Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2019 – L-Italja u Eurallumina vs Il-Kummissjoni

(Kawżi Magħquda T-119/07 u T-207/07) 1

(“Għajnuna mill-Istat – Direttiva 2003/96/KE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina – Eżenzjoni mis-sisa – Natura selettiva – Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat – Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent tal-2001 – Aspettattivi leġittimi – Preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kontradizzjoni tar-raġunijiet” )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti fil-Kawża T-119/07: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, assistit minn G. Aiello u P. Garofoli, avvocati dello Stato)

Rikorrenti fil-Kawża T-207/07: Eurallumina SpA (Portoscuso, l-Italja) (rappreżentanti: inizjalment L. Martin Alegi, R. Denton u E. Cormack, sussegwentement L. Martin Alegi, R. Denton, A. Stratakis u L. Philippou, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: fil-Kawża T-119/07, V. Di Bucci, N. Khan, G. Conte u K. Walkerová, aġenti, u fil-Kawża T-207/07, inizjalment V. Di Bucci, N .Khan, G. Conte u K. Walkerová, sussegwentement N. Khan u V. Bottka, aġenti)

Suġġett

Talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/375/KE tas-7 ta’ Frar 2007 dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal żjut minerali użati bħala karburant għal produzzjoni tal-alumina f[ir-reġjun] ta’ Gardenne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja rispettivament (C 78/2001 (ex NN 22/01), C 79/2001 (ex NN 23/01), C 80/2001 (ex NN 26/01)) (ĠU L 147, p. 29), sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja, sa mill-1 ta’ Jannar 2004, abbażi tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina f’Sardenia (l-Italja) u sa fejn tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra l-imsemmija għajnuna jew inkella tannulla jew tissospendi l-ħlas tagħha.

Dispożittiv

Ir-rikorsi huma miċħuda.

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża T-119/07.

Eurallumina SpA hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża T-207/07.

____________

1     ĠU C 129, 9.6.2007.