Language of document : ECLI:EU:T:2021:588

Kawża T-777/19

Coopérative des artisans pêcheurs associés (CAPA) Sarl et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal-15 ta’ Settembru 2021

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna individwali favur l-operat ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta – Obbligu ta’ xiri tal-elettriku bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq – Proċedura ta’ investigazzjoni preliminari – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Artikolu 1(h) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Kwalità ta’ parti interessata – Impriżi tas-sajd – Stabbiliment ta’ parks fiż-żoni tas-sajd – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni – Assenza – Riskju ta’ effett fuq l-interessi tal-impriżi tas-sajd bl-għoti tal-għajnuna kontenzjuża – Assenza – Nuqqas ta’ effett dirett u individwali – Inammissibbiltà”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi u ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Azzjoni legali tal-persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ kwalità ta’ parti interessata – Inammissibbiltà

(Artikolu 108(2) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 58 sa 62, 65, 66, 82, 113, 115, 116)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett – Impriża li ma tinstabx f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mal-benefiċjarju tal-għajnuna – Neċessità li din l-impriża turi l-effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħha

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 63, 64, 71 sa 73, 83 sa 87, 89)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett – Impriżi tas-sajd li tinvoka l-impatti negattivi tal-operat tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta li huma s-suġġett tal-għajnuna fuq l-attivitajiet tas-sajd koeżistenti – Assenza tal-użu tal-istess “materja prima” – Assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni – Impatti li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet ta’ stabbiliment tal-parks eoliċi u ta’ ġestjoni tal-ispazji pubbliċi marittimi – Assenza ta’ rabta bejn il-mekkaniżmu ta’ għoti tal-għajnuna u l-imsemmija impatti – Assenza ta’ riskju ta’ effett konkret fuq l-interessi tas-sajjieda permezz tal-għoti tal-imsemmija għajnuna – Assenza ta’ kwalità ta’ parti interessata

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill no 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 74 sa 81, 90 sa 97)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi u ġuridiċi – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Locus standi – Kundizzjonijiet li huma ta’ natura kumulattivi – Inammissibbiltà tar-rikors fil-każ fil-każ li ma tkunx issodisfatta waħda biss min dawn il-kundizzjonijiet

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(Ara l-punt 112)

Sunt

Parks eoliċi lil hinn mill-kosta ssusidjati parmezz ta’ għajnuna għall-funzjonament : il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ippreżentat minn kooperattiva u minn kaptani ta’ vapuri tas-sajd kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet

Il-Qorti Ġenerali tispeċifika l-portata tal-kunċett ta’ “parti interessata” u tqis li r-rikorrenti ma wrewx ir-riskju ta’ effett konkret tal-għajnuna kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni tagħhom

Fl-2011 u fl-2013, Franza ħarġet sejħiet għal offerti għar-realizzazzjoni tal-ewwel parks eoliċi lil hinn mill-kosta operati fi Franza. It-twettiq ta’ dawn is-sitt proġetti, li t-tul ta’ operat previst tagħhom huwa ta’ 25 sena, jinsab ġewwa żoni marittimi użati għas-sajd.

Il-proġetti ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-parks eoliċi huma ssussidjati fil-forma ta’ obbligu ta’ xiri tal-elettriku b’tariffa ogħla mill-prezz ta’s-suq, fejn l-ispiża addizzjonali hija paċuta kollha kemm hi mill-Istat.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2019 (1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea qieset li dawn is-sussidji kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern (2) (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kontenzjuża”). Għal din ir-raġuni hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.

Il-Coopérative des artisans pêcheurs associés (CAPA), kumpannija li l-klijentela tagħha hija kkostitwita minn sajjieda, u għaxar impriżi tas-sajd jew kaptani ta’ vapuri tas-sajd (iktar ’il quddiem is-“sajjieda rikorrenti”) adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan ir-rikors huwa, madankollu, miċħud bħala inammissibbli mid-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, li tikkonstata li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata.

Evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-għajnuna kontenzjuża, li permezz tagħha l-Kummissjoni impliċitament iżda neċessarjament, irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Peress li din id-deċiżjoni tostakola lill-“partijiet interessati” (3) milli jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna inkwistjoni, l-imsemmija partijiet huma ammissibbli jikkontestaw l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni, sa fejn din tikser id-drittijiet proċedurali tagħhom. Sabiex persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, huwa importanti li hija turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li jeżisti riskju li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha.

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-sajjieda rikorrenti bħala “partijiet interessati” ammissibbli li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, sabiex jiġġustifikaw il-locus standi tagħhom, huma jinvokaw, minn naħa, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni indiretta bejn l-attivitajiet tagħhom u dawk tal-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża u, min-naħa l-oħra u f’kull każ, ir-riskju li din l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni indiretta invokata mis-sajjieda rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-proċess ta’ produzzjoni rispettiv tagħhom jimplika l-użu tal-istess “materja prima” bħal dik tal-operaturi tal-parks eoliċi. Fil-fatt, skont is-sens komuni tal-espressjoni “materja prima”, din l-espressjoni tirreferi għal riżors naturali jew prodott, mhux ipproċessat, użat sabiex jidħol fil-proċess ta’ manifattura ta’ merkanzija. F’dan il-każ, ma huwiex l-aċċess għaż-żona tal-ispazju pubbliku marittimu użata kemm mis-sajjieda kif ukoll mill-operaturi tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta li jikkostitwixxi, bħala tali, il-“materja prima” tal-attività ekonomika rispettiva tagħhom, iżda r-riżorsi naturali li jinstabu fija, jiġifieri, minn naħa, ir-riżors tas-sajd u, min-naħa l-oħra, l-enerġija kinetika tar-riħ. Sa fejn l-imsemmija riżorsi huma distinti, is-sajjieda rikorrenti, għalhekk, ma humiex f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-operaturi tal-parks eoliċi għall-operat tagħhom.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li sajjieda rikorrenti ma jistgħux jitqiesu bħala partijiet interessati, ammissibbli li jippreżentaw r-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ relazzjoni allegata ta’ kompetizzjoni indiretta mal-benefiċjarji tal-għajnuna kontenzjuża.

F’dak li jirrigwarda r-riskju invokat ta’ effett konkret tal-għajnuna kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni tas-sajjieda rikorrenti, il-Qorti Ġenerali teżamina, wara dan, jekk l-impatti negattivi preżunti tal-operat tal-parks eoliċi fuq l-ambjent tagħhom, b’mod partikolari fuq l-attivitajiet tas-sajd koeżistenti, fuq l-ambjent tal-baħar u fuq ir-riżorsi tas-sajd, jistgħux jitqiesu bħala effett konkret tal-għoti ta’ din l-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi tas-sajd ikkonċernati.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, għalkemm ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li għajnuna taffettwa konkretament l-interessi ta’ terzi minħabba impatti li l-installazzjoni megħjuna tiġġenera fuq l-ambjent tagħha u, b’mod partikolari fuq l-attivitajiet l-oħra li jitwettqu fil-qrib, dawn it-terzi, sabiex jiġu kklassifikati bħala partijiet interessati, għandhom juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-riskju ta’ tali effett konkret. Barra minn hekk, sabiex isir dan, ma huwiex biżżejjed li tintwera l-eżistenza tal-imsemmija impatti, iżda għandu wkoll jiġi stabbilit li dawn l-impatti jirriżultaw mill-għajnuna stess.. Issa, din il-prova ma ġietx prodotta mis-sajjieda rikorrenti.

Fil-fatt, l-impatti allegati tal-proġetti inkwistjoni fuq l-attivitajiet tas-sajjieda rikorrenti huma inerenti, minn naħa, għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi ta’ stabbiliment ta’ dawn il-proġetti fiż-żoni kkonċernati fil-kuntest tal-politika tagħhom ta’ sfruttament tar-riżorsi enerġetiċi u, min-naħa l-oħra, għal-leġiżlazzjoni tal-ispazju pubbliku marittimu u għall-miżuri tekniċi applikabbli għall-imsemmija proġetti. Jekk id-deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet li jagħtu lill-operaturi ta’ dawn il-proġetti għajnuna fil-forma ta’ obbligu tal-Istat ta’ xiri jagħtihom vantaġġ meta mqabbla mal-produtturi tal-elettriku mhux issussidjati, din hija, fiha nnifisha, mingħajr influwenza fuq ir-riżultati ekonomiċi tas-sajjieda rikorrenti.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-għajnuna kontenzjuża ma tistax titqies bħala li jista’, minnha nnifisha, jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom, b’tali mod li min dan is-sajjieda rikorrenti ma jistgħux jiksbu locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata.

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar, il-klassifikazzjoni tal-Coopérative des artisans pêcheurs associés (CAPA) bħala “parti interessata”, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-attività ta’ din il-kumpannija li l-klijentela tagħha hija kkostitwita minn sajjieda, tiddependi mid-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-klijentela tagħha, u mhux mill-ħlas tal-għajnuna kontenzjuża. Isegwi li r-riskju ta’ effett konkret tal-għajnuna kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni tagħha, fi kwalunkwe każ, ma huwiex ipprovat u li lanqas din il-kumpannija ma tista’ titqies bħala parti interessata.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2019) 5498 final, tas‑26 ta’ Lulju 2019, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.45274 (2016/NN), SA.45275 (2016/NN), SA.45276 (2016/NN), SA.47246 (2017/NN), SA.47247 (2017/NN) u SA.48007 (2017/NN), implimentata mir-Repubblika Franċiża favur sitt parks eoliċi lil hinn mill-kosta (Courseulles-sur-Mer, Fecamp, Saint-Nazaire, il-gżejjer ta’ Yeu u ta’ Noirmoutier, Dieppe u Le Tréport, Saint-Brieuc).


2      Abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.


3      Fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).