Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland fis-27 ta' Lulju 2011 - Thomas Hogan, Jonh Burns, John Dooley, Alfred Ryan, Michael Cunningham, Michael Dooley, Denis Hayes, Marion Walsh, Joan Power, Walter Walsh vs Il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, Avukat Ġenerali

(Kawża C-398/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Thomas Hogan, Jonh Burns, John Dooley, Alfred Ryan, Michael Cunningham, Michael Dooley, Denis Hayes, Marion Walsh, Joan Power, Walter Walsh

Konvenuta: Il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, Avukat Ġenerali

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2008/98/KE1, fid-dawl tal-Artikolu 1(1) tagħha u fid-dawl tal-fatt li taħt il-liġi Irlandiża t-telf tal-benefiċċji tal-pensjoni li għalihom huma intitolati r-rikorrenti ma joħloqx kreditu kontra min iħaddem li jkunu jistgħu jinvokaw quddiem ir-riċevitur jew fil-kuntest ta' xi proċedura ta' stralċ ta' min iħaddimhom, u li ma jipprovdilhom ebda bażi legali oħra sabiex jaġixxu kontra min iħaddimhom fiċ-ċirkostanzi ta' dan il-każ, tapplika għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti?

Fl-evalwazzjoni ta' jekk Stat wettaqx l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8, il-qorti nazzjonali tista' tieħu inkunsiderazzjoni il-pensjoni kontributorja legali li ser jirċievu r-rikorrenti (li r-riċezzjoni tagħha hija indipendenti mill-iskema tal-pensjoni professjonali) u tqabbel (a) it-total tal-pensjoni legali u tal-valur tal-pensjoni li r-rikorrenti sejrin jew li x'aktarx sejrin effettivament jirċievu abbażi tal-iskema tal-pensjoni professjonali, ma' (b) it-total tal-pensjoni kontributorja legali u l-valur tad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati minn kull wieħed mir-rikorrenti fid-data li ngħalqet l-iskema, li kienet ġiet ikkonċepita b'tali mod li tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjoni legali sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-benefiċċji mitlub mir-rikorrenti?

F'każ ta' risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-ammonti li r-rikorrenti jistgħu effettivament jirċievu huma biżżejjed sabiex jitqies li l-Istat osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8?

Sabiex l-Artikolu 8 tad-Direttiva japplika, għandha tiġi stabbilita xi rabta kawżali bejn it-telf min-naħa tar-rikorrenti tal-benefiċċji tal-pensjoni tagħhom u l-insolvenza ta' min iħaddimhom, apparti mill-fatti li (i) fid-data li fiha, min iħaddem sab ruħu fi stat ta' insolvenza, l-iskema għall-pensjoni ma kinitx tibbenefika minn kopertura finanzjarja suffiċjenti u (ii) l-insolvenza ta' min iħaddem tfisser li dan ma għandux ir-riżorsi meħtieġa sabiex iħallas biżżejjed kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjoni sabiex jippermetti l-ħlas totali tal-benefiċċji tal-pensjoni dovuti lill-membri (b'min iħaddem ma jkollu l-ebda obbligu li jagħmel dan meta l-iskema tiġi likwidata)?

Il-miżuri adottati mill-Irlanda, kif deskritti iktar 'il fuq, jikkostitwixxu eżekuzzjoni tal-obbligi imposti mid-Direttiva fir-rigward tal-fatturi soċjali, kummerċjali u ekonomiċi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Irlanda matul ir-reviżjoni tas-sistema tal-protezzjoni tal-pensjonijiet wara s-sentenza Robins [...] u; b'mod partikolari; fir-rigward tal-"ħtiġiet għal żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat" li huma msemmija fil-premessa 3 tad-Direttiva?

Is-sitwazzjoni ekonomika [...] tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat li l-livell ta' protezzjoni tal-interessi tar-rikorrenti jkun inferjuri mil-livell li kien ikun meħtieġ f'ċirkostanzi oħra u, jekk dawn huwa l-każ, x'inhuwa l-livell inferjuri ta' protezzjoni ammissibbli?

F'każ ta' risposta negattiva għat-tieni domanda, il-fatt li l-miżuri meħuda mill-Istat wara s-sentenza Robins ma wasslux għar-riżultat li jippermetti li r-rikorrenti jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati tagħhom fil-kuntest tal-iskema għall-pensjoni professjonali tagħhom, fih innifsu jikkostitwixxi ksur serju tal-obbligi tal-Istat, li jawtorizza lir-rikorrenti li jitolbu l-kumpens għad-danni li sostnew (jiġifieri, mingħajr ma għandu jintwera separatament li l-imġiba tal-Istat wara s-sentenza Robins tikkostitwixxi nuqqas ta' osservanza manifest u serju tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva)?

____________

1 - Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36)