotti kollha u għall-pajjiżi kollha kkonċernati. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu jġiegħlu lil SEB tikkonkludi kuntratt ta’ forniment għat-terminu kollu tal-kuntratt ta’ liċenzja jew għal parti minnu u għall-kategoriji kollha ta’ prodotti rilevanti jew parti minnhom. Tali forniment b’hekk irid jikkorrispondi ma’ volum ta’ 65 % tal-bejgħ fl-2000 taħt it-trade mark Moulinex. Għandu jiġi osservat li SEB madankollu tipproponi li timponi fuq il-benefiċjarju tal-liċenzja għall-Ġermanja obbligu ta’ forniment għall-miksers ta’ l-ikel. SEB tiġġustifika dik l-eċċezzjoni bin-neċessità li jinżammu l-impjiegi fl-unitajiet ta’ produzzjoni mixtrija b’riżultat tas-sentenza tat-Tribunal de commerce ta’ Nanterre.

133      Il-grupp SEB jimpenja ruħu barra minn hekk li jipprovdi lil kull min jirċievi l-liċenzja, jekk huwa hekk jitlob, b’liċenzja fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali (disinji u mudelli, privattivi u know-how) li tkopri mudell wieħed jew iktar tal-firxa ta’ prodotti Moulinex biex b’hekk ikun jista’ jew jimmanifatturahom huwa stess jew inkella jqabbad lil terz li jagħżel hu biex jimmanifattura għalih.

134      Il-grupp SEB jimpenja ruħu li jinnomina mandatarju li fl-ewwel lok ikollu l-mandat, b’mod partikolari, li jiżgura t-twettiq sodisfaċenti mill-grupp SEB ta’ l-impenji tiegħu. SEB tat l-impenn tagħha li tikkonkludi l-kuntratt jew kuntratti ta’ liċenzja ta’ trade mark previsti mill-impenji f’terminu ta’ […] li jibda jiddekorri mid-data meta tirċievi d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. Wara l-iskadenza ta’ dak it-terminu, jekk SEB ma tkunx ikkonkludiet l-ftehim kollha jew parti minnhom previsti mill-impenji, il-mandatarju jkun obbligat li jfittex persuna jew persuni biex tingħatalhom liċenzja u li tikkonkludi l-imsemmija ftehim f’terminu ta’ […]. L-għażla ta’ min jirċievi l-liċenzja tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

52      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawk l-impenji jwasslu biex jitnaqqsu b’mod sinjifikattiv is-sovrapożizzjonijiet bejn l-ishma mis-suq ikkawżati mill-konċentrazzjoni nnotifikata. Hija tikkonstata li s-sovrapożizzjonijiet li jirriżultaw minn bejgħ taħt it-trade mark Krups mhumiex eliminati. Madankollu, skond il-Kummissjoni, iż-żidiet f’termini ta’ ishma mis-suq marbuta mat-trade mark Krups jistgħu joħolqu problemi ta’ kompetizzjoni fis-swieq tal-magni ta’ l-espresso u fis-suq ta’ l-apparat ta’ ikliet informali fil-Portugall (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Skond il-Kummissjoni, l-impenji proposti jippermettu li jiġu rrestawrati b’mod sostenibbli l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni effettiva. Effettivament, it-terminu ta’ ħames snin previst għal-liċenzja għandu jagħti l-possibbiltà lil min jirċievi l-liċenzja li jaqleb il-prodotti Moulinex lejn it-trade mark tiegħu stess b’telf limitat għad-detriment ta’ SEB meta din ta’ l-aħħar tkun f’pożizzjoni li tintroduċi mill-ġdid it-trade mark Moulinex fis-swieq rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rigward li t-tul ta’ żmien taċ-ċiklu ta’ ħajja medju tal-prodotti ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku huwa fil-medda ta’ tliet snin. Il-qalba lejn it-trade mark tiegħu stess b’hekk tkun, skond il-Kummissjoni, iktar iffaċilitata jekk min jirċievi l-liċenzja jkun l-uniku benefiċjarju tat-trade mark Moulinex, għall-prodotti kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, fiż-żona ġeografika in kwistjoni (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-estensjoni ta’ l-impenji tal-liċenzja esklużiva għall-prodotti kollha ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, u b’hekk għal prodotti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma qajmitx dubji serji, hija neċessarja biex tiġi żgurata l-effettività u l-vijabbiltà ta’ dawk ir-rimedji. Effettivament, kieku l-liċenzji kienu jkopru numru limitat ta’ prodotti, min jirċievi l-liċenzja kien ikollu marġni ta’ mmanuvrar ferm iktar ristrett biex jagħmel “rebranding”, peress li f’dak il-każ it-trade mark Moulinex kien ikollha tintuża minn żewġ entitajiet li jikkompetu kontra xulxin fil-pajjiżi in kwistjoni: SEB u l-benefiċjarju tal-liċenzja ristretta għal ċerti prodotti (premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Il-Kummissjoni tirrileva li, barra minn hekk, min jirċievi l-liċenzja jkollu l-possibbiltà li jibbenefika minn produzzjoni awtonoma tal-prodotti Moulinex sa minn meta jkun jixtieq, waqt li SEB tista’ tkun kostretta tħallih jibbenefika minn mudelli ġodda li tiżviluppa għall-firxa ta’ prodotti Moulinex fil-pajjiżi mhux koperti mill-impenji (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Finalment, il-Kummissjoni tenfasizza li, skond l-impenji, dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja għandhom ikunu attwalment preżenti fis-suq jew potenzjalment kapaċi li jidħlu f’dak is-suq, ikunu vijabbli, indipendenti, mingħajr ebda konnessjoni mal-grupp SEB waqt li jkollhom il-kompetenzi u l-motivazzjoni meħtieġa biex jikkompetu b’mod attiv u effettiv fis-swieq rilevanti. L-impenji jipprevedu wkoll li dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja għandu jkollhom trade mark tagħhom li tkun tista’ tiġi assoċjata mat-trade mark Moulinex (premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Il-Kummissjoni b’hekk tikkunsidra (fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-impenji proposti mill-partijiet huma suffiċjenti biex jitneħħew id-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni f’dawk id-disa’ pajjiżi bil-kundizzjoni li l-partijiet jirrispettaw l-impenji li ġejjin:

“a)      l-impenn li jagħtu liċenzja esklużiva għat-trade mark Moulinex għal terminu ta’ ħames snin li tkopri l-bejgħ ta’ apparat domestiku ta’ l-elettriku għat-tlettax-il kategorija ta’ prodotti msemmija f’dik id-deċiżjoni, kif iddefiniti fil-punt 1(a) ta’ l-impenji ppreżentati fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni;

b)      l-impenn li ma jikkummerċjalizzawx fil-pajjiżi in kwistjoni prodotti bit-trade mark Moulinex matul it-terminu tal-kuntratt ta’ liċenzja u matul perijodu ta’ tliet snin wara l-iskadenza tiegħu kif previst fil-punt 1(c);

c)      l-impenn li ma jikkummerċjalizzawx fil-pajjiżi in kwistjoni mudelli ta’ prodotti Moulinex taħt trade mark oħra apparti Moulinex fit-territorji li għalihom dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja jkunu kkonkludew kuntratt ta’ forniment jew kuntratt effettiv ta’ liċenzja ta’ proprjetà industrijali kif previst fil-punt 1(e);

d)      l-impenn li jikkonkludu ma’ kull min jirċievi l-liċenzja u li jagħmel talba f’dan is-sens kuntratt ta’ forniment (bi prezz ta’ ċessjoni korrispondenti għall-prezz ta’ l-ispiża industrijali miżjuda bl-ispejjeż ġenerali marbuta mal-produzzjoni u l-kunsinna tal-prodotti lil min jirċievi l-liċenzja) u/jew kuntratt ta’ liċenzja ta’ proprjetà industrijali għall-prodotti kollha in kwistjoni ħlief għall-miksers ta’ l-ikel fil-Ġermanja kif previst fil-punt 1(d) ta’ l-impenji;

e)      l-impenn li tiġi segwita l-politika ġenerali ta’ l-żvilupp ta’ mudelli ġodda u li jinżamm il-valur sħiħ ekonomiku u kompetittiv tat-trade mark Moulinex f’kull wieħed mid-disa’ Stati kkonċernati sal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja kif previst fil-punt 1(h) ta’ l-impenji;

f)      l-impenn li jiġi konkluż jew jiġu konklużi l-ftehim tal-liċenzja esklużiva tat-trade mark għad-9 pajjiżi kkonċernati fit-termini previsti fil-punt 1(h) u 2(e)(iv) ta’ l-impenji;

g)      l-impenn dwar l-approvazzjoni ta’ min jirċievi l-liċenzja mill-Kummissjoni previst fil-punt 1(i) ta’ l-impenji, u

h)      ir-rispett ta’ kull suġġeriment utli għat-twettiq ta’ l-impenji jew għat-twettiq tal-missjoni tagħha li jsir mill-mandatarju kif previst fil-punt 2(e)(ii) ta’ l-impenji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

58      Id-dettalji ta’ l-impenji li tat SEB jinsabu fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata.

59      Fil-punt 2(g) ta’ l-Anness, huwa speċifikat:

“Jekk l-approvazzjoni ta’ din l-konċentrazzjoni minn awtorità oħra tal-kompetizzjoni tkun suġġetta għal impenji li jkunu jmorru totalment kontra dawn l-impenji jew li jwasslu għal sitwazzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tiġi stabbilita mill-ġdid kompetizzjoni f’kull wieħed mis-swieq rilevanti, il-grupp SEB jista’ jitlob lill-Kummissjoni reviżjoni ta’ dawn l-impenji bil-għan li jiġu eliminati dawk il-kontradizzjonijiet sabiex il-grupp SEB jew kwalunkwe parti jiġu lliberati mill-kundizzjonijiet u l-obbligi li jinsabu f’dawn l-impenji li ma jibqgħux jidhru neċessarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

VI –  Għajnuna mill-Istat

60      B’risposta għall-argumenti ta’ ċerti partijiet terzi li jakkużaw lil SEB li bbenefikat minn għajnuna mill-Istat min-naħa ta’ l-awtoritajiet Franċiżi fil-kuntest tal-pjan ta’ xiri tagħha, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li fid-dawl ta’ eżami preliminari ta’ l-iskema prevista mill-awtoritajiet Franċiżi ma jidhirx li l-interventi pubbliċi previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment huma miżuri li jibbenefikaw lil SEB. Il-Kummissjoni b’hekk tikkunsidra li l-effett tagħhom ma għandux jittieħed in kunsiderazzjoni fl-eżami tal-konċentrazzjoni proposta mwettaq abbażi tar-Regolament Nru 4064/89.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

61      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ April 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. B’att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet ukoll talba għal proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

62      B’ittra ta’ 30 ta’ April 2002, il-Kummissjoni għarrfet lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija ma kinitx topponi t-talba għal proċedura mħaffa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li r-rikorrenti ma kinitx uriet li hija kellha interess individwali fid-deċiżjoni kkontestata.

63      B’ittra tat-8 ta’ Mejju 2002, ir-reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza informa lill-konvenuta li kienet intlaqgħet it-talba tagħha għal proroga tat-terminu ta’ skadenza għall-preżentata tar-risposta tagħha sal-24 ta’ Ġunju 2002. Huwa talab ukoll lill-konvenuta biex ma toħloqx dewmien fil-proċedura, billi tqajjem kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà li jista’ jkollha flimkien mad-difiża tagħha dwar il-mertu.

64      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’ittra tas-17 ta’ Ġunju 2002, talab lir-rikorrenti biex iwieġbu, sat-28 ta’ Ġunju 2002, serje ta’ mistoqsijiet bil-miktub.

65      Fl-24 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha li kienet tinkludi, fuq bażi prinċipali, l-oġġezzjonijiet tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rikors u, sussidjarjament, id-difiża tagħha dwar il-mertu.

66      Fit-28 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti ppreżentat it-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

67      B’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-tielet Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa abbażi ta’ l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura.

68      Fit-18 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti, b’mod konformi mat-talba li saritilha mir-reġistratur, ippreżentat l-osservazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà b’reazzjoni għar-risposta tal-Kummissjoni.

69      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Lulju 2002, SEB talbet sabiex titħalla tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Lulju 2002, De’Longhi talbet sabiex titħalla tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Dawk it-talbiet ġew aċċettati b’digriet tal-President tat-Tielet Awla fis-16 ta’ Settembru 2002. Fuq it-talbiet rispettivi tagħhom, SEB u De’Longhi ġew awtorizzati, fl-ewwel lok, li jippreżentaw nota ta’ intervent u, fit-tieni lok, li jippreżentaw ċerti dokumenti ċċitati fit-talba ta’ intervent.

70      Fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet biex jippreżentaw ċerti dokumenti u biex iwieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet taw it-tweġibiet tagħhom għal dawk il-mistoqisijiet fit-termini mogħtija.

71      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula nstemgħu waqt is-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2002.

72      Ir-rikorrenti, sostnuta minn De’Longhi, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

73      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

74      SEB titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

I –  Argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti, sostnuta minn De’Longhi, issostni li hija direttament u individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE. BaByliss effettivament hija operatriċi ġdida fis-suq ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina u b’hekk tinsab fil-pożizzjoni ta’ kompetitriċi diretta għal SEB u Moulinex. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li hija pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

76      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

77      Il-Kummissjoni targumenta, fl-ewwel lok, li l-unika ċirkustanza fejn BaByliss irreaġixxiet spontanjament għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 4064/89, ta’ l-avviż dwar il-konċentrazzjoni ppjanata billi għamlet kuntatt magħha mhijiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit li BaByliss hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. BaByliss b’ebda mod ma wriet li d-deċiżjoni kkontestata taffetwaha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew sitwazzjoni de facto li tindividwalizzaha b’mod simili bħal fil-każ ta’ SEB.

78      Il-Kummissjoni tenfasizza li għadd kbir ta’ impriżi, bħar-rikorrenti, ipparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura. Iċ-ċirkustanza li impriża tkun ippreżentat osservazzjonijiet fiha nfisha ma tiġġustifikax li l-impriża tkun ikkonċernata individwalment. L-eżami dettaljat ta’ konċentrazzjonijiet fil-fatt jeħtieġ kuntatt regolari ma’ għadd kbir ta’ operaturi ekonomiċi.

79      Hija tirrileva, fit-tieni lok, li skond l-Artikolu 2 ta’ l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ BaByliss, “l-objettivi tal-kumpannija huma: [k]walunkwe operazzjoni ta’ produzzjoni, proċessar, rappreżentanza, importazzjoni u esportazzjoni, kummerċ bl-ingrossa, kummerċ bl-ingrossa fi kwantitajiet żgħar u bejgħ l-imnut ta’ kwalunkwe oġġett u merkanzija relatati b’mod partikolari max-xagħar u l-isbuħija, il-fwejjaħ u rigali”, waqt li l-konċentrazzjoni awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda s-settur ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku li mhuwiex relatat max-“xahar, is-sbuħija, il-fwejjaħ u rigali oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

80      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirrimarka li r-rikorrenti tippreżenta ruħha bħala “operatriċi ġdida” fis-suq ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina, iżda li, skond dak li qalet hi stess, ir-rikorrenti ma kienet poġġiet fis-suq ebda apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, la fid-data tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha. BaByliss barra minn hekk tiddefinixxi lilha nfisha bħala “kompetitriċi potenzjali”. Hija tirrileva li r-rikorrenti ħabbret li kienet ser tniedi “uffiċjalment” dawk il-prodotti fis-suq fil-15 ta’ Mejju 2002, iżda li ma pprovdiet ebda evidenza dokumentata in sostenn ta’ dik l-affermazzjoni.

81      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tirrileva li xejn ma jippermetti li wieħed jgħid li l-prodotti kkummerċjalizzati minn BaByliss, kumpannija stabbilita fi Franza, kienu f’kompetizzjoni diretta ma’ l-apparat mibjugħ minn SEB fis-swieq ġeografiċi li għalihom hija esprimiet dubji serji, in kwantu hija ma tatx opinjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq Franċiż li ser tiġi analizzata mill-awtoritajiet Franċiżi tal-kompetizzjoni.

82      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti hija żbaljata meta temmen li tista’ tibbaża fuq is-“sentenzi Air France”. Is-sitwazzjoni tagħha hija fil-fatt differenti minn dik ta’ Air France. Effettivament, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑2/93, Ġabra p. II‑323), il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fl-ewwel lok li s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq rilevanti kienet ġiet evalwata mill-Kummissjoni waqt li ġiet ikkunsidrata speċjalment is-sitwazzjoni ta’ Air France (punt 45 tas-sentenza) li kienet l-unika kompetitriċi serja ta’ l-impriżi li pparteċipaw fil-konċentrazzjoni, waqt li r-rikorrenti hija totalment assenti mis-swieq ikkonċernati mill-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet innotat li Air France kienet ġiet imġiegħla, skond ftehim konkluż bejnha, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, biex tneħħi totalment l-ismha tagħha fil-kumpannija TAT (punt 46 tas-sentenza), waqt li f’din il-kawża, BaByliss ma tista’ tinvoka ebda ftehim jew deċiżjoni ta’ portata ekwivalenti li jippermettulha turi li s-sitwazzjoni tagħha de facto tindividwalizzaha b’mod simili bħal SEB. Il-Kummissjoni tenfasizza li, fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑3/93, Ġabra p. II‑121), Air France kienet il-kompetitriċi prinċipali ta’ British Airways, waqt li f’din il-kawża, BaByliss hija biss impriża, fost ħafna oħrajn, li tikkunsidra ruħha bħala kompetitriċi (potenzjali) ta’ SEB.

83      Finalment, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-interpretazzjoni l-ġdida ta’ l-Artikolu 230 KE li adottat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2002, Jégo-Quéré SA vs Il-Kummissjoni (T‑177/01, Ġabra p. II‑2365, punt 51), ma għandhiex l-effett li tagħmel ir-rikors ammissibbli, għaliex, minn naħa waħda, id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni individwali mingħajr ebda portata ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma tirrestrinġi d-drittijiet tar-rikorrenti (li barra minn hekk mhijiex preżenti fis-swieq ikkonċernati mill-konċentrazzjoni) u li ma timponilha ebda obbligu. Is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti mhijiex effettwata b’mod ċert u attwali.

84      SEB issostni li r-rikorrenti mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. SEB tenfasizza, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li r-rikorrenti setgħet hija stess tifformula offerta ta’ xiri konkreta u serja fil-kuntest tal-proċedura kollettiva kieku kienet verament interessata fix-xiri ta’ l-assi kollha ta’ Moulinex jew parti minnhom. SEB tfakkar li l-ewwel offerta li saret mir-rikorrenti għax-xiri ta’ Moulinex ma kinitx serja u ġiet iġġudikata inammissibbli mit-Tribunal de commerce ta’ Nanterre, waqt li l-offerti segwenti ġew wara l-konċentrazzjoni u l-uniku skop tagħhom kien li jippruvaw ipoġġu f’dubju l-pjan ta’ ċessjoni propost minn SEB. Hija tgħid ukoll li r-rikorrenti ma wriet ebda interess dirett f’li tikseb liċenzja għat-trade mark Moulinex minkejja li dik il-liċenzja setgħet tippermettilha, fil-perspettiva ta’ l-istrateġija ta’ żvilupp li hija ssemmi, li tippenetra u tistabbilixxi ruħha fit-tul u b’mod effettiv fis-swieq rilevanti.

85      SEB tosserva wkoll li sa llum il-prodotti BaByliss għadhom mhumiex ikkummerċjalizzati f’ebda wieħed mis-swieq ġeografiċi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fi Franza, fejn l-attività tar-rikorrenti hija llimitata għal preżentazzjoni f’restorant f’Lyon f’Mejju 2002. SEB tenfasizza li r-rikorrenti barra minn hekk ma ssemmitx mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni, la bħala kompetitriċi attwali u lanqas bħala kompetitriċi potenzjali.

86      Finalment, SEB tirrileva li r-rikorrenti ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond li saret mir-relaturi tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni fi Franza u lanqas ma kienet preżenti jew rappreżentata matul is-seduta quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

II –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

87      Skond l-Artikolu 230(4) KE, “kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet indirizzati lilha jew kontra d-deċiżjonijiet li għalkemm, meħuda fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, direttament u individwalment jirrigwardaw lil dik il-persuna”.

88      Ir-rikorrenti mhijiex waħda mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni u lanqas mhi destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk hijiex ikkonċernata direttament u individwalment.

89      In-natura diretta ta’ l-effett ma tistax tiġi kkontestata. Effettivament, peress li tippermetti t-twettiq immedjat tal-konċentrazzjoni pproġettata, id-deċiżjoni kkontestata hija ta’ tali natura li twassal għal bidla immedjata fis-sitwazzjoni tas-swieq rilevanti, li b’hekk tiddependi biss mill-volontà tal-partijiet (ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

90      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti hijiex ukoll ikkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni.

91      Skond ġurisprudenza stabbilita, “il-persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla mal-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bl-istess mod bħad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, punt 223) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

92      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata fl-ewwel lok, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proċedura, li huwa stabbilit li r-rikorrenti, wara l-komunikazzjoni prevista mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 4064/89, bagħtet lill-Kummissjoni, b’ittri tas-27, tad-29 u tat-30 ta’ Novembru 2001 u tas-6, tal-20, tal-21 u tat-28 ta’ Diċembru 2001, l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni in kwistjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq rilevanti kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tagħha stess. Barra minn hekk, il-Kummissjoni semgħet lir-rikorrenti matul laqgħa, fil-5 ta’ Diċembru 2001, u matul konferenza telefonika fl-4 ta’ Jannar 2002 ma’ l-aġenti inkarigati mill-eżami tal-proposta ta’ konċentrazzjoni.

93      Barra minn hekk, BaByliss essenzjalment qieset, f’dawk l-okkażjonijiet, l-istess kritiki li hija kienet ippreżentat fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Dawk l-osservazzjonijiet kienu jirrigwardaw, prinċipalment, l-evalwazzjoni ta’ l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq id-diversi swieq ġeografiċi u tal-prodotti rilevanti u, b’mod partikolari, fuq is-sitwazzjoni ta’ BaByliss kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ l-effettività ta’ l-impenji proposti minn SEB biex jiġu mmitigati l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma mix-xiri ta’ Moulinex.

94      Finalment, għandu jiġi osservat li l-ittri indirizzati mir-rikorrenti lill-Kummissjoni ma jikkostitwixxux biss approċċ unilaterali u mhux mitlub min-naħa tagħha, iżda li l-Kummissjoni kienet talbitha b’mod partikolari biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-impenji proposti mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni.

95      Minn dan isegwi li r-rikorrenti pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura. Għalkemm, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura ċertament mhijiex suffiċjenti biex, fiha nfisha, tistabbilixxi li r-rikorrenti hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni, partikolarment fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet li l-eżami attent tiegħu jitlob kuntatt regolari ma’ numru ta’ impriżi, jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-parteċipazzjoni attiva fil-proċeduri amministrattivi tikkostitwixxi element li l-ġurisprudenza spiss tieħu in kunsiderazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, inkluż fil-qasam iktar speċifiku tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita, flimkien ma’ ċirkustanzi speċifiċi oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni 169/84, Ġabra p. 391, punti 24 u 25, u tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Kali & Salz”, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 54; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

96      Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-istatus ta’ kompetitriċi tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li BaByliss affermat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni jew minn SEB, li hija waħda mill-operaturi prinċipali attivi fis-swieq tal-prodotti ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku msejħa “ta’ l-isbuħija” jew ta’ kura personali (hair-dryers, curlers u xkupilji tax-xahar li jaħdmu bis-sħana, clippers, apparat tat-tqaxxir għan-nisa u għall-kura tal-ġisem, eċċ).

97      Skond il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, is-settur ekonomiku kkonċernat mill-konċentrazzjoni huwa dak tal-bejgħ ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku li jikkonsisti fi tlettax-il kategorija ta’ prodotti, jiġifieri l-ħdax-il kategorija ta’ prodotti tal-firxa ta’ prodotti tal-kċina, il-ħadid tal-mogħdija u apparat tal-mogħdija li jaħdem bil-fwar u l-kategorija ta’ l-apparat tal-kura personali. Minn dan isegwi li s-suq ta’ l-apparat tal-kura personali huwa, kif ġie indikat fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonċernat mill-konċentrazzjoni in kwistjoni. Ma ġiex ikkuntestat mill-Kummissjoni, u lanqas minn SEB, li r-rikorrenti hija waħda mill-kompetitriċi/operatriċi prinċipali fis-suq tal-prodotti “ta’ l-isbuħija” jew tal-kura personali.

98      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-impenji jirrigwardaw ukoll t-tlettax-il kategorija kollha ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, inkluż b’hekk l-apparat “ta’ l-isbuħija” u tal-kura personali.

99      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ma kinitx, la fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas fil-jum tal-preżentata tar-rikors tagħha, direttament preżenti f’ebda wieħed mit-tnax-il suq ieħor effettwati mill-konċentrazzjoni, hija madankollu sostniet li hija kompetitriċi ta’ mill-inqas potenzjali in kwantu hija qed tippenetra fis-suq Ewropew ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina.

100    Il-Kummissjoni u SEB ma kkontestawx l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn kompetitur potenzjali meta, bħal f’din il-kawża, ikun hemm swieq oligopolistiċi kkaratterizzati, b’mod partikolari, minn ostakoli kbar għad-dħul li jirriżultaw mil-lealtà qawwija lejn it-trade mark kif ukoll mid-diffikultà ta’ aċċess għall-kummerċ bl-imnut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra p. II‑2137).

101    Il-Kummissjoni u SEB min-naħa l-oħra enfasizzaw li l-allegazzjoni li r-rikorrenti hija kompetitriċi potenzjali la kienet stabbilita u lanqas sostnuta b’elementi ta’ provi. Madankollu, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li, bis-saħħa ta’ l-esperjenza tagħha fis-suq Amerikan, hija bdiet timplementa, sa mill-bidu tas-sena 2001, l-istrateġija ta’ dħul tagħha fis-suq Ewropew ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina, taħt it-trade mark Cuisinart, u b’mod iktar partikolari fis-setturi tal-fran żgħar, magni tax-xiwi tal-ħobż, magni ta’ l-espresso, blenders u miksers ta’ l-ikel, kif jirriżulta mill-fatti segwenti: l-ewwel studju tas-suq Ewropew ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina (Frar 2001), l-istudju tekniku dwar l-adattament tal-vultaġġ tal-prodotti Cuisinart (Frar-Awwissu 2001), il-kuntratt ta’ sħubija għal tliet snin ma’ Paul Bocuse (Ottubru 2001) u l-wirjiet tal-kummerċ ma’ Paul Bocuse f’Orlando u f’Chicago fejn ġew ippreżentati l-prodotti Cuisinart (Settembru 2001 u Mejju 2002), l-iffinalizzar ta’ l-istrateġija u tal-baġit 2002 għat-tnedija ta’ Cuisinart fl-Ewropa (Novembru 2001), in-negozjati mal-klijenti prinċipali Franċiżi dwar ir-referenzjar tat-trade mark Cuisinart (Diċembru 2001 - Mejju 2002), it-tnedija uffiċjali fl-istampa Franċiża (prevista f’Marzu 2002 iżda finalment diferita) u finalment, fis-16 ta’ Mejju 2002, id-“data uffiċjali tat-tnedija ta’ Cuisinart fi Franza fl-istabbiliment ta’ Paul Bocuse f’Lyon, fil-preżenza ta’ madwar ħamsin mistieden”. BaByliss kienet qed tippjana, eventwalment, li tippenetra fis-setturi tal-magni tal-kafè ta’ l-elettriku u tal-magni ta’ l-espresso kif ukoll f’dak ta’ l-apparat tal-qali.

102    Iċ-ċirkustanza, enfasizzata mill-Kummissjoni u minn SEB, li d-dħul effettiv tar-rikorrenti fis-swieq effettwati mill-konċentrazzjoni ġie ddiferit bosta drabi meta mqabbel ma’ dak li kienet ħabbret BaByliss ma tistax tikkostitwixxi motiv suffiċjenti biex jiġi konkluż li BaByliss ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitriċi potenzjali. Is-sempliċi fatt li d-dħul fis-suq jieħu iktar żmien milli previst ma jfissirx li dak id-dħul effettivament mhux ser iseħħ, u dan wisq inqas, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, meta “l-ispejjeż u l-ħin meħtieġa għad-dħul f’suq ġdid ta’ prodotti jkunu sostanzjali meta jitqiesu l-karatteristiċi tas-suq”, li “biex jidħol f’suq ġdid ta’ prodotti, kompetitur, kemm jekk ikun preżenti fi swieq oħrajn relatati jew fis-suq tal-prodotti rilevanti f’żona ġeografika oħra, u kemm jekk ma jkunx, irid ikun ċert li ser ikollu numru suffiċjenti ta’ ħwienet u li b’hekk ser ikollu volum ta’ bejgħ suffiċjenti [u li għal dan il-għan], jeħtieġ li l-prodotti tiegħu jkunu elenkati mill-klijenti rivendituri u b’hekk li t-trade mark tiegħu ssir magħrufa mill-konsumaturi finali, li jieħu ċertu ammont ta’ żmien u jinvolvi spejjeż sostanzjali ta’ marketing u pubbliċità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

103    Isegwi wkoll li, anki qabel ma l-prodotti ta’ BaByliss effettivament jitpoġġew għall-bejgħ fis-swieq, din ta’ l-aħħar sabet ruħha f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta ma’ SEB-Moulinex għall-elenkar tal-prodotti tagħha mill-klijenti distributuri prinċipali. Ir-rikorrenti ppreċiżat f’dan ir-rigward li testijiet ta’ demostrazzjoni huma previsti f’“ċertu numru ta’ ħwienet” magħżula f’Auchan u Monoprix, sa minn Ottubru 2002. F’dan ir-rigward, BaByliss tidher bħala kompetitriċi attwali tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni għas-swieq kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina li hija qed timmira li tippenetra fi żmien qasir bit-trade mark Cuisinart. Bl-istess mod, ir-rikorrenti osservat, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li l-prodotti ta’ kura personali kif ukoll dawk ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina jappartjenu għall-istess dipartiment fil-ħwienet tal-klijenti kollha, li huma l-istess xerrejja li jelenkaw il-prodotti u li l-politiki ta’ xiri huma relatati, bir-riżultat li l-fatturat totali għal dawk il-kategoriji kollha huwa integrat fl-objettivi komuni għal skontijiet ibbażati fuq il-fatturat globali.

104    Għalkemm, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-pjan ta’ negozju tar-rikorrenti, datat Novembru 2001, apparentament jipprevedi, għall-inqas fuq medda ta’ żmien qasir, dħul biss fis-suq Franċiż li ma jissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti spjegat li l-istrateġija tal-grupp BaByliss kienet li jniedi t-trade mark Cuisinart fis-suq Franċiż, fl-ewwel lok, sabiex jikseb esperjenza dwar il-marketing tal-prodotti u li jikkonċentra l-investimenti importanti hemmhekk fejn l-organizzazzjoni tal-grupp bħala ħaġa sħiħa hija b’saħħitha u li jittama li jibbaża fuq is-suċċess fil-penetrazzjoni ta’ l-imsemmi suq Franċiż biex, sussegwentement, jestendi wkoll fi Stat Membri oħrajn.

105    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li BaByliss hija 100 % proprjetà ta’ Conair, kumpannija Amerikana, li hija attiva fis-setturi kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku (kċina, sbuħija, tindif) fl-Istati Uniti u fid-dinja, prinċipalment bit-trade marks BaByliss, Conair u Revlon.

106    Għalkemm ma tinsabx fuq suq effettwat fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89, il-pożizzjoni ta’ BaByliss fis-suq ta’ l-apparat tal-kura personali kif ukoll l-attività u l-esperjenza tal-kumpannija prinċipali tagħha Conair jagħtuha bażi suffiċjenti biex tiġġustifika d-deskrizzjoni bħala kompetitriċi “potenzjali” u biex tiffaċilita d-dħul tagħha fis-suq ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina.

107    Finalment, fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni dwar l-objettivi tal-kumpannija BaByliss, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din mhijiex limitata fl-attività tagħha biss għas-settur tax-xagħar u ta’ l-isbuħija, kif jirriżulta mill-użu ta’ l-avverbju “partikolarment” fid-definizzjoni ta’ l-objettivi tagħha.

108    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-perspettiva tal-pjan tagħha li tippenetra fis-suq Ewropew ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, BaByliss ippreżentat ruħha, f’diversi okkażjonijiet, bħala kandidata għax-xiri ta’ Moulinex jew, ta’ mill-inqas, ta’ ċerti assi minn tagħha.

109    B’hekk, ir-rikorrenti ppreżentat, fil-25 ta’ Settembru 2001, l-ewwel offerta ta’ xiri parzjali fir-rigward ta’ l-assi kollha ta’ Krups (drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, materjal u faċilitajiet, fabbrika fil-Messiku, ħażniet, netwerk ta’ distribuzzjoni) għal prezz ta’ EUR 100 miljun.

110    SEB issostni li dik l-offerta ma tistax tiddistingwi lir-rikorrenti peress li kienet inammissibbli u lanqas ma ttieħdet in kunsiderazzjoni mit-Tribunal de commerce ta’ Nanterre.

111    Ir-rikorrenti sostniet, f’dan ir-rigward, li hija ma setgħetx tifformula offerta globali għall-assi u l-persunal kollha ta’ Moulinex, minħabba li ma ngħatax aċċess għall-informazzjoni finanzjarja dwar il-kumpannija minkejja li għamlet talbiet bil-miktub f’dan is-sens. Il-kumpannija SEB biss kienet f’pożizzjoni li tagħmel verifika kompleta tal-fabbriki ta’ Moulinex u li b’hekk tindirizza lill-amministraturi ġudizzjarji offerta iktar globali għax-xiri ta’ Moulinex.

112    Bl-istess mod, De’Longhi, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Diċembru 2001, iddenunzjat in-nuqqas ta’ trasparenza li kkaratterizza l-proċedura ta’ ċessjoni ta’ Moulinex, waqt li rrilevat dan li ġej:

“SEB ifformulat l-offerta tagħha bħala akkwist parzjali, limitat għal ċerti fabbriki tal-produzzjoni ta’ Moulinex u għall-attivitajiet relatati magħhom iżda sussegwentement kisbet ukoll il-kunsens biex tixtri l-forom u għodda oħrajn tal-produzzjoni inerenti għal attivitajiet mhux ittrasferiti […] mingħajr ma dan biddel il-prezz offrut. Bl-istess mod, SEB kisbet fil-prattika s-setgħa li tuża t-trade mark Moulinex għall-produzzjonijiet kollha tagħha, u dan mingħajr ma ġie previst xejn bi skambju, minkejja l-valur ta’ dik it-trade mark, li hija l-leader fl-Ewropa fis-settur in kwistjoni […] Dan jispjega sew, f’dan il-kuntest, l-inċertezza li kien hemm dwar il-modalitajiet taċ-ċessjoni matul il-preżentazzjoni ta’ l-espressjonijiet ta’ interess. Dik is-sitwazzjoni wasslet biex il-biċċa l-kbira tal-kompetituri ta’ SEB ma ppreżentaw ebda offerta, u tispjega għalfejn t-termini u l-kundizzjonijiet tal-konċentrazzjoni ma ġewx ippubblikati jew ġew ippubblikati biss ferm riċenti, wara li l-kuntratt kien ingħata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

113    SEB ikkontestat dawn l-allegazzjonijiet. Hija fakkret f’dan ir-rigward li, peress li din ma kinitx proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, setgħu jiġu ppreżentati offerti li jimmiraw lejn ir-rikostruzzjoni ta’ l-impriża u li tlett offerti biss għax-xiri totali jew parzjali ta’ l-assi ta’ Moulinex ġew ippreżentati lill-amministraturi ġudizzjarji fit-termini ta’ skadenza tal-proċedura kollettiva, jiġifieri dawk ippreżentati minn Euroland, mill-kumpannija Participation industrielle u mill-grupp SEB. L-ewwel żewġ offerti ġew iġġudikati inammissibbli mit-Tribunal de commerce ta’ Nanterre, waqt li l-espressjonijiet ta’ interess l-oħrajn riċevuti mill-amministraturi ġudizzjarji kienu jirrigwardaw biss, essenzjalment, it-trade mark Krups. Dawk id-diversi espressjonijiet ta’ interess, b’mod partikolari dik indirizzata minn BaByliss, li ma kinitx tirrigwarda l-ishma ta’ Krups iżda biss ċerti assi minn tagħha, kienu, skond SEB, ferm restrittivi u ma kinux jidħlu fil-kuntest ta’ pjan ta’ rikostruzzjoni, peress li ma kienu jinvolvu ebda xiri tas-siti industrijali ta’ Moulinex u ebda forma ta’ impjieg u b’hekk ma kinux ammissibbli. Kien f’dawn il-kundizzjonijiet li t-Tribunal de commerce ta’ Nanterre ddeċieda li l-offerta “ippreżentata mill-grupp SEB b’hekk kienet l-unika waħda sussistenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. SEB tenfasizza li, fil-kuntest ta’ l-appell ippreżentat kontra dik is-sentenza, il-Cour d’appel ta’ Versailles ċaħdet l-aggravji kollha fformulati kontra l-proċedura segwita mill-amministraturi ġudizzjarji, waqt li BaByliss, b’mod partikolari, li kienet intervjeniet volontarjament f’dik il-proċedura, kienet sostniet li “il-ħeffa u għaġla żejda tax-xiri ma ppermettewx lill-kumpanniji interessati, u b’mod partikolari lill-kumpannija Euroland u lil SA BaByliss, li jeżaminaw il-fajl u li jifformulaw, f’kundizzjonijiet normali u fi żmien suffiċjenti, pjan ta’ kontinwazzjoni għal din ta’ l-ewwel u pjan ta’ ċessjoni għal din ta’ l-aħħar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

114    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kwalifiki nazzjonali mhumiex rilevanti biex tiġi evalwata n-natura ta’ attività fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, T‑128/98, Ġabra p. II‑3929, punt 128). Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-offerta ta’ BaByliss ġiet iġġudikata, taħt id-dritt Franċiż, bħala inammissibbli, peress li ma kinitx taqa’ fil-kuntest ta’ pjan ta’ rikostruzzjoni permezz ta’ ċessjoni, b’ebda mod ma tbiddel il-fatt li permezz ta’ dik l-offerta r-rikorrenti esprimiet, sa mill-25 ta’ Settembru 2001, l-interess tagħha li tixtri ta’ mill-inqas parti minn Moulinex.

115    Sussegwentement, ir-rikorrenti kompliet tesprimi l-interess tagħha fil-kumpannija Moulinex, billi fformulat tlett offerti supplimentari għax-xiri parzjali jew totali tagħha, jiġifieri:

–        l-offerta ta’ xiri globali ta’ Moulinex, tad-29 ta’ Novembru 2001, liema offerta kienet tikkontempla x-xiri tal-persunal kollu fi Franza, jiġifieri madwar 5 500 persuna, u ta’ l-assi ta’ Moulinex, inkluż l-istokk għal valur simboliku ta’ EUR 1; dik l-offerta ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni in kwistjoni, kif ukoll lid-Direttorat Ġenerali tal-kompetizzjoni, il-konsum u l-prevenzjoni tal-frodi (DGCCRF) u lir-rappreżentant tal-Ministru ta’ l-ekonomija fi Franza;

–        l-offerta ta’ xiri parzjali ta’ Moulinex, tat-28 ta’ Diċembru 2001: din l-offerta l-ġdida kienet tirrigwarda l-akkwist ta’ l-attivitajiet kollha ta’ Krups fid-dinja, tal-faċilitajiet industrijali tagħha u tal-persunal assoċjati magħhom, għal somma li kellha tiġi ddefinita skond il-perimetru ta’ l-assi kkonċernati; dik l-offerta ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni in kwistjoni u mibgħuta lill-awtoritajiet Franċiżi;

–        l-offerta ta’ xiri ta’ ċerti assi ta’ Moulinex, tal-15 ta’ Frar 2002: BaByliss indirizzat offerta ġdida għax-xiri ta’ Moulinex lill-amministraturi ġudizzjarji tagħha, inklużi l-assi ta’ Moulinex mhux mixtrija minn SEB u li jikkonsistu fis-siti ta’ Alençon, Bayeux u Falaise kif ukoll il-materjal kollu ddestinat għall-produzzjoni ta’ fran microwave; il-prezz ta’ l-akkwist propost minn BaByliss kien jammonta għal EUR 150 000.

116    Dawk l-offerti differenti, anki jekk ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati jew kienu indirizzati lill-awtoritajiet li ma kellhomx il-kompetenza biex jittrattawhom jew jekk ġew ifformulati qabel il-konċentrazzjoni, jiġifieri, għal dik tal-15 ta’ Frar 2002, qabel id-deċiżjoni kkontestata, madankollu huma xhieda ta’ l-interess sostnut u kontinwu sa mill-25 ta’ Settembru 2001 tar-rikorrenti fix-xiri ta’ Moulinex jew ta’ ċerti assi tagħha.

117    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li r-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mill-konċentrazzjoni bejn SEB u Moulinex u li r-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

118    Ir-rikorrenti tissottometti erba’ motivi in sostenn tar-rikors ta’ annullament tagħha. L-ewwel motiv jallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali in kwantu l-Kummissjoni aċċettat is-sottomissjoni ta’ impenji tardivi minn SEB. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi meta awtorizzat il-konċentrazzjoni fit-tmiem tal-fażi I u mingħajr ma fetħet il-fażi II. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni in kwantu l-impenji huma insuffiċjenti biex jimmitigaw il-problemi ta’ kompetizzjoni. Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi in kwantu ma eżaminatx jekk il-prezz nominali mħallas minn SEB għax-xiri ta’ Moulinex u l-għajnuna finanzjarja mill-Istat Franċiż kinux ta’ tali natura li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ SEB.

I –  Fuq l-ewwel motiv, li jallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali in kwantu l-Kummissjoni aċċettat is-sottomissjoni ta’ impenji tardivi minn SEB

 Argumenti tal-partijiet

119    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difett formali in kwantu awtorizzat l-operazzjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ impenji sottomessi minn SEB wara l-iskadenza tat-terminu regolatorju ta’ tliet ġimgħat li jibda jiddekorri mid-data tar-riċeviment tan-notifika.

120    Ir-rikorrenti tfakkar li, skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98, “[w]egħdiet proposti [matul il-fażi I] għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tlett ġimgħat mid-data ta’ riċevuta tan-notifika”. Hija tiċċita wkoll il-punt 37 ta’ l-avviż tagħha dwar ir-rimedji:

“Peress li r-rimedji tal-fażi I huma ddisinjati b’tali mod li jipprovdu risposta diretta għal problemi ta’ kompetizzjoni faċilment identifikabbli, jistgħu jiġu aċċettati biss emendi limitati. Dawk l-emendi, ippreżentati bħala risposta immedjata għar-riżultati tal-konsultazzjonijiet, jinkludu kjarifiki, preċiżjonijiet u/jew titjib li jippermettu li l-impenji jkunu prattikabbli u effettivi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

121    Ir-rikorrenti ssostni li f’din il-kawża, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 447/98 u l-punt 37 ta’ l-avviż dwar ir-rimedji meta aċċettat impenji ġodda min-naħa ta’ SEB iktar minn għaxart ijiem wara t-terminu ta’ skadenza regolatorju ta’ tliet ġimgħat.

122    Effettivament, fil-5 ta’ Diċembru 2001, id-data ta’ l-għeluq għall-preżentata ta’ l-impenji, SEB ipproponiet lill-Kummissjoni impenn li jikkonsisti f’sempliċi waqfien tal-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti taħt it-trade mark Moulinex għal perijodu ta’ sentejn u għaż-ŻEE kollha (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li impenn ta’ tali natura ma kienx jippermetti li jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma mill-konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward huwa sintomatiku li l-Kummissjoni barra minn hekk lanqas ma dehrilha li kien neċessarju li jsir studju tas-suq bil-għan li tiġi evalwata l-effettività tagħhom.

123    Ir-rikorrenti tirrileva li kien biss fit-18 ta’ Diċembru 2001, jew ħames ġimgħat wara n-notifika tal-konċentrazzjoni in kwistjoni, li SEB ippreżentat impenji ġodda, li jikkonsistu fl-għoti lil terz ta’ liċenzja esklużiva fuq it-trade mark Moulinex fir-rigward tal-bejgħ tal-kategoriji ta’ prodotti kollha kkonċernati mill-konċentrazzjoni, għal terminu ta’ tliet snin. Hija tgħid ukoll li dik it-tieni proposta ta’ impenji kienet hija stess is-suġġett tat-tielet proposta li effettwat modifiki sostanzjali lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, biex b’hekk wasslet għas-soluzzjoni finalment adottata mill-Kummissjoni (premessi 129 sa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Skond ir-rikorrenti, b’hekk jidher li t-tieni u t-tielet proposti ta’ impenji sottomessi minn SEB jiddevjaw fundamentalment, kemm fin-natura proprja tagħhom kif ukoll fil-portata u t-tul ta’ żmien tagħhom, mill-proposta inizjalment sottomessa minn SEB. Għaldaqstant, dawn b’ebda mod ma jistgħu jitqiesu bħala sempliċi titjib ta’ l-impenji inizjali, fis-sens tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iżda jikkostitwixxu impenji ġodda. Il-Kummissjoni b’hekk kien imissha, f’dak l-istadju tal-proċedura, tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi II.

125    Ir-rikorrenti tenfasizza, bħala paragun, li fil-każ li ta lok għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2000 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.1672 ─ Volvo/Scania) (ĠU 2001, L 143, p. 74), fil-paragrafi 359 u 362, Volvo kienet issottomettiet l-ewwel proposta ta’ impenji fit-terminu previst għal dak il-għan (fil-fażi II, f’dak il-każ), u mbagħad ifformulat proposta ġdida ta’ impenji ħmistax wara. Il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni dawk it-tieni impenji, għar-raġuni li “il-proposta l-ġdida ma fiha ebda element li Volvo ma setgħetx tinkludi f’impenn ippreżentat fit-terminu ta’ tliet xhur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

126    Il-Kummissjoni ssostni li l-affermazzjoni li tgħid li hija “ikkommettiet ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali meta aċċettat is-sottomissjoni ta’ impenji tardivi minn SEB” hija għal kollox infondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

127    Għandu jiġi mfakkar li l-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni pproponew impenji fi tlett okkażjonijiet lill-Kummissjoni matul il-fażi I, jiġifieri fil-5 ta’ Diċembru 2001, fit-18 ta’ Diċembru 2001 u f’data ulterjuri, mhux speċifikata, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fit-8 ta’ Jannar 2002.

128    Essenzjalment, il-kontenut ta’ kull wieħed minn dawk l-impenji kien dan li ġej:

–        fil-verżjoni inizjali tagħhom tal-5 ta’ Diċembru 2001 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni inizjali ta’ l-impenji”), l-impenji kienu jipprevedu l-irtirar miż-ŻEE kollha u għal perijodu ta’ sentejn ta’ ħames kategoriji ta’ prodotti rilevanti tat-trade mark Moulinex;

–        fil-verżjoni emendata tagħhom tat-18 ta’ Diċembru 2001 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni emendata ta’ l-impenji”), l-impenji kienu jipprevedu liċenzja esklużiva tat-trade mark Moulinex għal terminu ta’ tliet snin, flimkien ma’ impenn ta’ nuqqas ta’ dħul bit-trade mark Moulinex għal sena oħra wara l-iskadenza tal-liċenzja, għall-kategoriji kollha ta’ prodotti fil-Belġju, fil-Greċja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Portugall u għall-kategorija ta’ l-apparat tal-qali fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fid-Danimarka, fin-Norveġja u fl-Isvezja, kif ukoll obbligu ta’ forniment fuq min jirċievi l-liċenzja għal erba’ kategoriji ta’ prodotti rilevanti;

–        Finalment, fil-verżjoni finali tagħhom aċċettata fid-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem il-“verżjoni finali ta’ l-impenji”), l-impenji kienu jipprevedu liċenzja esklużiva tat-trade mark Moulinex għal terminu ta’ ħames snin, flimkien ma’ impenn ta’ nuqqas ta’ dħul bit-trade mark Moulinex għal tliet snin oħra wara l-iskadenza tal-liċenzja, għall-kategoriji kollha ta’ prodotti ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Greċja, fin-Norveġja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Portugall u fl-Isvezja, kif ukoll obbligu ta’ forniment għal terminu ta’ sentejn fuq min jirċievi l-liċenzja fil-Ġermanja għal kategorija waħda ta’ prodotti rilevanti.

129    Għandu jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98:

“Wegħdiet proposti lill-Kummissjoni mill-impriżi ikkonċernati skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament […] Nru 4064/89 li huma maħsuba mill-partijiet sabiex jiffurmaw l-bażi għal deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(b) ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tlett ġimgħat mid-data ta’ riċevuta tan-notifika.”

130    F’din il-kawża, peress li n-notifika tal-konċentrazzjoni saret fit-13 ta’ Novembru 2001, it-terminu biex jiġu proposti impenji lill-Kummissjoni matul il-fażi I skada, b’applikazzjoni tal-metodu ta’ komputazzjoni tat-termini ddefinit fl-Artikoli 6 sa 9 u 18(3) tar-Regolament Nru 447/98, fil-5 ta’ Diċembru 2001. Minn dan jirriżulta li l-verżjoni inizjali ta’ l-impenji ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fiż-żmien meħtieġ mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98.

131    Madankollu huwa stabbilit li l-verżjoni inizjali ta’ l-impenji mhijiex dik li ġiet aċċettata finalment mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Skond il-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-verżjoni inizjali ta’ l-impenji effettivament ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni li tneħħi d-dubji serji kollha dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, għaliex ma kinitx tippermetti li Moulinex tiġi ssostitwita b’operatur ieħor u ma kinitx tirrigwarda s-swieq kollha fejn il-konċentrazzjoni setgħet toħloq dubji serji.

132    Huwa stabbilit li kemm il-verżjoni emendata ta’ l-impenji kif ukoll il-verżjoni finali tagħhom ġew ippreżentati mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni wara t-terminu ta’ tliet ġimgħat previst mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx intitolata li taċċetta dawk l-impenji mingħajr ma tikser din l-aħħar dispożizzjoni.

133    Sabiex isir dak l-eżami, fl-ewwel lok għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti Nri 4064/89 u 447/98.

134    Għandu jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98, il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni f’terminu ta’ tliet ġimgħat l-impenji “maħsuba mill-partijiet sabiex jiffurmaw il-bażi” għal deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-fażi I.

135    Bl-istess mod, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 4064/89, huwa previst li l-fażi I tiżdied b’sitt ġimgħat jekk, wara notifika ta’ konċentrazzjoni, l-impriżi kkonċernati jippreżentaw impenji skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament “li huma maħsuba mill-partijiet sabiex jiffurmaw il-bażi” ta’ deċiżjoni fit-tmiem tal-fażi I.

136    Jirriżulta mit-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li t-terminu ta’ tliet ġimgħat previst mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98, huwa intiż bħala terminu ta’ skadenza vinkolanti għall-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, fis-sens li, jekk huma jippreżentaw impenji wara l-iskadenza ta’ dak it-terminu, il-Kummissjoni ma tkunx obbligata li teħodhom in kunsiderazzjoni fl-istadju tal-fażi I. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mit-termini tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li l-Kummissjoni hija pprojbita milli tieħu in kunsiderazzjoni tali impenji tardivi.

137    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98 għandux jiġi interpretat f’dan is-sens, għandhom jiġu eżaminati madankollu t-termini ta’ l-imsemmija dispożizzjoni fid-dawl ta’ l-objettivi li hija ssegwi.

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjoni ddaħħlet mir-Regolament Nru 447/98, li ħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3384/94, tal-21 ta’ Diċembru 1994, dwar in-notifiki, it-termini ta’ skadenza u s-seduti previsti fir-Regolament Nru 4064/89 (ĠU L 377, p. 1), wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1310/97. Dan l-aħħar Regolament daħħal fir-Regolament Nru 4064/89 qafas regolatorju għall-offerta ta’ impenji matul il-fażi I. Skond il-premessa 16 tar-Regolament Nru 447/98, il-Kummissjoni tindika li t-termini ta’ skadenza għall-preżentata ta’ l-impenji previsti mill-imsemmi regolament huma neċessarji “sabiex l-Kummissjoni tkun tista’ twettaq stima kif xieraq tal-[wegħdiet] li għandhom l-għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, u sabiex jiżguraw konsultazzjoni xierqa ma’ partijiet oħra involuti, [terzi] persuni u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri”.

139    B’hekk jirriżulta minn dik il-premessa li, bl-introduzzjoni tat-terminu ta’ skadenza previst fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98, il-Kummissjoni riedet tiżgura li hija jkollha ż-żmien meħtieġ biex tevalwa l-impenji proposti u tikkonsulta lil terzi. Għalkemm biex jiġi segwit dak l-objettiv jeħtieġ neċessarjament li t-terminu ta’ skadenza previst mill-imsemmija dispożizzjoni jkun vinkolanti għall-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, sabiex huma ma jkunux jistgħu jippreżentaw impenji qabel l-iskadenza tal-fażi I, fi żmien li l-Kummissjoni jkollha l-ħin meħtieġ biex tevalwahom u tikkonsulta lil terzi, b’ebda mod ma jeħtieġ, min-naħa l-oħra, li dak it-terminu ta’ skadenza jkun ugwalment vinkolanti fir-rigward tal-Kummissjoni, peress li hija tista’ tkun tal-fehma, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li terminu iktar qasir huwa suffiċjenti biex tipproċedi għall-imsemmija evalwazzjonijiet u konsultazzjonijiet.

140    Minn dan isegwi li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98 għandu jinftiehem fis-sens li, għalkemm il-partijiet involuti f’konċentrazzjoni ma jistgħux jobbligaw lill-Kummissjoni biex tieħu in kunsiderazzjoni impenji u l-emendi li jkunu saru għalihom qabel it-terminu ta’ tliet ġimgħat, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, jekk jidhrilha li għandha ż-żmien meħtieġ biex teżaminahom, trid tkun f’pożizzjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni fid-dawl ta’ l-imsemmija impenji, anki jekk ikunu saru emendi wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet ġimgħat.

141    B’hekk jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni kienet intitolata li taċċetta l-verżjoni emendata ta’ l-impenji kif ukoll il-verżjoni finali tagħhom wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet ġimgħat previst mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98, peress li l-imsemmi terminu mhuwiex vinkolanti fir-rigward tagħha.

142    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, meta aċċettat l-imsemmija impenji, il-Kummissjoni kkonformat mal-prinċipji li hija stabbilixxiet fil-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi.

143    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, l-imsemmija komunikazzjoni mhijiex nieqsa minn kwalunkwe obbligu legali vinkolanti. Effettivament, il-Kummissjoni hija marbuta mill-komunikazzjonijiet li hija tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, bil-kundizzjoni li jirrispettaw ir-regoli tat-Trattat u tar-Regolament Nru 4064/89 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, Ġabra p. I‑5163, punt 24, u tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 53). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiddevja mir-regoli li hija timponi fuqha nfisha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 53).

144    Fil-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi, il-Kummissjoni indikat:

“37      Meta l-evalwazzjoni ta’ l-impenji proposti turi li dawn mhumiex suffiċjenti biex jirriżolvu l-problemi għall-kompetizzjoni li toħloq l-konċentrazzjoni, il-partijiet għandhom jiġu infurmati. Peress li r-rimedji tal-fażi I huma ddisinjati b’tali mod li jipprovdu risposta diretta għal problemi ta’ kompetizzjoni faċilment identifikabbli, jistgħu jiġu aċċettati biss emendi limitati. Dawk l-emendi, ippreżentati bħala risposta immedjata għar-riżultati tal-konsultazzjonijiet, jinkludu kjarifiki, preċiżjonijiet u/jew titjib li jippermettu li l-impenji jkunu prattikabbli u effettivi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

145    F’din il-kawża, fir-rigward tal-bidliet li saru permezz tal-verżjoni finali ta’ l-impenji għall-verżjoni emendata, huwa ċar, u dan mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li dawn jikkostitwixxu emendi limitati fis-sens tal-punt 37 tal-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi. Meta mqabbla mal-verżjoni preċedenti, il-verżjoni finali ta’ l-impenji sempliċement testendi t-tul taż-żmien tal-liċenzja esklużiva u ta’ l-obbligu ta’ nuqqas ta’ dħul ulterjuri, testendi għal ħames Stati Membri addizzjonali l-prinċipju stabbilit għall-ewwel erbgħa, li jgħid li l-liċenzja tkopri l-prodotti kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku u, finalment, tnaqqas il-portata ta’ l-obbligu ta’ forniment. Peress li dawk l-emendi jikkonċernaw biss il-kamp ta’ applikazzjoni, fiż-żmien, f’termini ta’ prodotti u f’termini ta’ ġeografija, ta’ l-obbligi previsti fil-verżjoni emendata ta’ l-impenji, dawn jistgħu jitqiesu bħala emendi limitati intiżi biex itejjbu jew jipperfezzjonaw il-verżjoni inizjali ta’ l-impenji fis-sens tal-punt 37 tal-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi.

146    Fir-rigward tal-bidliet li saru permezz tal-verżjoni emendata għall-verżjoni inizjali ta’ l-impenji, li jikkonsistu fit-trasformazzjoni ta’ obbligu ta’ irtirar tat-trade mark Moulinex f’obbligu ta’ għoti ta’ liċenzja esklużiva ta’ l-imsemmija trade mark, għandu jiġi kkonstatat li, bl-istess mod bħall-irtirar tat-trade mark, l-għoti ta’ liċenzja esklużiva għandu l-effett li jċaħħad lil sid it-trade mark Moulinex, f’dan il-każ SEB, mid-dritt li tuża l-imsemmija trade mark fit-territorji kkonċernati. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-għoti ta’ liċenzja esklużiva jippermetti, barra min hekk, lil terz li juża t-trade mark tista’ titqies bħala “titjib” meta mqabbel ma sempliċi rtirar.

147    Barra minn hekk, f’din il-kawża, l-impenji jipprevedu, fil-punt 1(c), li SEB tipprojbixxi lilha nfisha li tuża t-trade mark Moulinex għal terminu ta’ tliet snin wara l-iskadenza tal-kuntratti ta’ liċenzja. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-punt 1(a) jippermetti lil min jirċievi l-liċenzja li jieqaf juża t-trade mark Moulinex f’kull mument matul it-tul ta’ żmien tal-liċenzja bil-għan li jaqleb b’mod definittiv lejn it-trade mark tiegħu. B’applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, it-trade mark Moulinex għandha tiġi rtirata mis-suq matul perijodu ta’ mill-inqas tliet snin u, ta’ mill-inqas fit-teorija, ta’ mhux iktar minn tmien snin. Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-verżjoni finali ta’ l-impenji mhijiex limitata għal sostituzzjoni ta’ l-irtirar tat-trade mark Moulinex previst mill-verżjoni inizjali bl-għoti ta’ liċenzji fuq l-imsemmija trade mark, iżda jsaħħaħ dak in-nuqqas ta’ użu tat-trade mark Moulinex minn SEB billi jobbligaha tagħti liċenzja. Għal dik ir-raġuni wkoll, il-verżjoni finali ta’ l-impenji tidher bħala “titjib” meta mqabbel mal-verżjoni inizjali tagħha.

148    Barra minn hekk, anki jekk it-terzi ma ġewx ikkonsultati espressament dwar is-suġġett tal-verżjoni inizjali ta’ l-impenji, dak it-titjib jista’ jitqies bħala “risposta immedjata għar-riżultati tal-konsultazzjonijiet” ma’ terzi intiża biex tagħmel l-impenji “prattikabbli u effettivi”. Fil-fatt, bi tweġiba għall-mistoqsija 25 tal-kwestjonarju indirizzat lill-kompetituri, ir-rikorrenti stess enfasizzat li pożizzjoni sostenibbli fuq kull suq nazzjonali tal-prodotti kkonċernat jippresupponi żewġ elementi ferm importanti: il-lealtà tal-konsumaturi għat-trade mark u l-aċċess għal netwerks differenti ta’ distribuzzjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi tat-tweġiba, il-Kummissjoni setgħet loġikament tiddeduċi mill-konsultazzjoni ta’ terzi li liċenzja esklużiva tat-trade mark Moulinex kienet tikkostitwixxi risposta immedjata għall-problemi identifikati minnhom, peress li, għall-kuntrarju tas-sempliċi rtirar tat-trade mark, tali liċenzja kienet tippermetti li Moulinex tiġi ssostitwita b’operatur li għandu trade mark magħrufa u li jkollu aċċess għal-kanali ta’ distribuzzjoni.

149    Barra minn hekk jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li, f’nota datata 17 ta’ Diċembru 2001 “fuq l-impenji possibbli ta’ SEB”, De’Longhi indikat espliċitament lill-Kummissjoni li, “bħala alternattiva għaċ-ċessjoni, SEB tista’ tintalab tagħti impenn li tagħti liċenzji lil terzi akkwirenti għat-trade mark Moulinex fis-swieq nazzjonali kollha fejn l-konċentrazzjoni toħloq effetti antikompetittivi partikolarment sostanzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Anki jekk, kif sosniet matul is-seduta, De’Longhi kkwalifikat din il-pożizzjoni fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju dwar l-impenji datata 3 ta’ Jannar 2002, xorta jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi indikazzjoni li tikkonferma li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra u fi kwalunkwe każ mingħajr ma tikkommetti żball manifest li impenn ta’ liċenzja jikkostitwixxi risposta immedjata għall-konsultazzjonijiet ma’ terzi, peress li De’Longhi stess kienet issuġġeriet dik l-alternattiva qabel ma ġiet proposta minn SEB.

150    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-verżjoni emendata ta’ l-impenji kif ukoll il-verżjoni finali tagħhom jistgħu jitqiesu bħala emendi limitati li, skond il-punt 37 tal-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi, jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni wara l-iskadenza tat-terminu previst mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 447/98.

151    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

II –  Fuq it-tieni motiv, li jallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi meta awtorizzat konċentrazzjoni mingħajr ma fetħet il-fażi II

 Argumenti tal-partijiet

152    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi billi ma fetħitx, abbażi ta’ l-Artikolu 6(1)(ċ), tar-Regolament Nru 4064/89, il-fażi II, waqt li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni fit-tmiem tal-fażi I ma kinux issodisfatti peress li l-impenji sottomessi minn SEB ma kinux jippermettu li jiġu esklużi b’mod ċar id-dubji serji kollha dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni.

153    Ir-rikorrenti tfakkar li l-avviż dwar ir-rimedji jipprovdi li “l-impenji [sottomessi lilha] matul il-fażi I għandhom ikunu suffiċjenti biex jiġu esklużi b’mod ċar id-‘dubji serji’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kollha dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni. B’mod iktar preċiż, l-impenji mogħtija matul il-fażi I ma jistgħux iwasslu għal awtorizzazzjoni mingħajr il-ftuħ tal-fażi II ħlief meta:

–        il-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni jkunu faċilment identifikabbli;

–        l-imsemmija impenji jkunu suffiċjenti biex jiġu esklużi b’mod ċar id-dubji serji kollha u jkunu, konsegwentement, iddisinjati b’mod li jipprovdu risposta diretta għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati;

–        l-imsemmija impenji jidhru bħala “risposta immedjata” għar-riżultati tal-konsultazzjonijiet immexxija mill-Kummissjoni ma’ l-operaturi preżenti fis-suq u mal-partijiet.

154    B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet fl-avviż tagħha dwar ir-rimedji:

“Huwa biss f’ċerti tipi ta’ sitwazzjonijiet li l-impenji jistgħu jiġu aċċettati matul il-fażi I. Il-problema tal-kompetizzjoni maħluqa trid tkun tant preċiża u l-miżuri korrettivi tant ċari li ma jkunx meħtieġ li ssir investigazzjoni fil-fond.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

155    Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li, fil-każ Volvo/Scania, iċċitat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ċaħdet proposta ta’ impenji sottomessa mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni wara li kkonstatat dan li ġej:

“Mhuwiex possibbli li wieħed jikkonkludi li l-proposta l-ġdida telimina b’mod evidenti u indiskutabbli l-problemi kollha tal-kompetizzjoni li ġew irrilevati. Minħabba l-kumplessità tal-proposti l-ġodda, kien ikun impossibbli għall-Kummissjoni li tevalwahom b’mod effikaċi fil-ftit żmien li kien fadal qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Investigazzjoni addizzjonali kienet tkun neċessarja u kien ikun meħtieġ li jinġabru l-opinjonijiet tat-terzi interessati, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

156    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikkommetti żball ta’ liġi, tawtorizza konċentrazzjoni mat-tmiem tal-fażi I. Ir-rikorrenti tikkunsidra effettivament li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra bi grad ta’ ċertezza suffiċjenti, mat-tmiem ta’ dik l-unika fażi, li l-impenji mogħtija kienu jippermettu li jitneħħew id-dubji kollha dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni.

157    Tlett elementi juru li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni, fit-tmiem tal-fażi I, li tiddetermina, bil-grad ta’ ċertezza meħtieġ, li l-impenji mogħtija kienu suffiċjenti biex jiġu riżolti l-problemi kollha ta’ kompetizzjoni maħluqa bil-konċentrazzjoni.

158    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tenfasizza li, sa fejn taf hi, il-Kummissjoni qatt ma awtorizzat fil-passat konċentrazzjoni unikament fuq il-bażi ta’ impenji li tingħata liċenzja għal trade mark, peress li dawk l-impenji dejjem intużaw mill-Kummissjoni biex takkumpanja jew tikkumplimenta miżuri korrettivi oħrajn, bħaċ-ċessjoni ta’ assi. Ir-rikorrenti tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni stess tirrakkomanda, fil-punt 16 ta’ l-avviż tagħha dwar ir-rimedji, li “meta l-problema tal-kompetizzjoni tkun dovuta għal sovrapożizzjoni orizzontali, l-attività l-iktar adatta trid tiġi ttrasferita” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx, għaldaqstant, ikollha esperjenza li tippermettilha tiddetermina bi grad ta’ ċertezza suffiċjenti jekk sempliċi impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark kienx ta’ natura li jirriżolvi b’mod ċar il-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati.

159    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setax kellha informazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ l-effettività ta’ l-impenji mogħtija. Skond ir-rikorrenti, b’differenza minn sempliċi impenn ta’ ċessjoni, li l-effetti tiegħu jistgħu jiġu evalwati faċilment mill-Kummissjoni, l-effettività ta’ impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark hija, min-natura tagħha stess, iktar diffiċli biex tiġi evalwata in kwantu tiddependi minn diversi parametri fosthom it-tul ta’ żmien tal-liċenzja, it-tul ta’ żmien ta’ l-abbandun sussegwenti tat-trade mark, u l-perimetru eżatt tal-liċenzja. Barra minn hekk, il-fatt li l-liċenzji tat-trade mark Moulinex jistgħu jkunu, fl-iskema ta’ impenji previsti mill-Kummissjoni, mogħtija lil impriżi differenti skond il-prodotti u l-pajjiżi kkonċernati huwa ta’ tali natura li jikkomplika iktar l-evalwazzjoni ta’ l-effett ta’ dawk l-impenji. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma setgħetx kienet f’pożizzjoni, mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta’ eżami fil-fond, li tevalwa bi grad ta’ preċiżjoni suffiċjenti jekk it-terz jew terzi li jirċievu l-liċenzja jkunux effettivament f’pożizzjoni li jeżerċitaw kontropiż reali fil-konfront ta’ SEB-Moulinex l-għada tal-konċentrazzjoni, għall kull waħda mill-firxiet ta’ prodotti u għal kull pajjiż ikkonċernat.

160    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-kwestjonarju intiż biex tiġi evalwata l-effettività tal-verżjoni emendata ta’ l-impenji sottomessi minn SEB ġie indirizzat lit-terzi interessati fl-20 ta’ Diċembru 2001, waqt li t-tweġiba kellha tingħata sal-21 ta’ Diċembru 2001. Fil-fehma tagħha, il-qosor estrem ta’ dan it-terminu għat-tweġiba f’ebda każ ma seta’ jippermetti lit-terzi interrogati li jipprovdu opinjoni preċiża u ddettaljata dwar l-effetti previżibbli ta’ l-impenji proposti. Ir-rikorrenti tammetti li terminu ta’ tweġiba qasir ħafna jista’, f’ċerti każijiet, ikun aċċettat fir-rigward ta’ impenji li l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu evalwati faċilment, bħal fil-każ ta’ ċessjoni ta’ assi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ impenji kumplessi u b’mod speċjali dawk li mhumiex ipprattikati spiss, terminu ta’ ġurnata f’ebda każ ma jista’ jitqies bħala suffiċjenti biex jippermetti lit-terzi interessati biex jippreżentaw opinjoni ddettaljata.

161    Il-Kummissjoni tikkontesta li kkommettiet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li tawtorizza konċentrazzjoni fit-tmiem tal-fażi I u mingħajr ma fetħet proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

162    Għandu jiġi kkonstatat, fuq bażi preliminari, li, in kwantu r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi billi ma fetħitx il-fażi II abbażi li l-impenji sottomessi minn SEB ma kinux suffiċjenti biex ikunu jistgħu jiġu esklużi d-dubji serji kollha, hija tpoġġi f’dubju l-evalwazzjoni ta’ natura ekonomika li wasslet lill-Kummissjoni biex taċċetta l-impenji proposti minn SEB. Fuq din il-bażi, dan il-motiv huwa l-istess bħat-tielet motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kapaċità ta’ l-impenji li jirriżolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa. Għaldaqstant, dan l-aspett ta’ dan il-motiv ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv.

163    Għandu jiġi rrilevat li, skond il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1310/97, l-impenji mogħtija matul il-fażi I jistgħu jiġu aċċettati “fejn il-problema ta’ kompetizzjoni tista’ tkun identifikata malajr u tista’ tkun solvuta malajr”. Bl-istess mod, fil-punt 37 tal-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi, huwa mtenni li r-rimedji tal-fażi I “huma ddisinjati b’tali mod li tingħata risposta diretta għal problemi ta’ kompetizzjoni faċilment identifikabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

164    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, li fir-rigward tan-natura tal-problemi ta’ kompetizzjoni in kwistjoni, ir-rikorrenti ma tidentifikax problemi oħrajn ta’ kompetizzjoni apparti dawk identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat barra minn hekk li f’din il-kawża l-Kummissjoni bbażat fuq analiżi tal-kompetizzjoni prudenti. Effettivament, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew il-partijiet notifikanti matul il-proċedura amministrattiva, li kkunsidraw li d-dimensjoni ġeografika tas-swieq kienet dinjija, il-Kummissjoni adottat, lejn l-aħħar tal-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, definizzjoni nazzjonali tas-swieq ġeografiċi “bħala l-iktar waħda kredibbli fit-tmiem ta’ l-eżami ta’ l-ewwel fażi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, biex tiġi evalwata l-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-entità l-ġdida wara l-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għaddet flimkien l-ishma mis-suq ta’ SEB u Moulinex billi ppreżumiet in-nuqqas ta’ telf ta’ bejgħ min-naħa ta’ Moulinex, minkejja li l-kuntest tax-xiri seta’ jwassal għal tali telf u li huwa stabbilit li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti mudelli ta’ Moulinex kienet waqfet. Fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat li ma setax jiġi eskluż, “ta’ mill-inqas fit-tmiem ta’ l-ewwel fażi ta’ l-investigazzjoni, li l-entità kkombinata tkun f’pożizzjoni li tirrestawra l-kapaċità kompetittiva ta’ Moulinex fil-livell tagħha ta’ qabel ma tpoġġiet f’amministrazzjoni ġudizzjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

166    Għaldaqstant għandu jiġi aċċettat li l-Kummissjoni identifikat bi preċiżjoni l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni in kwistjoni.

167    Ir-rikorrenti tressaq tlett elementi biex tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra bi grad ta’ ċertezza suffiċjenti li l-impenji proposti kienu jippermettu li jitneħħew id-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni u li hija b’hekk ikkommettiet żball ta’ liġi meta awtorizzat l-konċentrazzjoni fit-tmiem tal-fażi I. Dawk l-elementi jikkonċernaw, fl-ewwel lok, in-natura ta’ l-impenji, fit-tieni lok, in-nuqqas ta’ informazzjoni li kellha l-Kummissjoni biex tevalwa l-effettività ta’ l-impenji u, fit-tielet lok, iż-żmien mogħti lil terzi biex jissottomettu kummenti dwar l-impenji.

168    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura ta’ l-impenji proposti, għandu jiġi mfakkar li, f’din il-kawża, dawk l-impenji jikkonsistu fil-konklużjoni ta’ ftehim esklużivi ta’ liċenzji għat-trade mark Moulinex f’disa’ Stati Membri li jkopru t-tlettax-il prodott kollha kkonċernati matul terminu ta’ ħames snin u fl-impenn tal-grupp SEB, matul it-terminu tal-kuntratt ta’ liċenzja u matul terminu ta’ tliet snin wara l-iskadenza tiegħu, li tiġi pprojbita kull kummerċjalizzazzjoni bit-trade mark Moulinex.

169    La r-Regolament Nru 4064/89 u lanqas il-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi ma jipprevedu espressament liema tip ta’ impenji jista’ jew għandu jiġi aċċettat mat-tmiem tal-fażi II jew fil-kuntest tal-fażi I. Peress li r-Regolament Nru 4064/89 huwa intiż biex jipprevjeni l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ strutturi fis-suq li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni, l-impenji proposti għandhom madankollu jkunu ta’ tali natura li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni in kwistjoni la toħloq u lanqas issaħħaħ pożizzjoni dominanti. F’dan ir-rigward, ma hemmx differenza intrinsika bejn l-impenji mogħtija matul il-fażi I u dawk mogħtija matul il-fażi II, anki jekk dawn ta’ l-ewwel, meta jitqies il-fatt li studju tas-suq dettaljat ma jsirx matul il-fażi I, ma għandhomx jippermettu biss li jiġi konkluż li l-konċentrazzjoni ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti, iżda għandhom barra minn hekk ikunu suffiċjenti biex jiġu esklużi b’mod ċar id-dubji serji kollha f’dan ir-rigward.

170    Għalkemm iċ-ċessjoni ta’ assi spiss tikkostitwixxi l-iktar miżura korrettiva adegwata biex tiġi rrimedjata faċilment problema tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari f’każ ta’ sovrapożizzjoni orizzontali, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li ftehim ta’ liċenzja jista’ jikkostitwixxi miżura adegwata biex jiġu rrimedjati l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati. B’hekk, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni (T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 319), il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li “ma tistax tiġi eliminata awtomatikament il-possibbiltà li impenji li fuq bażi prima facie huma relatati ma’ l-aġir, bħal per eżempju li ma jsirx użu minn trade mark għal ċertu perijodu jew li parti mill-kapaċità produttiva ta’ l-entità li tinħoloq minn konċentrazzjoni titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ kompetituri terzi jew, b’mod iktar ġenerali, li jingħata aċċess għal faċilitajiet essenzjali fuq termini mhux diskriminatorji, jistgħu wkoll ikunu kapaċi jostakolaw il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti”.

171    Iċ-ċirkustanza, enfasizzata mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni qatt fil-passat ma awtorizzat konċentrazzjoni unikament fuq il-bażi ta’ impenji li tingħata liċenzja għal trade mark, mhijiex rilevanti. Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli aċċettat l-impenji proposti minn SEB għas-sempliċi raġuni li hija qatt ma awtorizzat qabel konċentrazzjoni unikament fuq il-bażi ta’ impenji li tingħata liċenzja għal trade mark jekk dawk l-impenji jkunu jistgħu jirriżolvu b’mod effikaċi l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati. Dik il-kwistjoni, li tolqot il-kontenut ta’ l-impenji, ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-motiv li jallega li l-impenji huma insuffiċjenti.

172    Barra minn hekk jirriżulta mill-proċess li, matul il-proċedura amministrattiva, diversi terzi, fosthom De’Longhi, indikaw lill-Kummissjoni li ftehim ta’ liċenzja jista’, f’ċerti kundizzjonijiet, ikun suffiċjenti biex jiġu riżolti l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati f’din il-kawża (ara l-punt 149 iktar ’il fuq).

173    Mhuwiex ikkontestat li t-trade marks huma ta’ importanza fundamentali fis-settur effettwat mill-konċentrazzjoni u li jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi ewlenin ta’ l-għażla għall-konsumaturi. Barra minn hekk, l-offerti għax-xiri ta’ Moulinex kienu relatati kważi esklużivament mat-trade marks ta’ dak il-grupp iktar milli ma’ l-unitajiet ta’ produzzjoni, u r-rikorrenti stess uriet li kienet interessata l-iktar fl-akkwist tat-trade mark Krups. Mhuwiex ikkontestat li, f’din il-kawża, ċessjoni ta’ l-assi tanġibbli kien ser ikollha biss effett marġinali fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni. Rigward il-ħtieġa li ċ-ċessjoni ta’ l-assi intanġibbli tkun fil-forma ta’ drittijiet tat-trade mark, din kienet tkun tammonta, essenzjalment, għal projbizzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni, li tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità jekk l-impenji dwar liċenzja għal trade mark aktarx li jevitaw il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti ta’ SEB-Moulinex.

174    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxitx li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina jekk it-terz jew terzi li jirċievu l-liċenzja(i) kinux ser ikunu jistgħu jeżerċitaw kontropiż reali fil-konfront ta’ SEB-Moulinex. Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni inkludiet, fil-verżjoni finali ta’ l-impenji, premessa dwar il-kwalità ta’ min jirċievi l-liċenzja u imponiet li l-benefiċjarju jew benefiċjarji tal-liċenzja jkunu suġġetti għall-approvazzjoni tagħha, ikunu vijabbli u indipendenti u jkollhom il-kompetenzi biex jeżerċitaw kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat.

175    Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, jirriżulta mill-impenji proposti minn SEB li ma jistax ikun hemm iktar minn persuna waħda li tirċievi liċenzja fl-istess pajjiż, peress li l-impenji jistipulaw espressament fil-punt 1(a) li l-liċenzja hija esklużiva f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati u l-punt 1(c) jistipula li l-liċenzja tkopri kull apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku u li la min jirċievi l-liċenzja u lanqas SEB ma jistgħu jużaw it-trade mark Moulinex għal prodotti oħrajn.

176    Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ilment li l-Kummissjoni ma setax kellha informazzjoni suffiċjenti dwar l-effettività ta’ l-impenji mogħtija, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għalkemm l-effettività ta’ liċenzja ta’ trade mark tiddependi minn diversi fatturi li huma iktar diffiċli biex jiġu kkontrollati minn ċessjoni ta’ assi, madankollu ma jistax jiġi eskluż, a priori, li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tevalwa l-parametri rilevanti fil-kuntest tal-fażi I.

177    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni preċiżament il-kriterji kollha ċċitati mir-rikorrenti u setgħet teżaminahom fis-suq. Wara l-eżami li wettqet u t-tweġibiet mogħtija mit-terzi kkonsultati, il-Kummissjoni b’hekk kienet f’pożizzjoni li tidentifika aħjar l-impenji proposti inizjalment u li tagħmel t-titjib meħtieġ fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-liċenzja, it-tul taż-żmien ta’ l-abbandun sussegwenti tat-trade mark u l-perimetru eżatt tal-liċenzja. Il-verżjoni finali ta’ l-impenji b’hekk tipprevedi, b’mod partikolari:

–        l-estensjoni b’sentejn tat-terminu tal-ftehim tal-liċenzja u tat-terminu ta’ l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ulterjuri, inizjalment previst għal terminu, rispettivament, ta’ tliet snin u ta’ sena [l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(c) ta’ l-impenji];

–        l-estensjoni tal-ftehim ta’ liċenzja għall-prodotti kollha kkonċernati u l-projbizzjoni għal SEB li tikkummerċjalizza kwalunkwe prodott (anki dawk mhux ikkonċernati) taħt it-trade mark Moulinex fid-disa’ Stati Membri ġodda kkonċernati [punt 1(a) u t-tieni subparagrafu tal-punt 1(c) ta’ l-impenji];

–        it-tneħħija ta’ l-obbligu għal min jirċievi l-liċenzja li jixtri l-provvisti ta’ ċerti prodotti rilevanti mingħand SEB (suġġett għall-każ partikolari tal-Ġermanja) [punt 1(d) ta’ l-impenji];

–        l-obbligu għall-kandidati biex jirċievu liċenzja li jkunu attwalment preżenti fis-suq jew potenzjalment kapaċi li jidħlu fis-suq [punt 1(g) ta’ l-impenji].

178    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-impenji kienu ta’ tali skala u kumplessità li l-Kummissjoni sabet ruħha f’sitwazzjoni impossibbli biex tiddetermina bil-grad ta’ ċertezza meħtieġ li kompetizzjoni effettiva kienet ser tiġi stabbilita fis-suq, għaliex il-verżjoni finali ta’ l-impenji tirrifletti, sa grad għoli, il-kritiki fformulati mit-terzi. Għandu jiġi kkonstatat ukoll, għall-istess raġuni, li l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni kienu preċiżi biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-elementi kollha tagħhom.

179    Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, iż-żmien mogħti lil terzi biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 34 tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-miżuri korrettivi, il-Kummissjoni tipprovdi:

“34      Biex ikunu jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni f’deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(2), l-impenji proposti jridu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet:

a)      iridu jiġu ppreżentati fit-termini ta’ skadenza, sa mhux iktar tard mill-aħħar jum tat-terminu ta’ tliet ġimgħat stabbilit;

[…]

Dawn l-impenji jridu jiġu kkomunikati wkoll lill-Kummissjoni f’verżjoni mhux kunfidenzjali sabiex tkun tista’ tikkonsulta lill-operaturi fis-suq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

180    Ir-rikorrenti tilmenta li hija kellha tagħti, sal-21 ta’ Diċembru 2001, l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-verżjoni emendata ta’ l-impenji li hija kienet irċeviet fl-20 ta’ Diċembru 2001. Iżda kif tenfasizza l-Kummissjoni, jirriżulta mill-proċess li dan l-ilment mhuwiex fondat fil-fatt, peress li l-ittra tal-Kummissjoni tindika espressament li t-terminu ffissat kien jiskadi fit-2 ta’ Jannar 2002 u mhux fil-21 ta’ Diċembru 2001. Minn dan isegwi li t-terzi, fosthom ir-rikorrenti, kellhom terminu ta’ tnax-il jum biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-verżjoni emendata ta’ l-impenji. Dan it-terminu huwa manifestament iktar milli suffiċjenti, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ħtieġa ta’ ħeffa fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. B’hekk, fis-sentenza Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza vvalidat terminu ta’ 24 siegħa mogħti lil terzi biex jieħdu pożizzjoni dwar il-verżjoni l-ġdida ta’ l-impenji. Għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta ż-żmien mogħti lilha biex tikkummenta dwar l-aħħar proposti ta’ impenji, hija ma tikkontestax, min-naħa l-oħra, li hija kienet f’pożizzjoni, minkejja ż-żmien qasir mogħti lilha, li tippreżenta kummenti bil-miktub dwar il-verżjoni emendata ta’ l-impenji. Finalment, ir-rikorrenti ma tressaq ebda prova li turi kif terminu itwal kien ser jippermettilha tippreżenta provi ta’ tali natura li jbiddlu d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward huwa rilevanti li jingħad li l-kritiki tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma sostanzjalment l-istess bħal dawk ifformulati matul il-proċedura amministrattiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata b’għarfien sħiħ tal-kawża, wara li kkonsultat utilment lit-terzi dwar l-effettività tal-miżuri proposti biex jiġu riżolti l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati.

181    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li la l-problemi ta’ kompetizzjoni in kwistjoni u lanqas in-natura ta’ l-impenji proposti minn SEB jew it-terminu ta’ skadenza mogħti lit-terzi ma kienu ta’ tali natura li jwaqqfu lill-Kummissjoni milli tikkunsidra li d-dubji serji setgħu jingħelbu fit-tmiem tal-fażi I.

182    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motiv li jallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi meta fetħet il-fażi II għandu jiġi miċħud.

III –  Fuq it-tielet motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni in kwantu l-impenji kienu insuffiċjenti biex jimmitigaw il-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma

183    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni in kwantu l-impenji mogħtija minn SEB huma insuffiċjenti biex jimmitigaw il-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma mill-konċentrazzjoni.

184    Dan il-motiv jikkonsisti f’ħames partijiet. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni in kwantu:

–        l-impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark mhuwiex, min-natura tiegħu stess, kapaċi li jirriżolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni;

–        l-impenji għal żmien insuffiċjenti;

–        l-impenn ta’ forniment fis-suq Ġermaniż u l-kundizzjonijiet marbuta mal-fakultà ta’ forniment għal kull min jirċievi l-liċenzja ser ikollhom l-effett li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex;

–        il-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li l-istess trade mark tista’ tintuża minn impriżi differenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea jista’ jagħti lok għal kollużjoni bejn SEB-Moulinex u t-terz jew terzi li jirċievu l-liċenzja;

–        ebda impenn mhuwa impost fuq is-swieq fejn hemm problemi serji ta’ kompetizzjoni.

185    De’Longhi ssostni barra minn hekk li l-impenji joħolqu qsim tas-suq fir-rigward tat-trade mark Moulinex.

 Fuq l-ewwel parti, li tallega li impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark ma jistax, min-natura tiegħu stess, jirriżolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni


A –  Argumenti tal-partijiet

186    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark ma jistax, min-natura tiegħu stess, jirriżolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni f’din il-kawża. B’hekk, sempliċi impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark ma jippermettix li jiġu kkumpensati l-effetti negattivi ta’ sehem mis-suq ta’ madwar 40 % fis-suq ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina meħud fit-totalità tiegħu, barra minn Franza.

187    Ir-rikorrenti tinnota li, fl-avviż tagħha dwar ir-rimedji, il-Kummissjoni stess tenfasizza li:

–        meta l-problema ta’ kompetizzjoni tkun dovuta għal sovrapożizzjoni orizzontali, l-attività l-iktar adatta għandha tiġi ttrasferita (punt 16);

–        f’ċerti każijiet eċċezzjonali, ċessjoni li tkun tinvolvi biss trade marks u assi tal-produzzjoni korrispondenti tista’ tkun biżżejjed biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. F’dawk iċ-ċirkustanzi, madankollu, jeħtieġ li “wieħed jikkonvinċi lill-Kummissjoni li l-akkwirent huwa kapaċi jintegra dawk l-assi b’mod effettiv u immedjat” (punt 18).

188    Hija tosserva li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tipprevedix, f’dik il-komunikazzjoni, li liċenzja ta’ trade mark tista’ tkun ta’ tali natura li tirriżolvi, fiha nfisha, problemi ta’ sovrapożizzjonijiet orizzontali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma kienet imponiet qabel, fil-forma ta’ impenn, miżura li tinvolvi liċenzja ta’ trade mark, mhux akkumpanjata b’miżuri korrettivi oħrajn, bħaċ-ċessjoni ta’ trade marks u attivitajiet, iċ-ċessjoni ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni, it-trasferiment ta’ parti mill-persunal kummerċjali, amministrattiv u l-ħaddiema li jaħdmu fis-sit industrijali ttrasferit [ara, per eżempju, id-Deċiżjoni 96/435/KE tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Jannar 1996, dwar proċedura skond ir-Regolament Nru 4064/89 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ IV/M.623 ─ Kimberly-Clark/Scott) (ĠU L 183 p. 1)].

189    Bħala eżempju, ir-rikorrenti tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Lulju 2001, li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni (Każ N IV/M.2337 ─ Nestlé/Ralston Purina, ĠU C 239, p. 8), fejn il-Kummissjoni kienet eżiġiet impenji ta’ ċessjoni ta’ trade marks li telimina s-sovrapożizzjonijiet orizzontali ta’ attivitajiet tal-partijiet u li l-entità l-ġdida titpoġġa f’livell tas-sehem mis-suq ekwivalenti għal dak li Ralston Purina kellha lejliet il-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet eżiġiet iċ-ċessjoni tal-firxa kollha ta’ prodotti rilevanti mill-impenji, b’mod li l-akkwirent tat-trade mark ma jkunx espost għal kompetizzjoni indiretta minn Nestlé/Ralston Purina. Miżuri simili ġew deċiżi mill-Kummissjoni fil-każ Kimberly-Clark/Scott, iċċitat iktar ’il fuq.

190    Il-Kummissjoni tikkontesta li impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark mhuwiex kapaċi jirriżolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

191    Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-motiv preċedenti, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż a priori li impenn ta’ aġir bħal mhu impenn li tingħata liċenzja għal trade mark jista’ jkun kapaċi jirriżolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa minn konċentrazzjoni u li l-kwistjoni rilevanti mhijiex jekk il-Kummissjoni aċċettatx diġà konċentrazzjonijiet unikament fuq il-bażi ta’ impenji li tingħata liċenzja għal trade mark iżda jekk dawk l-impenji kinux, f’din il-kawża, ta’ tali natura li jipprevjenu il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

192    Huwa stabbilit, f’dan ir-rigward, li t-trade marks jikkostitwixxu l-fattur ta’ kompetizzjoni fundamentali fis-swieq rilevanti. Għadd kbir ta’ manifatturi barra minn hekk għażlu li jesternalizzaw l-produzzjoni tagħhom kollha jew parti minnha u li jżommu biss it-trade marks, il-forzi tal-bejgħ u t-timijiet ta’ marketing.

193    Barra minn hekk, huwa stabbilit li peress li t-tul ta’ ħajja medja tal-prodotti ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku huwa ta’ madwar tliet snin, liċenzja ta’ trade mark għal ħames snin f’perijodu addizzjonali ta’ tliet snin li matulu SEB tipprojbixxi kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni bit-trade mark Moulinex ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku hija ta’ tali natura li tippermetti lil min jirċievi l-liċenzja jaqleb lill-klijenti tal-prodotti ta’ Moulinex lejn it-trade mark tiegħu. Dan huwa iktar u iktar minnu meta, skond l-impenji, dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja jridu ikun vijabbli, indipendenti, ikollhom l-kompetenzi biex jeżerċitaw kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat u, fi kwalunkwe każ, ikunu approvati mill-Kummissjoni.

194    Għandu jiġi mfakkar, ukoll, li l-għoti ta’ liċenzja ta’ trade mark huwa rimedju li ġie previst u mitlub minn terzi. Dan ir-rimedju b’hekk deher bħala xieraq biex jirriżolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni f’din il-kawża.

195    Minn dan isegwi li, suġġett għall-kwistjoni jekk l-impenn huwiex għal żmien twil biżżejjed, li ser tiġi eżaminata iktar ‘l isfel, l-impenji li tingħata liċenzja għal trade mark offruti minn SEB jistgħu jirriżolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni in kwistjoni.

196    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-eżempji ċċitati mir-rikorrenti. Minn naħa waħda, diversi allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma fattwalment żbaljati. F’dan ir-rigward, l-ishma mis-suq medji ta’ SEB-Moulinex fis-settur ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fl-Ewropa huma inqas minn 30 % u b’hekk mhumiex ta’ 40 %. Bl-istess mod, fil-każ Nestlé/Ralston Purina, il-Kummissjoni ma eżiġitx ċessjonijiet ta’ trade marks għas-swieq Spanjoli, bħala waħda miż-żewġ alternattivi, ta’ l-impenji li għalihom il-partijiet aċċettaw li jagħtu liċenzji tat-trade mark għal terminu totali ta’ madwar tmien snin (li jinkludi żewġ fażijiet), li jippermetti li tiġi stabbilita t-trade mark il-ġdida fis-suq (premessa 68 tad-deċiżjoni Nestlé/Ralston Purina, iċċitata iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxitx li t-trade marks u l-problemi maħluqa minn dawk il-konċentrazzjonijiet jippreżentaw karatteristiċi fundamentalment analogi għal dawk preżenti f’din il-kawża. Iċ-ċirkustanza, jekk nassumu li hija stabbilita, li l-Kummissjoni stmat li l-impenji li ma jirrigwardawx liċenji ta’ trade mark ma jirriżolvux il-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa minn ċerta konċentrazzjoni ma tfissirx li dawk l-impenji mhumiex suffiċjenti biex jiġu eliminati r-riskji li tinħoloq jew tissaħħaħ pożizzjoni dominanti li tirriżulta minn konċentrazzjoni oħra f’suq ieħor li għandu karatteristiċi differenti.

 Fuq it-tieni parti, li tallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat impenji li kienu għal żmien insuffiċjenti


A –  Argumenti tal-partijiet

197    Ir-rikorrenti tallega li l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni huma għal żmien insuffiċjenti. Skond ir-rikorrenti, ir-ritorn għal kompetizzjoni effettiva jimplika effettivament li min eventalment jixtri t-trade mark Moulinex ikollu l-mezzi biex jiżviluppa t-trade marks ikkonċernati u li jkollu inċentiv biex jagħmel dan. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 36), il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li “it-trade marks huma wieħed mill-fatturi ewlenin ta’ għażla għall-konsumaturi finali u b’hekk jikkostitwixxu wieħed mill-elementi prinċipali tal-kompetizzjoni bejn produtturi ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond BaByliss, dik il-pożizzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, f’settur fejn il-karatteristiċi teknoloġiċi ma jikkostitwixxux fattur li jiddetermina x-xiri tal-prodott mill-konsumatur, ir-reputazzjoni tat-trade mark għandha rwol essenzjali fil-lealtà tal-klijenti lejn il-manifatturi.

198    F’dan il-kuntest, il-fama tat-trade marks hija wieħed mill-elementi ewlenin fis-swieq rilevanti u ż-żamma ta’ tali fama f’livell għoli teħtieġ investimenti kbar fil-pubbliċità, sabiex jiġu megħluba d-drawwiet tal-konsumaturi u l-ostakoli relatati mar-reputazzjoni ta’ l-operaturi stabbiliti sew. Fil-fehma tar-rikorrenti, dawk l-investimenti jistgħu jiġu amortizzati ekonomikament biss fuq perijodi twal ħafna u sal-punt li l-operaturi jiksbu l-benefiċċji kollha ta’ l-investimenti tagħhom. B’hekk, għalkemm l-impriżi diġà attivi fis-suq jistgħu jikkuntentaw ruħhom bi sforzi pubbliċitarji relattivament meqjusa, bil-għan li tinżamm reputazzjoni diġà stabbilita, is-sitwazzjoni hija differenti għal operatur ġdid, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ grupp b’saħħtu, li jkollu trade marks ta’ fama kbira.

199    Ir-rikorrenti ssostni li l-pubblikazzjonijiet ekonomiċi juru b’mod ferm preċiż li industrijalist razzjonali sistematikament jinvesti ftit jekk ikun jista’ jistenna ritorn biss fuq parti mill-investiment tiegħu. Konsegwentement, akkwirent li ma jkunx proprjetarju tat-trade marks u li b’hekk isib ruħu f’pożizzjoni li jkollu jinvesti biex jagħmilhom iktar magħrufa waqt li jkun jaf li fl-aħħar mill-aħħar irid jirrestitwihom lil kompetitur ma jkollu ebda inċentiv biex iżomm jew biex jiżviluppa t-trade marks. B’riżultat ta’ dan, it-trade marks mixtrija jiġu mdgħajfa ħafna. It-tul ta’ żmien tal-liċenzja u tal-perijodu ta’ nuqqas ta’ użu li huwa jrid jagħmel b’hekk ikun determinanti għall-effettività ta’ l-impenn.

200    Bħala eżempju, ir-rikorrenti tinnota li, fil-każ Kimberly-Clark/Scott, iċċitat iktar ’il fuq, fejn l-entità li ħarġet mill-konċentrazzjoni żammet il-pożizzjoni ta’ leader fis-suq tal-karta iġjenika fir-Renju Unit u fl-Irlanda, b’sehem mis-suq aggregat ta’ bejn 50 u 60 %, il-Kummissjoni talbet il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ liċenzja tat-trade marks ikkonċernati għal terminu totali ta’ ħmistax-il sena.

201    Id-Deċiżjoni C (2001) 3014 finali tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Ottubru 2001, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.2283 ─ Schneider-Legrand), tistabbilixxi espliċitament dan l-approċċ meta tikkonstata:

“L-investigazzjoni tal-Kummissjoni kkonfermat l-inkonvenjent li wieħed ma jibbenefikax sa mill-bidu mit-trade mark tiegħu u wriet li akkwirent ikollu bżonn perijodu twil (ta’ madwar seba’ snin) biex ikun jista’ jiġġestixxi sew is-sostituzzjoni tat-trade mark proposta. B’mod parallel, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni turi li akkwirent kellu jkun protett minn klawżoli ta’ nuqqas ta’ dħul fis-swieq rilevanti mit-trade mark inizjali għal terminu ta’ iktar minn għaxar snin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

202    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-elementi rrilevati mill-Kummissjoni biex tikkaratterizza l-insuffiċjenza ta’ l-impenji proposti fil-każ Schneider-Legrand huma trasponibbli direttament għal din il-kawża.

203    Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, f’din il-kawża, li impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark għal terminu ta’ ħames snin assoċjat ma’ impenn minn SEB li ma tużax it-trade mark Moulinex għal terminu supplimentari ta’ tliet snin “jagħti l-possibbiltà lil min jirċievi l-liċenzja li jaqleb il-prodotti ta’ Moulinex lejn it-trade mark tiegħu b’telf limitat favur SEB meta din ta’ l-aħħar tkun f’pożizzjoni li terġa’ tintroduċi t-trade mark Moulinex fis-swieq rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

204    Il-Kummissjoni, sostnuta minn SEB, tikkontesta li kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat impenji għal tul ta’ żmien allegatament insuffiċjenti.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

205    Sabiex jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tat-tul ta’ żmien ta’ l-impenji, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni subparagrafu tal-punt 1(a) ta’ l-impenji, l-objettiv ta’ dawn ta’ l-aħħar huwa li jawtorizzaw l-użu tat-trade mark Moulinex f’assoċjazzjoni mat-trade mark ta’ min jirċievi l-liċenzja, bil-għan li min jirċievi l-liċenzja jkun jista’, matul u wara dak il-perijodu ta’ “co-branding”, jistabbilixxi jew isaħħaħ it-trade mark tiegħu fis-suq in kwistjoni. Għal dan il-għan, matul it-terminu tal-liċenzji tat-trade mark Moulinex, min jirċievi l-liċenzja jkun awtorizzat jew li juża immedjatament it-trade mark Moulinex f’assoċjazzjoni mat-trade mark tiegħu stess, jew li jużaha weħidha, temporanjament, sabiex jipproċedi għal “co-branding”. Skond dik l-istess dispożizzjoni, min jirċievi l-liċenzja jkun ukoll liberu li jgħaddi għall-“co-branding” tat-trade mark tiegħu f’kull mument matul it-terminu tal-liċenzja.

206    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, l-impenji jipprovdu, fit-tielet subparagrafu tal-punt 1(g), li min jirċievi l-liċenzja għandu jkun operatur li jkollu t-trade mark tiegħu stess li tista’ tiġi assoċjata mat-trade mark Moulinex, ħlief għall-operaturi li l-attività prinċipali tagħhom tkun ta’ bejgħ bl-imnut.

207    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-objettiv ta’ l-impenji mhuwiex li jippermetti l-isfruttament tat-trade mark Moulinex bħala tali għal kull min jirċievi l-liċenzja, iżda li jippermetti lil dawn ta’ l-aħħar, għal perijodu tranżitorju li matulu jkollhom id-dritt li jużaw it-trade mark tagħhom f’assoċjazzjoni mat-trade mark Moulinex, li jaqilbu mit-trade mark Moulinex lejn it-trade marks tagħhom stess sabiex ikunu jistgħu jikkompetu b’mod effettiv kontra t-trade mark Moulinex wara dak il-perijodu tranżitorju, meta SEB jerġa’ jkollha d-dritt li tuża t-trade mark Moulinex fid-disa’ Stati Membri l-ġodda kkonċernati.

208    Bħala konsegwenza, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-impenji mhumiex intiżi biex jintroduċu fid-disa’ Stati Membri kkonċernati trade mark ġdida, iżda li jippermettu lil dawk li jirċievu l-liċenzja biex jistabbilixxu jew isaħħu t-trade mark tagħhom bħala trade mark li tikkompeti b’mod effettiv kontra t-trade mark Moulinex.

209    Barra minn hekk, peress li l-objettiv ta’ l-impenji huwa li jippermetti lil dawk li jirċievu l-liċenzja li jistabbilixxu jew li jsaħħu t-trade mark tagħhom bħala trade mark li tikkompeti b’mod effettiv kontra t-trade mark Moulinex, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, fejn tgħid li minħabba s-sehem kbir attwali li għandha fis-suq, il-portafoll ta’ trade marks tagħha u l-fama tat-trade mark Moulinex, SEB ser tkun f’pożizzjoni li faċilment tintroduċi mill-ġdid it-trade mark Moulinex fid-disa’ Stati Membri in kwistjoni, mhijiex rilevanti. Effettivament, il-kwistjoni mhijiex jekk SEB hux ser tkun f’pożizzjoni li tintroduċi mill-ġdid it-trade mark Moulinex fl-Istati Membri kkonċernati, li għandu jiġi preżunt sabiex jiġi vverifikat jekk l-impenji aċċettati fid-deċiżjoni kkontestata humiex suffiċjenti, iżda jekk dawk li jirċievu l-liċenzja hux ser ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu jew isaħħu l-pożizzjoni tagħhom bħala kompetituri effettivi għal SEB.

210    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ żmien tal-perijodu tranżitorju stabbilit mill-impenji huwiex suffiċjenti biex jintlaħaq dak l-objettiv.

211    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li skond l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(c) ta’ l-impenji, kull wieħed mill-kuntratti ta’ liċenzja tat-trade mark Moulinex fid-disa’ Stati Membri kkonċernati jkun għal terminu ta’ ħames snin. Barra minn hekk, skond l-istess dispożizzjoni u t-tieni subparagrafu tal-punt 1(c), SEB tipprojbixxi lilha nfisha, matul it-terminu tal-kuntratt ta’ liċenzja u għal terminu ta’ tliet snin wara li tiskadi, li tikkummerċjalizza bit-trade mark Moulinex, fid-disa’ Stati Membri kkonċernati, l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku li jagħmel parti minn waħda mit-tlettax-il kategorija ta’ prodotti rilevanti, kif ukoll apparat ieħor domestiku mhux inkluż f’dawk il-kategoriji ta’ prodotti, bħal vacuum cleaners jew fran microwave.

212    Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, it-terminu totali ta’ l-impenji li minħabba fihom SEB ma tistax tikkummerċjalizza l-prodotti bit-trade mark Moulinex mhuwiex ta’ ħames snin, iżda ta’ tmien snin, jiġifieri t-terminu ta’ ħames snin ta’ l-ewwel perijodu li matulu min jirċievi l-liċenzja jkollu d-dritt esklużiv li juża t-trade mark Moulinex biss f’assoċjazzjoni mat-trade mark tiegħu stess u t-terminu ta’ tliet snin tat-tieni perijodu li matulu SEB tipprojbixxi lilha nfisha milli tagħmel kwalunkwe tip ta’ kummerċjalizzazzjoni bit-trade mark Moulinex fil-pajjiżi in kwistjoni. Minn dan isegwi li, għal tmien snin, SEB ser tkun imċaħħda mid-dritt li tuża t-trade mark Moulinex fl-Istati Membri kkonċernati.

213    Jirriżulta wkoll mill-imsemmija dispożizzjonijiet li kwalunkwe użu tat-trade mark Moulinex għandu jieqaf, fid-disa’ Stati Membri kkonċernati, għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin u, ta’ mill-inqas fit-teorija, għal perijodu massimu ta’ tmien snin. Effettivament, skond l-impenji, kull min jirċievi l-liċenzja jibqa’ liberu li jagħżel il-mument meta jiddeċiedi li jaqleb mill-“co-branding” għat-trade mark tiegħu stess. Fin-nota ta’ intervent tagħha, SEB b’hekk indikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-kandidati attwali għall-għoti ta’ liċenzja jipprevedu li jaqilbu mill-“co-branding” għat-trade mark tagħhom stess wara perijodu ta’ bejn tlieta u erba’ snin, bil-konsegwenza li, fl-Istati Membri kkonċernati, it-trade mark Moulinex għandha tisparixxi għal perijodu ta’ madwar ħames snin.

214    Tali assenza tat-trade mark Moulinex mill-ispazji ta’ bejgħ tippermetti lil dawk li jirċievu l-liċenzja li jistabbilixxu fuq bażi soda l-fama tat-trade mark tagħhom. Barra minn hekk, tali assenza timplika wkoll li SEB ma tkunx f’pożizzjoni li tirkupra awtomatikament il-pożizzjonijiet miżmuma minn Moulinex meta hija tkun tista’ tintroduċi mill-ġdid it-trade mark fis-swieq rilevanti malli jintemm il-perijodu ta’ abbandun.

215    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li t-tul ta’ żmien tal-ħajja medja tal-prodotti ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku huwa ta’ madwar tliet snin.

216    B’hekk jidher li t-tul ta’ żmien ta’ l-impenji jkopri kważi perijodu li jikkorrispondi għal tliet ċikli ta’ prodotti, waqt li l-perijodu li matulu kull użu tat-trade mark Moulinex jieqaf jikkorrispondi għal ta’ mill-inqas ċiklu wieħed ta’ prodotti.

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ġustament enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li f’suq relatat bħal dak tal-prodotti rilevanti, jiġifieri s-suq ta’ l-apparat domestiku kbir ta’ l-elettriku, Whirlpool irnexxielha taqleb mit-trade mark Philips għat-trade mark Whirlpool fi tliet snin, bejn l-1990 u l-1993, li jikkorrispondi għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott. Dik il-qalba saret minkejja li t-trade mark Philips baqgħet preżenti u baqgħet tiġi sostnuta minn Philips fi swieq fil-qrib. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll, bħala paragun, li fis-swieq ta’ prodotti simili Dyson saret il-leader tas-suq Brittaniku tal-vacuum cleaners f’inqas minn ħames snin, Colgate xtrat sehem mis-suq sinjifikattiv fis-suq Franċiż tat-tootbrushes elettriċi fi żmien sena u Moulinex, li inizjalment kienet assenti mis-settur ta’ l-apparat tat-tisjir elettriku (ikliet informali), irnexxielha f’ħames snin tikseb sehem ta’ 5 u 15 % mis-suq fid-diversi pajjiżi Ewropej.

218    Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-komunikazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet relatati direttament u neċessarji mat-twettiq ta’ konċentrazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 99, punt 15), il-Kummissjoni indikat li, f’każ ta’ ċessjoni ta’ impriża, it-terminu aċċettabbli għall-projbizzjoni tal-kompetizzjoni impost fuq ix-xerrej sabiex jiġi ggarantit it-trasferiment lill-akkwirent tal-valur sħiħ ta’ l-assi ttrasferiti huwa ta’ mhux iktar minn tliet snin meta ċ-ċessjoni ta’ l-impriża tkun testendi għall-avvjament u n-know how u ta’ sentejn meta tkun testendi biss għall-avvjament. F’din il-kawża, il-perijodu li matulu SEB tipprojbixxi lilha nfisha milli tuża t-trade mark Moulinex fit-territorji ta’ dawk li jirċievu l-liċenzja ser ikun ta’ tmien snin.

219    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, altru milli sistematikament jinvesti ftit minħabba l-fatt li ma jkunx il-proprjetarju tat-trade mark, min jirċievi l-liċenzja, għall-kuntrarju, ikollu inċentiv biex jinvesti bis-saħħa fl-iżvilupp tat-trade mark tiegħu stess, li tagħha jkun il-proprjetarju, wara li jkun ibbenefika fl-ewwel lok mill-appoġġ tat-trade mark Moulinex biex iniediha jew isaħħaħha. Peress li l-għan ta’ l-impenji mhuwiex li tiġi sfruttata t-trade mark Moulinex għal perijodu ta’ ħames snin, iżda sabiex tkun tista’ ssir il-qalba mit-trade mark Moulinex għal trade marks oħrajn, dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja b’hekk ikollhom kull interess biex jinvestu fit-trade mark tagħhom stess sabiex jestendu ż-żmien tal-benefiċċji miksuba mill-użu tat-trade mark Moulinex matul l-ewwel snin. Il-perijodu ta’ assoċjazzjoni bejn iż-żewġ trade marks b’hekk mhuwiex stadju neċessarju fil-proċess lejn l-użu tat-trade mark ta’ min jirċievi l-liċenzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-redditu fuq l-investiment jibqa’ għaddej sew wara l-perijodu ta’ tmien snin previst mill-impenji u ma jieqafx fid-data meta jsir possibbli għal SEB li terġa’ tibda tuża t-trade mark Moulinex.

220    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skond l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(g), dawk li jirċievu l-liċenzja jridu jkunu “operaturi attwalment preżenti fis-suq jew potenzjalment kapaċi li jidħlu f’dak is-suq, ikunu vijabbli, indipendenti, mingħajr ebda konnessjoni mal-grupp SEB waqt li jkollhom il-kompetenzi u l-motivazzjoni meħtieġa biex jikkompetu b’mod attiv u effettiv fis-swieq rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, skond it-tielet subparagrafu tal-punt 1(g), dawk li jirċievu l-liċenzja jrid ikollhom t-trade mark tagħhom stess li tista’ tiġi assoċjata mat-trade mark Moulinex, ħlief għall-operaturi li l-attività prinċipali tagħhom tkun ta’ bejgħ bl-imnut.

221    Għandu jiġi kkonstatat li dawk id-dispożizzjonijiet, billi jillimitaw l-għoti ta’ liċenzji lil operaturi diġà preżenti fis-suq, jew li jistgħu jippenetraw fis-suq fuq medda ta’ żmien qasir, u li jkollhom it-trade mark tagħhom stess, jistgħu jikkontribwixxu b’mod effikaċi biex dawk li jirċievu l-liċenzja jsiru kompetituri effettivi fit-terminu previst mill-impenji. Dan huwa msaħħaħ ukoll mill-fatt li, għalkemm ikollhom it-trade marks tagħhom stess, l-operaturi li l-attività prinċipali tagħhom tkun ta’ bejgħ bl-imnut huma, skond it-tielet subparagrafu tal-punt 1(g), ta’ l-impenji, madankollu esklużi miċ-ċirku ta’ benefiċjarji potenzjali ta’ liċenzja għat-trade mark Moulinex. Effettivament, fil-premessi 27(d) u 37, tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li t-trade marks ta’ dawk l-operaturi, jiġifieri t-“trade marks tad-distributuri”, għandhom preżenza dgħajfa fis-swieq rilevanti.

222    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kkommettitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li t-terminu ta’ l-impenji huwa suffiċjenti biex jippermetti lil dawk li jirċievu l-liċenzja tat-trade mark Moulinex biex jistabbilixxu jew isaħħu it-trade mark tagħhom bħala trade mark kompetitriċi effettiva kontra t-trade mark Moulinex fid-disa’ Stati Membri kkonċernati.

223    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar it-tul ta’ żmien ta’ l-impenji għandhom jiġu miċħuda.

224    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa f’dubju miż-żewġ deċiżjonijiet iċċitati mir-rikorrenti. Effettivament, il-karatteristiċi taż-żewġ swieq rilevanti fil-każijiet Kimberly-Clark/Scott u Schneider/Legrand mhumiex komparabbli għal dawk tas-swieq rilevanti f’din il-kawża b’hekk illi, kif intqal iktar ’il fuq, il-paragun allegat mir-rikorrenti mhuwiex rilevanti.

225    B’hekk, fil-każ Kimberly-Clark/Scott, it-terminu twil ta’ l-impenji (liċenzja ta’ terminu massimu ta’ għaxar snin flimkien ma’ perijodu ta’ nuqqas ta’ użu ta’ ħames snin) kien iġġustifikat, skond l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li ma ġietx ikkontestata minn Kimberly-Clark, għaliex l-introduzzjoni ta’ trade mark ġdida fis-suq tal-karta iġjenika, kitchen towels u tissues tal-karta kienet partikolarment diffiċli in kwantu kienu jeżistu biss żewġ trade marks importanti (Kleenex u Andrex), waqt li t-trade marks l-oħrajn ftit li xejn kienu jibbenefikaw minn promozzjoni u lealtà min-naħa tal-klijentela. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, jeżistu trade marks stabbiliti li lejhom jistgħu jeqilbu l-klijenti tat-trade marks Moulinex.

226    Bl-istess mod, fil-każ Schneider/Legrand, minbarra l-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proposta tal-partijiet li joffru alternattiva li jintużaw diversi trade marks għal tliet snin kienet ġiet miċħuda, peress li l-isħarriġ tas-suq kien wera li akkwirent ikollu bżonn perijodu ta’ madwar seba’ snin biex ikun jista’ jiġġestixxi sew is-sostituzzjoni tat-trade mark proposta, in kwantu t-tul tal-ħajja tal-prodotti elettriċi “ta’ vultaġġ baxx” hija twila ħafna waqt li dik ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku hija qasira. Barra minn hekk, Schneider kienet ipproponiet li t-trade mark, fuq l-istess suq nazzjonali, tiġi maqsuma u użata minn Schneider u minn min jirċievi l-liċenzja, waqt li, f’din il-kawża, mhux ser ikun hemm prodotti tat-trade mark Moulinex maħruġa minn żewġ impriżi differenti fl-istess suq in kwantu l-impenji jipprevedu liċenzja esklużiva u projbizzjoni sussegwenti ta’ użu tat-trade mark Moulinex.

 Fuq it-tielet parti, li tallega li l-impenn ta’ forniment fis-suq Ġermaniż u l-kundizzjonijiet marbuta mal-fakultà ta’ forniment għal dawk kollha li jirċievu l-liċenzja jista’ jkollhom l-effett li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex


A –  Argumenti tal-partijiet

227    Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-miksers ta’ l-ikel fil-Ġermanja, l-obbligu ta’ min jirċievi l-liċenzja tat-trade mark Moulinex, għal terminu ta’ sentejn, li jikseb il-provvisti tiegħu għall-apparat kollu ta’ dik il-kategorija mingħand SEB, ekwivalenti għal 65 % tal-bejgħ li sar minn Moulinex f’dik il-kategorija ta’ prodotti fl-2000, hija ta’ tali natura li tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex fis-suq Ġermaniż.

228    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li tali obbligu jiżgura għal SEB-Moulinex bejgħ garantit għall-produzzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, dan jippermetti lil SEB-Moulinex li tibbenefika minn ekonomiji ta’ l-iskala u b’hekk jikkontribwixxi biex tbaxxi l-livell ta’ l-ispejjeż marġinali tal-produzzjoni tagħha.

229    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li SEB taċċetta li tforni lil min jirċievi l-liċenzja bil-kundizzjonijiet ekonomiċi medji ta’ ċessjoni interna pprattikati fi ħdan il-grupp SEB, bejn il-kumpanniji industrijali u s-sussidjarji kummerċjali, fit-territorju(i) in kwistjoni, iżomm lil min jirċievi l-liċenzja milli jirrikorri għal sorsi ta’ forniment irħas li huwa jkun jista’ jidentifika. B’hekk, min jirċievi l-liċenzja jista’ jikkompeti bil-prezz kontra SEB biss billi jilgħab bil-marġni ta’ profitt tiegħu.

230    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti hija tal-fehma li dik il-miżura hija ta’ tali natura li tneħħi kull inċentiv għal min jirċievi l-liċenzja li jipproponi offerta teknoloġikament innovattiva, in kwantu tippermetti lil SEB, li hija l-leader fis-suq, li tiddefinixxi l-istandards tekniċi tal-prodotti differenti, u b’hekk telimina kull kompetizzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti.

231    Finalment, fir-raba’ lok, ir-rikorrenti hija tal-fehma li dik il-miżura mhijiex indispensabbli għall-attività ta’ min jirċievi l-liċenzja. B’mod partikolari, hija tikkunsidra li jekk min jirċievi l-liċenzja sempliċement jingħata l-fakultà li jikseb il-provvisti tiegħu mingħand SEB, kif propost għall-pajjiżi l-oħrajn, dan kien ikun biżżejjed biex ikun jista’ jeżerċita l-attività tiegħu, minkejja li ma jkollux il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni meħtieġa.

232    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat impenn li jwassal għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex fis-suq Ġermaniż.

233    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tenfasizza li l-aspetti ta’ l-impenn dwar il-fornimenti mingħand SEB-Moulinex jistgħu jkunu ta’ tali natura li jkomplu jirrestrinġu l-kompetizzjoni bil-prezzijiet fis-setturi tas-suq ikkonċernati.

234    Min-naħa waħda, hija tirrileva li l-impenn jipprevedi l-fakultà għal min jirċievi l-liċenzja li jikseb il-provvisti tiegħu mingħand SEB-Moulinex għal wieħed jew iktar mill-prodotti jew pajjiżi kkonċernati. Madankollu, fl-ipoteżi fejn min jirċievi l-liċenzja jkun jixtieq jixtri l-provvisti tiegħu mingħand SEB għall-prodotti Moulinex, “tali forniment irid jikkorrispondi għal volum ta’ 65 % tal-bejgħ fl-2000 bit-trade mark Moulinex” (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond BaByliss, tali obbligu jiżgura lil SEB bejgħ garantit, waqt li jneħħi kull libertà għal min jirċievi l-liċenzja li jagħżel is-sorsi ta’ forniment tiegħu.

235    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li min jirċievi l-liċenzja jkun mġiegħel jixtri l-provvisti tiegħu mingħand SEB-Moulinex, ekwivalenti għal minimu ta’ 65 % tal-bejgħ li sar minn Moulinex matul is-sena 2000 jista’ joħloq effett ta’ omoġenizzazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ SEB-Moulinex u ta’ min jirċievi l-liċenzja għall-prodotti rilevanti. Skond ir-rikorrenti, min jirċievi l-liċenzja effettivament jaqsam ma’ SEB-Moulinex l-ispejjeż kollha tal-produzzjoni tagħha, u għal proporzjon probabbilment ferm sinjifikattiv tal-bżonnijiet totali tagħha għall-prodott ikkonċernat. Tali grad ta’ xebh fl-istrutturi ta’ l-ispejjeż tista’ twassal għal allinjament mekkaniku jew kollużiv tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti rilevanti in kwantu l-kompetizzjoni bil-prezzijiet tkun tista’ ssir biss abbażi ta’ l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni u fuq il-livell tal-marġni ta’ profitt ta’ min jirċievi l-liċenzja. Ir-rikorrenti tikkunsidra li iktar ma jkunu kkonċentrati s-swieq downstream ma’ dawk tal-prodotti lesti, iktar ikunu kbar ir-riskji ta’ aġir kollużiv. Il-Kummissjoni tenfasizza espliċitament l-eżistenza ta’ tali riskji fil-linji gwida tagħha dwar l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE għall-akkordji ta’ konċentrazzjoni orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 25).

236    Il-Kummissjoni tikkontesta li l-impenn ta’ forniment fis-suq Ġermaniż ser ikollu l-effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex fis-suq Ġermaniż.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

237    Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa waħda, l-obbligu ta’ forniment impost fuq min jirċievi l-liċenzja fil-Ġermanja għall-miksers ta’ l-ikel u, min-naħa l-oħra, il-fakultà ta’ dawk kollha li jirċievu l-liċenzja fid-disa’ Stati Membri li jikkonkludu kuntratt ta’ forniment għal xi wieħed mill-prodotti msemmija fid-deċiżjoni.

238    Fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ forniment impost fuq min jirċievi l-liċenzja fil-Ġermanja, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li skond id-deċiżjoni, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, din għandha l-objettiv li tippreserva l-attività industrijali tas-siti sabiex jiġi żgurat il-livell ta’ impjieg assoċjat magħhom.

239    Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li dak l-obbligu jikkonċerna biss prodott wieħed, il-miksers ta’ l-ikel, f’pajjiż wieħed, u għal perijodu limitat ta’ sentejn. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kkonstatatx pożizzjoni dominanti ta’ SEB-Moulinex f’dak is-suq tal-miksers ta’ l-ikel fil-Ġermanja, peress li l-entità l-ġdida effettivament għandha biss bejn 20 sa 30 % ta’ dak is-suq. Għandu jiġi enfasizzat, ulterjorment, li l-obbligu ta’ forniment jirrigwarda biss 65 % tal-bejgħ li sar minn Moulinex fl-2000, b’hekk illi min jirċievi l-liċenzja jibqagħlu l-possibbiltà li jikseb il-provvisti tiegħu mingħand terz jew li jimmanifattura huwa stess il-prodott in kwistjoni għall-ammont żejjed tal-bejgħ tiegħu. L-innovazzjoni teknoloġika b’hekk ma tkunx imxekla in kwantu xejn ma jżomm lil min jirċievi l-liċenzja milli jiżviluppa l-prodotti tiegħu id f’id mal-prodotti mixtrija mingħand SEB u bil-għan li jiġi ssostitwit l-apparat fornut minn SEB, meta jitqies iż-żmien qasir ta’ l-impenn ta’ forniment.

240    Finalment, il-klawżola ta’ l-impenji li tipprovdi li SEB trid tbiegħ lil min jirċievi l-liċenzja bi prezz ta’ ċessjoni li jikkorrispondi għall-prezz industrijali flimkien ma’ l-ispejjeż, altru milli tippreġudika l-kapaċità kompetittiva ta’ min jirċievi l-liċenzja, għall-kuntrarju hija ta’ tali natura li tiżgura li huwa jkollu prezz vantaġġuż. Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jippresupponi l-argument tar-rikorrenti, SEB mhijiex kompetitriċi ta’ min jirċievi l-liċenzja li għandu l-obbligu ta’ forniment għall-prodotti Moulinex, peress li, minħabba l-impenji, SEB ma tista’ tbiegħ ebda prodott Moulinex fis-suq Ġermaniż matul it-terminu tal-liċenzja u matul il-perijodu ta’ tliet snin wara l-iskadenza tagħha.

241    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, l-obbligu ta’ forniment limitat, kif previst fl-impenn, ma għandux l-effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex jew li jippreġudika l-effettività tal-liċenzja.

242    Fir-rigward ta’ l-lment dwar il-forniment mingħand SEB għas-swieq l-oħrajn apparti dak tal-miksers ta’ l-ikel fil-Ġermanja, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan mhuwiex obbligu għal dawk li jirċievu l-liċenzja, iżda sempliċi fakultà li dan ta’ l-aħħar huma liberi li jeżerċitaw skond l-interessi tagħhom. Rigward il-fatt li f’każ ta’ użu ta’ dik il-fakultà, dawk li jirċievu l-liċenzja għandhom l-obbligu li jixtru ċerti kwantitajiet minimi, ma jidhirx li dan huwa ta’ tali natura li jpoġġi in kwistjoni l-karattru inkontestabbli tal-klawżola.

243    Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ parti, li tallega li l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li t-trade mark Moulinex tintuża minn impriżi differenti f’pajjiżi differenti ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti lok għal koordinazzjoni fl-aġir bejn SEB-Moulinex u dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja


A –  Argumenti tal-partijiet

244    Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li l-istess trade mark tista’ tintuża minn impriżi differenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti lok għal aġir kollużiv bejn SEB-Moulinex u dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja.

245    Ir-rikorrenti tikkunsidra effettivament li mhuwiex possibbli li jinqasam l-użu ta’ trade mark waħda bejn l-Istati Membri mingħajr ma tiġi stabbilita sistema ta’ koordinazzjoni fuq il-livelli kummerċjali, ta’ marketing u pubbliċitarju u mingħajr ma tiġi pperikolata l-perennità stess ta’ dik it-trade mark. Dak l-approċċ b’mod partikolari ġie kkonfermat f’termini ferm espliċiti mill-Ministru tal-Ekonomija Franċiż fil-każ Pernod-Ricard/Coca-Cola (digriet ta’ l-24 ta’ Novembru 1999 dwar pjan ta’ akkwist mill-kumpannija Coca-Cola ta’ l-assi tal-grupp Pernod-Ricard fir-rigward tax-xarbiet tat-trade mark Orangina) u vvalidat mill-Conseil d’État Franċiż (sentenza tal-Conseil d’État tas-6 ta’ Ottubru 2000, société Pernod-Ricard). Bl-istess mod, il-Kummissjoni tradizzjonalment tenfasizza l-fatt li huwa neċessarju li jiġu kkoordinati l-approċċi kummerċjali u l-marketing fuq swieq li jinsabu estremament fil-qrib ta’ xulxin (deċiżjoni Schneider/Legrand, iċċitata iktar ’il fuq, premessa 796).

246    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma ppreveditx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-possibiltajiet ta’ kollużjoni li jirriżultaw mill-fatt li l-liċenzji ta’ trade marks jistgħu jiġu attribwiti lil impriżi differenti skond il-pajjiżi u l-prodotti rilevanti.

247    Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment tar-rikorrenti mhuwiex fondat.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

248    Għandu jiġi mfakkar li huwa stabbilit li s-swieq ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku huma ta’ dimensjoni nazzjonali. Effettivament, kif huwa indikat fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-“karatteristiċi” tal-prodotti jistgħu jvarjaw skond l-Istat Membru minħabba partikolaritajiet u preferenzi tal-konsumaturi; ir-relazzjonijiet bejn klijenti u fornituri isiru prinċipalment fuq bażi nazzjonali; il-maġġoranza tal-manifatturi ta’ trade marks stabbiliti sew għandhom l-organizzazzjonijiet lokali tagħhom tal-bejgħ għal kull Stat Membru; l-istrutturi tad-distribuzzjoni huma nazzjonali.

249    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament kienet tal-fehma li l-istess trade mark tista’ tintuża minn operaturi differenti skond l-Istat Membru, u li kull wieħed minnhom ikollu l-organizzazzjoni u l-istrateġija tiegħu fir-rigward tal-marketing, pubbliċità u organizzazzjoni tal-bejgħ, u li min jirċievi l-liċenzja jkun jista’ jiġġestixxi t-trade mark Moulinex indipendentement minn SEB u jiżviluppa t-trade mark tiegħu mingħajr ma jkollu bżonn jikkoordina ma’ SEB jew ma’ l-oħrajn li jirċievu l-liċenzja.

250    Barra minn hekk, SEB la tista’ tagħti liċenzja lil ħaddieħor għall-istess territorju u lanqas tuża hija stess it-trade mark Moulinex f’dak it-territorju. B’hekk ma jkunx hemm kwistjoni ta’ koordinazzjoni ta’ l-aġir kompetittiv fir-rigward tat-trade mark Moulinex. Barra minn hekk, l-għażla ta’ dawk li jirċievu l-liċenzja trid tiġi approvata mill-Kummissjoni. Finalment, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tara li jiġu eliminati r-riskji li jista’ jkun hemm, imsemmija mir-rikorrenti, ta’ koordinazzjoni fl-aġir bejn dawk li jirċievu l-liċenzja.

251    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti mhuwiex fondat.

252    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa in kwistjoni mill-każijiet iċċitati mir-rikorrenti, peress li l-karatteristiċi tas-swieq rilevanti minn naħa u mill-oħra huma għal kollox differenti. B’hekk, fil-każ Pernod-Ricard/Coca-Cola, l-indipendenza ta’ min jirċievi l-liċenzja ma kinitx stabbilita, waqt li f’din il-kawża min jirċievi l-liċenzja jrid ikun indipendenti biex ikun jista’ jiġi approvat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, skond il-Conseil d’État, iż-żewġ swieq ta’ xarbiet bil-gass mingħajr alkoħol “barra mid-dar” u “alimentari” fi Franza ma kinux “maqsuma” u kienu żewġ swieq ta’ prodotti relatati u mhux żewġ swieq ġeografiċi distinti, bħal f’din il-kawża, b’dimensjonijiet u karatteristiċi nazzjonali. B’hekk, ir-riskju ta’ koordinazzjoni bejn min jirċievi l-liċenzja u l-kumpannija Coca-Cola ċertament ma setax jiġi eskluż, b’mod partikolari peress li l-proprjetarju tat-trade mark kompla jeżerċita l-kontroll tal-kwalità tal-prodotti u kien jieħu ħsieb l-ippakkjar u l-pubbliċità. Dik is-sitwazzjoni b’hekk mhijiex komparabbli mal-konċentrazzjoni in kwistjoni, peress li d-diversi swieq nazzjonali huma distinti u peress li dawk li jirċievu l-liċenzja ser ikollhom id-diskrezzjoni kollha biex jeżerċitaw il-kontroll tal-kwalità tal-prodotti, jieħdu ħsieb l-ippakkjar u l-pubbliċità u ser ikollhom il-possibbiltà fl-interess tagħhom li jiżviluppaw it-trade mark tagħhom stess.

253    Minn dan jirriżulta li r-raba parti ta’ dan il-motiv mhijiex fondata.

 Fuq il-ħames parti, li tallega li l-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni fin-nuqqas ta’ impenji dwar is-swieq li jippreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni


A –  Argumenti tal-partijiet

254    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma imponiet ebda impenn fuq is-swieq li jippreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni. Hija tirrileva, per eżempju, li ebda impenn ma ġie mitlub fir-rigward tas-suq Taljan, minkejja li SEB-Moulinex kellha, wara l-konċentrazzjoni, sehem mis-suq ta’ bejn 65 u 75 % fis-suq tal-ktieli u ta’ bejn 40 u 50 % fis-swieq ta’ l-ikliet informali u tal-miksers ta’ l-ikel. Bl-istess mod, ir-rikorrenti tosserva li, fin-Norveġja, SEB-Moulinex kellha, wara l-konċentrazzjoni, sehem mis-suq ta’ bejn 55 u 65 % fis-suq ta’ l-apparat tal-qali, magni ta’ l-espresso u ta’ l-ikliet informali u ta’ bejn 70 u 80 % fis-swieq tal-fran żgħar.

255    Skond ir-rikorrenti, sitwazzjonijiet ugwalment problematiċi huma kkonstatati fis-swieq Brittaniċi, Irlandiżi, Spanjoli, Finlandiżi u Norveġiżi.

256    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-impenji mitluba mill-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti biex jiġu riżolti l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma mill-konċentrazzjoni.

257    Bħala paragun, hija tosserva li sehem mis-suq ekwivalenti f’setturi oħrajn ta lok għall-impożizzjoni ta’ impenji mill-Kummissjoni. B’hekk, hija tirrileva li fil-Portugall intalab impenn minkejja li SEB-Moulinex kellha, wara l-konċentrazzjoni, sehem mis-suq ta’ bejn 65 u 75 % fis-suq tal-fran żgħar, ta’ l-ikliet informali u tal-miksers ta’ l-ikel u ta’ bejn 40 u 50 % fis-suq tal-magni tal-kafè ta’ l-elettriku u ta’ l-apparat tal-qali. Barra minn hekk, hija tosserva li l-Kummissjoni talbet impenji fuq setturi tas-suq fejn l-entità l-ġdida kellha sehem mis-suq iżgħar.

258    Bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza fejn ir-rikorrenti ntalbet tippreċiża n-natura ta’ l-ilmenti tagħha fir-rigward tas-swieq Brittaniċi, Irlandiżi, Spanjoli, Finlandiżi u Norveġiżi, hija ddikjarat dan li ġej.

259    Fir-rigward ta’ Spanja, ir-rikorrenti tirrileva li l-konċentrazzjoni tat lil SEB-Moulinex pożizzjoni fis-suq ta’ iktar minn 35 %, jew saħansitra 40 %, tas-sehem mis-suq f’erba’ swieq ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku tal-kċina. Il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet, fit-tmiem ta’ l-analiżi tagħha, li l-konċentrazzjoni fis-suq Spanjol kienet kompatibbli, waqt li rrilevat li:

–        l-entità ma kinitx ser tkun f’pożizzjoni fejn tista’ taġixxi b’mod antikompetittiv in kwantu kien ser ikollha tħabbatha ma’ kompetituri sinjifikattivi;

–        kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv fis-swieq rilevanti jkun ippenalizzat b’volum inqas ta’ xiri ta’ prodotti ta’ SEB-Moulinex fis-swieq apparti dawk tal-ktieli u tal-fran portabbli, li minnhom l-entità l-ġdida tikseb bejn 85 u 95 % tal-fatturat tagħha.

260    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wrietx l-assenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, billi ppermettiet l-esklużjoni ta’ l-impożizzjoni ta’ impenji f’dak il-pajjiż, in kwantu:

–        f’kull wieħed mill-Istati Membri analizzati prinċipalment mid-deċiżjoni kkontestata (il-Portugall, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja), il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm dubji serji li jeħtieġu l-impożizzjoni ta’ impenji prinċipalment fuq il-bażi tal-valur li jirrappreżentaw is-swieq li fihom SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq aggregat ta’ iktar minn 40 % bi proporzjon mal-valur totali tas-swieq kollha tal-firxa ta’ prodotti tal-kċina (il-Portugall, Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja) ─ il-Kummissjoni b’hekk setgħet tiddetermina li fil-Belġju, bħala eżempju, is-sitt swieq li fihom SEB-Moulinex kellha iktar minn 40 % tas-sehem mis-suq l-għada tal-konċentrazzjoni kienu jirrappreżentaw, bħala total, 44 % tal-valur tas-swieq kollha kkonċernati tal-firxa ta’ prodotti tal-kċina;

–        b’mod partikolari, fir-rigward tal-Greċja, il-Kummissjoni talbet impenji mingħand SEB minkejja l-fatt, b’mod partikolari, li l-erba’ swieq fejn SEB-Moulinex kellha iktar minn 40 % tas-sehem mis-suq akkumulat kien jirrappreżenta, bħala valur, 24 % tas-swieq kollha tal-firxa ta’ prodotti tal-kċina.

261    B’hekk, skond ir-rikorrenti, fir-rigward ta’ Spanja, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li ma kienx hemm riskju ta’ aġir antikompetittiv min-naħa ta’ SEB-Moulinex fis-swieq rilevanti mingħajr ma tikkalkula preċiżament il-valur li kienu jirrappreżentaw is-swieq fejn SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % fi Spanja meta mqabbel mas-swieq kollha tal-“kategorija tal-kċina”. Skond l-istess rikorrenti, il-Kummissjoni b’hekk ikkuntentat ruħha, fl-analiżi tagħha, li tkejjel il-parti li kienu jirrappreżentaw tnejn mis-swieq biss, fejn SEB-Moulinex kellha pożizzjoni sinjifikattiva (is-swieq tal-ktieli u tal-fran portabbli), mill-fatturat totali miksub minn SEB-Moulinex fis-swieq kollha tal-firxa ta’ prodotti tal-kċina. Hija ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’hekk hija żbaljata, in kwantu din ta’ l-aħħar naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kalkolu tagħha, il-fatturat relatat mas-swieq tal-miksers ta’ l-ikel u ta’ l-ikliet informali, waqt li l-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex f’dawk is-swieq kienet ta’ bejn 55 u 65 % u bejn 35 u 45 % rispettivament.

262    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, fuq il-bażi biss ta’ l-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li t-twettiq tal-konċentrazzjoni SEB-Moulinex ma kienet toħloq ebda dubju serju ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni fi Spanja u b’hekk teskludi l-impożizzjoni ta’ impenji f’dak il-pajjiż.

263    Skond ir-rikorrenti, l-argumenti żviluppati minnha japplikaw, mutatis mutandis, għas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq Finlandiż. Effettivament, hija ssostni li l-Kummissjoni ma kkalkulatx il-valur li kienu jirrappreżentaw is-swieq fejn SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq akkumulat ta’ iktar minn 40 % bħala proporzjon tal-valur totali tas-swieq kollha tal-firxa ta’ prodotti tal-kċina. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sempliċement evalwat is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq tal-magni tax-xiwi tal-ħobż biex tikkonkludi li ma kienx hemm riskju serju għall-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti fil-Finlandja, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tliet swieq oħra ta’ prodotti fejn SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % l-għada tal-konċentrazzjoni (dak tal-fran żgħar: bejn 35 u 45 %, dak tal-magni ta’ l-espresso: bejn 40 u 50 %, u dak tal-barbeques-grills: bejn 40 u 50 %). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rrilevatx, minkejja li għamlet dan fl-analiżi tagħha dwar is-suq Grieg, il-fatt li l-entità l-ġdida kellha wkoll pożizzjoni b’saħħitha fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel fil-Finlandja (bejn 30 u 40 %).

264    Fir-rigward ta’ l-Italja, ir-rikorrenti tirrileva li argumenti identiċi jistgħu jsiru kontra l-analiżi li l-Kummissjoni għamlet tas-sitwazzjoni kompetittiva f’dak l-Istat Membru. B’hekk, skond ir-rikorrenti, għalkemm il-Kummissjoni korrettament għamlet referenza għall-valur li kienu jirrappreżentaw is-swieq tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali fl-Italja fir-rigward tal-valur tal-“kategorija tal-kċina” kollha, hija naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni s-suq tal-miksers ta’ l-ikel fejn SEB-Moulinex kellha bejn 40 u 50 % tas-sehem mis-suq. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx, f’dawk iċ-ċirkustanzi, tikkonkludi validament li l-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni fl-Italja.

265    Fir-rigward tar-Renju Unit u l-Irlanda, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma applikatx għas-suq Brittaniku l-kriterji kollha tal-valur u/jew fatturat rilevanti li hija kkunsidrat fl-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni kompetittiva fil-pajjiżi l-oħrajn. Il-Kummissjoni b’hekk naqset milli tkejjel il-portata tar-riskji li l-konċentrazzjoni kienet ser toħloq is-swieq Brittaniċi u Irlandiżi. Effettivament, il-Kummissjoni sempliċement llimitat ruħha li tapplika l-limitu minimu ta’ evalwazzjoni ta’ 40 %, u li tinnota l-eżistenza ta’ kompetitur wieħed li għandu sehem mis-suq ta’ bejn 15 u 25 % u l-eżistenza ta’ sovrapożizzjoni limitata fl-attività, iżda b’ebda mod ma analizzat l-impatt fuq il-kompetizzjoni ta’ l-ishma mis-suq kombinati sinjifikattivi ta’ SEB-Moulinex fis-suq ta’ l-apparat tal-qali (bejn 30 u 40 %), ta’ l-apparat tat-tisjir bil-fwar (bejn 30 u 40 %) u tal-ħadid tal-mogħdija (bejn 35 u 45 %) wara l-konċentrazzjoni in kwistjoni.

266    Il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ebda impenn ma ngħata għas-swieq li jippreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni.

267    Il-Kummissjoni tenfasizza fl-ewwel lok li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, jirriżulta mill-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata li “SEB ipperfezzjonat l-impenji tagħha billi estendiet il-liċenzja ta’ trade mark għall-prodotti kollha ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku […] għan-Norveġja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

268    Sussegwentement, fir-rigward tas-suq Taljan, hija tal-fehma li r-rikorrenti ma tistax tibbaża esklużivament fuq l-ishma mis-suq ta’ l-entità fis-swieq tal-miksers ta’ l-ikel, ta’ l-ikliet informali u tal-ktieli biex tiddeduċi li l-impenji kienu neċessarji. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk il-konċentrazzjoni toħloqx jew issaħħaħx pożizzjoni dominanti fis-suq komuni. B’hekk, fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel, tliet kompetituri importanti huma f’pożizzjoni li jikkompetu kontra l-entità l-ġdida. Bl-istess mod, kif jirriżulta mid-deċiżjoni, il-pożizzjoni tal-partijiet fis-swieq ta’ l-ikliet informali u tal-ktieli fl-Italja kellha tiġi relativizzata in kwantu ċerti kompetituri tal-partijiet kellhom pożizzjonijiet importanti f’diversi swieq oħrajn ta’ prodotti bħal dawk tal-fran portabbli, ta’ l-apparat tal-qali jew tal-magni ta’ l-espresso. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe tentattiv ta’ aġir antikompetittiv fis-swieq ta’ l-ikliet informali u tal-ktieli jiġi ppenalizzat b’volumi inqas ta’ xiri ta’ prodotti ta’ SEB u ta’ Moulinex fis-swieq l-oħrajn.

269    Barra minn hekk, is-sitwazzjoni f’dawk is-swieq, li dwarha b’mod partikolari tqajjem dubju mir-rikorrenti, hija fil-fatt totalment differenti minn dik prevalenti fil-Portugall in kwantu, fis-suq Portugiż, l-entità l-ġdida għandha ishma mis-suq ta’ iktar minn 40 % f’għaxra minn ħdax-il kategorija ta’ prodotti. L-entità l-ġdida kienet akkumulat fil-Portugall saħħa superjuri għal kulħadd prattikament fis-swieq ta’ prodotti kollha rilevanti li ma setgħetx tiġi megħluba, la minn produtturi oħrajn u lanqas mid-distributuri.

270    Finalment, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni injorat problemi ta’ kompetizzjoni fis-swieq Brittaniċi, Irlandiżi, Spanjoli, Finlandiżi u Norveġiżi huwa inammissibbli skond l-Artikolu 44(1)(ċ), tar-Regoli tal-Proċedura, in kwantu huwa nieqes minn kwalunkwe spjegazzjoni jew motivazzjoni.

271    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni tfakkar fl-ewwel lok ir-raġunament li hija segwiet biex tasal għall-konklużjoni li l-eżistenza ta’ dubji serji fil-Portugall, fil-Greċja, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja kienet tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ impenji li jkopru s-swieq kollha ta’ prodotti ta’ dawk id-disa’ pajjiżi u li ma kienx neċessarju li jiġu imposti impenji għall-Italja, Spanja, ir-Renju Unit, l-Irlanda kif ukoll il-Finlandja fir-rigward tan-nuqqas ta’ kwalunkwe dubju serju kkonstatat f’dawk il-pajjiżi.

272    Qabel ma tispjega r-raġunament tagħha f’erba’ stadji, il-Kummissjoni tosserva li hija bbażat, għall-finijiet ta’ l-analiżi tagħha, fuq il-prassi deċiżjonali tagħha u fuq l-informazzjoni dwar il-funzjonament tas-suq mogħtija fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tagħha.

273    B’hekk, il-Kummissjoni kkontestat li żewġ elementi huma essenzjali għall-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti: il-pussess ta’ trade mark rikonoxxuta (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-aċċess għal klijenti rivendituri (ara, per eżempju l-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata) li huma l-istess għall-kategoriji kollha ta’ prodotti.

274    Fir-rigward ta’ l-ewwel element, il-Kummissjoni tirreferi għad-Deċiżjoni 98/602/KE, tal-15 ta’ Ottubru 1997, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.938 ─ Guinness/Grand Metropolitan) (ĠU 1998, L 288, p. 24), fejn hija enfasizzat li “id-detentur ta’ portafoll ta’ trade marks dominanti jista’ jibbenefika minn ċertu numru ta’ vantaġġi” u li b’mod partikolari “għandu pożizzjoni iktar b’saħħitha fil-konfront tal-klijenti tiegħu, peress li jista’ joffrilhom firxa ta’ prodotti u dan jirrappreżenta sehem ikbar mill-fatturat tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 38 et sequitur tad-deċiżjoni). L-istess deċiżjoni tispjega fil-premessa 41 li “l-importanza ta’ dawn il-vantaġġi u l-effett potenzjali tagħhom fuq l-istruttura kompetittiva tas-suq jiddependu minn diversi fatturi, jiġifieri: il-fatt li d-detentur tal-portafoll ikollu t-trade mark ewlenija jew diversi trade marks dominanti f’suq partikolari; l-ishma mis-swieq okkupati mid-diversi trade marks, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk tal-prodotti kompetituri; l-importanza relattiva tas-swieq fejn il-partijiet ikollhom ishma u trade marks importanti fis-swieq ta’ prodotti kollha li jkopri l-portafoll; in-numru ta’ swieq fejn id-detentur ta’ portafoll ikollu trade mark ewlenija jew trade mark dominanti”.

275    Is-saħħa tad-distributuri fin-negozjati hija t-tieni element importanti għall-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni. F’dan ir-rigward, SEB indikat li “kull tentattiv [min-naħa tagħha] biex iżżid il-prezzijiet tagħha fuq id-diversi linji ta’ prodotti […] li għalihom is-sehem mis-suq tagħha teoretikament jaqbeż il-35 % jista’ jwassal għal ritaljazzjoni min-naħa ta’ xerrejja professjonali fuq linji ta’ prodotti oħrajn ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, u tali ritaljazzjoni tkun b’hekk iktar b’saħħitha peress li tolqot żewġ terzi mill-bejgħ ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

276    Biex tasal għall-konklużjoni li ma kienx neċessarju li jiġu imposti impenji li jkopru l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Finlandja, il-Kummissjoni kkunsidrat suċċessivament erba’ fatturi li jirriżultaw mill-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni partikolari għall-konċentrazzjoni in kwistjoni.

277    L-ewwel fattur kien jirrigwarda d-determinazzjoni tas-swieq fejn l-entità l-ġdida kellha ishma mis-suq ta’ iktar minn 40 %. It-tieni wieħed kien intiż biex jiddetermina l-eżistenza ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet fis-suq tal-prodott ikkonċernat (ara l-premessi 86 sa 88, 90 sa 92, 95, 97, 98, 101, 102, 107, 110, 111, 113, 121 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet fattur kien jikkonsisti f’li tiġi ddeterminata l-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha (ara l-premessi 87, 92, 96 sa 98, 101, 102, 105, 107, 110, 111, 113, 116, 119 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, l-aħħar fattur kien jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-importanza tas-suq ta’ prodotti rilevanti f’relazzjoni mal-bejgħ kollu ta’ l-entità kkombinata u, korrelattivament, il-possibbiltà għad-distributuri li jirritaljaw (ara l-premessi 83, 97, 101, 102, 105, 110, 116, 119 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tispjega li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan l-aħħar fattur, imsejjaħ “ta’ l-effett tal-firxa ta’ prodotti”, irriżulta li kien neċessarju fl-analiżi tal-kompetizzjoni, in kwantu l-istess trade marks u l-istess klijenti intermedjarji huma preżenti fis-swieq tal-prodotti kollha ta’ l-istess pajjiż.

278    Billi ħadet in kunsiderazzjoni l-kriterji differenti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni stmat li l-konċentrazzjoni kienet tagħti lok għal dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni fil-Portugall, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Belġju u fil-Greċja għall-prodotti kollha. Fir-rigward ta’ l-ewwel fattur, il-Kummissjoni osservat li l-entità l-ġdida kellha ishma mis-suq ta’ iktar minn 40 % għall-parti l-kbira tal-firxa ta’ prodotti (premessi 48, 55, 63 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat (premessi 83 et sequitur tad-deċiżjoni kkontestata) li s-swieq fejn l-entità kellha ishma ta’ iktar minn 40 % kienu jirrappreżentaw iktar minn 50 % tat-total ta’ bejgħ ta’ l-entità kkombinata. Fir-rigward ta’ l-effetti tal-firxa ta’ prodotti, il-Kummissjoni kkunsidrat li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, dawn kienu jkomplu jsaħħu s-saħħa fis-suq li seta’ kellhom il-partijiet fis-swieq rilevanti. Kien għalhekk li l-Kummissjoni imponiet impenji li jkopru s-swieq ta’ prodotti kollha ta’ dawk il-pajjiżi.

279    Għall-pajjiżi l-oħrajn, peress li l-ewwel kriterju ma kienx sodisfatt, il-Kummissjoni b’hekk evalwat jekk il-konċentrazzjoni kinitx twassal għal sovrapożizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet fis-swieq ta’ prodotti rilevanti. Il-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkonstatat li ma kienx hemm dubji serji għas-swieq ta’ prodotti fejn is-sovrapożizzjoni kienet minima, billi l-konċentrazzjoni ma kinitx tikkawża bidla sinjifikattiva għas-sitwazzjoni kompetittiva. Dan kien il-każ tal-Finlandja għall-fran portabbli (premessa 87), tal-Ġermanja għall-ikliet informali (premessa 88 tad-deċiżjoni), u tal-Finlandja, tan-Norveġja u ta’ l-Isvezja għas-suq tal-magni ta’ l-espresso (premessa 90 tad-deċiżjoni). Fis-suq ta’ l-ikliet informali u tal-miksers ta’ l-ikel fi Spanja, is-sovrapożizzjoniet kienu estremament dgħajfa. Il-Kummissjoni kkunsidrat f’dan il-kuntest il-pożizzjoni tal-partijiet fil-konfront tal-kompetituri tagħhom. Per eżempju, fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel fl-Italja, l-entità kkombinata eliminat biss lir-raba’ operatur fis-suq. Fin-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet u minħabba l-pożizzjoni b’saħħitha tal-kompetituri (Braun: bejn 10 u 20 %, Philips: bejn 10 u 20 %, De’Longhi: bejn 0 u 10 %), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-konċentrazzjoni ma kinitx toħloq dubji serji f’dak is-suq (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

280    Għall-istess pajjiżi, il-Kummissjoni sussegwentement ippruvat tiddetermina liema kienu l-pajjiżi fejn il-konċentrazzjoni kien ser ikollha impatt f’termini ta’ effett ta’ firxa ta’ prodotti li jbiddel materjalment ir-relazzjonijiet ta’ saħħa bejn SEB-Moulinex u d-domanda. Biex tkun tista’ tagħmel dan, il-Kummissjoni evalwat l-importanza tas-suq jew swieq tal-prodotti rilevanti effettwati mill-konċentrazzjoni f’relazzjoni mal-bejgħ kollu ta’ l-entità kkombinata għall-istess pajjiż. Meta dawn ir-relazzjonijiet kienu dgħajfa, jiġifieri inqas minn 10 %, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kapaċitajiet ta’ ritaljazzjoni mill-klijenti rivendituri ma kinux immodifikati mill-konċentrazzjoni u kienu f’livell suffiċjenti biex l-effett ta’ firxa ta’ prodotti jaħdem favurihom. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni naturalment kkunsidrat il-fatt li l-klijenti rivendituri kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom offerti alternattivi fis-suq nazzjonali (ara l-premessi 116, 119, 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji għas-swieq kollha fejn il-konċentrazzjoni kienet twassal għal bidja sinjifikattiva fil-pożizzjoni tal-partijiet fil-konfront tad-domanda.

281    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tas-swieq tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali fl-Italja, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, meta jitqies il-porzjon żgħir mill-fatturat li jirrappreżentaw dawk is-swieq ta’ prodotti għall-entità amalgamata u l-possibbiltà għall-klijenti rivendituri li jduru għal trade marks alternattivi u ta’ fama kbira, il-konċentrazzjoni ma setgħetx toħloq dubji serji (premessi 115 sa 117 u 121 sa 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

282    Fir-rigward tal-mistoqsijia tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar jekk il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-Italja kinitx tkun differenti kieku, biex tiġi ddeterminata l-kapaċità tar-rivendituri li “jirritaljaw kontra” aġir antikompetittiv minn SEB-Moulinex, is-suq tal-miksers ta’ l-ikel kellu jiġi miżjud ma’ dawk tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali, il-Kummissjoni tirrispondi li peress li l-konċentrazzjoni tikkonsisti fiż-żieda ta’ dawk it-tliet swieq b’ebda mod ma hi ġġustifikata u li, fi kwalunkwe każ, anki kieku kien meħtieġ li żżid is-swieq imsemmija iktar ’il fuq, hija xorta ma kinitx ser tbiddel il-konklużjoni tagħha.

283    Effettivament, fir-rigward ta’ l-Italja, is-swieq tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali kienu jirrappreżentaw bejn 0 u 10 % kull wieħed tal-valur tal-“kategorija tal-kċina” kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku. Is-suq ta’ l-ikliet informali kien jirrappreżenta bejn 0 sa 10 % tal-valur tal-“kategorija tal-kċina” kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku. Is-suq tal-miksers ta’ l-ikel kien jirrappreżenta bejn 25 u 35 % tal-valur tal-“kategorija tal-kċina” kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku. Dawk it-tliet swieq kollha ta’ prodotti b’hekk irrappreżentaw bejn 30 u 40 % tal-valur tal-“kategorija tal-kċina” kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fl-Italja.

284    Minħabba l-preżenza b’saħħitha ta’ kompetituri fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel bħal Braun, Philips u De’Longhi, kien eskluż, skond il-Kummissjoni, li l-konċentrazzjoni twassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ saħħa fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel, iż-żieda tal-pożizzjoni SEB-Moulinex f’dak is-suq u tal-pożizzjonijiet miżmuma fis-swieq tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali ma kinitx iġġustifikata.

285    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-konklużjoni tagħha ma kinitx ser tiġi mmodifikata kieku ġew ikkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tas-suq Taljan. L-imsemmi suq huwa kkaratterizzat bil-preżenza ta’ żewġ operaturi storiċi b’saħħithom (ara l-premessa 123 tad-deċiżjoni): Saeco, leader fid-dinja tal-magni ta’ l-espresso, li kellha bejn 60 u 70 % tas-suq Taljan, minn naħa waħda, u De’Longhi, li hija l-leader f’erba’ swieq ta’ prodotti, jiġifieri tal-fran portabbli, ta’ l-apparat tal-qali, tat-magni tax-xiwi tal-ħobż u tal-barbeques-grills, liema erba’ swieq flimkien jirrappreżentaw bejn 30 u 40 % tal-valur tal-“kategorija tal-kċina” kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku fl-Italja, min-naħa l-oħra.

286    Madankollu, il-Kummissjoni tippreċiża li l-effett disważiv eventwali li jistgħu jeżerċitaw il-klijenti rivendituri jiddependi fil-biċċa l-kbira minn dak li jirrappreżentaw f’valur is-swieq tal-prodotti fejn SEB-Moulinex għandha sehem mis-suq ta’ mhux inqas minn 40 % meta mqabbel mat-total tal-bejgħ ta’ SEB-Moulinex. Huwa b’hekk indikat fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata li “kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv f’dawk is-swieq b’hekk jiġi ppenalizzat b’inqas xiri tal-prodotti ta’ SEB u Moulinex fis-swieq l-oħrajn fejn l-entità kkombinata tikseb bejn 90 u 100 % tal-fatturat tagħha, li jistgħu jagħmlu mhux profittabbli kwalunkwe żieda fil-prezzijiet min-naħa tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

287    Il-Kummissjoni żżid li għandha tiġi kkunsidrata mhux biss il-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-kompetituri attwali fis-suq in kwistjoni, iżda wkoll il-pressjoni potenzjali min-naħa ta’ l-impriżi preżenti fi swieq relatati. Per eżempju, fis-suq Taljan tal-miksers ta’ l-ikel, il-preżenza b’saħħitha tal-kompetituri attwali li huma Braun, Philips u De’Longhi tillimita s-saħħa ta’ l-entità l-ġdida. Barra minn hekk, Saeco tista’ tidħol f’kull mument f’dak is-suq ta’ prodotti minħabba l-piż determinanti tagħha fis-swieq relatati.

288    Fir-rigward ta’ l-ipoteżi, li inizjalment ma ġietx prevista mill-Kummissjoni, ta’ xkiel għall-kompetizzjoni permezz ta’ tnaqqis tal-prezz, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dik il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata mill-angolu ta’ prattiki intiżi biex jeskludu impriżi oħrajn mis-suq, peress li d-diversi prodotti rilevanti mill-konċentrazzjoni huma “beni indipendenti jew sostituti” u li, għaldaqstant, tnaqqis temporanju fil-prezzijiet jista’ jwassal lil ċerti kompetituri biex jitilqu mis-suq jew li jostakolaw id-dħul ta’ kompetituri ġodda, b’mod speċjali peress li l-manifatturi jimmiraw lejn l-istess domanda intermedjarja, dik tal-klijenti rivendituri, għall-prodotti kollha in kwistjoni.

289    B’reazzjoni għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt, il-Kummissjoni rrispondiet li ebda element li nġieb għall-attenzjoni tagħha matul l-investigazzjonijiet li wettqet ma jindika li tali prattiki jistgħu jirriżultaw mill-konċentrazzjoni in kwistjoni. Effettivament, impriża tikkontempla li tniedi tali prattiki biss jekk tkun f’pożizzjoni li ssostni finanzjarjament b’mod sostenibbli prezzijiet orħos mill-ispiża marġinali, waqt li tkun konvinta li dan ser iwassal għall-eliminazzjoni tal-kompetituri.

290    Xejn ma jindika li SEB kienet iktar soda finanzjarjament mill-kompetituri tagħha jew li hija kellha spejjeż marġinali orħos. Barra minn hekk, kompetitur eliminat mis-suq ikun jista’ jerġa’ jidħol fis-suq f’każ fejn il-prezzijiet jerġgħu jsibu livell li jerġgħu jrendu l-attività vijabbli, peress li huwa xorta waħda jkollu t-trade mark tiegħu, li hija element essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku.

291    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li mhuwiex ċert li tnaqqis fil-prezzijiet huwa biżżejjed biex ixekkel id-dħul fis-suq ta’ kompetituri ġodda bħar-rikorrenti, li hija tal-fehma, fl-osservazzjonijiet li hija tat lill-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Ġunju 2002 u tal-25 ta’ Lulju 2002, fil-punti 7 u 11, li l-ishma tagħha mis-suq jistgħu jilħqu [… %] fl-[…] bi tnedija ta’ l-attività tagħha fl-2002.

292    Finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li fornitur jadotta politika ta’ tnaqqis tal-prezzijiet li għandha l-effett li telimina kompetituri huwa influwenzat mill-aġir tad-distributuri. Effettivament, l-inċentiv li jista’ jkollu fornitur li jadotta din it-tip ta’ politika jkun imnaqqas in kwantu l-prezzijiet tal-firxa ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku jkunu ddeterminati mid-distributuri, li jistgħu f’każ ta’ tnaqqis tal-prezzijiet mill-fornituri jżommu l-istess prattika ta’ prezzijiet għall-bejgħ bl-imnut u b’hekk jagħmlu profitt ikbar għad-detriment tal-fornituri.

293    Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tafferma li llimitat l-analiżi tagħha għall-effetti immedjati u ċerti tal-konċentrazzjoni u li ma ħaditx in kunsiderazzjoni effetti posterjuri u iktar inċerti f’din il-kawża, bħall-prattiki ta’ esklużjoni.

294    Fir-rigward tad-determinazzjoni possibbli mir-rivendituri ta’ l-għażla tal-konsumaturi finali għall-prodotti rilevanti, il-Kummissjoni fl-ewwel lok tosserva li l-investigazzjoni tas-suq uriet li l-konsumaturi kellhom preferenza netta għall-prodotti ta’ trade mark rinomata, minkejja li, minn naħa waħda, dawn ta’ l-aħħar huma iktar għaljin mill-prodotti ta’ trade mark mhux magħrufa u li, min-naħa l-oħra, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, l-aċċess għad-distribuzzjoni kien eżerċizzju indispensabbli biex wieħed ikun kompetitur fis-swieq rilevanti.

295    Matul l-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi karatteristiċi determinanti ta’ relazzjonijiet bejn manifatturi u rivendituri u bl-istess mod il-possibbiltà li għandhom ir-rivendituri li jiddeterminaw l-għażla ta’ konsumaturi finali.

296    Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ politiki ta’ elenkar tal-prodotti li jikkonsistu għad-distributuri li jevitaw li jikkompetu ma’ l-istess mudelli u li jipprovaw isibu referenzi speċifiċi biex jevitaw li l-konsumatur iqabbel b’mod strett iżżejjed il-prezzijiet tal-bejgħ bejn il-ħwienet.

297    Il-Kummissjoni ssemmi, barra minn hekk, li r-rikorrenti, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni datata 30 ta’ Novembru 2001, indikat fil-punt 11 li “prodott tajjeb b’relazzjoni tajba bejn il-kwalità u l-prezz ma għandux ċans li jkun preżenti fis-suq jekk id-distribuzzjoni ma telenkahx” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

298    Ir-rivendituri b’hekk jiddeterminaw l-għażla tal-konsumaturi kemm abbażi tal-kapaċità tagħhom li jinfluwenzaw l-elenkar tal-prodotti kif ukoll li jiddeċiedu prezzijiet tal-bejgħ u promozzjonijiet applikati għall-prodotti mibjugħa.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.     Fuq l-ammissibbiltà

299    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni fin-nuqqas ta’ impenji fir-rigward ta’ swieq li jirrappreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni.

300    Il-Kummissjoni u SEB huma tal-fehma li dan il-motiv, kif ġie żvilppat mir-rikorrenti bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza u matul is-seduta, huwa inammissibbli skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jistipula li ma jistgħux jitressqu motivi ġodda matul il-kawża, u l-Artikolu 44(1)(ċ), ta’ l-imsemmija Regoli, li jistipula li r-rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jagħti sunt tal-motivi mressqa sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża.

301    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li r-rikors jinkludi espressament il-motiv li jallega li l-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni fin-nuqqas ta’ impenji dwar swieq li jippreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni. Peress li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprojbixxi biss il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda, isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

302    Fir-rigward tas-swieq Taljani, il-Kummissjoni barra minn hekk irrispondiet dwar il-mertu ta’ dak il-motiv fir-risposta tagħha, mingħajr ma qajjmet oġġezzjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

303    Madankollu, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni sussegwentement argumentat li, fir-rigward ta’ l-Italja u a fortiori l-pajjiżi l-oħrajn fejn il-Kummissjoni ma imponitx impenji, ir-rikorrenti ma kkritikatx ir-raġunament adottat mill-Kummissjoni li jgħid li l-klijenti rivendituri għandhom il-possibbiltà li jirritaljaw kontra kwalunkwe tentattiv ta’ aġir antikompetittiv.

304    Għalkemm wieħed ikollu jammetti li hemm lakuni fl-argumenti ppreżentati fir-rikors, b’mod partikolari fir-rigward tas-swieq Brittaniċi, Irlandiżi, Spanjoli, Finlandiżi u Norveġiżi li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti sempliċement indikat li ġew ikkonstatati sitwazzjonijiet problematiċi, xorta jibqa’ l-fatt li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti, kemm fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn ġiet mitluba biex tippreċiża n-natura ta’ l-ilmenti tagħha kif ukoll matul is-seduta, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu motiv ġdid inammissibbli, iżda biss bħala elementi intiżi biex jistabbilixxu l-fondatezza tal-motiv invokat fir-rikors. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għall-argumenti dwar is-swieq Taljani.

305    Fit-tieni lok, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura wkoll għandha tiġi miċħuda. Effettivament, b’mod konformi ma’ dik id-dispożizzjoni, għandu jingħata sunt tal-motiv fir-rikors. Barra minn hekk, l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet totalment f’pożizzjoni li tirrispondi għall-ilmenti mqajjma mir-rikorrenti fuq dan il-punt. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li, diġà fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kienet ippreżentat l-argument tagħha fejn qalet li ma kienx hemm lok li jiġu imposti impenji fis-swieq Taljani peress li kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv minn SEB-Moulinex kien ser jiġi ppenalizzat b’inqas xiri tal-prodotti ta’ SEB u Moulinex fis-swieq l-oħrajn fl-Italja. Il-Kummissjoni ntalbet ukoll mill-Qorti tal-Prim’Istanza biex twieġeb bil-miktub għal serje ta’ mistoqsijiet dwar dawk l-ilmenti. Finalment, matul is-seduta, il-Kummissjoni setgħet ukoll tispjega fid-dettall il-fondatezza tal-pożizzjoni tagħha dwar dan is-suġġett.

306    Fit-tielet lok, in kwantu l-Kummissjoni lmentat li l-Qorti tal-Prim’Istanza stess qajjmet motiv ġdid, peress li ma kienx ġie mqajjem mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-motiv dwar nuqqas ta’ impenji f’pajjiżi li jippreżentaw problemi ta’ kompetizzjoni effettivament ġie fformulat mir-rikorrenti fir-rikors tagħha. Kien biss b’reazzjoni għall-argument imressaq mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha li l-Qorti tal-Prim’Istanza dehrilha li kien neċessarju, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, li jsiru serje ta’ mistoqsijiet bil-miktub sabiex tiġi kkjarifikata l-argumentazzjoni rispettiva ta’ kull waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1998, Il‑Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns, C‑252/96 P, Ġabra p. I‑7421, punt 30) li jirriżulta b’mod ċar minn sempliċi qari ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kuntest tat-Titolu II, Kapitolu I, ta’ dawk ir-Regoli, taħt l-intestatura “Fuq il-proċedura bil-miktub”, li din hija dispożizzjoni li tapplika għall-partijiet u mhux għall-Qorti tal-Prim’Istanza.

307    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motiv dwar in-nuqqas ta’ impenn għas-swieq li jippreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni huwa ammissibbli, inkluż fir-rigward tas-swieq Spanjoli, Brittaniċi, Irlandiżi, Finlandiżi u Norveġiżi.

2.     Fuq il-mertu

308    Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji dwar ċerti swieq ta’ prodotti fil-Portugall, fil-Greċja, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala konsegwenza, hija imponiet impenji f’dawk il-pajjiżi.

309    Għandu jiġi mfakkar, sussegwentement, li skond id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat definizzjoni nazzjonali tas-swieq ġeografiċi in kwistjoni (premessa 30) u kkonstatat li kull waħda mit-tlettax-il kategorija ta’ prodotti tikkostitwixxi suq distint (premessi 17 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan isegwi li l-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva għandha, ta’ mill-inqas fl-ewwel lok, issir separatament, suq b’suq, u dan kemm f’termini ta’ ġeografija kif ukoll f’termini ta’ prodotti. Madankollu, il-liċenzji esklużivi tat-trade mark Moulinex previsti mill-impenji f’kull wieħed minn dawk id-disa’ Stati xorta jkopru t-tlettax-il suq ta’ prodotti, u dan minkejja li d-dubji serji ġew ikkonstatati biss fir-rigward ta’ suq ta’ prodotti jew ieħor. Il-Kummissjoni effettivament ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-estensjoni ta’ l-impenji tal-liċenzja esklużiva għall-prodotti kollha ta’ apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, u b’hekk għal prodotti li għalihom il-Kummissjoni ma qajjmitx dubji serji, hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effikaċja u l-vijabbiltà tar-rimedji previsti mill-impenji, peress li l-istess trade mark ma setgħetx tintuża fl-istess suq ġeografiku minn żewġ operaturi differenti.

310    Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji fuq suq wieħed ta’ prodotti ta’ pajjiż kienet biżżejjed biex jiġi impost impenn għas-swieq ta’ prodotti kollha ta’ dak il-pajjiż. B’hekk, jirriżulta mill-premessi 113, 114 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata li ġew imposti impenji fl-Isvezja minkejja li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji biss fis-suq ta’ l-apparat tal-qali fl-Isvezja.

311    Fir-rigward tas-swieq fl-Italja, fi Spanja, fir-Renju Unit, fl-Irlanda kif ukoll fil-Finlandja, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, kienet tal-fehma li l-konċentrazzjoni kienet tbiddel biss marġinalment il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, u b’hekk ma imponitx impenji għal dawk il-pajjiżi.

312    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li kien hemm problemi serji ta’ kompetizzjoni f’ċerti swieq fin-Norveġja, fl-Italja, fi Spanja, fir-Renju Unit, fl-Irlanda kif ukoll fil-Finlandja u li, b’mod konformi ma’ l-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva li hija kienet għamlet fl-Istati Membri kkonċernati mill-impenji, il-Kummissjoni kien imissha imponiet ukoll impenji fir-rigward ta’ dawk is-swieq.

313    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni spjegat li hija għamlet l-analiżi tagħha waqt li kkunsidrat suċċessivament erba’ fatturi li jirriżultaw mill-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni partikolari għall-konċentrazzjoni in kwistjoni, jiġifieri:

–        fuq liema swieq l-entità l-ġdida għandha ishma mis-suq ta’ iktar minn 40 %;

–        teżisti sovrapożizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet fis-suq ta’ prodotti rilevanti;

–        x’inhi l-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha;

–        x’inhi l-importanza tas-suq ta’ prodotti rilevanti f’relazzjoni mat-total ta’ bejgħ ta’ l-entità kkombinata u, korrelattivament, id-distributuri sa liema grad jinsabu f’pożizzjoni fejn jistgħu jagħmlu kontroreazzjoni (iktar ’il quddiem l-“effett ta’ firxa ta’ prodotti”)?

314    Qabel ma jiġi eżaminat jekk din l-analiżi f’erba’ stadji twassalx, kif issostni l-Kummissjoni, biex tiġi eliminata l-eżistenza ta’ dubji serji dwar kull wieħed mis-swieq ġeografiċi li għalihom hija ma imponitx impenji, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni effettivament applikatx tali analiżi fid-deċiżjoni biex jiġu evalwati l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq id-diversi swieq.

a)     Fuq l-erba’ stadji ta’ l-analiżi

–       Fuq il-limitu minimu ta’ dominanza ta’ 40 %

315    Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 44, 48, 55, 56, 63, 72 u 83, li, b’mod konformi ma’ l-ewwel stadju msemmi mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva tad-deċiżjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li sehem mis-suq ta’ 40 % kien sinjal ta’ dominanza. Kemm il-darba l-entità kkombinata SEB-Moulinex kienet tilħaq jew taqbeż il-limitu minimu ta’ 40 % tas-sehem mis-suq f’suq ta’ prodotti, kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li, suġġett għall-eżami tat-tliet fatturi l-oħrajn, hija kellha pożizzjoni dominanti u li kellhom jiġu imposti impenji. Il-Kummissjoni, kif ippreċiżat fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ikkonstatat l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel fil-Greċja, minkejja li l-entità SEB-Moulinex kellha biss sehem mis-suq ta’ 39 %. Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessi 55, 58, 62 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stmat li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji fis-suq tal-magni tax-xiwi tal-ħobż fil-Belġju, minkejja li l-partijiet kellhom biss sehem mis-suq ta’ bejn 20 u 30 % u kellhom jaffrontaw il-kompetizzjoni ta’ Philips li kellha sehem mis-suq ta’ bejn 25 u 35 %.

–       Fuq in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva

316    Skond l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni sussegwentement analizzat, għas-swieq fejn is-sehem mis-suq ta’ l-entità l-ġdida kien ikbar minn 40 %, jekk kinitx teżisti sovrapożizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet fis-swieq ta’ prodotti rilevanti. Il-Kummissjoni sostniet li, meta hija kkonstatat li ma kienx hemm sovrapożizzjoni jew li kienet minima, hija stabbilixxiet li ma kienx hemm dubji serji dwar is-suq ta’ prodotti rilevanti, abbażi li l-konċentrazzjoni ma kinitx twassal għal bidja sinjifikattiva fis-sitwazzjoni kompetittiva.

317    B’mod konformi ma’ dak li ġiet indikat fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza, in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva effettivament wasslet lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li ma kienx hemm dubji serji għal serje ta’ swieq ta’ prodotti fejn is-sovrapożizzjoni kienet minima [(ara, b’mod partikolari, is-suq tal-fran portabbli fil-Finlandja (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata), is-suq ta’ l-ikliet informali fil-Ġermanja (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata), is-suq tal-magni ta’ l-espresso fin-Norveġja u fl-Isvezja (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata)].

318    In-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet hija, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ta’ tali natura li twassal għall-konklużjoni li lanqas ma hemm dubji serji dwar is-swieq ta’ prodotti fejn l-entità għandha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % in kwantu, f’dak il-każ, mhijiex il-konċentrazzjoni li toħloq jew isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti, iżda din ta’ l-aħħar kienet diġà teżisti qabel.

319    Madankollu għandhom isiru żewġ preċiżjonijiet.

320    Minn naħa waħda, anki meta s-sovrapożizzjoni tkun dgħajfa, il-konċentrazzjoni twassal għal tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti u li b’hekk għandu jiġi konkluż li ma hemmx dubji serji biss meta s-sovrapożizzjoni tkun realment mhux sinjifikattiva.

321    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni sempliċement tindika l-ishma mis-suq f’medda ta’ 10 %. Għalkemm effettivament jista’ jitqies li ma hemmx sovrapożizzjoni sinjifikattiva meta s-sehem mis-suq ikun qrib iż-0 %, ma jistax jingħad l-istess meta jkun qrib l-10 %, u f’dak il-każ irid jiġi kkonstatat il-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti. Id-deċiżjoni b’hekk ma tippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita b’mod validu l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Barra minn hekk, għalkemm fill-mistoqsijiet tagħha bil-miktub, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet talbet espressament lill-Kummissjoni biex tippreċiża s-sehem mis-suq eżatt miżmum minn SEB-Moulinex fis-swieq tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali fl-Italja, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fir-risposti tagħha, għal riproduzzjoni ta’ l-indikazzjonijiet b’medda ta’ 10 % fid-deċiżjoni.

322    L-impossibbiltà li jsir stħarriġ effikaċi tad-deċiżjoni minħabba n-natura wisq vaga ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tirriżulta, barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni nfisha. Effettivament, fuq il-bażi ta’ l-istess kunsiderazzjoni, li tgħid li waħda mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni kellha sehem mis-suq ta’ bejn 0 u 10 %, il-Kummissjoni f’xi okkażjonijiet kkonstatat li ma kienx hemm dubji serji minħabba n-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva, u f’okkażjonijiet oħrajn ikkonstatat li kien hemm tali dubji.

323    Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tas-suq tal-miksers ta’ l-ikel fil-Greċja. F’dak is-suq, effettivament, fejn l-entità l-ġdida kellha sehem mis-suq ikkombinat li kien biss ftit inqas mil-limitu minimu ta’ dominanza (39 %, ara l-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata u t-tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza), il-Kummissjoni ma kkonstatatx li ma kienx hemm dubji serji minkejja sovrapożizzjoni li tvarja bejn 0 u 10 %, hekk kif is-sehem mis-suq għall-prodotti rilevanti ta’ Moulinex kien bejn 30 u 40 % waqt li dak ta’ SEB kien biss bejn 0 u 10 % (ara t-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata).

324    Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ dubji serji fis-suq tal-ħadid tal-mogħdija fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni kellhom sehem mis-suq ikkombinat ta’ bejn 40 u 50 % b’sovrapożizzjoni limitata ta’ bejn 0 u 10 % għal Moulinex.

325    Fi swieq ta’ prodotti oħrajn fejn l-entità kkombinata kellha sehem mis-suq ta’ bejn 40 u 50 %, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji minkejja l-fatt li waħda mill-partijiet kellha biss sehem mis-suq ta’ bejn 0 u 10 %. Dan huwa l-każ ukoll, b’mod partikolari, għas-suq tal-barbeques fil-Ġermanja (premessa 97), fejn il-partijiet iridu, barra minn hekk, iħabbtuha ma’ kompetituri importanti, b’mod partikolari Severin, li għandha sehem mis-suq ta’ bejn 25 u 35 %, tal-ħadid tal-mogħdija u apparat tal-mogħdija li jaħdem bil-fwar fil-Belġju (ara l-premessi 55, 56 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata), u għas-swieq ta’ l-apparat tal-qali, tal-magni tax-xiwi tal-ħobż u tal-magni tal-kafè ta’ l-elettriku fil-Portugall (ara l-premessi 48, 49 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

326    Min-naħa l-oħra, għalkemm in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva huwa raġuni valida biex jiġi konkluż li ma hemmx dubji serji meta l-Kummissjoni teżamina, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni kompetittiva fil-livell ta’ suq ta’ prodotti individwali, min-naħa l-oħra ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat dak l-element fil-livell ta’ l-eżami iktar globali tas-sitwazzjoni fis-swieq ta’ prodotti kollha ta’ pajjiż partikolari.

327    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward, li f’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni bbażat fuq iċ-ċirkustanza li waħda mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni kellha pożizzjonijiet b’saħħithom fis-swieq fejn l-oħra kellha preżenza dgħajfa, u viċe-versa, biex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji. Hekk enfasizzat il-Kummissjoni, fir-rigward tal-Greċja, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Huwa biss fis-suq tal-magni li jagħmlu s-sandwiches/waffles li l-partijiet kellhom simultanjament ishma mis-suq ferm sostanzjali (bejn 30 u 40 % u bejn 20 u 30 %). L-effett tal-konċentrazzjoni b’hekk hu li tiżdied mal-pożizzjoni ta’ Moulinex għall-magni ta’ l-espresso pożizzjonijiet sinjifikattivi ta’ dominanza fis-swieq ta’ l-apparat tal-qali, tal-ktieli, tal-magni li jagħmlu s-sandwiches u tal-miksers ta’ l-ikel.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–       Fuq il-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha

328    Il-Kummissjoni tafferma li sussegwentement ikkunsidrat il-pożizzjoni kkombinata tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni fil-konfront tal-kompetituri tagħhom biex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji.

329    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li peress li l-limitu minimu ta’ dominanza adottat mid-deċiżjoni kien ta’ 40 %, is-sempliċi konstatazzjoni li l-entità kkombinata ser taffronta kompetituri f’suq ta’ prodotti ma timplikax li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji f’dak is-suq. Il-preżenza ta’ kompetituri tista’ tikkostitwixxi fattur li jista’ jimmodifika, jew saħansitra jelimina, il-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità kkombinata biss jekk dawk il-kompetituri jkollhom pożizzjoni b’saħħitha li taġixxi bħala kontropiż reali.

330    Għandu jiġi mfakkar, sussegwentement, li s-swieq rilevanti huma swieq ikkaratterizzati minn struttura pjuttost oligopolistika u li xi impriżi għandhom kemm firxa wiesgħa ta’ prodotti kif ukoll preżenza pan-Ewropea. Dawn huma, kif huwa indikat fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment operaturi bħal SEB, Moulinex, Philips, Bosch, Braun jew De’Longhi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżenza f’suq partikolari ta’ wieħed mill-kompetituri jew iktar ma tidhirx li tikkostitwixxi ċirkustanza partikolari li tista’ tiġġustifika fiha nfisha li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji f’dak is-suq. L-istess jgħodd għall-impriżi li għandhom jew firxa wiesgħa ta’ prodotti, iżda li huma preżenti biss f’ċerti Stati (Taurus fi Spanja jew Morphy fir-Renju Unit), jew inkella numru limitat ta’ prodotti (Saeco għall-magni ta’ l-espresso).

331    Jirriżulta barra minn hekk mid-deċiżjoni kkontestata li, kważi fis-swieq kollha fejn il-Kummissjoni stmat li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji, hija madankollu rrilevat il-preżenza ta’ wieħed jew iktar minn dawk il-kompetituri.

332    Minn dan isegwi li l-preżenza ta’ xi wieħed jew iktar minn dawk il-kompetituri fis-swieq fejn l-entità kkombinata kellha sehem mis-suq ta’ 40 % jew iktar ma kinitx ta’ tali natura, fiha nfisha, li twassal għall-konklużjoni li ma kienx hemm dubji serji u li seta’ jkollha dak l-effett biss jekk huma kellhom ishma mis-suq b’saħħithom biżżejjed biex ikunu jistgħu jikkostitwixxu kontropiż reali għall-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex u b’hekk jeliminaw id-dubji serji.

333    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni barra minn hekk ikkonkludiet li kien hemm dubji serji f’serje ta’ swieq fejn il-kompetituri tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni kellhom ishma mis-suq mhux negliġibbli.

334    B’hekk, fis-suq ta’ l-apparat tal-qali fil-Greċja, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li ma kienx hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni minkejja li l-kompetitriċi prinċipali tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, De’Longhi, kellha sehem mis-suq ta’ bejn 35 u 45 %, li jikkostitwixxi mhux biss pożizzjoni ferm importanti, iżda saħansitra pożizzjoni ekwivalenti għal dik ta’ SEB-Moulinex (ara l-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

335    Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm dubji serji fis-suq tal-ħadid tal-mogħdija u ta’ l-apparat tal-mogħdija bil-fwar fil-Pajjiżi l-Baxxi waqt li SEB-Moulinex, li kellha sehem mis-suq ta’ bejn 40 u 50 % (ara l-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata), kellha taffronta l-kompetizzjoni minn Philips li kellha sehem mis-suq ta’ bejn 35 u 45 % (ara l-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

336    Il-Kummissjoni rrifjutat ukoll li tikkonstata l-eżistenza ta’ dubji serji minkejja l-preżenza ta’ kompetituri li kellhom pożizzjonijiet importanti fis-swieq tal-ktieli u tal-ħadid tal-mogħdija fil-Belġju. Fl-ewwel suq, l-entità l-ġdida kellha sehem mis-suq ta’ bejn 35 u 45 % (ara l-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-kompetitriċi prinċipali, Braun, kellha sehem mis-suq ta’ bejn 20 u 30 % (ara l-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni suq, l-entità l-ġdida kellha sehem mis-suq ta’ bejn 40 u 50 % (ara l-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata) waqt li l-kompetitriċi prinċipali, Philips, kellha sehem mis-suq ta’ bejn 25 u 35 % (ara l-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

337    Finalment, fis-suq tal-magni tax-xiwi tal-ħobż fil-Belġju, fejn il-kompetitriċi prinċipali, Philips, kellha sehem mis-suq ta’ bejn 25 u 35 % (ara l-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ma kkonstatatx li ma kienx hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni, minkejja li l-entità l-ġdida kellha biss sehem mis-suq ta’ bejn 20 u 30 % (ara l-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri sehem mis-suq mhux biss sostanzjalment inqas mil-limitu minimu ta’ dominanza ffissat mill-Kummissjoni, iżda wkoll inqas minn dak tal-kompetitriċi prinċipali.

338    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li, skond l-analiżi li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-preżenza ta’ kompetituri, anki fl-ipoteżi li kellhom ishma mis-suq pjuttost importanti, ma ġietx ikkunsidrata fil-prinċipju li hija ta’ tali natura li telimina l-konstatazzjoni li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji.

–       Fuq l-effett ta’ firxa ta’ prodotti

339    Għandu jiġi mfakkar, fuq bażi preliminari, li kull suq ta’ prodotti jikkostitwixxi suq distint. Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’kull suq ta’ prodotti, f’kull Stat Membru, għandhom, fil-prinċipju, jiġu evalwati b’mod indipendenti f’relazzjoni mal-kundizzjonijiet prevalenti fis-swieq l-oħrajn jew fihom kollha. Fir-rigward tad-disa’ Stati Membri koperti mill-impenji, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni xi kultant issupplimentat l-analiżi tagħha b’kunsiderazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni globali tas-swieq ta’ prodotti kollha ta’ suq ġeografiku partikolari, hija madankollu dejjem ikkonstat, sa mill-bidu, l-eżistenza ta’ dubji serji dwar ċerti swieq ta’ prodotti billi evalwat kull suq ta’ prodotti separatament.

340    B’hekk, għall-Portugall, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju, il-Kummissjoni, wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ dubji serji f’serje ta’ swieq ta’ prodotti, barra minn hekk, kienet tal-fehma li, meta jitqies il-kombinament ta’ pożizzjonijiet sinjifikattivi ta’ dominanza, il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni ser ikunu f’pożizzjoni li jestendu s-saħħa fis-suq fis-swieq ta’ prodotti l-oħrajn kollha (premessi 54, 62, 71 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

341    Skond il-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-riskju li tinħoloq saħħa fis-suq għall-firxa ta’ prodotti kollha jista’ jiġi eskluż meta s-swieq ta’ prodotti fejn l-entità kkombinata jkollha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % ma jkunx jirrappreżenta iktar minn 35 % tal-fatturat ikkombinat tal-partijiet. Madankollu, din id-distinzjoni bejn il-pajjiżi fejn l-entità kkombinata tkun f’pożizzjoni li testendi s-saħħa tagħha fis-suq fis-swieq ta’ prodotti kollha u f’dawk fejn il-konċentrazzjoni toħloq dubji serji biss f’ċerti swieq ta’ prodotti, jew f’wieħed biss (kif huwa l-każ fl-Isvezja), tidher li fir-realtà mhijiex rilevanti peress li, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, l-istess impenji ġew imposti fiż-żewġ ipoteżijiet.

342    In-natura distinta tad-diversi swieq ta’ prodotti madankollu ma tistax titqies bħala assoluta u jista’ jirriżulta neċessarju li tiġi mmodifikata l-evalwazzjoni dwar suq ta’ prodotti partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti fis-swieq ta’ prodotti l-oħrajn kollha ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

343    Dan it-teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva iktar globali huwa wisq iktar iġġustifikat f’din il-kawża, peress li huwa stabbilit li t-trade mark tikkostitwixxi l-fattur ta’ kompetizzjoni l-iktar importanti fis-swieq rilevanti u li l-fama tat-trade mark tibbenefika lill-prodotti kollha li jużawha. Bl-istess mod, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn, sabiex tevalwa l-pożizzjoni kompetittiva li għandha impriża, li tikkunsidra l-portafoll ta’ trade marks li jkollha jew il-fatt li hija jkollha ishma mis-suq importanti f’għadd kbir ta’ swieq ta’ prodotti rilevanti (iktar ’il quddiem l-“effett ta’ portafoll”).

344    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, f’din il-kawża, dak l-effett ta’ portafoll. Fid-deċiżjoni kkontestata kollha, ħlief fl-analiżi dwar il-pajjiżi mhux koperti mill-impenji, il-Kummissjoni effettivament enfasizzat il-fatt li s-saħħa ta’ l-entità kkombinata kienet aċċentwata minn portafoll uniku ta’ trade marks, waqt li l-kompetituri tagħha kellhom biss trade mark waħda, bi preżenza b’saħħitha f’għadd ta’ swieq u bis-sovrapożizzjoni tal-pożizzjonijiet miżmuma minn SEB u Moulinex.

345    B’hekk, huwa ddikjarat, fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[m]eta titqies l-importanza, diskussa preċedentement, tat-trade marks f’dan it-tip ta’ suq, tal-piż tal-partijiet fuq kważi s-swieq kollha in kwistjoni, tal-firxa ta’ prodotti u tal-portafoll tat-trade marks ta’ l-entità l-ġdida, mhuwiex wisq probabbli li l-kompetituri ser ikunu f’pożizzjoni li jikkumbattu l-pożizzjonijiet tal-partijiet u li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-entità l-ġdida” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

346    Għandu jiġi osservat li dan l-effett ta’ portafoll għandu effett mhux biss fuq il-konsumatur u l-kompetituri, iżda wkoll, u partikolarment, fuq il-klijenti rivendituri. Il-Kummissjoni b’hekk spjegat, b’mod partikolari fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l-]istess jgħodd għall-klijenti rivendituri li, minkejja s-saħħa teoretika tagħhom fin-negozjati (permezz ta’ theddida ta’ tneħħija mill-elenkar, per eżempju), ma jistgħux jiddixxiplinaw l-aġir tal-partijiet b’reazzjoni għal żieda fil-prezzijiet”; li, “[e]ffettivament, il-portafoll ta’ trade marks u l-preżenza uniformament b’saħħitha ta’ l-entità l-ġdida fis-swieq kollha ta’ prodotti rilevanti huma tali li hija tkun f’pożizzjoni li tiskoraġġixxi lill-klijenti rivendituri milli jopponu żieda fil-prezzijiet per eżempju permezz ta’ theddida ta’ tneħħija mill-elenkar tat-trade marks ta’ l-entità l-ġdida”; li “[l]-entità kkombinata tista’ per eżempji toffri skontijiet ikkombinati jew bħala limitu minimu” u li, “[bl-]istess mod, il-pożizzjoni preponderanti tat-trade marks SEB u Moulinex tagħmilha diffiċli għal rivenditur li jgħaddi mingħajr il-preżenza tagħhom fuq l-ixkafef tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-osservazzjonijiet, li ġew żviluppati fil-kuntest ta’ l-analiżi tas-swieq fil-Portugall, huma riprodotti wkoll f’dak li jirrigwarda s-swieq fil-Belġju (premessi 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata), fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 69 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata), u fil-Greċja (premessi 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi rrilevat ukoll f’dan ir-rigward li, għalkemm minħabba l-effett ta’ portafoll, il-Kummissjoni waslet biex tikkonstata li l-entità l-ġdida SEB-Moulinex ser tkun f’pożizzjoni li testendi s-saħħa tagħha fis-suq għas-swieq ta’ prodotti kollha f’dawk l-erba’ pajjiżi, minkejja li kellha ishma mis-suq inqas mil-limitu minimu ta’ 40 %, l-effett ta’ portafoll jikkonferma a fortiori li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji fis-swieq fejn l-entità l-ġdida għandha ishma mis-suq ta’ iktar minn 40 %.

347    Fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kienet diġà enfasizzat in-neċessità li jittieħed in kunsiderazzjoni l-effett ta’ portafoll sabiex tiġi ddeterminata s-saħħa reali ta’ impriża fis-suq. B’hekk, fid-deċiżjoni Guinness/Grand Metropolitan, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet spjegat li d-detentur ta’ portafoll ta’ trade marks dominanti jista’ jibbenefika minn ċertu numru ta’ vantaġġi u, b’mod partikolari, li huwa għandu pożizzjoni iktar b’saħħitha fil-konfront tal-klijenti tiegħu, għaliex jista’ jipproponilhom firxa ta’ prodotti li tirrappreżenta porzjon ikbar tal-fatturat tagħhom.

348    Fl-osservazzjonijiet tagħha indirizzati lill-Kummissjoni (Anness 2 ta’ l-ittra tat-3 ta’ Diċembru 2001), De’Longhi barra minn hekk ġibdet l-attenzjoni tagħha għall-perikoli li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni fi ħdan l-istess grupp industrijali tat-trade marks prinċipali kollha u ta’ firxa ta’ prodotti sħiħa. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti ddikjarat b’mod partikolari:

“[L-]aspett li joħloq l-iktar tħassib għal De’Longhi huwa r-relazzjoni li ser teżisti, wara l-konċentrazzjoni, bejn SEB-Moulinex u d-distributuri l-kbar meta titqies is-saħħa ikbar fin-negozjati li l-akkwirent ser ikollu fis-swieq fejn ser ikollu pożizzjoni dominanti. Din is-saħħa ser tkun saħansitra ikbar minħabba l-firxa ta’ prodotti sħiħa u t-trade marks li ser ikollu wara l-konċentrazzjoni […] Ma hemm ebda dubju li SEB-Moulinex ser testendi b’mod konsiderevoli l-portafoll ta’ prodotti tagħha b’tali mod li ser tkun f’pożizzjoni, f’ċerti każijiet, li tipprovdi firxa ta’ prodotti sħiħa, li ser toħloq effetti dannużi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kanali ta’ distribuzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

349    Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni indikat li minħabba l-preżenza ta’ l-istess trade marks u ta’ l-istess klijenti intermedjarji fis-swieq ta’ prodotti kollha ta’ l-istess pajjiż kien neċessarju li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti ta’ firxa ta’ prodotti fl-analiżi tal-kompetizzjoni. Skond il-Kummissjoni, jekk il-konċentrazzjoni tikkontribwixxi biex tagħti lill-partijiet pożizzjonijiet b’saħħithom fuq swieq ta’ prodotti li jirrappreżentaw bħala total parti marġinali mill-fatturat tagħhom, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma jkollhiex inċentiv li tisfrutta s-saħħa tagħha f’dawk is-swieq, għaliex ir-ritaljazzjonijiet li hija jkollha tistenna fis-swieq ta’ prodotti oħrajn, fejn hija ma tkunx f’pożizzjoni b’saħħitha, jirrappreżentaw telf ta’ profitti nettament ikbar mill-gwadannji li hija tista’ tistenna fis-swieq fejn hija tkun f’pożizzjoni ta’ saħħa. Meta l-bejgħ ta’ l-entità kkombinata fis-swieq iddominati jkun jirrappreżenta inqas minn 10 % tat-total ta’ bejgħ ta’ l-entità kkombinata fl-istess pajjiż, il-Kummissjoni indikat, fin-noti ta’ osservazzjonijiet li ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u matul is-seduta, li hija kkunsidrat li l-kapaċitajiet ta’ ritaljazzjoni mill-klijenti rivendituri ma kinux immodifikati mill-konċentrazzjoni u kienu f’livell suffiċjenti biex jimmanipulaw favurihom l-effett ta’ firxa ta’ prodotti. Permezz ta’ l-espressjoni “effett ta’ firxa ta’ prodotti”, il-Kummissjoni tifhem li kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv minn SEB-Moulinex fis-swieq fejn l-entità kkombinata għandha pożizzjoni dominanti jiġu ppenalizzati b’inqas xiri, min-naħa tal-klijenti rivendituri, tal-prodotti tagħha fuq is-swieq l-oħrajn.

350    Skond il-Kummissjoni, l-effett ta’ firxa ta’ prodotti ma jippermettix li jiġi kkonstatat li ma hemmx dubji serji ħlief jekk il-fatturat miksub mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni fis-swieq ta’ prodotti ddominati jirrappreżenta biss parti marġinali tal-fatturat totali li huma jiksbu fl-istess pajjiż. Il-Kummissjoni ffissat għal 10 % bħala massimu dik il-parti marġinali tal-fatturat miksub fis-swieq iddominati u li lil hinn minn dak il-limitu l-effett ta’ firxa ta’ prodotti ma jistax jiġi eżerċitat. Dak il-limitu ta’ 10 % ma ġiex ikkontestat. B’hekk, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv fis-swieq tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali fl-Italja, fejn il-partijiet kellhom, rispettivament, ishma mis-suq ikkombinati ta’ bejn 65 u 75 % u bejn 40 u 50 %, b’hekk jiġi ppenalizzat b’inqas xiri ta’ prodotti ta’ SEB u Moulinex fis-swieq l-oħrajn fl-Italja fejn l-entità kkombinata tikseb bejn 90 u 100 % tal-fatturat tagħha, li jfisser li s-swieq iddominati jirrappreżentaw biss bejn 0 u 10 % tal-fatturat tagħhom. Fir-rigward ta’ Spanja u l-Finlandja, il-Kummissjoni kkonstatat, rispettivament, fil-premessi 116 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-entità kienet tikseb bejn 85 u 95 % tal-fatturat tagħha fis-swieq mhux iddominati, li jfisser li s-swieq iddominati jirrappreżentaw bejn 5 u 15 % tal-fatturat tagħhom, jew possibbilment ftit iktar minn 10 %. Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni madankollu kkonfermat espressament li kien meta r-relazzjonijiet bejn il-bejgħ fis-swieq iddominati u t-total ta’ bejgħ fl-istess pajjiż kienu dgħajfa, jew inqas minn 10 %, li hija kkunsidrat li l-kapaċitajiet ta’ ritaljazzjoni mir-rivendituri setgħu jiġu eżerċitati. Matul is-seduta, il-Kummissjoni għal darba oħra kkonfermat dan il-limitu massimu ta’ 10 % sa fejn, fil-fehma tagħha, seta’ jinfluwixxi dan l-effett ta’ firxa ta’ prodotti.

351    Għandu jiġi enfasizzat li din il-parti dwar il-fatturat li tippermetti li jintuża l-effett ta’ firxa ta’ prodotti, li ġiet iffissata għal 10 %, ma għandhiex tiġi konfuża mal-parti relattiva tal-fatturat inqas minn 35 % imsemmija fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-limitu ta’ 35 % indikat fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna, effettivament, il-kwistjoni differenti dwar il-livell li ‘l fuq minnu l-porzjon tal-fatturat miksub fis-swieq iddominati hija ta’ tali ammont li l-partijiet ikunu jistgħu jestendu s-saħħa tagħhom fis-suq għas-swieq l-oħrajn kollha tal-pajjiż ikkonċernat. Fil-premessa 83, il-Kummissjoni kkonstatat li, meta l-porzjonijiet relattivi tal-fatturat ikkombinat tal-partijiet miksub fis-swieq iddominati jkunu inqas minn 35 %, jistgħu jiġu esklużi dubji serji li ser tinħoloq saħħa fis-suq għall-firxa ta’ prodotti kollha għal dawk il-pajjiżi u li b’hekk ma kienx hemm iktar lok li jiġu analizzati s-swieq ta’ prodotti individwali. Minbarra l-fatt li, kif issemma iktar ’il fuq, din il-kwistjoni ma tidhirx li hija rilevanti f’din il-kawża peress li l-istess impenji ġew imposti indipendentement, il-kwistjoni jekk ir-rivendituri humiex f’pożizzjoni li jirritaljaw kontra l-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni jekk jippruvaw jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti li għandhom f’ċerti swieq. Għalkemm il-limitu ta’ 35 % huwa dak li lil hinn minnu l-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm riskju ta’ estensjoni tal-pożizzjoni dominanti fis-swieq ta’ prodotti kollha ta’ pajjiż, il-limitu ta’ 10 % huwa l-limitu li taħtu d-dominanza tal-partijiet f’suq ta’ prodotti hija, skond il-Kummissjoni, ipperikolata mill-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni mir-rivendituri.

352    L-effett ta’ firxa ta’ prodotti kif applikat f’din il-kawża mill-Kummissjoni jeħtieġ l-osservazzjonijiet segwenti.

353    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi mfakkar li, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li kull suq ta’ prodotti jikkostitwixxi suq distint, l-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva għandha, fil-prinċipju, issir suq b’suq. B’hekk, għalkemm kif ġie indikat iktar ’il fuq, jista’ jirriżulta neċessarju li tiġi rfinata l-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ suq ta’ prodotti permezz ta’ informazzjoni dwar swieq ta’ prodotti oħrajn, jew ta’ pajjiżi oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li l-prinċipju huwa li għandha ssir evalwazzjoni awtonoma ta’ kull suq, u li kull deroga jew kwalifikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għandha tkun ibbażata fuq evidenza preċiża u konsistenti li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawk l-interazzjonijiet.

354    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, waqt li l-kunċett ta’ effett ta’ portafoll huwa intiż biex tiġi evalwata l-pożizzjoni kompetittiva reali ta’ entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni u, jekk ikun il-każ, biex jiġi konkluż li hija għandha pożizzjoni dominanti minkejja sehem mis-suq li fih innifsu ma jagħtix lok għal pożizzjoni dominanti, billi jittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss it-total ta’ l-ishma mis-suq rispettivi tal-partijiet, iżda wkoll is-saħħa addizzjonali li tirriżulta mill-fatt li dik l-entità l-ġdida jkollha numru ta’ trade marks importanti u tkun preżenti f’għadd kbir ta’ swieq, l-effett ta’ firxa ta’ prodotti kif invokat mill-Kummissjoni biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ dubji serji fil-pajjiżi mhux koperti mill-impenji huwa intiż, għall-kuntrarju, biex jirrelattivizza s-saħħa ta’ l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni sabiex b’hekk tiġi eliminata l-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti li tirriżulta miż-żieda ta’ l-ishma mis-suq.

355    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li huwa stabbilit li kull waħda miż-żewġ partijiet involuti fil-konċentrazzjoni jgawdu pożizzjonijiet b’saħħithom f’għadd kbir ta’ swieq u għandhom diversi trade marks rinomati. Il-konċentrazzjoni, minbarra li wasslet għal żieda fl-ishma mis-suq, kellha l-effett li tkabbar il-portafoll ta’ trade marks u n-numru ta’ swieq fejn SEB u Moulinex kienu preżenti, biex b’hekk ġiet imsaħħa s-saħħa fis-suq li huma kellhom, b’mod partikolari fil-konfront tal-klijenti rivendituri. F’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni b’hekk irrilevat fid-deċiżjoni kkontestata li l-pożizzjonijiet b’saħħithom li diġà kellhom SEB u Moulinex qabel il-konċentrazzjoni f’għadd kbir ta’ swieq ta’ prodotti ġew imsaħħa ulterjorment mill-kontribut ta’ ishma mis-suq u trade marks f’diversi swieq oħra (ara, b’mod partikolari, il-premessi 46, 47, 50 sa 52, 56, 60, 69, 73, eċċ.)

356    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi l-fondatezza ta’ l-allegazzjoni li kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv fis-swieq iddominati ser jiġi ppenalizzat b’inqas xiri ta’ prodotti ta’ SEB-Moulinex fis-swieq l-oħrajn.

357    Effettivament, kif sostniet De’Longhi matul is-seduta, l-ipoteżi prevista mill-Kummissjoni ta’ kunflitt bejn SEB-Moulinex u r-rivendituri mhijiex iktar plawżibbli minn dik ta’ akkordju bejniethom bil-għan li jiġu mmassimizzati l-interessi rispettivi tagħhom.

358    Il-Kummissjoni, barra minn hekk, lanqas ma wriet kif l-ipoteżi li fuqha hija bbażat, jiġifieri ta’ żieda fil-prezzijiet minn SEB-Moulinex, hija neċessarjament ta’ tali natura li teffettwa l-interessi tar-rivendituri u, b’hekk, li tagħtihom inċentiv biex jirritaljaw kontra SEB-Moulinex.

359    Meta ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-bażi ekonomika li fuqha huwa msejjes il-fattur ta’ “effett ta’ firxa ta’ prodotti”, il-Kummissjoni ammettiet li ma għandhiex studju ekonomiku f’dan ir-rigward. Minbarra referenza għad-deċiżjoni tagħha Guiness/Grand Metropolitan, li, kif ġie indikat iktar ’il fuq, tapplika l-kunċett ferm differenti ta’ effett ta’ portafoll, il-Kummissjoni, fir-realtà, sempliċement ikkonstatat li dak l-argument kien ġie ppreżentat mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni fin-notifika tagħhom.

360    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat biss il-possibbiltà ta’ żieda fil-prezzijiet minn SEB-Moulinex. Madankollu, din ta’ l-aħħar hija kapaċi tadotta tipi oħrajn ta’ aġir antikompetittiv. B’hekk, il-konċentrazzjoni tippermetti b’mod partikolari lill-entità SEB-Moulinex li tikseb ekonomiji ta’ l-iskala u diversi miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni, biex b’hekk tiġġenera tnaqqis fl-ispejjeż li minnu tista’ tapprofitta ruħha per eżempju biex tnaqqas il-prezzijiet, jew biex tagħti marġni ta’ qligħ ikbar lir-rivendituri, sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha. Bl-istess mod, SEB-Moulinex tista’ tħeġġeġ lir-rivendituri biex ineħħu mill-elenku lill-kompetituri tagħha.

361    Finalment, l-affermazzjoni li r-rivendituri jinsabu f’pożizzjoni li jirritaljaw kontra SEB-Moulinex f’każ ta’ żieda fil-prezzijiet hija bbażata fuq premessa mhux ippruvata li r-rivendituri jiddeterminaw l-għażla tal-konsumaturi finali. Peress li r-rivendituri għandhom il-funzjoni li jbiegħu lill-konsumaturi finali l-prodotti li huma jixtru, il-possibibiltà li huma jistgħu jirritaljaw kontra SEB-Moulinex billi jnaqqsu x-xiri tagħhom ta’ prodotti ta’ SEB-Moulinex fis-swieq l-oħrajn għandha tiġi kkwalifikata, u dan wisq iktar meta t-trade mark hija l-fattur ta’ l-għażla ewlieni tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

362    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-effett ta’ firxa ta’ prodotti kif iddefinit mill-Kummissjoni, in kwantu jikkonsisti fil-previżjoni li r-rivendituri jistgħu jirritaljaw kontra kwalunkwe aġir antikompetittiv ta’ l-entità l-ġdida, jammonta għal konstatazzjoni li r-rivendituri ser ikunu f’pożizzjoni li jwaqqfu lil SEB-Moulinex milli tikkommetti abbuż iktar milli prova li l-entità kkombinata mhux ser ikollha pożizzjoni dominanti. L-għan tar-Regolament Nru 4064/89 huwa li jipprojbixxi mhux l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, iżda l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ tali pożizzjoni.

363    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi l-fondatezza tat-teorija tagħha ta’ l-effett ta’ firxa ta’ prodotti kif invokata biex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ dubji serji fil-pajjiżi mhux koperti mill-impenji.

364    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni setgħet tirrikorri għal dik it-teorija biex ma tikkonstatax l-eżistenza ta’ dubji serji f’ċerti swieq minkejja l-pożizzjoni b’saħħitha li għandha l-entità f’dawk is-swieq, abbażi li dawk is-swieq jirrappreżentaw biss porzjon dgħajjef meta mqabbel mas-swieq kollha in kwistjoni, fi kwalunkwe każ kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni s-swieq kollha fejn il-partijiet għandhom pożizzjoni dominanti u b’mod partikolari dawk fejn SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % iżda li għalihom il-Kummissjoni kkonstatat li ma kienx hemm dubji serji minħabba n-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva ta’ l-ishma mis-suq tal-partijiet.

365    Effettivament, anki jekk il-konċentrazzjoni ma toħloqx jew ma ssaħħaħx b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni dominanti li kellha xi waħda mill-partijiet qabel il-konċentrazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-entità l-ġdida għandha tali pożizzjoni dominanti f’dawk is-swieq. In-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni ma jeliminax il-pożizzjoni dominanti. B’hekk, ma jistax jitqies li rivenditur ikun f’pożizzjoni li jirritalja kontra l-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni mwettqa bejn żewġ impriżi li kull waħda minnhom ikollha monopolju f’nofs is-swieq rilevanti.

b)     Fuq il-pajjiżi mhux koperti mill-impenji

366    Issa għandu jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet żviluppati hawn fuq, jekk ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni humiex ta’ tali natura li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni tagħha li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji fir-rigward tas-swieq ta’ prodotti rilevanti fl-Italja, fi Spanja, fil-Finlandja, fir-Renju Unit u fl-Irlanda jew jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħetx tapprova l-konċentrazzjoni mingħajr ma timponi impenji fl-imsemmija swieq ġeografiċi.

367    F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar, kif ġie spjegat iktar ’il fuq fil-punt 315, li l-preżenza, f’suq ġeografiku distint, ta’ suq ta’ prodotti wieħed ikkonċernat fejn il-konċentrazzjoni toħloq dubji serji kienet suffiċjenti, skond id-deċiżjoni kkontestata, biex jiġu imposti ex offiċio impenji għas-swieq ta’ prodotti rilevanti kollha fl-imsemmi suq ġeografiku.

–       Fin-Norveġja

368    Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din tikkonkludi preċiżament li hemm dubji serji f’ċerti swieq ta’ prodotti rilevanti fin-Norveġja u b’hekk tipprevedi li l-impenji għandhom ikopru wkoll lin-Norveġja (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

369    Fuq dan il-punt, huwa ċar li l-motiv huwa fattwalment infondat u b’hekk għandu jiġi miċħud.

–       Fi Spanja

370    Għandu jiġi mfakkar li, skond il-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ishma mis-suq ikkombinati tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni fi Spanja huma bejn 40 u 50 % (li minnhom bejn 5 u 15 % għal SEB) għall-ktieli u bejn 75 u 85 % (li minnhom bejn 0 u 10 % għal SEB) għall-fran portabbli.

371    Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawk il-pożizzjonijiet ferm b’saħħithom ma jippermettux lill-entità l-ġdida li taġixxi b’mod antikompetittiv. Dik il-konklużjoni hija bbażata fuq l-unika kunsiderazzjoni li, “peress li kompetituri bħal De’Longhi, Taurus, Bosch u Philips għandhom pożizzjonijiet sinjifikattivi f’għadd kbir ta’ swieq ta’ prodotti, inkluż fiż-żewġ swieq ta’ prodotti rilevanti […] il-klijenti rivendituri għandhom trade marks alternattivi rinomati sew u huma preżenti fil-firxa ta’ prodotti kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku bħala sostituti għal dawk tal-partijiet”, b’hekk li “kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv f’dawk is-swieq jiġi ppenalizzat b’inqas xiri ta’ prodotti ta’ SEB u Moulinex fis-swieq l-oħrajn fejn l-entità kkombinata tikseb bejn 85 u 95 % tal-fatturat tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

372    Minn dan isegwi li, f’dak is-suq ġeografiku, il-Kummissjoni kkonstatat li mhemmx dubji serji fuq il-bażi ta’ żewġ fatturi, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha u, fit-tieni lok, l-effett ta’ firxa ta’ prodotti.

373    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li għall-kuntrarju ta’ dak li tindika l-Kummissjoni, fis-suq tal-ktieli, għadd ta’ kompetituri, fosthom De’Longhi, Taurus, Bosch u Philips, ma jistax ikollhom pożizzjonijiet sinjifikattivi peress li SEB-Moulinex għandha ishma mis-suq ta’ bejn 75 u 85 %. Effettivament, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq SEB-Moulinex tirriżulta jew minn kompetitur wieħed li għandu sehem mis-suq ta’ mhux iktar minn 20 %, li huwa diġà kważi erba’ darbiet inqas minn dak tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, jew minn diversi kompetituri, li l-ishma mis-suq tagħhom b’hekk huma neċessarjament żgħar ħafna u, fi kwalunkwe każ, ta’ importanza minima meta mqabbla ma’ dawk tal-partijiet. Għaldaqstant għandu jiġi rrilevat li l-entità l-ġdida, f’ebda suq ta’ prodotti, lanqas fil-pajjiżi koperti mill-impenji, ma għandha pożizzjoni daqstant b’saħħitha bħal dik li għandha fis-suq tal-fran portabbli fi Spanja.

374    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li f’din il-kawża l-Kummissjoni ma stabbilixxiet ebda fattur partikolari ta’ tali natura li jispjega li, minkejja ishma mis-suq ta’ bejn 40 u 50 % (minnhom 5 sa 15 % għal SEB) miżmuma mill-partijiet għall-ktieli u ta’ bejn 75 u 85 % (minnhom 0 sa 10 % għal SEB) għall-fran portabbli, il-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji.

375    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-effett ta’ firxa ta’ prodotti, għandu jiġi mfakkar li, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punti 364 u 365, dan ma jippermettix li jiġi kkonstatat li mhemmx dubji serji.

376    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata u fit-tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-effett ta’ firxa ta’ prodotti jippermetti li jiġi kkonstatat li mhemmx dubji serji meta, f’suq ġeografiku partikolari, il-fatturat miksub minn SEB-Moulinex fis-swieq ta’ prodotti rilevanti fejn l-entità kkombinata jkollha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % ikun inqas minn 10 % tal-fatturat totali tagħha fis-swieq ta’ prodotti rilevanti kollha f’dak is-suq ġeografiku, ikollu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li dan kien il-każ fi Spanja.

377    Ċertament, jirriżulta mill-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata li s-swieq tal-ktieli u tal-fran portabbli fi Spanja jirrappreżentaw sa l-iktar bejn 5 u 15 % tal-fatturat totali miksub mill-entità kkombinata fis-swieq kollha tal-prodotti rilevanti fi Spanja. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skond il-premessi 88 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata, l-entità l-ġdida kellha wkoll sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % fis-swieq ta’ l-ikliet informali u tal-miksers ta’ l-ikel. It-tabella Nru 2 fformulata mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk issemmi li s-swieq fejn l-entità SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 %, inklużi s-swieq ta’ l-ikliet informali u tal-miksers ta’ l-ikel, kienu jirrappreżentaw bejn 25 u 35 % tal-bejgħ kollu tagħhom fi Spanja. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punti 364 u 365, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni dawk is-swieq biex tevalwa l-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni min-naħa tar-rivendituri.

378    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-entità SEB-Moulinex għandha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % fuq xejn inqas minn erba’ swieq ta’ prodotti rilevanti fi Spanja. Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni setgħu jinqasmu f’erba’ kategoriji, jiġifieri Franza, fejn l-eżami kien ġie rrinvjat lill-awtoritajiet nazzjonali, il-pajjiżi fejn il-konċentrazzjoni biddlet il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni biss marġinalment, il-pajjiżi fejn il-konċentrazzjoni kienet tagħti lok għal dubji serji biss f’ċertu numru ta’ swieq ta’ prodotti, u, finalment, l-erba’ pajjiżi (il-Portugall, il-Greċja, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi) fejn il-konċentrazzjoni kienet twassal għal kombinament ta’ ishma mis-suq f’livelli xi kultant għoljin f’parti kbira mill-kategoriji ta’ prodotti rilevanti, b’hekk li l-partijiet jkunu jistgħu jestendu s-saħħa tagħhom fis-suq għas-swieq rilevanti l-oħrajn kollha. Madankollu, SEB-Moulinex għandha fi Spanja ishma mis-suq ta’ iktar minn 40 % f’xejn inqas minn erba’ swieq ta’ prodotti, jiġifieri l-istess numru ta’ swieq ta’ prodotti daqs fil-Greċja, li madankollu huwa wieħed mill-pajjiżi fejn il-Kummissjoni dehrilha li l-konċentrazzjoni toħloq dubji serji f’numru kbir ta’ swieq.

379    Finalment, kif argumentaw ġustament De’Longhi u r-rikorrenti matul is-seduta, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-effett ta’ portafoll maħluq mill-konċentrazzjoni u, b’mod partikolari, il-fatt li dan ippermetta li l-pożizzjonijiet b’saħħithom li kellha SEB fis-swieq tal-ktieli, ta’ l-ikliet informali u tal-ħadid tal-mogħdija jirfdu dawk ta’ Moulinex fis-swieq tal-magni tax-xiwi tal-ħobż, tal-magni tal-kafè, tal-fran portabbli u tal-miksers ta’ l-ikel. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għalfejn il-fatt li l-entità l-ġdida ser ikollha, minħabba l-konċentrazzjoni, firxa ta’ erba’ trade marks mhuwiex ta’ tali natura li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq waqt li, f’diversi okkażjonijiet, fis-swieq ġeografiċi koperti mill-impenji, il-Kummissjoni enfasizzat li SEB-Moulinex għandha żewġ trade marks waqt li l-kompetituri tagħha għandhom biss waħda.

380    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-fatturi applikati fil-premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux lill-Kummissjoni tikkonstata li mhemmx dubji serji fis-swieq tal-ktieli u tal-fran portabbli fi Spanja.

–       Fil-Finlandja

381    Għandu jiġi mfakkar li, skond il-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni huwa bejn 45 u 55 % għas-suq Finlandiż tal-magni tax-xiwi tal-ħobż. Għalkemm dan is-sehem mis-suq huwa ogħla mil-limitu minimu ta’ 40 %, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma kinitx toħloq dubji serji f’dak il-pajjiż, peress li, minħabba l-preżenza ta’ kompetituri bħal Philips u Bosch, kull tentattiv ta’ aġir antikompetittiv fis-suq jagħti lok għar-riskju ta’ ritaljazzjoni permezz ta’ inqas xiri tal-prodotti ta’ SEB-Moulinex fis-swieq l-oħrajn fejn l-entità kkombinata tikseb bejn 85 u 95 % tal-fatturat tagħha.

382    Minn dan isegwi li, f’dak is-suq ġeografiku, huwa biss b’applikazzjoni ta’ l-effett ta’ firxa ta’ prodotti li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-konċentrazzjoni ma toħloqx dubji serji fis-suq tal-magni tax-xiwi tal-ħobż fil-Finlandja. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punti 364 u 365, l-effett ta’ firxa ta’ prodotti ma jippermettix li jiġi kkonstatat li mhemmx dubji serji.

383    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata u fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-effett ta’ firxa ta’ prodotti ppermetta l-konstatazzjoni li ma kienx hemm dubji serji meta, f’suq ġeografiku partikolari, il-fatturat miksub minn SEB-Moulinex fis-swieq ta’ prodotti rilevanti fejn l-entità kkombinata kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % kien inqas minn 10 % tal-fatturat totali tagħha fis-swieq kollha ta’ prodotti rilevanti f’dak is-suq ġeografiku, ikollu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li dan kien il-każ fil-Finlandja.

384    Effettivament, għalkemm skond il-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-magni tax-xiwi tal-ħobż jirrappreżenta biss bejn 5 u 15 % tal-fatturat miksub mill-entità l-ġdida fis-swieq kollha ta’ prodotti rilevanti fil-Finlandja, għandu jiġi rrilevat madankollu li l-entità l-ġdida kellha wkoll sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % fis-swieq Finlandiżi tal-magni ta’ l-espresso (bejn 40 u 50 %), tal-fran portabbli (bejn 35 u 45 %), u tal-barbeques (bejn 40 u 50 %) (premessi 87, 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tabella Nru 2 fformulata mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk issemmi li s-swieq fejn SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 %, inklużi s-swieq tal-magni ta’ l-espresso, tal-fran portabbli u tal-barbeques, kienu jirrappreżentaw bejn 10 u 20 % tal-bejgħ tagħhom kollu fil-Finlandja. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punti 364 u 365, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni dawk is-swieq biex tevalwa l-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni mir-rivendituri.

385    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-entità SEB-Moulinex għandha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % fuq xejn inqas minn erba’ swieq ta’ prodotti rilevanti fil-Finlandja, jew fl-istess ammont ta’ swieq ta’ prodotti daqs fil-Greċja, li tagħmel parti mill-pajjiżi fejn il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-konċentrazzjoni toħloq dubji serji f’numru kbir ta’ swieq.

386    Finalment, kif argumentaw ġustament De’Longhi u r-rikorrenti matul is-seduta, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-effett ta’ portafoll maħluq mill-konċentrazzjoni u, b’mod partikolari, il-fatt li dan ippermetta li l-pożizzjonijiet b’saħħithom li kellha SEB fis-swieq tal-barbeques u tal-magni tax-xiwi tal-ħobż jirfdu dawk ta’ Moulinex fis-swieq tal-fran portabbli, tal-magni tal-kafè, tal-magni ta’ l-espresso, tal-miksers ta’ l-ikel u tal-magni tax-xiwi tal-ħobż. Bl-istess mod, id-deċiżjoni ma tispjegax għalfejn il-fatt li l-entità l-ġdida ser ikollha, minħabba l-konċentrazzjoni, firxa ta’ erba’ trade marks mhuwiex ta’ tali natura li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq waqt li, f’diversi okkażjonijiet, fis-swieq ġeografiċi koperti mill-impenji, il-Kummissjoni enfasizzat li SEB-Moulinex għandha żewġ trade marks waqt li l-kompetituri tagħha għandhom biss waħda.

387    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-fatturi applikati fil-premessi 87, 90, 91 u 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux lill-Kummissjoni li tikkonstata li mhemmx dubji serji fis-swieq tal-fran portabbli, ta’ l-espresso, tal-barbeques u tal-magni tax-xiwi tal-ħobż fil-Finlandja.

–       Fl-Italja

388    Għandu jiġi mfakkar li, skond il-premessi 121 sa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, l-entità l-ġdida ser ikollha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % fl-Italja fi tliet swieq ta’ prodotti, jiġifieri dak tal-miksers ta’ l-ikel, dak ta’ l-ikliet informali u dak tal-ktieli.

389    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, is-suq tal-miksers ta’ l-ikel, il-Kummissjoni b’hekk ikkonstatat, fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ishma mis-suq ikkombinati tal-partijiet kienu bejn 40 u 50 %, li minnhom bejn 0 u 10 % għal SEB, li l-partijiet kien ser ikollhom kompetizzjoni b’mod partikolari minn Braun (bejn 10 u 20 %), minn Philips (bejn 0 u 10 %) u minn De’Longhi (bejn 0 u 10 %) u kkonkludiet li l-konċentrazzjoni kien ser ikollha impatt żgħir fuq il-kompetizzjoni billi telimina lir-raba’ operatur fis-suq.

390    Minn dan isegwi li wieħed biss mill-fatturi ppreżentati mill-Kummissjoni wassalha biex tikkonstata li ma kienx hemm dubji serji fl-Italja, jiġifieri, il-pożizzjoni fis-suq ta’ l-entità amalgamata fil-konfront tal-kompetituri tagħha.

391    Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 329, ħlief jekk jintwera li l-imsemmija kompetituri kellhom pożizzjoni b’saħħitha biex b’hekk ikunu jistgħu jeżerċitaw kontropiż reali fil-konfront ta’ SEB-Moulinex, il-fatt li l-entità SEB-Moulinex ser ikollha taffronta tliet kompetituri huwa fih innifsu irrilevanti f’suq fejn il-leader kellu sehem mis-suq ta’ bejn 40 u 50 %.

392    F’din il-kawża, tnejn mit-tliet kompetituri msemmija fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel, jiġifieri Philips u De’Longhi, kellhom biss pożizzjoni marġinali ta’ bejn 0 u 10 %. Ir-raba’ waħda, jiġifieri Braun, kellha sehem mis-suq iktar rappreżentattiva ta’ bejn 10 u 20 %, iżda dan xorta huwa bejn darbtejn u erba’ darbiet inqas minn dak ta’ l-entità l-ġdida. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala indikatur ta’ l-eżistenza ta’ dubji serji, b’mod partikolari fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida fil-Portugall, il-fatt li l-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni kienu leaders tas-suq b’ishma mis-suq ta’ mill-inqas darbtejn ikbar minn dawk tal-kompetitur fit-tieni post.

393    Bl-istess mod, il-fatt li konċentrazzjoni ser ikollha impatt żgħir fuq il-kompetizzjoni billi telimina lir-raba’ operatur fis-suq ma jidhirx li huwa konvinċenti. Fil-fatt, SEB kellha biss sehem mis-suq żgħir (bejn 0 u 10 %), bl-istess mod bħal tnejn mill-kompetituri ta’ Moulinex, jiġifieri Philips u De’Longhi, u Braun kellha sehem mis-suq ikbar, għalkemm bi ftit. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eliminazzjoni tar-raba’ kompetitur ma tipproduċix effetti sostanzjalment differenti minn dawk li kienu ser jirriżultaw mill-eliminazzjoni tat-tieni jew tat-tielet kompetitur.

394    Għaldaqstant, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-fattur applikat fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix lill-Kummissjoni li tikkonstata li ma kienx hemm dubji serji fis-suq tal-miksers ta’ l-ikel fl-Italja.

395    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, is-suq ta’ l-ikliet informali, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sehem ikkombinat tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni kien bejn 40 u 50 % (li minnhom bejn 0 u 10 % għal Moulinex), u li Philips b’sehem mis-suq ta’ bejn 0 u 10 % kienet l-unika kompetitriċi identifikata mill-partijiet. Fir-rigward tas-suq tal-ktieli, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sehem ikkombinat tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni kien ta’ bejn 65 u 75 % (li minnhom bejn 15 u 25 % għal Moulinex), waqt li De’Longhi, Philips u Braun ilkoll kellhom bejn 0 sa 10 %. Madankollu, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li peress li s-swieq tal-ktieli u ta’ l-ikliet informali kienu jirrappreżentaw biss bejn 0 u 5 % kull wieħed tal-valur tal-“kategorija tal-kċina” kollha ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku, il-klijenti rivendituri kien ser ikollhom il-possibbiltà li jirritaljaw kontra kwalunkwe tentattiv ta’ aġir antikompetittiv f’dawk is-swieq b’inqas xiri ta’ prodotti ta’ SEB-Moulinex fis-swieq l-oħrajn fejn l-entità kkombinata tikseb bejn 90 u 100 % tal-fatturat tagħha. Skond il-Kummissjoni, minħabba dik il-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni ma jibqax profittabbli għall-partijiet li jżidu l-prezzijiet tagħhom fiż-żewġ swieq rilevanti.

396    Minn dan isegwi li, f’dak is-suq, il-Kummissjoni kkonstatat li mhemmx dubji serji unikament fuq il-bażi ta’ l-effett ta’ firxa ta’ prodotti. Ċertament, il-Kummissjoni semmiet, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata fil-konfront tal-kompetituri tagħha. Madankollu, dak il-fattur ma wassalx lill-Kummissjoni biex tikkonstata li ma kienx hemm dubji serji fis-swieq rilevanti. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża fuq dak il-fattur. Effettivament, fir-rigward tas-suq ta’ l-ikliet informali, għandu jiġi rrilevat li, b’kuntrast mas-suq tal-miksers ta’ l-ikel, il-Kummissjoni identifikat biss kompetitur wieħed u mhux tlieta. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni tgħaqqad lill-ewwel żewġ operaturi fis-suq, peress li kemm Moulinex kif ukoll Philips kellhom sehem mis-suq ta’ bejn 0 u 10 %. Fir-rigward tas-suq tal-ktieli, l-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jidhrux li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ dubji serji in kwantu, għalkemm huwa minnu li jibqa’ tliet kompetituri, il-konċentrazzjoni tgħaqqad lill-ewwel żewġ operaturi fis-suq, li ser ikollhom sehem mis-suq ta’ bejn 65 u 75 %, jew kważi tliet kwarti tas-suq.

397    Fir-rigward ta’ l-effett ta’ firxa ta’ prodotti, issemmew iktar ’il fuq fil-punti 364 u 365 ir-raġunijiet għalfejn dan ma setax jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata li ma kienx hemm dubji serji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li fl-Italja De’Longhi kienet il-leader f’erba’ swieq oħrajn ta’ prodotti rilevanti u li Saeco kellha sehem mis-suq ta’ bejn 60 u 70 % fis-suq tal-magni ta’ l-espresso mhuwiex rilevanti. Effettivament, per definizzjoni, il-fatt li SEB-Moulinex ma kellhiex sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % barra mis-swieq tal-miksers ta’ l-ikel, ta’ l-ikliet informali u tal-ktieli neċessarjament ifisser li, f’dawk is-swieq l-oħrajn, operaturi oħrajn aktarx kellhom pożizzjonijiet b’saħħithom.

398    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata u fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-effett ta’ firxa ta’ prodotti jippermetti li jiġi kkonstatat li mhemmx dubji serji meta, f’suq ġeografiku partikolari, il-fatturat miksub minn SEB-Moulinex fis-swieq ta’ prodotti rilevanti fejn l-entità kkombinata jkollha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % ikun inqas minn 10 % tal-fatturat totali tagħha fis-swieq ta’ prodotti rilevanti kollha f’dak is-suq ġeografiku, ikollu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li dan kien il-każ fl-Italja.

399    Ċertament, jirriżulta mill-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata li s-swieq ta’ l-ikliet informali u tal-ktieli fl-Italja jirrappreżentaw sa l-iktar bejn 0 u 10 % tal-fatturat totali miksub mill-entità kkombinata fis-swieq kollha tal-prodotti rilevanti fl-Italja. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skond il-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, l-entità l-ġdida kellha wkoll sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 % fis-swieq tal-miksers ta’ l-ikel. It-tabella Nru 2 ifformulata mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk issemmi li s-swieq fejn l-entità SEB-Moulinex kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 %, inklużi s-swieq tal-miksers ta’ l-ikel, kienu jirrappreżentaw bejn 25 u 35 %, u saħansitra bejn 30 u 40 % skond it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-bejgħ tagħhom kollu fl-Italja. Minbarra l-fatt li, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata li ma kienx hemm dubji serji f’dak is-suq ta’ prodotti rilevanti fuq il-bażi ta’ l-uniku kriterju applikat fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kien imissha, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, tieħu in kunsiderazzjoni dak is-suq biex tevalwa l-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni mir-rivendituri, peress li l-entità l-ġdida kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 40 %.

400    Finalment, kif argumentaw ġustament De’Longhi u r-rikorrenti matul is-seduta, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-effett ta’ portafoll maħluq mill-konċentrazzjoni u, b’mod partikolari, il-fatt li dan ippermetta li l-pożizzjonijiet b’saħħithom li kellha SEB fis-swieq tal-ktieli, ta’ l-ikliet informali, tal-barbeques u tal-ħadid tal-mogħdija jirfdu dawk ta’ Moulinex fis-swieq tal-magni tal-kafè, tal-ktieli, ta’ l-apparat tat-tisjir bil-fwar u tal-miksers ta’ l-ikel. Bl-istess mod, id-deċiżjoni ma tispjegax għalfejn il-fatt li l-entità l-ġdida ser ikollha, minħabba l-konċentrazzjoni, firxa ta’ erba’ trade marks mhuwiex ta’ tali natura li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq waqt li, f’diversi okkażjonijiet, fis-swieq ġeografiċi koperti mill-impenji, il-Kummissjoni enfasizzat li SEB-Moulinex għandha żewġ trade marks waqt li l-kompetituri tagħha għandhom biss waħda.

401    Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi konkluż li l-fattur applikat fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix lill-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ dubji serji fis-swieq ta’ l-ikliet informali u tal-ktieli fl-Italja.

402    Għaldaqstant, fir-rigward ta’ l-Italja, il-motiv huwa fondat.

–       Fir-Renju Unit u fl-Irlanda

403    Għandu jiġi mfakkar li, skond il-premessi 125 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni għandhom sehem mis-suq akkumulat ta’ bejn 35 u 45 % fis-suq tal-ħadid tal-mogħdija u ta’ l-apparat tal-mogħdija bil-fwar fir-Renju Unit u fl-Irlanda. Kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tabella Nru 2 ipprovduta mill-Kummissjoni, dak is-sehem mis-suq huwa ikbar minn 40 %. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma tagħtix lok għal dubji serji fir-Renju Unit u fl-Irlanda peress li, minn naħa waħda, tbiddel biss “marġinalment il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni b’żieda żgħira ta’ l-ishma mis-suq” (żieda ta’ bejn 0 u 5 %) u, min-naħa l-oħra, billi “il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni ser jikkompetu b’mod partikolari ma’ Philips (sehem mis-suq ta’ bejn 15 u 25 %)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

404    Minn dan isegwi li, f’dak is-suq ġeografiku, il-Kummissjoni kkonstatat li mhemmx dubji serji fuq il-bażi ta’ żewġ fatturi, jiġifieri, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva u, fit-tieni lok, il-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

405    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva, għandu jiġi mfakkar li, minħabba n-natura vaga ta’ l-informazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tistħarreġ jekk dak il-fattur jippermettix li jiġi kkonstatat li mhemmx dubji serji. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk iż-żieda ta’ ishma mis-suq hija żgħira, hija madankollu suffiċjenti biex jinħoloq sehem mis-suq ikbar mil-limitu minimu ta’ dominanza ta’ 40 % adottat fid-deċiżjoni.

406    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-pożizzjoni ta’ l-entità amalgamata f’relazzjoni mal-kompetituri tagħha, Philips hija waħda mill-erba’ operaturi identifikati fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata bħala li għandha kemm firxa ta’ prodotti wiesgħa fis-settur ta’ l-apparat domestiku żgħir ta’ l-elettriku kif ukoll preżenza pan-Ewropea, u li l-fatt li hija preżenti fis-suq in kwistjoni ma jikkostitwixxix element partikolari. Bl-istess mod, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, mhuwiex konċepibbli li impriża li jkollha sehem mis-suq ta’ madwar 40 % ma jkollhiex kompetituri.

407    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Kummissjoni enfasizzat iż-żieda żgħira ta’ ishma mis-suq għall-ħadid tal-mogħdija u l-apparat tal-mogħdija bil-fwar, hija, min-naħa l-oħra, kif sostniet ġustament ir-rikorrenti, naqset milli tanalizza l-impatt fuq il-kompetizzjoni tal-konġunzjoni ta’ pożizzjonijiet sinjifikattivi ta’ SEB-Moulinex f’għadd kbir ta’ swieq u, b’mod partikolari, fis-suq ta’ l-apparat tal-qali (fejn SEB żiedet minn 15 sa 25 % għal 30 sa 40 %), fis-suq ta’ l-apparat tat-tisjir bil-fwar (fejn SEB żiedet minn 25 sa 35 % għal 35 sa 40 %), fis-suq ta’ l-ikliet informali (fejn SEB żiedet minn 15 sa 25 % għal 25 sa 35 %) u fis-suq tal-magni ta’ l-espresso (fejn SEB żiedet minn 0 sa 10 % għal 20 sa 30 %). Għalkemm l-entità l-ġdida ma laħqet il-limitu minimu ta’ dominanza f’ebda wieħed minn dawk is-swieq, li b’hekk ma jagħtux lok għal dubji serji, dik is-saħħa sinjifikattiva f’għadd kbir ta’ swieq hija madankollu ta’ tali natura, meta jitqies l-effett ta’ portafoll deskritt iktar ’il fuq, li ssaħħaħ id-dominanza li hija għandha fis-suq tal-ħadid tal-mogħdija u ta’ l-apparat tal-mogħdija bil-fwar.

408    Finalment, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma applikatx għas-suq ġeografiku kkonċernat il-kriterju tal-fatturat relattiv li hija min-naħa l-oħra adottat fl-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq ġeografiċi l-oħrajn fl-istadju ta’ l-applikazzjoni ta’ l-effett ta’ firxa ta’ prodotti. Effettivament, għalkemm hija kkonstatat, b’mod żbaljat, li kien hemm dubji serji fis-swieq ta’ prodotti rilevanti fl-Italja, fi Spanja u fil-Finlandja, abbażi li s-swieq ta’ prodotti rilevanti fejn SEB-Moulinex kellha pożizzjoni dominanti kienu jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-fatturat totali tagħhom fis-swieq kollha ta’ prodotti rilevanti f’dawk is-swieq ġeografiċi, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, ma dderivat ebda konsegwenza mill-fatt li s-suq tal-ħadid tal-mogħdija u ta’ l-apparat tal-mogħdija bil-fwar kien jirrappreżenta bejn 35 sa 40 % tal-fatturat totali miksub minn SEB-Moulinex fis-swieq kollha ta’ prodotti rilevanti fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

409    Finalment, kif sostnew ġustament De’Longhi u r-rikorrenti matul is-seduta, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-effett ta’ portafoll maħluq mill-konċentrazzjoni u, b’mod partikolari, il-fatt li dan ippermetta li l-pożizzjonijiet b’saħħithom ta’ SEB fis-swieq ta’ l-apparat tal-qali, tal-fran portabbli, ta’ l-ikliet informali, ta’ l-apparat tat-tisjir bil-fwar u tal-ħadid tal-mogħdija jirfdu l-pożizzjonijiet ta’ Moulinex fis-swieq ta’ l-apparat tal-qali, tal-magni ta’ l-espresso u tal-miksers ta’ l-ikel. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għalfejn il-fatt li l-entità l-ġdida ser ikollha firxa ta’ ħames trade marks, bħala konsegwenza tal-konċentrazzjoni, mhux ser isaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq waqt li, f’diversi okkażjonijiet, fis-swieq ġeografiċi koperti mill-impenji, il-Kummissjoni enfasizzat li SEB-Moulinex għandha żewġ trade marks waqt li l-kompetituri tagħha għandhom biss waħda.

410    Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi konkluż li l-fatturi applikati fil-premessi 125 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux lill-Kummissjoni li tikkonstata li mhemmx dubji serji fis-suq tal-ħadid tal-mogħdija u ta’ l-apparat tal-mogħdija bil-fwar fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

c)     Konklużjoni

411    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fir-rigward tas-swieq fl-Italja, fi Spanja, fil-Finlandja, fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

 Fuq l-ilment li l-impenji jaqsmu s-suq tat-trade mark Moulinex


A –  Argumenti tal-partijiet

412    Matul is-seduta, De’Longhi sostniet, għall-ewwel darba, li l-impenji aċċettati fid-deċiżjoni kkontestata jwasslu għal qsim tas-suq fir-rigward tat-trade mark Moulinex. Hija tenfasizza li dak il-qsim tas-suq huwa msaħħaħ mill-aħħar subparagrafu tal-punt 1(c) ta’ l-impenji, li jipprojbixxi lil dawk li jirċievu l-liċenzja milli jesportaw il-prodotti li huma jikkummerċjalizzaw bit-trade mark Moulinex fit-territorji ta’ l-oħrajn li jirċievu l-liċenzja u dawk ta’ SEB.

413    Skond De’Longhi, tali qsim tas-suq mhuwiex kopert mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 240/96, tal-31 ta’ Jannar 1996, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 31, p. 2), u, bħala konsegwenza, huwa pprojbit mill-Artikolu 81(1).

414    Peress li De’Longhi ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-problema matul il-proċedura amministrattiva, hija tal-fehma li l-Kummissjoni kien imissha vverifikat jekk l-impenji kinux joħolqu dubju f’dan ir-rigward.

415    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn SEB, titlob li l-argumenti ta’ De’Longhi jiġu miċħuda.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

416    Għandu jiġi osservat li, in kwantu ssostni li l-impenji jwettqu qsim tas-suq tat-trade mark Moulinex, De’Longhi qed tinvoka motiv li ma ġiex imqajjem mir-rikorrenti.

417    Għalkemm it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux li intervenjenti tippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li hija ssostni, għax inkella l-intervent tagħha jkun limitat għal ripetizzjoni ta’ l-argumenti ppreżentati fir-rikors, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettulha timmodifika jew tbiddel il-kuntest tal-kawża ddefinit mir-rikors billi jitqajmu motivi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L‑Awtorità l-Għolja, 30/59, Ġabra p. 3, punt 37; ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 22, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il‑Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643, punt 32; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punt 21; tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 75; ta’ l-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 183; u tat-28 ta’ Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑395/94, Ġabra p. II‑875, punt 382).

418    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-partijiet intervenjenti jridu, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jidħlu fil-kawża in statu et terminis u t-talbiet tar-rikors tagħhom għal intervent ma jistax ikollhom, skond l-Artikolu 40(4) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, objettivi oħra ħlief is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali, De’Longhi, bħala intervenjenti, ma għandhiex il-kwalità biex tqajjem dan il-motiv dwar qsim tas-suq imwettaq mill-impenji. Għaldaqstant, dan il-motiv imqajjem minn De’Longhi għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

419    Fi kwalunkwe każ, anki jekk huwa ammissibbli ─ quod non ─ il-motiv imqajjem minn De’Longhi mhuwiex fondat.

420    Jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 4064/89 li, meta fil-kuntest ta’ l-eżami tagħha tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, il-Kummissjoni tevalwa jekk operazzjoni ta’ konċentrazzjoni toħloqx jew issaħħaħx pożizzjoni dominanti fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dik id-dispożizzjoni, hija għandha “[tikkunsidra] il-bżonn li tippriserva u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni bil-ħsieb, fost affarijiet oħra, ta’ l-istruttura tas-swieq kollha konċernati u l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi oħra fil-Komunità jew barra mill-Komunità”.

421    Għaldaqstant huwa minnu, kif sostniet De’Longhi, li l-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, taċċetta impenji li jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat in kwantu dawn ifixklu l-preżervazzjoni jew l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawk l-impenji b’mod partikolari skond il-kriterji ta’ l-Artikolu 81(1) u (3) KE (li, b’referenza għall-Artikolu 83 KE, jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet ġuridiċi tar-Regolament Nru 4064/89) (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal + vs Il‑Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punt 85).

422    Madankollu, f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li skond l-aħħar subparagrafu tal-punt 1(c) ta’ l-impenji, huwa previst li “dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja jintrabtu lijikkummerċjalizzaw il-prodotti bit-trade mark Moulinex biss fit-territorju jew territorji mogħtija lilhom u li għalihom ikunu ddestinati l-prodotti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni De’Longhi, ma jirriżultax mit-termini ta’ dik il-klawżola li l-impenji jimponu b’mod espliċitu projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni lil dawk li jirċievu l-liċenzja tat-trade mark Moulinex lejn l-Istati Membri l-oħrajn. L-imsemmija klawżola tista’ fil-fatt tiġi interpretata li sempliċement tobbliga lil dawk li jirċievu l-liċenzja biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti bit-trade mark Moulinex fit-territorju li jkun ingħatalhom. Klawżola li ġġiegħel lil min jirċievi l-liċenzja biex jikkonċentra l-bejgħ ta’ prodotti koperti bil-liċenzji fit-territorju tiegħu ma għandhiex, fil-prinċipju, l-iskop jew l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

423    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, anki kieku l-klawżola in kwistjoni kellha tiġi interpretata, kif issostni De’Longhi, fis-sens li tipprojbixxi lil dawk li jirċievu l-liċenzja milli jesportaw il-prodotti bit-trade mark Moulinex lejn Stati Membri oħrajn, De’Longhi ma tistabbilixxix kif dik il-klawżola tmur kontra, f’din il-kawża, l-Artikolu 81(1) KE. Effettivament, De’Longhi ma tispjegax kif, meta titqies id-dimensjoni ġeografika nazzjonali tas-swieq ta’ prodotti rilevanti u fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet paralleli sinjifikattivi bejn l-Istati Membri, il-klawżola in kwistjoni tista’ tirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti tal-Komunità jew teffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Hija ġurisprudenza stabbilita li, anki meta akkordju jkun jinkludi protezzjoni territorjali assoluta, dan jista’ ma jaqax taħt il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE jekk ikun jeffettwa s-suq biss b’mod insinjifikattiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punt 7; tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 85, u tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punt 17).

424    Barra minn hekk, De’Longhi ma tistabbilixxix li min jirċievi l-liċenzja tat-trade mark Moulinex li ma jkunx protett kontra l-kompetizzjoni ta’ mill-inqas attiva minn oħrajn li jirċievu l-liċenzja għall-ispazju territorjali li jkun ingħatalu jista’ jasal biex jaċċetta r-riskju tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’dik it-trade mark f’“co-branding” mat-trade mark tiegħu stess. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-objettiv ta’ l-impenji huwa li jippermetti lil dawk li jirċievu l-liċenzja, matul perijodu tranżitorju li matulu jkollhom dritt li jużaw it-trade mark tagħhom f’assoċjazzjoni mat-trade mark Moulinex, li jeqilbu lill-klijenti tal-prodotti tat-trade mark Moulinex lejn it-trade mark tagħhom stess, biex b’hekk it-trade marks ta’ dawk li jirċievu l-liċenzja jkunu f’pożizzjoni li jikkompetu b’mod effettiv kontra t-trade mark Moulinex wara dak il-perijodu tranżitorju, meta SEB jerġa’ jkollha d-dritt li tuża t-trade mark Moulinex fid-disa’ Stati Membri kkonċernati. Għandu jiġi rikonoxxut li, f’tali kuntest, in-nuqqas ta’ kwalunkwe protezzjoni ta’ dawk li jirċievu l-liċenzja kontra l-kompetizzjoni, ta’ mill-inqas attiva, min-naħa ta’ l-oħrajn li jirċievu l-liċenzja tista’ tagħmel ħsara lit-tisħiħ tat-trade marks kompetitituri tat-trade mark Moulinex u b’hekk tista’ tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat fit-territorju tal-Komunità. Bħala konsegwenza, il-previżjonijiet tal-klawżola in kwistjoni ma għandhomx jitqiesu, in kwantu jipprojbixxu l-bejgħ attiv, li neċessarjament jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 1982, Nungesser u Eisele vs Il‑Kummissjoni, 258/78, Ġabra p. 2015, punt 57, u tas-6 ta’ Ottubru 1982, Coditel, 262/81, Ġabra p. 3381, punt 15).

425    Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-ilment ta’ De’Longhi dwar il-qsim tas-suq imwettaq mill-impenji huwa inammissibbli u fi kwalunkwe każ infondat.

IV –  Fuq ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi in kwantu ma eżaminatx jekk il-prezz nominali mħallas minn SEB għax-xiri ta’ Moulinex u l-għajnuna finanzjarja pprovduta mir-Repubblika Franċiża kinux ta’ tali natura li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ SEB fis-swieq rilevanti għad-detriment tal-kompetituri tagħha

 Argumenti tal-partijiet

426    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi in kwantu ma eżaminatx jekk il-prezz nominali mħallas minn SEB għax-xiri ta’ Moulinex u l-għajnuna finanzjarja mill-Istat Franċiż kinux ta’ tali natura li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ SEB fis-swieq rilevanti għad-detriment tal-kompetituri tagħha.

427    Hija tikkonstata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement irrilevat, mingħajr ma tat dettalji, li fid-dawl ta’ eżami preliminari ta’ l-iskema prevista mill-awtoritajiet Franċiżi ma kienx jidher li l-interventi pubbliċi previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment huma miżuri li jibbenefikaw lil SEB. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-prezz nominali mħallas minn SEB kien manifestament ta’ tali natura li jippermetti tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida, wara l-konċentrazzjoni.

428    Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2001, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni (T‑156/98, Ġabra p. II‑337), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, in kwantu din ta’ l-aħħar ma kinitx eżaminat jekk, u sa liema grad, is-saħħa kummerċjali ta’ l-entità l-ġdida segħet tiġi msaħħa bil-prezz nominali ta’ l-akkwist. Il-Kummissjoni b’hekk għandha l-obbligu li tiddetermina jekk il-livell tal-prezz ta’ l-akkwist huwiex ta’ tali natura li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida wara l-konċentrazzjoni, irrispettivament minn jekk il-modalitajiet ta’ finanzjament jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens tat-Trattat jew le.

429    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kienet perfettament infurmata dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-pjan ta’ xiri ta’ SEB. B’mod partikolari, hija kienet taf bl-isproporzjon evidenti bejn il-prezz ta’ l-akkwist ta’ Moulinex (EUR 15-il miljun) u l-valur reali ta’ l-assi mixtrija (stmati għal iktar minn EUR 850 miljun). Il-Kummissjoni kienet taf ukoll li dak l-isproporzjon kien spjegat b’mod partikolari mill-fatt li r-Repubblika Franċiża aċċettat li tassumi l-piż ta’ l-indennizzi għas-sensji, biex b’hekk jitnaqqsu d-djun ta’ Moulinex waqt li SEB tkun tista’, minn naħa waħda, tixtri lil din ta’ l-aħħar bi prezz li b’ebda mod ma jirrifletti l-valur reali tal-kumpannija u, min-naħa l-oħra, ikollha fondi addizzjonali biex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq.

430    Bħala paragun, ir-rikorrenti tenfasizza li:

–        hija inizjalment kienet ifformulat offerta ta’ xiri għall-ammont ta’ EUR 100 miljun għall-uniċi assi ta’ Krups (jew ammont kważi seba’ darbiet inqas minn dak offrut minn SEB għall-attivitajiet kollha ta’ Krups u Moulinex);

–        hija ppreżentat lill-Kummissjoni, b’ittra tad-29 ta’ Novembru 2001, offerta li tintegra x-xiri ta’ l-impjegati kollha ta’ Moulinex, waqt li ppreċiżat li, fl-ipoteżi fejn l-objettiv ta’ profitabbiltà mixtieq ma jkunx jista’ jintlaħaq, hija tkun tista’ tipproċedi għat-tnaqqis ta’ impjegati. Jirriżulta minn dawk in-negozjati li t-tkeċċija tat-3 600 impjegat li ma ġewx mixtrija minn SEB kienet ta’ tali natura li toħloq piż finanzjarju ta’ madwar EUR 175 miljun;

–        hija ssottomettiet lill-amministraturi ġudizzjarji ta’ Moulinex offerta ta’ xiri fir-rigward ta’ l-assi ta’ Moulinex mhux mixtrija minn SEB għal prezz ta’ EUR 150 000.

431    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-kundizzjonijiet finanzjarji partikolarment vantaġġużi tax-xiri ta’ Moulinex minn SEB ippermettew lil din ta’ l-aħħar li tibbenefika mis-sinerġiji maħluqa minn operazzjoni ta’ tkabbir estern mingħajr ma jkollha għalfejn tagħmel tajjeb għall-ispejjeż assoċjati magħha. Il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi bbenefikaw b’mod ċar lil SEB in kwantu ppermettewla tuża, fil-kuntest ta’ l-attività kummerċjali tagħha, ir-riżorsi finanzjarji li normalment kien ikollha talloka għall-akkwist ta’ Moulinex.

432    Konsegwentement, ir-rikorrenti hija tal-fehma li, anki jekk ma kienx neċessarju li tistabbilixxi jekk l-għajnuna finanzjarja pubblika kinitx tikkostitwixxi jew le għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji tax-xiri ta’ Moulinex kinux, fihom infushom, direttament jew indirettament ta’ natura li jsaħħu l-pożizzjoni fis-suq ta’ l-entità l-ġdida SEB-Moulinex.

433    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi meta llimitat ruħha għal “eżami preliminari” ta’ l-impatt tal-miżuri ta’ finanzjament meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi u meta kkonkludiet, fuq il-bażi ta’ analiżi superfiċjali, “li l-interventi pubbliċi previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment” ma kinux ibbenefikaw lil SEB.

434    Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv huwa manifestament infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

435    Essenzjalment, ir-rikorrenti tqajjem żewġ ilmenti. Hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx jekk SEB saħħitx il-pożizzjoni tagħha, minn naħa waħda, billi ħallset biss prezz tax-xiri nominali u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li r-Repubblika Franċiża aċċettat li tassumi l-piż ta’ l-indennizzi tas-sensji.

436    Fir-rigward tal-prezz tax-xiri mħallas minn SEB, fl-ewwel lok għandu jiġi enfasizzat li dan ġie evalwat b’mod suprem mit-Tribunal de commerce ta’ Nanterre fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment u li, fuq il-bażi tal-kriterji tad-dritt Franċiż, it-Tribunal kien tal-fehma li SEB ippreżentat offerta li tipproteġi bl-aħjar mod l-interessi tal-kredituri.

437    Għandu jiġi kkonstatat, sussegwentement, li r-rikorrenti b’ebda mod ma stabbilixxiet li l-prezz imħallas minn SEB kien nominali. Sa l-iktar, hija tinvoka l-valur tal-karta tal-bilanċ ta’ l-assi ta’ Moulinex fl-2000 li ġew mixtrija minn SEB u l-offerti tagħha stess.

438    Madankollu, minn naħa waħda, l-evalwazzjoni tal-valur reali ta’ impriża hija operazzjoni kumplessa li tinvolvi wkoll b’mod partikolari evalwazzjonijiet soġġettivi, u l-valur indikat fil-karta tal-bilanċ mhuwiex neċessarjament ekwivalenti għall-valur reali jew għall-valur tax-xiri ta’ impriża. B’mod partikolari, il-valur tax-xiri ta’ Moulinex fit-tmiem tas-sena 2001, meta hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ stralċ, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-kontijiet ikkonsolidati ppubblikati minn Moulinex kważi sentejn qabel.

439    Min-naħa l-oħra, l-offerti tar-rikorrenti b’ebda mod ma juru li l-prezz offrut minn SEB kien wieħed nominali. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti offriet suċċessivament il-prezzijiet ta’ EUR 100 miljun, EUR 1 u EUR 150 000. Fir-rigward ta’ l-ewwel offerta, għandu jiġi osservat li din kienet tirrigwarda biss id-drittijiet tat-trade mark Krups u kienet teskludi espressament kull passiv. B’hekk ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerta ta’ xiri ta’ SEB. Għandu jiġi kkonstatat, sussegwentement, li l-ammonti jvarjaw konsiderevolment skond il-perimetru ta’ l-offerta u li r-rikorrenti lanqas ma tindika liema mill-offerti tirrigwarda l-istess assi mixtrija minn SEB, u lanqas kif l-offerti tagħha jistgħu jiddeterminaw il-valur ta’ l-assi ta’ Moulinex mixtrija minn SEB. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda evalwazzjoni ma setgħet issir dwar il-prezz ta’ EUR 15-il miljun mħallas minn SEB għall-akkwist ta’ Moulinex.

440    Fir-rigward ta’ l-ilment li r-Repubblika Franċiża għamlet tajjeb għall-ħlas ta’ l-indennizzi tas-sensji u li dan ippermetta lil SEB li tixtri lil Moulinex mingħajr ma jkollha għalfejn tassumi d-djun kollha tagħha, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza RJB Mining vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi, b’ittra tas-27 ta’ Settembru u tad-9 ta’ Novembru 2001, biex jibagħtulha informazzjoni dwar kwalunkwe intervent li seta’ sar mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-preżentata tal-karta tal-bilanċ u tax-xiri tal-grupp Moulinex. Għandu jiġi enfasizzat, sussegwentement, li r-Repubblika Franċiża rrispondiet, b’nota tas-16 ta’ Novembru 2001, li ebda intervent pubbliku mill-Istat ma kien previst favur il-grupp Moulinex u li kienu previsti biss miżuri ta’ riklassifikazzjoni li jibbenefikaw direttament lill-ħaddiema. Lanqas ma jirriżulta mill-proċess li r-Repubblika Franċiża għamlet tajjeb għall-indennizzi għas-sensji u r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tistabbilixxi li r-Repubblika Franċiża għamlet tajjeb għad-djun ta’ SEB. Il-Kummissjoni barra minn hekk enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li kien ikun assurd kieku r-Repubblika Franċiża ħallset l-indennizzi għas-sensji, peress li fi Franza l-impriżi kollha huma marbuta bil-liġi li jiksbu polza ta’ assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ inadempjenza ta’ ħlas f’każ ta’ proċedura kollettiva ta’ somom dovuti għal kuntratti ta’ impjieg, b’hekk illi, f’każ ta’ insolvenza, tkun il-kumpannija ta’ l-assigurazzjoni u mhux ir-Repubblika Franċiża li jkollha tħallas dawk l-indennizzi. Fi kwalunkwe każ, skond l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, l-interventi pubbliċi li seta’ kien hemm ma jikkonċernawx l-assi mixtrija minn SEB u b’hekk ma għandhom ebda effett fuq il-valur tal-beni mixtrija minn SEB.

441    Finalment, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni hija obbligata li tmexxi proċedura dwar għajnuna mill-Istat fil-kuntest ta’ kull proċedura ta’ konċentrazzjoni, li hija trid tikkonkludi f’perijodu qasir. Għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fis-sentenza RJB Mining vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat jekk il-livell tal-prezz ta’ l-akkwist kienx isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida, dan kien minħabba ċirkustanzi ferm partikolari f’dik il-kawża fejn il-prezz tax-xiri stess kien ġie nnotifikat bħala għajnuna mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Dik is-sitwazzjoni ma tistax tiġi mqabbla ma’ konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji privati, bħal dik in kwistjoni f’din il-kawża.

442    Minn dan isegwi li l-motiv mhuwiex fondat.

 Fuq l-ispejjeż

443    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali. F’din il-kawża, peress li kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni tilfu fuq diversi kapi, għandu jiġi deċiż li kull waħda minnhom għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

444    Skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, SEB u De’Longhi, bħala partijiet intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SG (2002) D/228078 tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Jannar 2002, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix konċentrazzjoni bejn SEB u Moulinex u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, suġġett għall-ħarsien ta’ l-impenji proposti (Każ COMP/M.2621 ─ SEB/Moulinex), hija annullata fir-rigward tas-swieq fl-Italja, fi Spanja, fil-Finlandja, fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

4)      SEB SA u De’Longhi SpA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Lenaerts

Azizi

Jaeger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ April 2003.

H. Jung

 

      K. Lenaerts

Reġistratur

 

      President






Werrej

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-impriżi in kwistjoni

II –  Il-proċedura nazzjonali

III –  Proċedura quddiem il-Kummissjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

I –  Is-swieq tal-prodotti rilevanti

II –  Is-swieq ġeografiċi in kwistjoni

III –  L-importanza tat-trade mark

IV –  Analiżi tal-kompetizzjoni

V –  Impenji tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni

VI –  Għajnuna mill-Istat

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

I –  Argumenti tal-partijiet

II –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

I –  Fuq l-ewwel motiv, li jallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali in kwantu l-Kummissjoni aċċettat is-sottomissjoni ta’ impenji tardivi minn SEB

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq it-tieni motiv, li jallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi meta awtorizzat konċentrazzjoni mingħajr ma fetħet il-fażi II

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq it-tielet motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni in kwantu l-impenji kienu insuffiċjenti biex jimmitigaw il-problemi ta’ kompetizzjoni mqajjma

Fuq l-ewwel parti, li tallega li impenn li tingħata liċenzja għat-trade mark ma jistax, min-natura tiegħu stess, jirriżolvi l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni

A –  Argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti, li tallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat impenji li kienu għal żmien insuffiċjenti

A –  Argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet parti, li tallega li l-impenn ta’ forniment fis-suq Ġermaniż u l-kundizzjonijiet marbuta mal-fakultŕ ta’ forniment għal dawk kollha li jirċievu l-liċenzja jista’ jkollhom l-effett li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ SEB-Moulinex

A –  Argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ parti, li tallega li l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li t-trade mark Moulinex tintuża minn impriżi differenti f’pajjiżi differenti ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti lok għal koordinazzjoni fl-aġir bejn SEB-Moulinex u dak jew dawk li jirċievu l-liċenzja

A –  Argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ħames parti, li tallega li l-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni fin-nuqqas ta’ impenji dwar is-swieq li jippreżentaw problemi serji ta’ kompetizzjoni

A –  Argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.  Fuq l-ammissibbiltà

2.  Fuq il-mertu

a)  Fuq l-erba’ stadji ta’ l-analiżi

–  Fuq il-limitu minimu ta’ dominanza ta’ 40 %

–  Fuq in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva

–  Fuq il-pożizzjoni ta’ l-entitŕ amalgamata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha

–  Fuq l-effett ta’ firxa ta’ prodotti

b)  Fuq il-pajjiżi mhux koperti mill-impenji

–  Fin-Norveġja

–  Fi Spanja

–  Fil-Finlandja

–  Fl-Italja

–  Fir-Renju Unit u fl-Irlanda

c)  Konklużjoni

Fuq l-ilment li l-impenji jaqsmu s-suq tat-trade mark Moulinex

A –  Argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IV –  Fuq ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi in kwantu ma eżaminatx jekk il-prezz nominali mħallas minn SEB għax-xiri ta’ Moulinex u l-għajnuna finanzjarja pprovduta mir-Repubblika Franċiża kinux ta’ tali natura li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ SEB fis-swieq rilevanti għad-detriment tal-kompetituri tagħha

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.