Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta' April 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Ireland - l-Irlanda) - Thomas Hogan et vs Minister for Social and Family Affairs et

(Kawża C-398/11) 

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta' insolvenza tal-persuna li timpjega - Direttiva 2008/94/KE - Kamp ta' applikazzjoni - Skemi komplementari ta' previdenza professjonali - Skemi ta' benefiċċji ddefiniti u ta' spejjeż ibbilanċjati - Insuffiċjenza ta' riżorzi - Livell minimu ta' protezzjoni - Kriżi ekonomika - Żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat - Obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta' insuffiċjenza ta' riżorsi - Responsabbiltà tal-Istat Membru fil-każ ta' traspożizzjoni żbaljata)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Thomas Hogan, Jonh Burns, John Dooley, Alfred Ryan, Michael Cunningham, Michael Dooley, Denis Hayes, Marion Walsh, Joan Power, Walter Walsh

Konvenuti: Minister for Social and Family Affairs, Irlande, Attorney General

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - High Court of Ireland - Interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1) u 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36) - Skemi komplimentari ta' previdenza professjonali - Insuffiċjenza ta' riżorsi tal-imsemmija skemi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix bażi legali li tippermetti lill-impjegati li jiksbu kumpens mingħand il-persuna li timpjegahom wara l-insolvenza tal-impriża - Obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġi l-interessi tal-impjegati - Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-osservanza ta' dan l-obbligu.

Dispożittiv

Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta' insolvenza ta' min iħaddimhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għad-drittijiet ta' ex impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija ta' skema komplementari ta' previdenza professjonali stabbilita mill-persuna li timpjegahom.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru wettaqx l-obbligu previst f'dan l-artikolu, il-benefiċċji tal-pensjoni legali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex dan japplika, huwa suffiċjenti li l-iskema komplementari ta' previdenza professjonali ma tkunx tibbenefika minn kopertura finanzjarja suffiċjenti meta l-persuna li timpjega tinsab fi stat ta' insolvenza u li, minħabba l-insolvenza tagħha, il-persuna li timpjega ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tħallas kontribuzzjonijiet suffiċjenti lil din l-iskema bil-għan li tippermetti l-ħlas kollu tal-benefiċċji dovuti lill-benefiċjarji. Ma huwiex neċessarju li dawn tal-aħħar jistabbilixxu l-eżistenza ta' fatturi oħra li jagħtu lok għat-telf tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija.

Id-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri adottati mill-Irlanda, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Jannar 2007, Robins et (C-278/05), ma jissodisfawx l-obbligi imposti minn din id-direttiva u li s-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tista' tiġġustifika livell ta' protezzjoni mnaqqas tal-interessi tal-ħaddiema fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplimentari ta' previdenza professjonali.

Id-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li, il-fatt li l-miżuri meħuda mill-Irlanda wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar 'il fuq, ma kellhomx l-effett li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet akkumulati tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija, skont skema komplimentari ta' previdenza professjonali, jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur serju tal-obbligi ta' dan l-Istat Membru.

____________

1 - ĠU C 290, 01.10.2011