Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Diċembru 2014 – Patrick Breyer vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-582/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Patrick Breyer

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz ta’ Protokoll tal-Internet (indirizz IP), li huwa rreġistrat minn fornitur ta’ servizzi meta jsir aċċess għas-sit tal-internet tiegħu, jikkostitwixxi għal dan tal-aħħar data personali anki jekk huwa terz (f’dan il-każ, il-fornitur tal-aċċess) li għandu l-informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata?

L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li fuq il-bażi tagħha l-fornitur ta’ servizzi ma jistax jiġbor u juża data personali ta’ utent mingħajr il-kunsens tiegħu ħlief sa fejn dan ikun neċessarju sabiex l-użu konkret tal-midja elettronika mill-utent inkwistjoni jkun jista’ jiġi ffaċilitat u ffatturat u li fuq il-bażi tagħha l-għan li l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-midja elettronika tiġi ggarantita ma jistax jiġġustifika l-użu tad-data wara t-tmiem tas-sessjoni partikolari tal-utent?