Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fid-9 ta’ Novembru 2023 – Proċeduri kriminali kontra R. S.

(Kawża C-661/23, Jeszek 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-proċeduri prinċipali

R. S., Prokuratura Rejonowa Warszawa-Ursynów w Warszawie

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fih, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – għandhom jiġu interpretati dis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal:

a) l-Artikolu 233 tal-ustawa z dnia 11 marca 2022 r. o obronie Ojczyzny (il-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2022 dwar id-Difiża tan-Nazzjon), fil-verżoni kif redatta mill-ustawą z dnia 28 lipca 2023 r. o zmianie ustawy – Kodeks cywilny oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi tat-28 ta’ Lulju li Temenda l-Kodiċi Ċivili u Ċerti Liġijiet Oħra (Dz.U. 2023 pożizzjoni 1615), li skontu t-tneħħija tad-dritt ta’ mħallef ta’ krajowy sąd wojskowy (qorti militari nazzjonali) milli jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ mħallef f’qorti partikolari wara li tali mħallef ikun ġie rrilaxxat mis-servizz militari professjonali tiegħu (inkluż minħabba li jitqies li huwa permanentement mhux f’qaghda li jwettaq is-servizz militari professjonali), li jinkludi wkoll id-dritt ta’ dan l-imħallef li jpoġġi f’kulleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti f’kawżi li ġew assenjati lill-istess qorti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

b) l-Artikolu 13 tal-Liġi tat-28 ta’ Lulju li Temenda l-Kodiċi Ċivili u Ċerti Liġijiet Oħra, li skontu minn jum id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet, imsemmija fil-paragrafu (a) ta’ dan l-artikolu, imħallef ta’ qorti militari nazzjonali, irrilaxxat mis-servizz militari professjonali fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq jintalab jirtira ipso jure?

Il-fatt li l-persuna kkonċernata mid-dispożizzjoni msemmija fid-domanda 1(b) hija u tkun esklużivament imħallef wieħed sedenti f’kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju (l-hekk imsejħa liġi ad hominem) kif ukoll li fl-istess waqt inżammet fis-seħħ setgħa simili mogħtija lill-prosekuturi fejn dawn jistgħu jibqgħu jokkupaw il-kariga ta’ prosekutur f’kawżi militari minkejja r-rilaxx mis-servizz militari professjonali, huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda?

Id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ipso jure ta’ mħallef ta’ qorti militari nazzjonali fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda huwa mingħajr effett, bir-riżultat li dan l-imħallef jista’ jkompli jpoġġi fil-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju, u l-korpi kollha tal-istat, inklużi l-korpi ġudizzjarji, għandhom l-obbligu li jippermettulu jkompli jpoġġi f’tali kulleġġ ġudikanti konformement mar-regoli eżistenti?

Id-dritt tal-Unjoni, inkluż, minn naħa, l-Artikolu 2 TUE u l-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fih, l-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fih, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ supremazija, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 TUE u l-valur tad-demokrazija stabbilit fih, l-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt, jew l-obbligu, tal-qorti nazzjonali li tissospendi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, inklużi dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva, jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni?

Il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li l-qorti li ressqet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, kif ukoll li d-deċiżjoni dwar din is-sospensjoni sal-mument meta l-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni inklużi fir-risposta għal dan ir-rinviju hija neċessarja fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.