Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Ġunju 2012 - Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-267/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Bahn AG (Berlin, il-Ġermanja), Schenker AG (Essen, il-Ġermanja), Schenker China Ltd (Shanghai, iċ-Cina), Schenker International (H.K.) Ltd (Hong Kong, iċ-Cina) (rappreżentanti: F. Montag u B. Kacholdt, avukati, u D. Colgan u T. Morgan, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1(2)(g), 1(3)(a), 1(3)(b) u 1(4)(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1959 finali, tat-28 ta' Marzu 2012, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.462 - Trasport ta' merkanzija);

tannulla kompletament jew, sussidjarjament, tnaqqas il-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-Artikoli 2(2)(g), 2(3)(a), 2(3)(b) u 2(4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din l-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti, id-dritt għal smigħ xieraq u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, meta ma temmitx l-investigazzjoni tagħha dwar notifika peress li provi prodotti mir-rappreżentanti ta' ċerta kumpannija kienu vvizzjati minn serje ta' ksur tad-dritt;

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenza tagħha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata għalkemm ma kellhiex dritt skont ir-Regolament Nru 141/1962 2;

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 101(1) u 296 TFUE, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 4, 7 u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipji ta' responsabbiltà personali u ta' amministrazzjoni tajba meta żammet lil Schenker China Ltd responsabbli għall-aġir ta' BAX Global (China) Co. Ltd u meta imponiet multa fuq Schenker China Ltd għal dan l-aġir minkejja li Bax Global (China) Co. Ltd kienet sussidjarja li kienet tappartjeni lil impriża oħra mmexxija minn ċerta kumpannija matul ħafna mill-perijodu tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 1(3)(a) tad-deċiżjoni kkontestata;

Ir-raba' motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 23 u 27 tar-Regolament Nru 1/2003, id-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti, il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi 2006 4, il-prinċipju li l-piena għandha tkun proporzjonata mar-reat, kif ukoll il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta' nulla poena sine culpa, u l-prinċipju ta' proporzjonalità u li wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta stabbiliet l-ammont tal-multa abbażi tad-dħul mill-bejgħ li jeċċedi l-ammont teoretiku massimu li seta' jiġi impost għall-aġir iddefinit fl-Artikoli 1(2)(g), 1(3)(a), 1(3)(b) u 1(4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata;

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Avviż fuq il-Kooperazzjoni , kif ukoll il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta stabbiliet ir-rati tat-tnaqqis tal-multi tar-rikorrenti;

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta rrifjutat li tiftaħ taħdidiet għal tranżazzjoni taħt l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta' tranżazzjoni .

____________

1 - Regolament tal-Kunsill Nru 141, tas-26 ta' Novembru 1962, li jeżenta r-Retgolament tal-Kunsill Nru 17 mill-qasam tat-trasport (ĠU 1962 P 124, p. 2751)

2 - Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni jew it-tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell (Linji gwida għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2)

3 - Avviż tal-Kummissjoni dwar Immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartelli (ĠU 2006 C 298, p. 17).

4 - Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008 C 167, p. 1)