Language of document : ECLI:EU:C:2016:779

Kawża C‑582/14

Patrick Breyer

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(a) – Artikolu 7(f) – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Indirizzi tal-protokoll tal-Internet – Żamma minn fornitur ta’ servizzi ta’ media online – Liġi nazzjonali li ma tippermettix li jitqies l-interess leġittimu segwit mill-kontrollur”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Kamp ta’ applikazzjoni – Data personali – Kunċett – Indirizz tal-protokoll tal-Internet dinamiku rreġistrat minn fornitur tas-servizzi ta’ media online meta ssir konsultazzjoni minn persuna ta’ sit Internet – Inklużjoni – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ mezzi legali li jippermettu li l-fornitur tas-servizzi tal-media online jidentifika l-persuna kkonċernata bis-saħħa tal-informazzjoni addizzjonali li għandu l-fornitur tal-aċċess għall-internet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(a))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Kundizzjonijiet għall-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali – Twettiq tal-interess leġittimu segwit mill-persuna responsabbli għall-ipproċessar jew mid-destinatarju tad-data – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess leġittimu tal-fornitur tas-servizzi ta’ media online sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-imsemmija servizzi – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 7(f))

1.      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data, għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz ta’ protokoll tal-internet (indirizz IP) dinamiku irreġistrat minn fornitur tas-servizzi ta’ media online meta ssir konsultazzjoni minn persuna ta’ sit internet li dan il-fornitur jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku jikkostitwixxi, fir-rigward tal-imsemmi fornitur, data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jkollu mezzi legali li jippermettulu jidentifika l-persuna kkonċernata bis-saħħa tal-informazzjoni addizzjonali li għandu l-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ din il-persuna.

Fil-fatt, il-fatt li l-informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex jiġi identifikat l-utent ta’ sit internet ma hijiex miżmuma mill-fornitur ta’ servizzi ta’ media online, iżda mill-fornitur ta’ aċċess għall-internet ta’ dan l-utent, għalhekk ma jidhirx li huwa ta’ natura li jeskludi li l-indirizzi IP dinamiċi rreġistrati mill-fornituri tas-servizzi tal-media online jikkostitwixxu, għal dan tal-aħħar, data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

(ara l-punti 44, 49, u d-dispożittiv 1)

1.      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fuq il-bażi tagħha fornitur ta’ servizzi ta’ media online ma jistax jiġbor u juża data personali ta’ utent ta’dawn is-servizzi, mingħajr il-kunsens tiegħu, ħlief sa fejn dan il-ġbir u dan l-użu jkunu neċessarji sabiex jiġi ffaċilitat u ffatturat l-użu konkret tal-imsemmija servizzi minn dan l-utent, mingħajr ma l-għan intiż li tiġi ggarantita l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-istess servizzi ma jkun jista’ jiġġustifika l-użu tal-imsemmija data wara sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

Fil-fatt, l-Artikolu 7(f) tal-imsemmija direttiva jipprekludi li Stat Membru jeskludi b’mod kategoriku u ġġeneralizzat il-possibbiltà li ċerti kategoriji ta’ data personali jiġu pproċessati, mingħajr ma jippermetti l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni f’każ partikolari. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jippreskrivi, għal dawn il-kategoriji, b’mod definittiv, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma jippermetti riżultat differenti minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ każ konkret.

(ara l-punti 62, 64, u d-dispożittiv 2)