Language of document : ECLI:EU:C:2014:2037

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema nazzjonali ta’ għajnuna li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati ħodor negozjabbli għall-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku u għal ċerti utenti li kull sena jirrestitwixxu ċerta kwota ta’ ċertifikati ħodor lill-awtorità kompetenti — Rifjut li jingħataw ċertifikati ħodor għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jinsabu barra mill-Istat Membru kkonċernat — Direttiva 2009/28/KE — Punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u Artikolu 3(3) — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE”

Fil-Kawża C‑573/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Förvaltningsrätten i Linköping (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

Ålands Vindkraft AB

vs

Energimyndigheten,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, M. Safjan u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev, C. Toader, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ålands Vindkraft AB, minn F. Distefano, avukat,

–        għall-Energimyndigheten, minn E. Brandsma u J. Johansson, bħala aġenti, assistiti minn K. Forsbacka, avukat,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, C. Stege, U. Persson u S. Johannesson, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn M. Emberland u B. Gabrielsen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, E. Kružíková u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16), kif ukoll tal-Artikolu 34 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ålands Vindkraft AB (iktar ’il quddiem “Ålands Vindkraft”) u l-Energimyndigheten (Aġenzija tal-enerġija) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tapprova, għall-finijiet tal-kisba ta’ ċertifikati tal-elettriku, park eoliku li jinsab fil-Finlandja u li huwa operat minn Ålands Vindkraft.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2009/28 daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2009 u kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2010. Din id-direttiva ħassret id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121), mill-1 ta’ Jannar 2012.

4        Il-premessi 1, 15, 25, 52 u 56 tad-Direttiva 2009/28 jiddikjaraw:

“(1)      Il-kontroll tal-konsum tal-enerġija Ewropea kif ukoll iż-żieda fl-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, flimkien ma’ ffrankar ta’ enerġija u żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, jikkostitwixxu partijiet importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra u jkun hemm konformità mal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u ma’ aktar impenji tal-Komunità u internazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra wara l-2012. Dawk il-fatturi għandhom ukoll rwol importanti fil-promozzjoni tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika u fl-għoti ta’ opportunitajiet għall-impjieg u l-iżvilupp reġjonali, speċjalment f’żoni rurali u iżolati.

[...]

(15)      Il-punt tat-tluq, il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli u t-taħlit tal-enerġija ta’ kull Stat Membru jvarja. Huwa għalhekk meħtieġ li l-mira tal-Komunità ta’ 20 % tiġi tradotta f’miri individwali għal kull Stat Membru, b’konsiderazzjoni debita għal allokazzjoni ġusta u adegwata li tqis il-punti ta’ tluq u l-potenzjali differenti tal-Istati Membri, inkluż il-livell eżistenti ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u t-taħlita tal-enerġija. Huwa xieraq li dan isir bit-tqassim billi ż-żieda totali meħtieġa fl-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli tinqasam bejn l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ żieda ugwali fis-sehem ta’ kull Stat Membru fi proporzjon mal-[prodott domestiku gross (PDG)], immodulat biex jirrifletti l-punti tat-tluq tagħhom, u b’kontabilità f’termini tal-konsum finali gross tal-enerġija, b’konsiderazzjoni tal-isforzi tal-passat tal-Istati Membri fir-rigward tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

[...]

(25)      L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ [għajnuna] għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ li jagħtu benefiċċji biss lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tiġi prodotta fit-territorju tagħhom. Għall-iffunzjonar tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effett u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom skont il-potenzjali differenti tagħhom. Mezz importanti biex jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkun garantit il-funzjonament tajjeb ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali, bħal fid-Direttiva [2001/77] sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investitur u sabiex jiġi permess lill-Istati Membri jfasslu miżuri nazzjonali effettivi għall-konformità mal-mira. Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-appoġġ transkonfinali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli mingħajr ma teffettwa skemi ta’ appoġġ nazzjonali. Hija tintroduċi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fakultattivi bejn l-Istati Membri li jippermettulhom li jaqblu fuq il-livell li fih Stat Membru ieħor jappoġġa l-produzzjoni tal-enerġija fi Stat Membru ieħor u dwar il-livell li għalih il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandha tgħodd għall-mira globali nazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Sabiex tiġi żgurata l-effettività taż-żewġ miżuri ta’ konformità tal-mira, jiġifieri l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu kapaċi jiddeterminaw jekk u sa liema livell l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom japplikaw għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta fi Stati Membri oħra u biex jaqblu dwar dan billi japplikaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti f’din id-Direttiva.

[...]

(52)      Il-garanziji tal-oriġini, maħruġa għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom il-funzjoni unika li jagħtu prova lill-konsumatur finali li sehem jew kwantità speċifika ta’ enerġija ġiet prodotta minn sorsi rinnovabbli. Garanzija tal-oriġini tista’ tiġi trasferita, indipendentement mill-enerġija li tirrelata magħha, minn detentur għall-ieħor. Madankollu, bil-ħsieb li jiġi żgurat li unità tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tiġi rilaxxata darba biss lil klijent, il-kalkolar doppju u r-rilaxx doppju tal-garanziji tal-oriġini għandhom jiġu evitati. L-enerġija rinnovabbli li fir- rigward tagħha l-garanzija tal-oriġini li takkumpanjaha ġiet mibjugħa separatament mill-produttur m’għandhiex tiġi rilaxxata jew mibjugħa lill-klijent finali bħala enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hu importanti li jkun hemm distinzjoni bejn ċertifikati ħodor użati għal skemi ta’ appoġġ u garanziji tal-oriġini.

[...]

(56)      Il-garanziji tal-oriġini waħedhom ma jagħtux dritt li wieħed jibbenefika minn skemi ta’ appoġġ nazzjonali.”

5        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija [...] Hija tistabbilixxi regoli relatati mat-trasferimenti tal-istatistika bejn l-Istati Membri, il-proġetti konġunti bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi, mal-garanziji tal-oriġini, proċeduri amministrattivi, informazzjoni u taħriġ u aċċess għall-grilja tal-elettriku għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. [...]”

6        Il-punti (j) sa (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludu d-definizzjonijiet segwenti:

“[...]

(j)      ‘garanzija tal-oriġini’ tfisser dokument elettroniku li għandu l-funzjoni unika li jagħti prova lil konsumatur finali li parti jew kwantità speċifikata ta’ enerġija kienet prodotta minn sorsi rinnovabbli kif meħtieġ mill-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211)];

(k)      ‘skema ta’ sostenn [għajnuna]’ tfisser kull strument, skema jew mekkaniżmu applikat minn Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, li jippromwovu l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli billi titnaqqas l-ispiża ta’ dik l-enerġija, b’żieda tal-prezz li bih tista’ tinbiegħ, jew b’żieda, permezz ta’ obbligu ta’ enerġija rinnovabbli jew b’mod ieħor, tal-volum ta’ din l-enerġija mixtrija. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat biss għal, l-għajnuna għall-investiment, l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mit-taxxi, ir-rifużzjonijiet tat-taxxa, l-iskemi ta’ sostenn għall-obbligu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, u l-iskemi ta’ sostenn, inklużi dawk li jużaw ċertifikati ekoloġiċi, iżda wkoll l-iskemi diretti ta’ sostenn għall-prezzijiet, inklużi tariffi ‘feed-in’ u ħlasijiet ta’ primjums;

(l)      ‘obbligu ta’ enerġija rinnovabbli’ tfisser skema ta’ sostenn nazzjonali li tirrikjedi li l-produtturi tal-enerġija jinkludu fil-produzzjoni tagħhom proporzjon speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, li tirrikjedi li l-fornituri ta’ enerġija jinkludu proporzjon speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-provvista tagħhom, jew tirrikjedi li l-konsumaturi ta’ enerġija jinkludu fil-konsum tagħhom proporzjon speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Dan jinkludi skemi li bihom dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu sodisfatti permezz tal-użu ta’ ċertifikati ekoloġiċi”.

7        L-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. Dawn il- miri globali nazzjonali mandatorji huma konsistenti ma’ mira ta’ sehem ta’ mill-inqas 20 % mill-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija tal-Komunità fl-2020. [...]

2.      L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.

3.      Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)      skemi ta’ sostenn [għajnuna];

(b)      miżuri ta’ kooperazzjoni bejn Stati Membri differenti u ma’ pajjiżi terzi għall-kisba tal-miri globali nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 5 sa 11.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu [107 TFUE] u [108 TFUE], l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu skont l-Artikoli 5 sa 11 ta’ din id-Direttiva, sa fejn huma jsostnu enerġija minn sorsi rinnovabbli li tkun prodotta fi Stat Membru differenti.”

8        Skont l-Artikolu 5(1) u (3) ta’ din id-direttiva:

“1.      Il-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:

(a)      konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

[...]

3.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), il-konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jkun ikkalkulat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, [...]”

9        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skemi konġunti ta’ appoġġ [għajnuna]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 3, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi volontarja, biex jgħaqqdu jew jikkoordinaw parzjalment l-iskemi ta’ appoġġ [għajnuna] nazzjonali tagħhom. F’tali każijiet, ċertu ammont ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli prodott fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti wieħed jista’ jgħodd għall-mira globali nazzjonali ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor jekk l-Istati Membri kkonċernati:

(a)      jagħmlu trasferiment statistiku tal-ammonti speċifikati tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6; jew

(b)      jistabbilixxu regola tad-distribuzzjoni miftehma mill-Istati Membri parteċipanti li talloka ammonti ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli bejn l-Istati Membri li jipparteċipaw. Tali regola għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tal-ewwel sena li fiha tidħol fis-seħħ.”

10      L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, li jirrigwarda l-garanziji tal-oriġini, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Għall-finijiet li jiġi provat lill-klijenti finali s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’taħlita tal-enerġija ta’ produttur tal-enerġija, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva [2003/54], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tista’ tkun garantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

2.      [...]

Il-garanzija tal-oriġini m’għandhiex funzjoni f’dak li jirrigwarda l-konformità ta’ Stat Membru mal-Artikolu 3. It-trasferimenti ta’ garanziji tal-oriġini, b’mod separat jew flimkien mat-trasferiment fiżiku tal-enerġija, m’għandux ikollu effett fuq id-deċiżjoni tal-Istati Membri li jużaw trasferimenti statistiċi, proċeduri konġunti jew skemi konġunti ta’ appoġġ [għajnuna] għall-konformità mal-miri jew fuq il-kalkolu tal-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli kkalkulat skont l-Artikolu 5.

[...]

9.      L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-garanziji tal-oriġini maħruġa minn Stati Membri oħrajn skont din id-Direttiva esklużivament bħala prova tal-elementi msemmijin fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 6(a) sa (f).  [...]

[...]”

 Id-dritt Svediż

11      L-iskema taċ-ċertifikati tal-elettriku ġiet stabbilita permezz tal-Liġi (2003:113) dwar iċ-ċertifikati tal-elettriku [lagen (2003:113) om elcertifikat, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2003”]. Hija skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem l-“elettriku aħdar”). Din il-liġi ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, bil-Liġi (2011:1200) dwar iċ-ċertifikati tal-elettriku [lagen (2011:1200) om elcertifikat, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2011”] li kellha l-għan, b’mod partikolari, li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/28.

12      Bis-saħħa tal-Liġi tal-2011, il-produtturi approvati jingħataw ċertifikat tal-elettriku għal kull megawatt fis-siegħa (MWh) ta’elettriku aħdar prodott. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, għalkemm tali limitazzjoni ma tissemmiex espressament fit-test tal-Liġi tal-2011, mix-xogħol preparatorju tagħha u tal-Liġi tal-2003 jirriżulta ċar li huma biss installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja li jistgħu jiġu approvati sabiex jiksbu dawn iċ-ċertifikati. Min-naħa l-oħra, l-approvazzjoni ta’ installazzjonijiet li jinsabu barra mit-territorju Svediż hija impossibbli.

13      Għalkemm il-Liġi tal-2011 ma tipprovdix li x-xiri ta’ ċertifikati tal-elettriku għandu jsir flimkien ma’ xiri korrispondenti ta’ elettriku, din il-liġi ma teskludix il-possibbiltà ta’ tali xiri kkombinat.

14      Iċ-ċertifikati tal-elettriku huma negozjabbli f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni li fih il-prezz huwa ddeterminat mill-offerta u mid-domanda.

15      Id-domanda għal ċertifikati tal-elettriku toriġina mill-fatt li l-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti huma suġġetti għal obbligu li jżommu u li jirrestitwixxu lill-Istat, fl-1 ta’ April ta’ kull sena, ċerta kwota ta’ ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-fornituri tagħhom jew tal-konsum tagħhom ta’ elettriku matul is-sena li tkun għaddiet.

16      Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 4 tal-Liġi tal-2011:

“Huma suġġetti għall-obbligu ta’ kwota:

1)      il-fornituri tal-elettriku;

2)      l-utenti tal-elettriku li jużaw l-elettriku li jkunu pproduċew huma stess jekk il-kwantità użata hija iktar minn 60 MWh għal kull sena ta’ referenza f’installazzjoni li l-potenza installata tagħha hija iktar minn 50 [kilowatts (kW)];

3)      l-utenti tal-elettriku sa fejn ikunu użaw elettriku importat jew mixtri mill-Borża Nordika tal-elettriku, u

4)      l-impriżi b’intensità qawwija ta’ elettriku li jkunu ġew irreġistrati.”

17      Il-kwota ta’ ċertifikati tal-elettriku, li hija kkalkolata abbażi tal-għan ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jfittex li jilħaq ir-Renju tal-Isvezja, tvarja skont il-perijodi kkonċernati. Għall-perijodu bejn is-sena 2010 u s-sena 2012, hija ġiet iffissata għal 0.179.

18      Il-prezz ta’ xiri taċ-ċertifikati tal-elettriku jingħadda mill-fornitur fuq il-konsumatur.

19      Mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, kif riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta wkoll li, jekk jonqsu milli jirrestitwixxu n-numru ta’ ċertifikati tal-elettriku meħtieġa fid-data prevista, il-fornituri tal-elettriku u l-utenti kkonċernati jkunu obbligati jħallsu somma ta’ flus. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Svediż irrefera wkoll għall-obbligu li titħallas tali tariffa li huwa kkwalifika bħala “speċifiku” (iktar ’il quddiem it-“tariffa speċifika”).

20      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali konkluż skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/28, l-obbligu ta’ kwota jista’ jiġi ssodisfatt biss permezz ta’ ċertifikati tal-elettriku maħruġa bis-saħħa tal-Liġi tal-2011.

21      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi tal-2011 jistabbilixxi:

“Iċ-ċertifikati tal-elettriku mogħtija għall-produzzjoni ta’ elettriku rinnovabbli fi Stat ieħor jistgħu jiintużaw sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ kwoti ta’ din il-liġi, bil-kundizzjoni li l-iskema Svediża taċ-ċertifikati tal-elettriku kienet is-suġġett ta’ koordinazzjoni ma’ dik ta’ dan l-Istat l-ieħor permezz ta’ ftehim internazzjonali”.

22      Fid-29 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju tal-Isvezja kkonkluda tali ftehim mar-Renju tan-Norveġja. Min-naħa l-oħra, ma jeżistix ftehim ta’ dan it-tip bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      Fit-30 ta’ Novembru 2009, Ålands Vindkraft talbet lill-awtorità Svediża kompetenti tapprova l-park eoliku Oskar tagħha li jinsab fil-Finlandja fl-arċipelagu tal-Gżejjer Åland bil-għan li tingħata ċertifikati tal-elettriku.

24      Din it-talba ġiet miċħuda mill-Energimyndigheten, permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2010, għar-raġuni li huma biss l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fl-Isveżja li jistgħu jiġu approvati sabiex jingħataw ċertifikati tal-elettriku.

25      Ålands Vindkraft ippreżentat rikors quddiem il-Förvaltningsrätten i Linköping bil-għan li din id-deċiżjoni tiġi annullata u li tintlaqa’ t-talba tagħha għal approvazzjoni. B’mod partikolari, hija tallega ksur tal-Artikolu 34 TFUE u ssostni, f’dan ir-rigward, li minħabba l-kwota ta’ ċertifikati tal-elettriku, li għall-perijodu inkwistjoni ġiet iffissata għal 0.179, l-iskema taċ-ċertifikati tal-elettriku għandha l-konsegwenza li tirriżerva bejn wieħed u ieħor 18 % tas-suq Svediż tal-konsum tal-elettriku għall-produtturi ta’ elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja, u dan għad-detriment tal-importazzjonijiet ta’ elettriku li ġejjin minn Stati Membri oħra. Tali ostakolu għall-kummerċ ma jistax jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-ambjent billi, b’mod partikolari, il-konsum ta’ elettriku aħdar fl-Isvezja jiġi daqstant ieħor promoss bl-għoti ta’ ċertifikati tal-elettriku fi proporzjon mal-elettriku aħdar ikkunsmat fl-Isvezja iżda prodott fi Stati Membri oħra.

26      Il-Förvaltningsrätten i Linköping tirrileva, preliminarjament, li għalkemm l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata b’applikazzjoni tal-Liġi tal-2003, il-kawża prinċipali għandha tiġi deċiża, skont id-dritt Svediż, b’riferiment għal-liġi applikabbli meta tiġi eżaminata mill-qorti, jiġifieri, f’dan il-każ, il-liġi tal-2011. Barra minn hekk, din tal-aħħar ftit li xejn emendat ir-regoli applikabbli għall-problematika tal-kawża prinċipali.

27      L-imsemmija qorti tikkunsidra li, qabelxejn, għandu jiġi ddeterminat jekk l-iskema taċ-ċertifikati tal-elettriku inkwistjoni fil-kawża prinċipali tabilħaqq tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna koperta mill-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, billi, b’mod partikolari, hija tippromwovi l-produzzjoni ta’ elettriku aħdar filwaqt li l-imsemmija dispożizzjonijiet, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-użu jew għall-konsum ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, jekk dan ikun tabilħaqq il-każ, ikun hemm lok li jiġi ddeterminat jekk din l-iskema hijiex awtorizzata mill-imsemmija direttiva minkejja li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-installazzjonijiet li jipproduċu elettriku aħdar fi Stati Membri oħra.

28      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva, minn naħa, li l-imsemmija skema tippermetti lill-produtturi Svediżi ta’ elettriku aħdar jibbenefikaw minn vantaġġ ekonomiku dirett meta mqabbla mal-produtturi ta’ Stati Membri oħra. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li, minkejja li l-Liġi tal-2011 ma torbotx formalment il-bejgħ taċ-ċertifikati tal-elettriku ma’ dak tal-elettriku korrispondenti, din il-leġiżlazzjoni tista’ tippromwovi indirettament il-kummerċjalizzazzjoni ta’ elettriku ta’ oriġini nazzjonali sa fejn il-fornituri jista’ jkollhom iktar inċentiv li jakkwistaw l-elettriku mingħand produtturi nazzjonali billi dawn tal-aħħar huma wkoll f’pożizzjoni li jiksbulhom iċ-ċertifikati li dawn il-fornituri għandhom bżonn sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ kwota impost fuqhom.

29      Jekk jitqies li l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, wieħed għalhekk għandu jistaqsi jekk din il-miżura tistax, f’dan il-każ, tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent.

30      F’dan il-kuntest, il-Förvaltningsrätten i Linköping tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-eventwali rilevanza tas-sentenza PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160) billi, minn naħa, b’differenza mill-iskema ta’ għajnuna Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, l-iskema Svediża taċ-ċertifikati tal-elettriku ma timponi formalment ebda obbligu fuq il-fornituri tal-elettriku li jakkwistaw l-elettriku mingħand il-produtturi nazzjonali u billi, min-naħa l-oħra, minn meta ngħatat l-imsemmija sentenza sal-lum, saru diversi żviluppi fid-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-adozzjoni tad-Direttivi 2001/77 u 2009/28.

31      Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-esklużjoni tal-elettriku aħdar prodott barra mit-territorju Svediż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx imissha ġiet prevista espressament mil-Liġi tal-2011.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Förvaltningsrätten i Linköping iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Is-sistema Svediża dwar iċ-ċertifikat tal-elettriku hija skema ta’ appoġġ [għajnuna] nazzjonali li teħtieġ li l-fornituri tal-elettriku u li ċerti utenti tal-elettriku fl-Istat Membru jixtru ċertifikat tal-elettriku, li jikkorrispondi għal sehem partikolari mill-bejgħ jew mill-użu tagħhom, mingħajr il-ħtieġa speċifika li jinxtara l-elettriku mill-istess sors. Iċ-ċertifikat tal-elettriku jinħareġ mill-Istat Svediż u jservi ta’ prova li ġie prodott ċertu ammont ta’ elettriku li jiġġedded [minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli]. Il-produtturi tal-elettriku [aħdar] jirċievu, permezz tal-bejgħ taċ-ċertifikat tal-elettriku, qligħ żejjed bħala dħul addizzjonali mill-produzzjoni tal-elettriku tagħhom. [Il-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2] u l-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva 2009/28] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu lil Stat Membru li japplika skema ta’ appoġġ nazzjonali bħal dik imsemmija iktar ’il fuq, li permezz tagħha huma biss il-produtturi li jinsabu fit-territorju ta’ dak l-Istat li jistgħu jipparteċipaw u li r-riżultat tagħha huwa li dawn il-produtturi għandhom vantaġġ ekonomiku fuq il-produtturi li ma jistgħux jiksbu ċertifikat tal-elettriku?

2)      Sistema bħal dik deskritta fl-ewwel domanda — fid-dawl tal-Artikolu 34 [TFUE] — tista’ titqies li hija tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew bħala miżura li għandha effetti ekwivalenti?

3)      Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv, tista’ sistema tkun kompatibbli mal-Artikolu 34 [TFUE] fir-rigward tal-għan li tiġi promossa l-produzzjoni tal-elettriku [aħdar]?

4)      Kif inhuma affettwati l-kunsiderazzjonijiet għad-domandi preċedenti mill-fatt li r-restrizzjoni li l-iskema ta’ appoġġ tinkludi biss produtturi nazzjonali ma hijiex espressament irregolata mil-liġi nazzjonali?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 u fis-6 ta’ Frar 2014 kif ukoll fl-14 ta’ Marzu 2014, rispettivament, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Isvezja talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

34      Insostenn ta’ dawn it-talbiet, dawn tal-aħħar jargumentaw, essenzjalment, li, wara l-preżentata tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali li jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 huwa invalidu, u sa fejn dan il-fatt jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi l-kawża abbażi ta’ argumentazzjoni li tirrigwarda l-invalidità tal-imsemmija dispożizzjoni iktar milli l-interpretazzjoni tagħha u li ma setgħetx tiġi dibattuta bejn il-partijiet interessati, hemm lok li jiġu permessi jressqu l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward.

35      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

36      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument relatat mal-validità tad-Direttiva 2009/28 li ma setax jiġi dibattut bejn il-partijiet interessati previsti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jistabbilixxi skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku aħdar billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku.

39      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk skema ta’ għajnuna għall-elettriku aħdar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “skema ta’ sostenn [għajnuna]” fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li mill-premessa 25 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li mezz importanti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva huwa li jkun iggarantit il-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali previsti mid-Direttiva 2001/77.

41      Issa mill-premessa 14 tad-Direttiva 2001/77 jirriżulta espressament li, fost id-diversi tipi ta’ skemi ta’ għajnuna nazzjonali hekk previsti mill-imsemmija direttiva, diġà kien hemm il-mekkaniżmi ta’ għajnuna li, bħall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jużaw iċ-“ċertifikati ħodor”.

42      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 jirreferu speċifikament ukoll għall-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali li jużaw “ċertifikati ekoloġiċi [ħodor]”.

43      F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssostni l-“produzzjoni” ta’ elettriku aħdar iktar milli l-“użu” jew il-“konsum” ta’ dan tal-aħħar fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat dan li ġej.

44      Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-fatt li d-definizzjoni tal-i“skema ta’ sostenn [għajnuna]” inkluża fil-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 tirreferi, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, għal strumenti, skemi jew mekkaniżmi intiżi sabiex jippromwovu l-“użu” tal-enerġija ħadra, f’dan il-każ permezz ta’ obbligu li “tintuża” din tal-aħħar, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, il-fatt li l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva li jirrigwarda s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar jipprovdi li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ enerġija ħadra.

45      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jispeċifika x’għandu jfisser “obbligu ta’ enerġija rinnovabbli” fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-punt (l) ta’ dan il-paragrafu jirreferi għall-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali li jirrikjedu li l-produtturi “jinkludu fil-produzzjoni tagħhom” proporzjon speċifikat ta’ enerġija ħadra jew “li tirrikjedi [jirrikjedu] li l-fornituri ta’ enerġija jinkludu proporzjon speċifikat ta’ enerġina minn sorsi rinnovabbli fil-provvista tagħhom, jew tirrikjedi [jirrikjedu] li l-konsumaturi ta’ enerġija jinkludu fil-konsum tagħhom proporzjon speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, filwaqt li jispeċifika espressament li skemi li bihom dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu sodisfatti permezz tal-użu ta’ ċertifikati ħodor huma inklużi f’din il-kategorija ta’ skemi.

46      Issa l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tabilħaqq għandha tali karatteristiċi billi tistabbilixxi obbligu għall-fornituri tal-elettriku u għal ċerti konsumaturi li jużaw ċertifikati ħodor sabiex jissodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom li jinkludu proporzjon speċifikat ta’ elettriku aħdar fil-provvista tagħhom jew li jinkludu proporzjon speċifikat ta’ elettriku aħdar fil-konsum tagħhom.

47      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-miri nazzjonali mandatorji li l-iskemi ta’ għajnuna, previsti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, huma mitluba jikkontribwixxu għalihom huma identifikati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva f’termini ta’ sehem ta’ enerġija ħadra fil-“konsum finali” ta’ enerġija, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 5(1) u (3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, fir-realtà, dan il-konsum huwa kkalkolat b’riferiment għall-kwantità ta’ elettriku aħdar “prodott” fi Stat Membru.

48      Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 40 sa 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li tuża ċertifikati ħodor bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-karatteristiċi meħtieġa sabiex tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ sostenn [għajnuna]”, fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28.

49      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati tal-elettriku billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku aħdar prodott fit-territorju nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li, meta adotta d-Direttiva 2009/28, il-leġiżlatur tal-Unjoni żamm il-possibbiltà ta’ tali limitazzjoni territorjali.

50      F’dan ir-rigward, mill-premessa 25 ta’ din id-direttiva jirriżulta, l-ewwel nett, li, wara li kkonstata li l-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ għajnuna li jippromwovu biss il-produzzjoni ta’ enerġija ħadra fit-territorju tagħhom, l-imsemmi leġiżlatur spjega li, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ dawn l-iskemi bħala miżuri li huma mitluba jikkontribwixxu għall-osservanza tal-miri globali nazzjonali rispettivi, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw jekk u sa liema livell l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali tagħhom japplikaw għall-enerġija ħadra prodotta fi Stati Membri oħra u li jaqblu dwar dan billi japplikaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti fl-imsemmija direttiva.

51      It-tieni nett, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi espressament li, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu, skont l-Artikoli 5 sa 11 tal-imsemmija direttiva, sa fejn huma jsostnu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tkun prodotta fi Stat Membru differenti.

52      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda iktar speċifikament l-iskemi nazzjonali li jużaw ċertifikati ħodor, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb espressament li jispeċifika, fil-premessi 52 u 56 ta’ din id-direttiva, li għandha ssir distinzjoni bejn il-garanziji tal-oriġini maħruġa fid-diversi Stati Membri sabiex tiġi implementata l-imsemmija direttiva u ċ-ċertifikati ħodor użati fil-kuntest tal‑iskemi ta’ għajnuna nazzjonali u li l-garanziji tal-oriġini waħedhom ma jagħtux id-dritt li wieħed jibbenefika minn skemi ta’ għajnuna nazzjonali. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt (j) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u mill-Artikolu 15(1) u (9) tal-istess direttiva, il-garanziji tal-oriġini, li l-unika funzjoni tagħhom hija li jindikaw lill-klijenti finali l-parti ta’ enerġija ħadra inkluża fit-taħlita ta’ enerġija ta’ fornitur tal-enerġija, għandhom jiġu rrikonoxxuti reċiprokament bejn l-Istati Membri biss fuq din il-bażi.

53      Min-naħa tagħhom, tali spjegazzjonijiet jikkonfermaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri li għażlu skema ta’ għajnuna li tuża ċertifikati ħodor li jestendu l-benefiċċju ta’ din l-iskema għall-elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jistabbilixxi skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku aħdar billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ dan l-Istat u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

55      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku aħdar billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku aħdar prodott fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku taħt piena li jkollhom iħallsu tariffa speċifika, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dik il-qorti tistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni tistax madankollu tkun iġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ promozzjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li hija tfittex li tilħaq.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE

56      Skont l-Energimyndigheten u l-Gvernijiet Svediz u Ġermaniż, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-limitazzjoni li tikkaratterizza b’dan il-mod il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE sa fejn id-Direttiva 2009/28 hija miżura ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi espressament li l-Istati Membri ma humiex obbligati jiftħu l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom għall-elettriku aħdar prodott fi Stati Membri oħra u li, għal dawn l-Istati, tali eventwali ftuħ jikkostitwixxi sempliċi għażla li, f’dan il-każ, għandha tiġi eżerċitata esklużivament skont il-modalitajiet previsti minn din id-direttiva.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2009/28 twettaq armonizzazzjoni ta’ natura li teskludi l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 34 TFUE.

59      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, mhux talli ma wettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-iskemi nazzjonali ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra, iżda, kif jirriżulta mill-premessa 25 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq, minn naħa, mill-konstatazzjoni li l-Istati Membri japplikaw skemi ta’ għajnuna differenti u, min-naħa l-oħra, mill-prinċipju li jeħtieġ li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-iskemi sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri u sabiex dawn l-Istati jkunu jistgħu jfasslu miżuri nazzjonali effikaċi sabiex jilħqu l-miri mandatorji nazzjonali globali li tassenjalhom l-imsemmija direttiva.

60      Id-definizzjoni tal-i“skema ta’ sostenn [għajnuna]”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess direttiva, kif tidher fil-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, tenfasizza wkoll il-fatt li l-istrumenti, l-iskemi jew il-mekkaniżmi ta’ għajnuna joriġinaw mill-Istati, filwaqt li tillimita ruħha li ssemmi, f’termini pjuttost ġeneriċi, it-tipi ta’ miżuri nazzjonali eżistenti ta’ inċentiv intiżi sabiex jippromwovu l-użu ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli.

61      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28 li jiddeskrivi s-suġġett tagħha ma jinkludix iktar indikazzjonijiet li jagħtu x’jifhem li din id-direttiva tfittex li twettaq armonizzazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi għad-diversi skemi ta’ għajnuna nazzjonali.

62      L-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva li jillimita ruħu, essenzjalment, li jippermetti u jinkoraġġixxi l-iskemi nazzjonali ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra lanqas ma jinkludi indikazzjonijiet dwar tali karatteristiċi, ħlief sabiex jispeċifika li l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt jiddeċiedu, skont l‑Artikoli 5 sa 11 tal-istess direttiva, sa fejn huma jsostnu enerġija ħadra li tkun prodotta fi Stat Membru differenti.

63      Fil-kuntest hekk deskritt, ma jistax jiġi kkunsidrat li, meta titratta dan l-aspett dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, id-Direttiva 2009/29 wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, tal-qasam li jirrigwarda dawn tal-aħħar li hija ta’ natura li teskludi l-eżami tal-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, EU:C:2004:799, punti 54 sa 57).

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li ssir l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija mill-perspettiva prevista mit-tieni u mit-tielet domanda.

 Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għall-kummerċ

65      Il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑192/01, EU:C:2003:492, punt 38).

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, billi tipprojbixxi, bejn l-Istati Membri, il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, l-imsemmija dispożizzjoni tkopri kull miżura nazzjonali li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, u PreussenElektra, EU:C:2001:160, punt 69).

67      Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tostakola, għall-inqas indirettament u potenzjalment, l-importazzjonijiet ta’ elettriku, b’mod partikolari dak aħdar, mill-Istati Membri l-oħra, u dan b’diversi modi.

68      Minn naħa, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li, fl-iskadenza tas-sena prevista, il-fornituri u ċerti konsumaturi huma obbligati jżommu ċerta kwantità ta’ ċertifikati tal-elettriku, bil-għan li jissodisfaw l-obbligu ta’ kwota impost fuqhom u li jiddependi mill-kwantità totali ta’ elettriku li huma jikkunsinnaw jew jikkunsmaw.

69      Issa fin-nuqqas, b’mod partikolari, ta’ ftehim internazzjonali għal dan l-iskop, huma biss iċ-ċertifikati mogħtija abbażi tal-iskema nazzjonali li jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dan l-obbligu. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, l-imsemmija fornituri u konsumaturi huma obbligati jixtru tali ċertifikati fi proporzjon mal-elettriku li jimportaw, taħt piena li jkollhom iħallsu tariffa speċifika.

70      Tali miżuri għalhekk huma ta’ natura li jistgħu jostakolaw l-importazzjonijiet ta’ elettriku minn Stati Membri oħra (ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza Ligur Carni et, C‑277/91, C‑318/91 u C‑319/91, EU:C:1993:927, punt 36).

71      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva, kemm fid-deċiżjoni kif ukoll fid-domandi tagħha, li għalkemm, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-produtturi ta’ elettriku aħdar jistgħu jbigħu ċ-ċertifikati tal-elettriku tagħhom fuq is-suq, miftuħ għall-kompetizzjoni, li huwa ddedikat għal dan il-bejgħ, madankollu xejn f’din il-leġiżlazzjoni ma jipprojbixxi lil dawn il-produtturi milli jbigħu dawn iċ-ċertifikati flimkien mal-elettriku li jipproduċu.

72      Issa l-eżistenza ta’ tali possibbiltà tidher, fil-prattika, li hija ta’ natura li tista’ tippromwovi l-eventwali ftuħ ta’ negozjati u t-twettiq ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, jekk ikun il-każ fit-tul, li jirrigwardaw il-kunsinna ta’ elettriku nazzjonali minn tali produtturi lill-fornituri jew lill-utenti tal-elettriku, liema fornituri jew utenti fil-fatt ikunu jistgħu jiksbu, b’dan il-mod, kemm l-elettriku kif ukoll iċ-ċertifikati ħodor li għandhom bżonn sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ kwota impost fuqhom.

73      Minn dan isegwi li, f’dan is-sens ukoll, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett, għall-inqas potenzjali, li twaqqaf l-importazzjonijiet ta’ elettriku minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, 249/81, EU:C:1982:402, punti 27 sa 29).

74      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li l-fatt li Stat Membru jonqos milli jadotta miżuri suffiċjenti sabiex jimpedixxi ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, maħluqa b’mod partikolari minn azzjonijiet ta’ operaturi iżda reżi possibbli minn leġiżlazzjoni partikolari li huwa jkun stabbilixxa, jista’ jostakola l-kummerċ intra-Komunitarju bl-istess mod bħal att pożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑265/95, EU:C:1997:595, punt 31, u Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 58).

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tostakola l-importazzjonijiet ta’ elettriku, b’mod partikolari dak aħdar, minn Stati Membri oħra u li, għaldaqstant, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, li bħala prinċipju hija inkompatibbli mal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 34 TFUE, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tistax tkun iġġustifikata oġġettivament (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑320/03, EU:C:2005:684, punt 69).

 Fuq l-eventwali ġustifikazzjoni

76      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. F’dawn iż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan intiż u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑524/07, EU:C:2008:717, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-għan ta’ promozzjoni tal-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

77      Skont ġurisprudenza stabbilita, miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju jistgħu, b’mod partikolari, ikunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, EU:C:2008:717, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku li tfittex li tippromwovi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa utli għall-protezzjoni tal-ambjent sa fejn jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li huma fost il-kawżi prinċipali tat-tibdil fil-klima li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jiġġieldu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PreussenElektra, EU:C:2001:160, punt 73).

79      F’dan ir-rigward, kif spjegat b’mod partikolari fil-premessa 1 tad-Direttiva 2009/28, iż-żieda f’dan l-użu tikkostitwixxi wieħed mill-elementi importanti tal-pakkett ta’ miżuri meħtieġa sabiex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet u jkun hemm konformità mal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u mal-impenji l-oħra meħuda fuq livell Komunitarju u internazzjonali bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra wara s-sena 2012.

80      Kif diġa rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, tali żieda tfittex ukoll li tipproteġi s-saħħa u l-ħajja tal-persuni u tal-annimali u li tippreżerva l-pjanti, li huma raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PreussenElektra, EU:C:2001:160, punt 75).

81      Barra minn hekk, mill-Artikolu 194(1)(ċ) TFUE jirriżulta li l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija rinnovabbli huwa wieħed mill-għanijiet li għandhom jiggwidaw il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi aċċettat li għan ta’ promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku bħal dak li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq jista’, bħala prinċipju, jiġġustifika eventwali ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

–       Fuq il-proporzjonalità

83      Kif tfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, sabiex l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun iġġustifikata, għandha madankollu tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li tkun adatta sabiex tilħaq l-għan leġittimu li hija tfittex li tilħaq u li tkun neċessarja sabiex tagħmel dan.

84      Preliminarjament u b’risposta għal ċerti mistoqsijiet imqajma f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid, fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew fid-dritt tal-Unjoni rilevanti, ċerti aspetti partikolari tas-suq tal-elettriku li ħadet inkunsiderazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità li wettqet fis-sentenza PreussenElektra (EU:C:2001:160).

85      B’mod partikolari, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 sa 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 78 tal-imsemmija sentenza li d-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3), li dak iż-żmien kienet fis-seħħ, kienet tikkostitwixxi biss fażi tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u li ħalliet jissussistu ċerti ostakoli għall-kummerċ fl-elettriku bejn l-Istati Membri, ma għadhiex tapplika.

86      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, sussegwentement, ġew adottati diversi atti leġiżlattivi mill-Unjoni li l-għan tagħhom kien li l-imsemmija ostakoli jitnaqqsu progressivament sabiex ikun jista’ jiġi implementat suq intern tal-elettriku li jkun kompletament operattiv, li fih, b’mod partikolari, jiġi intensifikat il-kummerċ transkonfinali fl-elettriku fl-Unjoni u li fi ħdanu l-fornituri kollha jkunu jisgħu jipprovdu l-prodotti tagħhom u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom liberament. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tad-Direttivi, suċċessivi, 2003/54 u 2009/72 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] id-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55), u tar-Regolamenti, suċċessivi, (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 175), u (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, p. 15).

87      Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 79 tas-sentenza PreussenElektra (EU:C:2001:160) li n-natura tal-elettriku hija tali li, ladarba jiddaħħal fin-netwerk ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-oriġini tiegħu u b’mod partikolari s-sors ta’ enerġija li minnha ġie prodott, għadha tapplika.

88      Il-fatt li d-Direttivi suċċessivi 2001/77 u 2009/28 ipprovdew li l-oriġini tal-elettriku aħdar tista’ tiġi ċċertifikata permezz ta’ garanzija tal-oriġini ma tistax tqiegħed l-imsemmija konstatazzjoni fid-dubju.

89      Minn naħa, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-unika funzjoni ta’ dawn il-garanziji tal-oriġini hija li jindikaw lill-klijenti finali l-parti ta’ enerġija ħadra inkluża fit-taħlita ta’ enerġija ta’ fornitur tal-elettriku.

90      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura funġibbli tal-elettriku preżenti fin-netwerks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni, l-imsemmija garanziji ma jippermettux li jiġi ċċertifikat li kwantità partikolari ta’ elettriku pprovduta minn dawn in-netwerks hija preċiżament dik li toriġina minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li għalihom inħarġu l-istess garanziji, b’mod li l-identifikazzjoni sistematika tal-elettriku bħala elettriku aħdar fl-istadji tad-distribuzzjoni u tal-konsum tibqa’ diffiċli li ssir.

91      Bil-benefiċċju ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, wieħed mill-aspetti tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha u li abbażi tiegħu ġiet irrifjutata l-approvazzjoni lil Ålands Vindkraft, jiġifieri l-fatt li, skont din il-leġiżlazzjoni, iċ-ċertifikati tal-elettriku jingħataw biss abbażi tal-elettriku aħdar prodott fit-territorju nazzjonali.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrikonoxxut li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, tali limitazzjoni territorjali tista’, fiha nnifisha, tiġi kkunsidrata neċessarja għall-finijiet li jintlaħaq l-għan leġittimu segwit f’dan il-każ, li jfittex li jippromwovi żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni tal-elettriku.

93      Kif sostniet Ålands Vindkraft, huwa tabilħaqq minnu li l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li fuqu hija bbażata ż-żieda fil-produzzjoni u fil-konsum ta’ elettriku aħdar, jiġifieri, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, bl-istess mod, barra minn hekk, bħall-għanijiet korrelattivi għalih ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali u ta’ preżervazzjoni tal-pjanti, jidhru a priori li jistgħu jintlaħqu fi ħdan l-Unjoni indipendentement minn jekk din iż-żieda toriġinax f’installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew ieħor.

94      Madankollu, billi, b’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni ma wettaqx armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-elettriku aħdar, l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jillimitaw il-benefiċċju ta’ tali skemi għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li ssir fit-territorju tagħhom.

95      L-ewwel nett, il-fatt li skema ta’ għajnuna nazzjonali tkun imfassla b’mod li tibbenefika direttament lill-produzzjoni ta’ elettriku aħdar u mhux lill-konsum tiegħu biss jista’, b’mod partikolari, jiġi spjegat mill-fatt li n-natura ħadra tal-elettriku tirrigwarda biss il-metodu ta’ produzzjoni tiegħu u li, għaldaqstant, huwa primarjament fl-istadju tal-produzzjoni li l-għanijiet ambjentali li jikkonċernaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet jistgħu effettivament jintlaħqu.

96      Min-naħa l-oħra, u kif ġie rrilevat fil-punti 87 u 90 ta’ din is-sentenza, ladarba l-elettriku aħdar jiddaħħal fin-netwerk ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-oriġini speċifika tiegħu, b’mod li l-identifikazzjoni sistematika tiegħu bħala elettriku aħdar fl-istadju tal-konsum jidher li huwa diffiċli li jsir.

97      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1 u 25 u mill-Artikoli 3(1) u 5(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28 u kif ġie spjegat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda, sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-impenji ambjentali internazzjonali assunti mill-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni assenja lid-diversi Stati Membri miri nazzjonali mandatorji fformulati f’termini ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar.

98      It-tieni nett, u f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija mfassla b’mod li tibbenefika biss lill-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li ssir fit-territorju nazzjonali, għandu jiġi osservat li, kif irrileva l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 15 tad-Direttiva 2009/28, il-punti ta’ tluq, il-potenzjal li tiġi żviluppata l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u t-taħlitiet ta’ enerġija jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u dan, b’mod partikolari, wassal lill-imsemmi leġiżlatur sabiex jikkunsidra li, fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, kellu jsir tqassim ġust u xieraq tal-isforz meħtieġ bejn dawn l-Istati bil-għan li jiġu ssodisfatti l-imsemmija impenji internazzjonali tal-Unjoni.

99      Barra minn hekk, u kif irrileva wkoll l-imsemmi leġiżlatur fil-premessa 25 tal-imsemmija direttiva, sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, jidher li huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż ta’ dawn l-iskemi skont il-potenzjal tagħhom filwaqt li tinżamm il-fiduċja tal-investituri.

100    Minbarra dan, għandu jitfakkar li, filwaqt li ppreżerva n-natura nazzjonali u, bħala prinċipju, territorjali, tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu pprovda wkoll diversi mekkaniżmi intiżi sabiex jippermettu lill-Istati Membri li jikkooperaw, sa fejn huwa possibbli, bil-għan li jilħqu l-miri mandatorji li tassenjalhom l-imsemmija direttiva. Fost dawn il-mekkaniżmi hemm il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva, li jiġu implementati skemi ta’ għajnuna konġunti.

101    Kif ġie rrilevat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, tali possibbiltà ġiet eżerċitata, b’mod partikolari, mir-Renju tal-Isvezja u mir-Renju tan-Norveġja li, peress li t-tnejn li huma għandhom skema ta’ għajnuna li tuża ċertifikati ħodor, ipproċedew għall-integrazzjoni tagħhom.

102    F’dak li jirrigwarda l-fatt, invokat minn Ålands Vindkraft, li hemm indikaturi li juru li r-Renju tal-Isvezja llum għandu kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jippermettulu jilħaq il-miri nazzjonali mandatorji li tassenjalu l-imsemmija direttiva, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan huwa l-każ, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika l-konklużjoni li l-limitazzjoni territorjali li tikkaratterizza l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għadhiex neċessarja.

103    F’dan ir-rigward, fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali skema ta’ għajnuna għall-enerġija ħadra li l-ispiża ta’ produzzjoni tagħha tidher, kif fakkru b’mod partikolari l-Gvern Svediż u l-Kummissjoni, li għadha pjuttost għolja meta mqabbla ma’ dik tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, tfittex, essenzjalment, li tippromwovi, fuq medda twila ta’ żmien, investimenti f’installazzjonijiet ġodda, billi tagħti lill-produtturi ċerti garanziji dwar il-kummerċjalizzazzjoni futura tal-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku aħdar. Għaldaqstant, l-effettività ta’ tali skema teħtieġ, mid-definizzjoni tagħha stess, ċerta kontinwità fit-tul li, b’mod partikolari, għandha tkun adegwata sabiex tiżgura l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-investituri li jkunu impenjaw ruħhom f’din it-triq u sabiex tiggarantixxi li dawn l-installazzjonijiet ikomplu joperaw.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx li, mis-sempliċi fatt li llimita l-benefiċċju ta’ skema ta’ għajnuna li tuża ċertifikati ħodor bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-elettriku aħdar prodott fit-territorju nazzjonali biss, ir-Renju tal-Isvezja kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dan l-Istat Membru seta’ leġittimament jikkunsidra li tali limitazzjoni territorjali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żieda fil-produzzjoni u, indirettament, fil-konsum, ta’ elettriku aħdar fl-Unjoni li jfittxu li jilħqu kemm din l-iskema nazzjonali kif ukoll id-Direttiva 2009/28 li fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha taqa’ l-istess iskema.

105    Madankollu għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk ikkunsidrati flimkien mal-limitazzjoni territorjali li għadha kemm ġiet eżaminata, il-karatteristiċi l-oħra tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ssemmi l-qorti tar-rinviju jippermettux li jiġi konkluż li, ikkunsidrata globalment, din il-leġiżlazzjoni tabilħaqq tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

106    F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni hija, b’mod partikolari, ikkaratterizzata minn obbligu li jimponi fuq il-fornituri u fuq ċerti utenti tal-elettriku li kull sena jżommu u jirrestitwixxu lill-awtorità kompetenti ċerta kwantità ta’ ċertifikati tal-elettriku li tikkorrispondi għal sehem partikolari mill-kunsinni jew mill-użu tagħhom, u dan taħt piena li jkollhom iħallsu tariffa speċifika.

107    Mid-deskrizzjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll, minn naħa, li l-partijiet interessati jistgħu jakkwistaw iċ-ċertifikati tal-elettriku li jbigħu l-produtturi f’suq speċifiku miftuħ għall-kompetizzjoni li fih il-prezz taċ-ċertifikat huwa ddeterminat mill-offerta u mid-domanda u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma teżiġix, u lanqas ma teskludi, li l-elettriku u ċ-ċertifikati jinkisbu flimkien mingħand l-istess produttur.

108    Għaldaqstant, mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li, fil-każ ta’ importazzjoni fl-Isvezja ta’ elettriku aħdar prodott minn Ålands Vindkraft fil-Finlandja, il-kummerċjalizzazzjoni jew il-konsum ta’ dan l-elettriku jeżiġu, bħala regola ġenerali, min-naħa tal-fornituri jew tal-konsumaturi kkonċernati, inkluża, jekk ikun il-każ, Ålands Vindkraft, fl-eventwali kwalità tagħha ta’ fornitur, li dawn tal-aħħar jixtru ċertifikati tal-elettriku fi proporzjon mal-kwantità ta’ elettriku hekk importata.

109    Fir-rigward ta’ dawn id-diversi elementi, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li skema ta’ għajnuna nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tuża ċertifikati ħodor, tfittex b’mod partikolari li timponi l-ispiża żejda marbuta mal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar direttament fuq is-suq, jiġifieri fuq il-fornituri u l-utenti tal-elettriku li huma marbuta bl-obbligu ta’ kwota, u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-konsumaturi.

110    Billi jagħmel tali għażla, Stat Membru ma jeċċedix il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu sabiex jilħaq l-għan leġittimu li jfittex li jżid il-produzzjoni ta’ elettriku aħdar.

111    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, b’differenza, pereżempju, minn għajnuna għall-investiment, skema ta’ dan it-tip tfittex li ssostni l-operat tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar ladarba jkunu qegħdin joperaw. F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ kwota huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiggarantixxi lill-produtturi ta’ elettriku aħdar domanda għaċ-ċertifikati li ngħatawlhom u sabiex b’dan il-mod jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija ħadra li huma jipproduċu bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq tal-enerġija klassika.

112    L-effett ta’ inċentiv li għandha tali skema fuq il-produtturi tal-elettriku inġenerali, fosthom, b’mod partikolari, dawk li jkollhom il-kwalità kemm ta’ produttur, minn naħa, u ta’ fornitur jew ta’ konsumatur, min-naħa l-oħra, bil-għan li jwassalhom sabiex iżidu l-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku aħdar, għalhekk ma jidhirx li jista’ jitqiegħed fid-dubju, u lanqas, għaldaqstant, ma jidher li tista’ titqiegħed fid-dubju l-kapaċità ta’ din l-iskema li tilħaq l-għan leġittimu li tfittex li tilħaq f’dan il-każ.

113    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, it-tielet nett, li l-funzjonament tajjeb ta’ tali skema timplika, essenzjalment, l-eżistenza ta’ mekkaniżmi tas-suq li jistgħu jippermettu lill-operaturi, li jkunu suġġetti għall-obbligu ta’ kwota u li jkun għad ma għandhomx iċ-ċertifikati meħtieġa sabiex jissodisfaw l-imsemmi obbligu, li jiksbu ċertifikati b’mod effettiv u taħt kundizzjonijiet ġusti.

114    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ suq ġenwin taċ-ċertifikati fejn l-offerta u d-domanda effettivament ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti u jkunu bbilanċjati, b’mod li jkun effettivament possibbli għall-fornituri u għall-utenti interessati li jiksbu ċertifikati taħt kundizzjonijiet ġusti.

115    Issa skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, iċ-ċertifikati ħodor effettivament jinbiegħu, fl-Istat Membru kkonċernat, f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni b’mod li l-prezz tagħhom huwa ddeterminat mill-offerta u mid-domanda.

116    F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali pprovdiet li l-fornituri u l-utenti li ma josservawx l-obbligu ta’ kwota li huwa suġġetti għalih ikollhom iħallsu tariffa speċifika, għandu jiġi ddikjarat dan li ġej. Għalkemm l-impożizzjoni ta’ tali tariffa tista’ tabilħaqq tiġi kkunsidrata li hija neċessarja sabiex tinkoraġġixxi, minn naħa, lill-produtturi jżidu l-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku aħdar u, min-naħa l-oħra, lill-operaturi suġġetti għal obbligu ta’ kwota jakkwistaw effettivament iċ-ċertifikati meħtieġa, jeħtieġ ukoll, madankollu, li l-modalitajiet ta’ determinazzjoni u l-ammont ta’ din it-tariffa ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal tali finijiet ta’ inċentiv billi jevitaw, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li jippenalizzaw lill-operaturi kkonċernati b’mod li jkun eċċessiv.

117    Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teskludix li l-fornituri u l-utenti suġġetti għal obbligu ta’ kwota jkunu jistgħu jiksbu flimkien l-elettriku u ċ-ċertifikati tal-elettriku mingħand il-produtturi nazzjonali ta’ elettriku aħdar. Ålands Vindkraft issostni li, b’dan il-mod, il-produtturi nazzjonali ta’ elettriku aħdar jistgħu, billi jikkombinaw il-bejgħ taċ-ċertifikati tal-elettriku ma’ dak tal-elettriku, jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sakemm jeżisti suq taċ-ċertifikati ħodor li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 113 u 114 ta’ din is-sentenza li fih l-operaturi li jkunu importaw l-elettriku minn Stati Membri oħra jistgħu jiksbu ċertifikati b’mod effettiv u taħt kundizzjonijiet ġusti, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprojbixxix lill-produtturi ta’ elettriku aħdar milli jbigħu lill-operaturi li jkunu suġġetti għall-obbligu ta’ kwota, l-elettriku u ċ-ċertifikati flimkien, ma jfissirx li din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żieda fil-produzzjoni ta’ elettriku aħdar. Fil-fatt, il-fatt li teżisti tali possibbiltà jidher li jista’ jkollu effett addizzjonali ta’ inċentiv fuq il-produtturi sabiex iżidu l-produzzjoni ta’ elettriku aħdar.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku aħdar billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku aħdar prodott fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku taħt piena li jkollhom iħallsu tariffa speċifika.

 Fuq ir-raba’ domanda

120    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, moqrija fid-dawl tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, anki kieku l-Artikolu 34 TFUE kellu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din tal-aħħar tirriżerva l-benefiċċju tal-miżuri ta’ għajnuna li hija tistabbilixxi biss għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, id-dritt tal-Unjoni, inkluż b’mod partikolari il-prinċipju ta’ ċertezza legali stabbilit minnu, jipprekludix, min-naħa l-oħra, li din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ma tirriżultax espressament mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmija qorti tikkunsidra li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu barra mit-territorju Svediż ma humiex eliġibbli għall-iskema taċ-ċertifikati tal-elettriku. Hija tispjega li, għalkemm din il-limitazzjoni ma tirriżultax espressament mit-test ta’ din il-leġiżlazzjoni, din tal-aħħar għandha tiġi interpretata f’dan is-sens, b’mod partikolari fid-dawl tax-xogħol preparatorju tagħha.

122    Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li din il-limitazzjoni tirriżulta b’mod espress mill-kliem użat fl-Artikolu 5 tal-Liġi tal-2011, li jinsab fil-Kapitolu 1 tagħha, b’mod li ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda magħmula.

123    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-punt dwar, eventwalment, sa fejn il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta jew le mit-test ta’ din il-leġiżlazzjoni, jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dak li jirrigwarda d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, qabelxejn, li skont ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, li għaldaqstant u kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, hija mitluba tikkontribwixxi għat-twettiq, mir-Renju tal-Isvezja, tal-miri mandatorji li tassenjalu l-imsemmija direttiva f’termini ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar fit-territorju tiegħu.

125    Issa minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li meta l-Istati Membri jadottaw, b’dan il-mod, miżuri li bihom jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 49).

126    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-imsemmi prinċipju, billi l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Plantanol, EU:C:2009:539, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Plantanol, EU:C:2009:539, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu fid-dawl tagħhom (ara, b’mod partikolari s-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-iskema ta’ għajnuna prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’, sabiex tiddetermina jekk ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jkunux ġew ssodisfatti, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirriżultaw mit-termini, mill-iskop u mill-istruttura ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 32).

130    Dik il-qorti tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tifforma parti mill-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/28 li għaliha, barra minn hekk, jirreferi espressament ix-xogħol preparatorju tal-Liġi tal-2011, sa fejn, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel domanda mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva tippermetti espressament l-istabbiliment mill-Istati Membri ta’ skemi ta’ għajnuna simili li jkunu limitati territorjalment, bil-għan, b’mod partikolari, li dawn l-Istati jkunu jistgħu jilħqu l-miri mandatorji imposti fuqhom mill-imsemmija direttiva f’termini ta’ produzzjoni ta’ enerġija ħadra fit-territorju tagħhom.

131    Fid-dawl tal-punti preċedenti u suġġett għal evalwazzjonijiet finali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-kuntest leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni li tifforma parti minnu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk, ikkunsidrata mill-perspettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha, l-imsemmija leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ispejjeż

133    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jistabbilixxi skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku prodott minn dawn is-sorsi fit-territorju ta’ dan l-Istat u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku.

2)      L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi għall-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi jiġi kkunsidrat biss l-elettriku prodott minn dawn is-sorsi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li tissuġġetta lill-fornituri u lil ċerti utenti tal-elettriku għal obbligu li kull sena jissottomettu, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal sehem partikolari mit-total tal-kunsinni jew tal-użu tagħhom ta’ elettriku taħt piena li jkollhom iħallsu tariffa speċifika.

3)      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-kuntest leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni li tifforma parti minnu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk, ikkunsidrata mill-perspettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha, l-imsemmija leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.