Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2018 – International Skating Union vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-93/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: International Skating Union (Lausanne, l-Isvizzera) (rappreżentant: J.-F. Bellis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2017 fil-Każ AT.40208 – International Skating Union’s Eligibility rules, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq raġunament ivvizzjat minn kontradizzjoni fundamentali.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regoli ta’ eliġibbiltà tar-rikorrenti ma għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regoli ta’ eliġibbiltà tar-rikorrenti ma għandhomx l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tar-rikorrenti li ma tapprovax l-avveniment Icederby ta’ Dubai tal-2014 taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE minħabba li din id-deċiżjoni segwiet għan leġittimu skont il-kodiċi ta’ etika tar-rikorrenti li jipprojbixxi kull forma ta’ sostenn għal-logħob tal-ażżard.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tar-rikorrenti li ma tapprovax l-avveniment Icederby ta’ Dubai tal-2014 taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE.

Is-sitt motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi tal-affermazzjoni li r-regoli tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport isaħħu l-allegati restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha meta imponiet fuq ir-rikorrenti rimedji li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ konstatazzjoni ta’ ksur.

It-tmien motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali valida għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità perijodiċi.

____________