Language of document : ECLI:EU:T:2023:373

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

5 ta’ Lulju 2023 (*)

“Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament – Privileġġi u immunitajiet – Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità Parlamentari – Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni – Kompetenza tal-awtorità li ħarġet it-talba ta’ tneħħija tal-immunità – Ċertezza legali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Portata tal-istħarriġ tal-Parlament – Proċedura ta’ eżami tat-talba ta’ tneħħija tal-immunità Parlamentari – Drittijiet tad-difiża – Imparzjalità”

Fil-Kawża T‑272/21,

Carles Puigdemont i Casamajó, residenti f’Waterloo (il-Belġju),

Antoni Comín i Oliveres, residenti f’Waterloo,

Clara Ponsatí i Obiols, residenti f’Waterloo,

irrappreżentati minn P. Bekaert, J. Costa i Rosselló, G. Boye u S. Bekaert, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz, N. Görlitz u J.‑C. Puffer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis u M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta, matul it-trattazzjoni, minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, S. Frimodt Nielsen, H. Kanninen, J. Schwarcz u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat id-digriet tat‑30 ta’ Lulju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament (T‑272/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:497),

wara li rat id-digriet tas‑26 ta’ Novembru 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament (T‑272/21 RII, mhux ippubblikat, EU:T:2021:834),

wara li rat id-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja (C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413),

wara s-seduta tal‑25 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Carles Puigdemont i Casamajó, Antoni Comín i Oliveres u Clara Ponsatí i Obiols, jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet P9_TA(2021)0059, P9_TA(2021)0060 u P9_TA(2021)0061 tal-Parlament Ewropew, tad‑9 ta’ Marzu 2021, dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tagħhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        L-ewwel rikorrent, kien il-President tal-Generalitat de Cataluña (il-Generalità ta’ Cataluña, Spanja) u t-tieni u t-tielet rikorrent kienu membri tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) fil-mument meta ġiet adottata l-Ley 19/2017 del Parlamento de Cataluña, reguladora del referéndum de autodeterminación (il-Liġi 19/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña, li Tirregola r-Referendum Dwar l-Awtodeterminazzjoni), tas‑6 ta’ Settembru 2017 (DOGC 7449A tas‑6 ta’ Settembru 2017, p. 1), u l-Ley 20/2017 del Parlamento de Cataluña, de transitoriedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi 20/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña dwar it-Tranżizzjoni Ġuridika u Konstitutiva tar-Repubblika), tat‑8 ta’ Settembru 2017 (DOGC 7451A, tat‑8 ta’ Settembru 2017, p. 1), kif ukoll meta, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, inżamm ir-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, sadanittant, ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja).

3        Wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġijiet u wara ż-żamma ta’ dan ir-referendum, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-partit politiku VOX bdew proċeduri kriminali kontra numru ta’ persuni, fosthom ir-rikorrenti, billi qiesu li dawn kienu wettqu atti li jaqgħu, skont il-persuni kkonċernati, b’mod partikolari taħt ir-reati ta’ ribelljoni, ta’ sedizzjoni u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“proċeduri kriminali inkwistjoni”).

4        Fil‑21 ta’ Marzu 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tat digriet li jsib lir-rikorrenti ħatja għall-allegat ksur ta’ ribelljoni u ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Lulju 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddikjarat li dawn tal-aħħar kienu kontumaċi, wara li huma kienu ħarbu mir-Renju ta’ Spanja, u ssospendiet il-proċeduri kriminali miftuħa kontrihom sakemm huma jinstabu.

5        Sussegwentement, ir-rikorrenti ppreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew li nżammu fi Spanja fis‑26 ta’ Mejju 2019.

6        Fit‑13 ta’ Ġunju 2019, il-Junta Electoral Central (il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja) adottat id-deċiżjoni li kienet tipproklama l-kandidati eletti fil-Parlament matul l-elezzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2019, li fosthom kien hemm l-ewwel u t-tieni rikorrent.

7        Fis‑17 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali nnotifikat lill-Parlament il-lista tal-kandidati eletti fi Spanja, li ma kinitx tinkludi l-ismijiet tal-ewwel u t-tieni rikorrent.

8        Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali kkomunikat lill-Parlament deċiżjoni li fiha hija kkonstatat li l-ewwel u t-tieni rikorrent ma kinux ħadu l-ġurament li jirrispettaw il-Kostituzzjoni Spanjola meħtieġ mill-Artikolu 224(2) tal-Ley orgánica 5/1985, de régimen electoral general (il-Liġi Organika 5/1985, li Tistabbilixxi s-Sistema Elettorali Ġenerali), tad‑19 ta’ Ġunju 1985 (BOE Nru 147, tal‑20 ta’ Ġunju 1985, p. 19110), u, b’konformità ma’ dan l-artikolu, iddikjarat vakanti s-siġġijiet allokati lir-rikorrenti fil-Parlament kif ukoll is-sospensjoni tal-prerogattivi kollha li huma seta’ jkollhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom sakemm huma jkunu ħadu dan il-ġurament.

9        Fis‑27 ta’ Ġunju 2019, il-President tal-Parlament ta’ dak iż-żmien informa lill-ewwel u t-tieni rikorrent li ma kienx f’pożizzjoni li jittrattahom bħala futuri membri tal-Parlament.

10      Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, l-imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, mandat ta’ arrest Ewropew u mandat ta’ arrest internazzjonali kontra l-ewwel rikorrent, sabiex huwa jkun jista’ jiġi ġġudikat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. Fl‑4 ta’ Novembru 2019, inħarġu mandati ta’ arrest simili mill-istess qorti kontra t-tieni u t-tielet rikorrent.

11      Fit‑13 ta’ Jannar 2020, il-President tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) bagħat lill-Parlament it-talba tal‑10 ta’ Jannar 2020, mibgħuta taħt ir-responsabbiltà tal-President tal-Awla Kriminali ta’ din il-qorti, li tirriżulta minn digriet tal-istess ġurnata tal-qorti istruttorja ta’ din l-awla, li għandha bħala suġġett it-tneħħija tal-immunità Parlamentari tal-ewwel u t-tieni rikorrent.

12      Waqt is-seduta plenarja tat‑13 ta’ Jannar 2020, il-Parlament ħa nota, wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), tal-elezzjoni tal-ewwel u t-tieni rikorrent fil-Parlament b’effett mit‑2 ta’ Lulju 2019.

13      Fis‑16 ta’ Jannar 2020, il-Viċi President tal-Parlament ikkomunika f’seduta plenarja t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-ewwel u t-tieni rikorrent u bagħathom lill-kumitat responsabbli, jiġifieri l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament.

14      Fl‑10 ta’ Frar 2020, il-Parlament, wara l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea, li seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2020, ħa nota tal-elezzjoni tat-tielet rikorrent bħala membru tal-Parlament b’effett mill‑1 ta’ Frar 2020.

15      Fl-istess ġurnata, il-President tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) bagħat lill-Parlament it-talba tal‑4 ta’ Frar 2020, mibgħuta taħt ir-responsabbiltà tal-President tal-Awla Kriminali ta’ din il-qorti, li tirriżulta minn digriet tal-istess ġurnata tal-qorti istruttorja ta’ din l-awla, li għandha bħala suġġett it-tneħħija tal-immunità Parlamentari tat-tielet rikorrent.

16      Fit‑13 ta’ Frar 2020, il-Viċi President tal-Parlament ikkomunika f’seduta plenarja t-talba għat-tneħħija tal-immunità tat-tielet rikorrent u bagħatha lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

17      Ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Parlament. Ir-rikorrenti nstemgħu ukoll mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl‑14 ta’ Jannar 2021.

18      Fit‑23 ta’ Frar 2021, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali adotta r-rapporti A 9-0020/2021, A 9-0021/2021, u A 9-0022/2021, dwar it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti.

19      Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament laqa’ t-talbiet imsemmija fil-punt 11 u 15 iktar ’il fuq.

 Ittalbiet talpartijiet

20      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

21      Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

22      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

23      L-ewwel motiv ibbażat, essenzjalment, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

24      It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegata inkompetenza tal-awtorità nazzjonali li ħarġet u bagħtet lill-Parlament Ewropew it-talbiet intiżi għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti.

25      It-tielet motiv ibbażat, essenzjalment, fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

26      Ir-raba’ motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

27      Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni legali, tad-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva u tad-drittijiet tad-difiża minħabba nuqqas ta’ ċarezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

28      Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 343 TFUE, tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Tattati UE u FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”) u tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament applikabbli għad-Disa’ Leġiżlatura (2019-2024), fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall-modifika tiegħu permezz tad-deċiżjoni tal-Parlament tas‑17 ta’ Jannar 2023 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), sa fejn il-Parlament ma osservax il-limiti li jillimitaw is-setgħa tiegħu li jneħħi l-immunità tal-membri tiegħu.

29      Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Parlament mingħajr ġustifikazzjoni mar lil hinn mill-prattika preċedenti tiegħu jew mill-eżistenza ta’ żbalji fl-evalwazzjoni ta’ fumus persecutionis.

30      It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Parlament, għall-ewwel darba, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, awtorizza d-detenzjoni provviżorja tal-membri tiegħu.

31      Sa fejn is-sitt motiv jinkludi, essenzjalment, ilmenti dwar allegati żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jivvizzjaw l-eżami mill-Parlament tal-fumus persecutionis, dawn l-ilmenti ser jiġu ttrattati flimkien mas-seba’ motiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa relevanti li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv u wara t-tielet motiv fl-aħħar lok, wara t-tmien motiv.

 Fuq lammissibbiltà tarriferimenti għall-annessi

32      Il-Parlament b’mod partikolari kkontesta l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn jidhru biss fl-annessi għall-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

33      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu b’mod partikolari jindika t-talbiet u sunt tal-motivi invokati. Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li dan is-sunt għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali taqta’ r-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra li ssostnih. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argumenti ta’ liġi li għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tikkunsidra li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, T‑191/16, mhux ippubblikat, EU:T:2021:707, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi timplika li, sa fejn dawn jinkludu punti ta’ liġi li fuqhom huma bbażati ċerti motivi sostnuti fir-rikors, elementi bħal dawn għandhom jiġu inklużi fit-test innifsu tiegħu jew tal-inqas ikunu identifikati b’mod ċar f’din in-nota (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 99). L-annessi ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw motiv deskritt fil-qosor fir-rikors billi jressqu lmenti jew argumenti li ma humiex fir-rikors (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Din l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skont l-Artikolu 83 tal-istess Regoli tal-Proċedura, hija intiża li tikkompleta r-rikors (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti għamlu numru ta’ riferimenti għal dokumenti, xi drabi voluminużi, annessi magħhom. Madankollu, id-dokumenti li għalihom jirreferu ċerti riferimenti, ma humiex intiżi biss sabiex jissostanzjaw u jikkompletaw, fuq punti speċifiċi, ċerti argumenti tal-korp tan-nota li magħha huma annessi, iżda jinkludu l-ispjegazzjoni stess tal-imsemmija argumenti, b’mod li, mingħajr l-analiżi ta’ dawn id-dokumenti, dawn ma humiex komprensibbli.

37      Minn dan isegwi li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 sa 35 iktar ’il fuq, l-annessi prodotti mir-rikorrenti ser jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi, li jinsabu fihom, li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti.

 Fuq ilmertu

 Ilkuntest ġuridiku

–       Iddritt talUnjoni

38      L-Artikolu 343 TFUE jipprovdi li “[l-]Unjoni għandha tgawdi fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skont il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll [Nru 7] […]”

39      Il-Kapitolu III tal-Protokoll Nru 7, dwar il-Membri tal-Parlament Ewropew”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, li jipprovdi:

“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

40      Fl-istess kapitolu, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b)      fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”

41      Il-Kapitolu VII tal-Protokoll Nru 7, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali” jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu, li jipprovdi:

“L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.”

42      L-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Privileġġi u immunitajiet”, jipprevedi:

“1. Il-Membri jgawdu l-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 7 […].

2. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.

[…]”

43      L-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Tneħħija tal-immunità”, jipprevedi:

“1. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tiġi eżaminata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 […] u skont il-prinċipji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2).

[…]”

44      L-Artikolu 9 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Proċeduri dwar l-immunità”, jipprovdi:

“1. Kwalunkwe talba indirizzata lill-President [tal-Parlament] minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli.

[…]

3. Il-kumitat għandu jeżamina mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

4. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet. L-emendi m’għandhomx ikunu ammissibbli. Jekk proposta tiġi miċħuda, id-deċiżjoni kuntrarja għandha titqies li tkun ġiet adottata.

5. Il-kumitat jista’ jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista’ jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.

6. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema’ u jista’ jippreżenta kwalunkwe dokument jew evidenza oħra bil-miktub li jħoss li huma rilevanti.

[…]

7. Jekk it-talba tfittex li tneħħi jew li tħares l-immunità għal aktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista’, bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta’ prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta’ detenzjoni jew rimandar jew minn kull miżura oħra li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu.

8. Il-kumitat jista’ jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m’għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

[…]

12. Il-Parlament għandu jeżamina biss talbiet biex titneħħa l-immunità ta’ xi Membru li jkunu ġew trażmessi lilu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew mir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri.

13. Il-kumitat għandu jistabbilixxi l-prinċipji għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

14. Kull talba għal informazzjoni dwar il-firxa tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri magħmula minn awtorità kompetenti għandha tiġi eżaminata skont ir-regoli t’hawn fuq.”

–       Id-dritt Spanjol

45      L-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola jistipula:

“1. Id-deputati u s-senaturi jgawdu mill-invjolabbiltà għall-opinjonijiet espressi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

“2. Matul il-mandat tagħhom, id-deputati u s-senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu suġġetti għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-assemblea rispettiva tagħhom.

“3. Fil-proċeduri kriminali kontra deputati jew senaturi, l-awla kompetenti hija l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo [(il-Qorti Suprema)].

[…]”

46      L-Artikoli 750 sa 753 tal-Ley de Enjuiciamiento Criminal (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 750

Il-qorti jew it-tribunal li għandu motiv għall-prosekuzzjoni ta’ senatur jew deputat sedenti fil-Cortes [(is-Senat u l-Kamra tad-Deputati, Spanja)] minħabba reat kriminali ma għandux jiftaħ proċedura fil-konfront tiegħu matul is-sessjoni [tas-Senat u l-Kamra tad-Deputati] sa fejn ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni korrispondenti tal-assemblea li l-persuna kkonċernata tifforma parti minnha.

Artikolu 751

Jekk is-senatur jew id-deputat ikun inqabad iwettaq reat, huwa jista’ jiġi arrestat u jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni msemmija fl-artikolu preċedenti; madankollu, f’erbgħa u għoxrin siegħa mill-arrest jew mill-prosekuzzjoni kriminali, l-assemblea li minnha jifforma parti għandha tiġi informata.

L-assemblea rispettiva għandha tiġi informata wkoll b’kull proċedura kriminali miftuħa kontra dak li, minkejja li ġie mressaq għal prosekuzzjoni kriminali, jiġi elett senatur jew deputat.

Artikolu 752

Jekk senatur jew deputat jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali matul waqfa parlamentari, il-qorti jew it-tribunal li quddiemu titressaq il-kawża għandu jinforma immedjatament l-assemblea rispettiva dwar dan.

L-istess japplika meta senatur jew deputat elett jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali qabel ma jiltaqa’ [s-Senat jew il-Kamra tad-Deputati].

Artikolu 753

Fi kwalunkwe każ, ir-reġistratur għandu jissospendi l-proċedura mill-ġurnata li fiha [s-Senat jew il-Kamra tad-Deputati] jiġi informat, kemm jekk ikun waqt perijodu ta’ sessjonijiet kif ukoll jekk le, u l-affarijiet għandhom jibqgħu f’dak l-istat sakemm l-assemblea rispettiva tiddeċiedi kif jidhirlha xieraq.”

47      Ir-Reglamento del Senado (Regolament tas-Senat) tat‑3 ta’ Mejju 1994 (BOE Nru 114, tat‑13 ta’ Mejju 1994, p. 14687), jipprovdi, fl-Artikolu 22(1) tiegħu:

“Matul il-mandat tagħhom, is-senaturi jgawdu mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Id-detenzjoni jew l-arrest għandhom jiġu kkomunikati minnufih lill-Presidenza tas-Senat.

Is-senaturi ma jistgħux jiġu akkużati jew imħarrka mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-Senat, mitluba permezz tat-talba għat-tneħħija tal-immunità rilevanti. Tali awtorizzazzjoni hija wkoll neċessarja jekk persuna ssir senatur meta hija tkun mħarrka jew akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.”

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti taddeċiżjoni kkontestata

48      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex motivati b’mod suffiċjenti. L-ewwel, il-Parlament ma pprovda ebda risposta għall-osservazzjonijiet tagħhom kemm dwar l-irregolaritajiet proċedurali rrilevati kif ukoll dwar il-fondatezza tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, u lanqas ma ddeċieda dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta’ Proċedura. It-tieni, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), inkluż fl-Artikolu 52 tagħha, minkejja l-osservazzjonijiet li huma kienu fformulaw dwar il-ksur tagħha. It-tielet, dawn ma jinkludu ebda motivazzjoni fir-rigward tal-effett tat-tneħħija tal-immunità tagħhom fuq il-funzjonament tajjeb tal-Parlament. Ir-raba’, il-Parlament ma mmotivax il-konklużjoni tiegħu dwar l-assenza ta’ fumus persecutionis.

49      Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, jikkontesta dawn l-argumenti.

50      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, peress li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Fakro vs Il‑Kummissjoni, C‑149/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:517, punt 190; ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Hagenmeyer u Hahn vs Il‑Kummissjoni, T‑17/12, EU:T:2014:234, punt 173, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Mélin vs Il‑Parlament, T‑726/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:816, punt 25).

52      L-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, C‑54/20 P, EU:C:2022:349, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati humiex motivati b’mod suffiċjenti.

54      F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma simili ħafna, bl-eċċezzjoni tal-ismijiet tal-membri tal-Parlament ikkonċernati, tad-data tal-adozzjoni ta’ ċerti atti ġudizzjarji u, fir-rigward tat-tielet rikorrent, taċ-ċirkustanzi tal-elezzjoni tagħha fil-Parlament u minħabba l-fatt li hija akkużata, fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni, għall-allegat reat ta’ sedizzjoni biss.

55      F’dawn id-deċiżjonijiet, essenzjalment, il-Parlament indika, fil-punt A, li kien adit b’talbiet, imressqa mill-President tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), intiżi għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, imressqa fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. Huwa rrileva, fil-punti F u G, li ma kellux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar ir-rilevanza tal-azzjoni kriminali, u lanqas sabiex jikkontesta l-merti tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Bl-istess mod, fil-punt H, huwa indika li ma kienx kompetenti sabiex jevalwa jew jikkontesta l-kompetenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali responsabbli għall-proċeduri kriminali inkwistjoni. Fil-punt I, huwa rrileva li l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kienet, skont id-dritt Spanjol kif huwa interpretat mill-qrati nazzjonali u kkomunikat lill-Parlament mir-Renju ta’ Spanja, l-awtorità kompetenti sabiex jitlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament.

56      Barra minn hekk, fil-punt J, il-Parlament qies li l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 ma kienx applikabbli, peress li l-fatti inkwistjoni ma kinux relatati ma’ opinjonijiet jew ma’ voti mogħtija minn membri tal-Parlament fil-qadi ta’ dmirijiethom.

57      Il-Parlament sussegwentement eżamina l-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll. Fil-punti K sa N, huwa rrileva li, skont it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, l-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola ma kienx jimponi li tinkiseb awtorizzazzjoni parlamentari sabiex titkompla l-proċedura kriminali fir-rigward ta’ persuna li kisbet il-kwalità ta’ parlamentari wara l-akkuża tagħha u li, għaldaqstant, ma kienx neċessarju li tintalab it-tneħħija tal-immunità skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. Sussegwentement, huwa ppreċiża li ma kienx il-kompitu tiegħu li jinterpreta r-regoli nazzjonali dwar l-immunitajiet tal-membri tal-Parlament (punt N).

58      Fl-aħħar nett, fil-punti O sa W, il-Parlament evalwa jekk kienx hemm lok li titneħħa l-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. F’dan ir-rigward, essenzjalment, huwa qies li r-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest b’mod partikolari Ewropej, li l-legalità tagħhom kienet ġiet ikkonfermata mill-qrati nazzjonali, u li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tagħhom kienu intiżi sabiex jippermettu l-eżekuzzjoni tagħhom (punt P). Huwa qies li l-akkuża mressqa fil-konfront tar-rikorrenti ma kinitx manifestament marbuta mad-dmirijiet tagħhom ta’ membri tal-Parlament, iżda kienet tirrigwarda l-funzjonijiet preċedenti tagħhom fil-Cataluña (punt T), li din l-akkuża kienet tirrigwarda wkoll persuni oħra li ma għandhomx il-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew (punt U) u li ma setax jiġi affermat li l-proċedura kriminali inkwistjoni kienet saret sabiex tagħmel ħsara lill-attività politika tar-rikorrenti bħala membri tal-Parlament Ewropew (fumus persecutionis) peress li kemm il-fatti allegati kif ukoll l-imsemmija proċedura kienu datati minn perijodu li fih il-kisba tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament mir-rikorrenti kienet għadha ipotetika (punti V u W). Konsegwentement, il-Parlament neħħa l-immunità tar-rikorrenti prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

59      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punt 51 iktar ’il fuq, is-silenzju tad-deċiżjonijiet ikkontestati dwar l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jistabbilixxi li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni ġie miksur mill-Parlament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li la n-numru u lanqas l-importanza tal-argumenti u tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma huma ta’ natura li jbiddlu l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-Parlament (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96).

60      Sussegwentement, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jirrispondux għall-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-fondatezza tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, filwaqt li dawn l-osservazzjonijiet huma f’kontradizzjoni diretta mal-motivi tal-imsemmija deċiżjonijiet.

61      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sustanza tagħhom tfakkret fil-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-punt I tagħhom jinkludi r-raġunijiet li għalihom il-Parlament ċaħad impliċitament l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-inammissibbiltà tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) sabiex tagħmilhom. Fil-punti M u N, il-Parlament wieġeb ukoll b’mod impliċitu għall-argument ibbażat fuq il-fatt li l-proċeduri kriminali fi Spanja ma kinux ġew awtorizzati mill-Parlament. Bl-istess mod, il-punti F u G jikkostitwixxu risposta impliċita għall-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-possibbiltà tal-proċeduri fid-dawl tal-fatti li huma akkużati bihom. Għall-bqija, mill-analiżi li tinsab fil-punti O sa W tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-oġġezzjonijiet dwar il-persekuzzjonijiet politiċi, in-natura eċċezzjonali tal-kawżi inkwistjoni, il-kronoloġija tal-avvenimenti, il-funzjonament tajjeb tal-Parlament, b’mod partikolari l-integrità u l-indipendenza tiegħu, in-natura sproporzjonata tat-tneħħija tal-immunità fiċ-ċirkustanzi tal-każ u d-diversi preċedenti invokati mir-rikorrenti ġew miċħuda minħabba li l-fumus persecutionis, jiġifieri l-eżistenza ta’ punti ta’ fatt li jindikaw li l-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività tal-membri tal-Parlament u, għaldaqstant tal-Parlament, setgħet tiġi eskluża. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ tali fumus jirriżultaw b’mod suffiċjentement ċar mill-punti T sa V tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

62      Barra minn hekk, ċertament, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jiddeċidux espliċitament dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta’ Proċedura (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) invokat mir-rikorrenti, li jipprovdi li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jista’, b’mod eċċezzjonali, jipproponi li t-tneħħija tal-immunità tkun tirrigwarda esklużivament it-tkomplija tal-azzjoni kriminali, mingħajr ma tkun tista’ tiġi adottata ebda miżura ta’ arrest, ta’ detenzjoni, u lanqas xi miżura oħra li tipprekludi lill-membru tal-Parlament milli jeżerċita l-funzjonijiet inerenti għall-mandat tiegħu, sakemm ma tkunx ingħatat sentenza definittiva. Madankollu, peress li l-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħha (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), il-fatt li t-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti kienet intiża sabiex tkompli l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċeduri kriminali mmexxija fil-konfront tagħhom, kif espost b’mod partikolari fil-punti B u P ta’ dawn id-deċiżjonijiet, jippermetti li jiġu identifikati r-raġunijiet li għalihom il-Parlament ma applikax dan l-artikolu, li l-formulazzjoni tiegħu tipprevedi, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni tiegħu hija eċċezzjonali.

63      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma rrispondewx għall-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, b’mod partikolari tas‑16, tat‑23 u tal‑24 ta’ Novembru 2020, dwar allegati irregolaritajiet proċedurali, b’mod partikolari, il-ħatra ta’ relatur wieħed fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Legali sabiex jiġu ttrattati t-tliet talbiet għat-tneħħija tal-immunità u n-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur u tal-president ta’ dan il-kumitat.

64      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità ma jipprevedu ebda proċedura intiża sabiex tiġi kkontestata l-ħatra, minn dan il-kumitat, tar-relatur inkarigat minn każ ta’ immunità jew il-presidenza tal-laqgħa li matulha din il-kawża hija eżaminata mill-President fil-kariga.

65      F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jinkludu ebda risposta espliċita, u lanqas ebda riferiment għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-allegati irregolaritajiet proċedurali msemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq. Madankollu, billi żamm l-uniku relatur għall-eżami tat-tliet talbiet għat-tneħħija tal-immunità kif ukoll il-President Spanjol tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, dan tal-aħħar neċessarjament ikkunsidra li l-irregolaritajiet proċedurali allegati mir-rikorrenti ma kinux fondati. Il-fatt li l-Parlament ma indikax il-motivi ta’ tali konklużjoni madankollu ma jaffettwax iċ-ċarezza tar-raġunament li wassal lill-Parlament sabiex ineħħi l-immunità tar-rikorrenti, u lanqas ma jostakola l-istħarriġ tal-legalità mill-Qorti Ġenerali dwar dawn l-allegati irregolaritajiet, li ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv.

66      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jsostnu li l-assenza ta’ tweġiba mill-Parlament għat-talbiet tagħhom intiżi sabiex tinkiseb it-traduzzjoni tad-dokumenti li huma kienu pproduċew għall-finijiet tal-komunikazzjoni tagħhom lill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali taffettwa l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-membru tal-Parlament ikkonċernat jew għar-rappreżentant tiegħu, li jitlob it-traduzzjoni ta’ dokument prodott fil-kuntest tal-eżami tat-talba għat-tneħħija tal-immunità. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ talba għal traduzzjoni ma taqax taħt il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni li fuqhom il-Parlament huwa obbligat jieħu espliċitament pożizzjoni f’din id-deċiżjoni.

67      Fit-tielet lok, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jinkludu ebda riferiment għall-Karta u, b’mod partikolari għall-Artikolu 52 tagħha, minkejja l-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, ma huwiex ta’ natura li jikkaratterizza insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-Parlament ma kienx obbligat iwieġeb għall-argumenti kollha tar-rikorrenti (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati josservawx id-dispożizzjonijiet tal-Karta taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom u ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-motivi fuq il-mertu ppreżentati mir-rikorrenti.

68      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet ikkontestati qiegħdu lir-rikorrenti f’pożizzjoni li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom l-immunità tagħhom tneħħiet u l-qorti kompetenti għandha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

69      Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq linkompetenza talawtorità nazzjonali li ħarġet u bagħtet lillParlament ittalbiet għattneħħija talimmunità tarrikorrenti

70      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament naqas mill-obbligu tiegħu li jivverifika l-kompetenza tal-awtorità nazzjonali li indirizzat it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità.

71      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma kinitx l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tagħhom. Huma jispjegaw li din il-qorti kkunsidrat li, għalkemm ebda test ma kien jagħtiha espressament tali kompetenza fir-rigward ta’ membru tal-Parlament Ewropew elett għar-Renju ta’ Spanja, din kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni b’analoġija, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 71(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola, li kien jagħtiha il-kompetenza sabiex tinvestiga, tiddeċiedi u tressaq talba għat-tneħħija tal-immunità fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Spanjoli. Dik il-qorti qieset ukoll li tali applikazzjoni b’analoġija kienet eskluża fir-rigward tal-membri tal-Parlament Ewropew eletti għal Stat Membru ieħor u li, għal dawn tal-aħħar, hija l-qorti Spanjola territorjalment kompetenti li kellha titlob it-tneħħija tal-immunità. Skont ir-rikorrenti, din l-interpretazzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) hija żbaljata u tikser l-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta. In-nuqqas ta’ kompetenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) diġà ġiet irrikonoxxuta mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) u mill-grupp ta’ ħidma dwar id-detenzjoni arbitrarja maħluqa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li l-interpretazzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) hija iktar sorprendenti peress li hija bbażata fuq il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, li madankollu din il-qorti ċċaħħadhom mill-benefiċċju tiegħu. Huma jfakkru li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) sistematikament irrifjutat li tagħmel domanda preliminari f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja.

72      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ma kienx marbut b’din l-interpretazzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li hija kellha teżamina l-bażi tagħha. Fil-fehma tagħhom, anki jekk jitqies li din l-interpretazzjoni hija stabbilita, il-fatt li l-Parlament eżamina l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tan-notifiki tar-Renju ta’ Spanja tal‑11 ta’ Ġunju 2014 u tat‑30 ta’ Settembru 2020, li lanqas biss huma msemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ma jistax jiġi assimilat ma’ stħarriġ fid-dawl tan-natura spekulattiva u purament indikattiva ta’ dawn in-notifiki.

73      Billi ma wettaqx tali stħarriġ, il-Parlament, skont ir-rikorrenti, kiser l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, moqri fid-dawl tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, kif ukoll l-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

74      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrelevaw li l-Artikolu 756 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li t-talba għat-tneħħija tal-immunità hija indirizzata permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja, li ma kienx il-każ.

75      Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dawn l-argumenti.

76      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-awtorità kompetenti sabiex tikkomunika lill-Parlament talba għat-tneħħija tal-immunità, ir-rikorrenti jsostnu, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità ntbagħtu minn awtorità inkompetenti. Huma jippreċiżaw li, skont l-Artikolu 756 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, tali talbiet kellhom jiġu indirizzati permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li huwa għandu skont l-Artikolu 232 TFUE, il-Parlament iddeċieda, kif jidher fl-Artikolu 9(12) tar-Regoli ta’ Proċedura, li t-talbiet ta’ tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament kellhom jiġu kkomunikati lilu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew mir-rappreżentanza permanenti ta’ Stat Membru, mingħajr ma jsir riferiment għad-dritt nazzjonali. Din id-dispożizzjoni, li l-legalità tagħha ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, ġiet osservata f’dan il-każ, peress li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità ġew ikkomunikati lill-Parlament mill-President tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), kif huwa mfakkar fl-ewwel inċiż tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

78      Għaldaqstant, l-ilment imsemmi fil-punt 76 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

79      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-awtorità kompetenti sabiex toħroġ talba għat-tneħħija tal-immunità, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-President għandu l-obbligu li jikkomunika f’seduta plenarja u li jibgħat lill-kumitat kompetenti kull talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament li tkun saritlu minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru. Skont l-Artikolu 9(8) tal-imsemmija regoli, meta l-kumitat kompetenti tal-Parlament jeżamina din it-talba, huwa jista’ jagħti opinjoni motivata dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibbiltà tat-talba. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa l-Parlament li għandu jiżgura ruħu mill-kompetenza tal-awtorità li tkun ressqet it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità.

80      Fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tiddetermina l-awtorità kompetenti sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament, huwa kull Stat Membru, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tiegħu, li għandu jinnominaha. Għalhekk, tali indikazzjoni taqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali.

81      F’dan ir-rigward, il-Parlament talab lil kull Stat Membru jidentifika l-awtorità kompetenti sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament. Permezz ta’ notifika tal‑11 ta’ Ġunju 2014, indirizzata lill-President tal-Parlament mir-rappreżentant permanenti tar-Renju ta’ Spanja għall-Unjoni Ewropea, il-Gvern Spanjol indika li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni fid-dritt Spanjol li tidentifika din l-awtorità, seta’ jitqies, b’mod purament indikattiv, li din kienet l-istess awtorità bħal dik li kienet kompetenti fil-qasam tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tad-deputati u tas-senaturi Spanjoli, jiġifieri l-President tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

82      Fit-tieni notifika tat‑30 ta’ Settembru 2020, il-Gvern Spanjol ippreċiża li l-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola (ara l-punt 45 iktar ’il fuq) u l-Artikolu 57 tal-Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial (il-Liġi Organika 6/85 dwar is-Setgħa Ġudizzjarja) kienet tafda l-proċeduri kriminali fil-konfront tad-deputati u tas-senaturi Spanjoli lit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u li, f’dan il-kuntest u fid-dawl ta’ preċedenti reċenti, il-President tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li jaġixxi permezz tal-President tal-imsemmi Tribunal, kien ġie identifikat bħala li huwa l-awtorità kompetenti fil-qasam tat-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament Ewropew.

83      F’dan il-każ, fil-punt I tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament indika li l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kienet, skont id-dritt Spanjol kif interpretat mill-qrati nazzjonali u kkomunikat lill-Parlament mir-Renju ta’ Spanja, l-awtorità kompetenti sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament.

84      Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li n-notifika tat‑30 ta’ Settembru 2020 tirrifletti l-istat tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-awtorità kompetenti sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament, elett għar-Renju ta’ Spanja. Is-sentenzi invokati mir-rikorrenti li fihom it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tikkonstata n-nuqqas ta’ kompetenza tagħha sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament jikkonċernaw fil-fatt il-każ ta’ membri tal-Parlament Ewropew mhux eletti għar-Renju ta’ Spanja. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ma eżawrixxiex l-istħarriġ li huwa kien obbligat iwettaq f’dan ir-rigward billi sostna li, fid-dawl tal-elementi li huma kienu pproduċew quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, huwa kellu jeżamina jekk din il-ġurisprudenza nazzjonali kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Karta, u dan, iktar u iktar peress li hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

85      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 13(2) TUE, il-Parlament jaġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mit-Trattati. Issa, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Protokoll Nru 7, ma tagħti kompetenza lill-Parlament sabiex jevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-għażliet magħmula mill-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex tressaq talba għat-tneħħija tal-immunità, li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali (ara l-punt 80). Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar l-imsemmija konformità, jekk ikun il-każ, wara rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

86      Sussegwentement, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), invokata mir-rikorrenti hija irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, din tirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-ftuħ, tal-atti preparatorji jew tal-proposti mhux vinkolanti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati tal-Unjoni biss kellhom ġurisdizzjoni sabiex jeżerċitaw stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni finali, li kien jinkludi l-eżami tad-difetti potenzjali li jivvizzjaw il-legalità tal-imsemmija atti intermedjarji li huma ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni finali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 43 u 44). Madankollu, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità kontenzjużi jaqgħu fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mmexxija fuq livell nazzjonali, li fiha s-setgħa deċiżjonali finali tappartjeni lill-qorti nazzjonali kompetenti. Għaldaqstant, dawn ma jikkostitwixxux att preparatorju, ta’ ftuħ jew proposta mhux vinkolanti adottat mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni fis-sens tal-imsemmija sentenza, li huwa l-Parlament u, jekk ikun il-każ, il-Qorti Ġenerali, li għandu jistħarreġ ir-regolarità tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkontestaw ir-regolarità tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tagħhom quddiem il-qrati Spanjoli.

87      Bl-istess mod, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1972, Meinhardt vs Il‑Kummissjoni (24/71, EU:C:1972:37), u tal-5 ta’ Mejju 2021, Falqui vs Il‑Parlament (T‑695/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:242), invokati mir-rikorrenti ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, dawn il-kawżi jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom istituzzjoni tal-Unjoni timplimenta leġiżlazzjoni nazzjonali li għaliha jirreferi d-dritt tal-Unjoni. Dan ma huwiex il-każ tal-Parlament peress li, meta jiddeċiedi dwar talba għat-tneħħija tal-immunità, huwa għandu jivverifika jekk ġiex adit minn awtorità nazzjonali kompetenti.

88      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li l-Parlament kien obbligat jevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-ġurisprudenza Spanjola dwar l-awtorità kompetenti sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament Ewropew elett għar-Renju ta’ Spanja.

89      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni leali, taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u taddrittijiet taddifiża minħabba nnuqqas ta’ ċarezza taddeċiżjonijiet ikkontestati

90      Ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ġie miksur, peress li l-portata tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma hijiex ċara u minn dan jirriżulta ksur tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali tal-Parlament fir-rigward tal-Istati Membri.

91      Essenzjalment, il-ħames motiv, sa fejn jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa bbażat fuq żewġ ilmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jippreċiżawx jekk il-portata tagħhom għandhiex jew le tkun limitata għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej pendenti meta t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jkunu tressqu, jiġifieri l-proċeduri mmexxija fil-Belġju u fir-Renju Unit. It-tieni lment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Parlament, għall-ewwel darba, neħħa biss l-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, mingħajr ma ppreċiża kif din it-tneħħija tal-immunità kienet marbuta maż-żamma tal-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll.

92      Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dawn l-argumenti.

93      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Huwa jeżiġi b’mod partikolari li kull att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkun ċar u preċiż, sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnhom u li jaġixxu b’konsegwenza ta’ dan (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Marzu 2018, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑624/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:121, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq innuqqas ta’ ċarezza taddeċiżjonijiet ikkontestati firrigward talproċeduri intiżi għattneħħija talimmunità

94      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex ċari sa fejn ma jippreċiżawx il-proċeduri intiżi għat-tneħħija tal-immunità. Skont ir-rikorrenti, peress li t-tneħħija tal-immunità tagħhom intalbet sabiex titkompla l-eżekuzzjoni matul il-mandati ta’ arrest Ewropej, id-deċiżjonijiet ikkontestati jistgħu jawtorizzaw biss it-tkomplija ta’ din l-eżekuzzjoni fil-Belġju fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni rikorrent u fir-Renju Unit fir-rigward tat-tielet rikorrent, u mhux l-eżekuzzjoni tal-imsemmija mandati fi kwalunkwe Stat Membru ieħor. Minn dan huma jisiltu l-konsegwenza li, peress li l-awtoritajiet tar-Renju Unit abbandunaw l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra t-tielet rikorrent, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors, sa fejn dan ġie ppreżentat minn din tal-aħħar.

95      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 1 tad-dispożittiv tagħhom, id-deċiżjonijiet ikkontestati jneħħu l-immunità tar-rikorrenti prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, jiġifieri l-immunità mogħtija fit-territorju ta’ kull Stat Membru minbarra r-Renju ta’ Spanja, mingħajr ma ssir ebda selezzjoni ta’ dawn l-Istati.

96      Sussegwentement, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet ikkontestati jsegwu talbiet għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti li tressqu permezz ta’ żewġ digrieti tal‑10 ta’ Jannar 2020 (l-ewwel u t-tieni rikorrent) u tal‑4 ta’ Frar 2020 (it-tielet rikorrent) tal-qorti istruttorja tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Fit-tfakkir tal-fatti ta’ dawn id-digrieti, hija b’mod partikolari riprodotta silta mid-digrieti tal‑10 ta’ Jannar 2020 (l-ewwel żewġ rikorrenti) u tat‑3 ta’ Frar 2020 (it-tielet rikorrent) li permezz tagħhom il-qorti istruttorja tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati kontra d-digrieti tal‑14 ta’ Ottubru u tal‑4 ta’ Novembru 2019 li ħarġu l-mandati ta’ arrest fir-rigward tar-rikorrenti. F’dan l-estratt, huwa indikat b’mod partikolari li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità huma intiżi sabiex l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej tkun tista’ “titkompla”. Din l-indikazzjoni hija riprodotta fil-punt P tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-motivi tad-digrieti ċċitati iktar ’il fuq tal‑10 ta’ Jannar u tal‑4 ta’ Frar 2020, huwa indikat, b’mod partikolari, li t-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, hija mitluba peress li din l-immunità tipprekludi li l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra r-rikorrenti jkunu jistgħu jiġu eżegwiti. Jissemma wkoll li t-tneħħija tal-immunità tiffaċilita l-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma għandhomx bażi sabiex isostnu li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità kienu intiżi biss sabiex jippermettu l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej fil-Belġju u fir-Renju Unit.

97      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhomx bażi sabiex isostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati, moqrija indipendentement jew f’rabta mat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, ma humiex ċari fir-rigward tal-proċeduri li abbażi tagħhom tneħħiet l-immunità. Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittieni lment, ibbażat fuq innuqqas ta’ ċarezza taddeċiżjonijiet ikkontestati firrigward tannatura talmiżuri li jistgħu jiġu adottati filkuntest tależekuzzjoni talmandati ta’ arrest Ewropej

98      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex ċari fir-rigward tal-miżuri eżatti li jistgħu jiġu adottati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej. Huma jsostnu li dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jippermettu l-adozzjoni ta’ kull limitazzjoni għal-libertà tagħhom peress li jkomplu jibbenefikaw mill-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju ta’ Spanja. L-interpretazzjonijiet differenti dwar dan il-punt tal-Parlament, tar-Renju ta’ Spanja u tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni Taljani jikkonfermaw dan in-nuqqas ta’ ċarezza. Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll in-natura ġdida tad-deċiżjonijiet ikkontestati li fihom il-Parlament ineħħi l-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 mingħajr ma jiddeċiedi dwar l-eżitu tal-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, u b’hekk joħloq inċertezza legali totali.

99      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-privileġġi u l-immunitajiet irrikonoxxuti lill-Unjoni mill-Protokoll Nru 7 huma ta’ natura funzjonali sa fejn dawn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, li jimplika, b’mod partikolari, li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet jingħataw esklużivament fl-interess ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2012, Gollnisch vs Il‑Parlament, C‑569/11 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:199, punt 29, u s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-immunitajiet huma intiżi li jiżguraw lill-Parlament protezzjoni sħiħa u effettiva kontra l-ostakoli jew ir-riskji ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb u għall-indipendenza tiegħu (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, huwa l-Parlament, fl-eżerċizzju tas-setgħat li għandu, li għandu jiżgura l-effettività ta’ dawn l-immunitajiet (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑42/06, EU:T:2010:102, punt 107). Għal dan il-għan, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura (ara l-punti 42 u 43 iktar ’il fuq), meta jeżamina talba għat-tneħħija tal-immunità, il-Parlament għandu jipprova jżomm l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

100    Sussegwentement, meta l-Parlament jiġi adit b’talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu, huwa għandu, wara li jkun ġie informat, jekk ikun il-każ, kemm mill-Istat Membru kif ukoll mill-membru kkonċernat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) u (6) tar-Regoli ta’ Proċedura, jevalwa s-sitwazzjoni ta’ dan il-membru fid-dawl tal-fatti li wasslu għal din it-talba. F’dan ir-rigward, il-Parlament għandu, fl-ewwel lok, jivverifika jekk dawn il-fatti jistgħux ikunu koperti mill-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, bħala dispożizzjoni speċjali. Jekk iva, il-Parlament għandu jikkonstata li t-tneħħija tal-immunità hija impossibbli. Huwa biss jekk din l-istituzzjoni tikkonkludi fin-negattiv li hija għandha tivverifika, fit-tieni lok, jekk il-membru tal-Parlament ikkonċernat jibbenefikax mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll għall-fatti inkwistjoni u, jekk dan ikun il-każ, li tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li titneħħa din l-immunità abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 (digriet tat‑12 ta’ Novembru 2020, Jalkh vs Il‑Parlament, C‑792/18 P u C‑793/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:911, punt 33, u s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punti 46 u 47).

101    F’dan il-każ, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament indika, fil-punt A, li t-talba għat-tneħħija tal-immunità kienet ibbażata fuq il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

102    Skont il-proċedura deskritta fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-Parlament eżamina jekk il-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti fil-proċedura kriminali inkwistjoni kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 u kkonkluda fin-negattiv fil-punt J tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

103    Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, b’mod partikolari sa fejn it-talba għat-tneħħija tal-immunità kienet intiża għat-tneħħija ta’ ostakolu li jipprekludi l-arrest tar-rikorrenti minn Stat Membru li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, bl-għan tal-konsenja tagħhom lil dan tal-aħħar għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċeduri kriminali inkwistjoni, il-Parlament ippreveda l-immunità prevista fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll. Huwa rrileva, fil-punt M tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li, skont it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, l-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola ma kienx jimponi li tinkiseb awtorizzazzjoni parlamentari sabiex titkompla l-proċedura kriminali fir-rigward ta’ persuna li kisbet il-kwalità ta’ parlamentari wara l-akkuża tagħha u li, għaldaqstant, ma kienx neċessarju li tintalab it-tneħħija tal-immunità prevista f’din id-dispożizzjoni. Huwa żied, fil-punt N, li ma kienx il-kompitu tal-Parlament li jinterpreta r-regoli nazzjonali dwar l-immunitajiet tal-membri tal-Parlament. B’dan il-mod, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta mill-Parlament, dan ħa nota tal-fatt li d-dritt Spanjol, kif interpretat mill-qrati Spanjoli, applikabbli minħabba r-riferiment magħmul mill-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, ma jagħtix immunità lir-rikorrenti fir-rigward tal-fatti inkwistjoni.

104    Fl-aħħar nett, abbażi tal-punt O tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament eżamina jekk kienx hemm lok, kif intalab jagħmel, li jneħħi l-immunità tar-rikorrenti prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. Huwa kkonkluda fl-affermattiv fl-ewwel punt tad-dispożittiv.

105    Sa fejn, fil-kuntest tas-setgħat tiegħu dwar l-immunitajiet, il-Parlament għandu jiżgura l-effettività tagħha, mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament li huwa qies li kienet biss l-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 li kienet tikkostitwixxi ostakolu għall-arrest tar-rikorrenti u għall-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Spanjoli b’applikazzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej kontenzjużi u li din kellha titneħħa.

106    Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, is-silenzju tad-deċiżjonijiet ikkontestati dwar l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma huwiex ta’ natura li jagħtihom natura ambigwa. Fil-fatt, minn naħa, fl-istat attwali tal-prattika tiegħu, il-Parlament jinsab f’sessjoni kontinwa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni sal-għeluq tagħha li jseħħ fl-istess ħin mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni li tinżamm wara l-elezzjoni li jmiss. L-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, li tapplika matul is-sessjonijiet tal-Parlament, tkopri għalhekk il-membri tiegħu matul il-perijodu kollu tal-mandat tagħhom (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:958, punt 83). Min-naħa l-oħra, sa fejn tiggarantixxi lil kull membru tal-Parlament il-possibbiltà li jmur mingħajr ostakoli għall-ewwel laqgħa tal-leġiżlatura l-ġdida u li jwettaq il-passi neċessarji sabiex jikseb il-pussess tal-mandat tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 85 u 86), l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma kinitx inkwistjoni f’dan il-każ sa fejn l-awtoritajiet Spanjoli kompetenti, meta talbu t-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti, kienu rrikonoxxew il-kwalità tagħhom ta’ membru tal-Parlament u dawn tal-aħħar kienu jeżerċitaw il-mandat tagħhom.

107    Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, u indipendentement mill-iżviluppi tal-Parlament esposti matul din il-proċedura u mill-proċeduri għal miżuri provviżorji, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma kienx jagħti lir-rikorrenti protezzjoni awtonoma meta mqabbla ma’ dik li kienu jibbenefikaw minnha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll.

108    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

109    Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, sa fejn l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-drittijiet tad-difiża huma esklużivament ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq issitt motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ilksur talArtikolu 343 TFUE, talArtikolu 9 talProtokoll Nru 7 u talArtikolu 5(2) tarRegoli ta’ Proċedura, kif ukoll ta’ ċerti drittijiet fundamentali tarrikorrenti

110    Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt tal-Parlament li jneħħi l-immunità, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 343 TFUE, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 u l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura u, min-naħa l-oħra, ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta.

111    Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

112    Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi li “[l]-immunità […] ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu”, mingħajr ma jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom il-Parlament għandu jevalwa jekk għandhiex titneħħa l-immunità jew le. Il-Parlament għandu għalhekk setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna fir-rigward tal-orjentazzjoni li huwa għandu l-intenzjoni li jagħti lil deċiżjoni li ssegwi talba għat-tneħħija tal-immunità minħabba n-natura politika li għandha tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 59, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Bilde vs Il‑Parlament, T‑248/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:46, punt 19).

113    F’dan ir-rigward, ir-Regoli ta’ Proċedura jipprovdu, fl-Artikolu 6(1) tagħhom, li “[k]ull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tiġi eżaminata skont l-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm referneza għalihom fl-Artikolu 5(2)”. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, “[f]l-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom”.

114    Ebda dispożizzjoni oħra ma tirregola l-kriterji sostantivi għall-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità. F’dan il-kuntest, il-kumitat inkarigat mill-investigazzjoni tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità u jippreżenta proposta għal deċiżjoni motivata lill-Parlament skont l-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta’ Proċedura (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) bagħat diversi komunikazzjonijiet lill-membri tiegħu li jidentifikaw il-prinċipji li hija kellha l-intenzjoni ssegwi fir-rigward tal-każijiet ta’ immunità. L-aħħar waħda hija l-komunikazzjoni lill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-prinċipji applikabbli għat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, tad‑19 ta’ Novembru 2019 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni Nru 11/2019”). Għalhekk, fil-punti 41 sa 44 tagħha, din il-komunikazzjoni tipprevedi, essenzjalment, li, meta l-Parlament jiġi adit b’talba għat-tneħħija tal-immunità abbażi ta’ fatti li ma humiex koperti mill-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, iżda mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, huwa għandu jneħħi l-immunità sakemm ma jikkonstatax l-eżistenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri jekk jirriżulta li l-għan tal-proċeduri nazzjonali huwa li jippreġudika l-attività politika tal-membru tal-Parlament u, għaldaqstant, l-indipendenza tal-Parlament. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Parlament ikkonferma li din il-komunikazzjoni kienet tirrifletti l-prattika effettivament segwita għall-eżami ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità.

115    Għandu jitfakkar ukoll li l-privileġġi u l-immunitajiet, irrikonoxxuti lill-Unjoni mill-Protokoll Nru 7, huma ta’ natura funzjonali sa fejn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, li jimplika, b’mod partikolari, li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet jingħataw esklużivament fl-interess ta’ din tal-aħħar (ara l-punt 99 iktar ’il fuq).

116    Fir-rigward tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjonijiet adottati mill-Parlament wara talba għat-tneħħija tal-immunità, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati mill-istituzzjoni, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2021, Jalkh vs Il‑Parlament, T‑230/21, mhux ippubblikata, EU:T:2021:848, punt 24).

–       Fuq lallegat ksur taddispożizzjonijiet talArtikolu 343 TFUE, talArtikolu 9 talProtokoll Nru 7 u talArtikolu 5(2) tarRegoli ta’ Proċedura

117    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament kiser il-limiti tad-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 343 TFUE, tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

118    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 117 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Parlament ma eżaminax jekk it-tneħħija tal-immunità tagħhom setgħetx tippreġudika l-interessi tal-Unjoni u b’mod partikolari l-integrità jew l-indipendenza tal-Parlament. Għalhekk, huwa ma pprevediex il-konsegwenzi potenzjali ta’ tneħħija tal-immunità fuq l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tagħhom, minkejja li din setgħet twassal għall-arrest u għad-detenzjoni provviżorja tagħhom.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Parlament, permezz tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, iddefinixxa l-prinċipji li huwa kellu l-intenzjoni li jsegwi sabiex jiddetermina jekk tneħħija tal-immunità tippreġudikax l-indipendenza jew l-integrità tiegħu. B’hekk huwa adotta l-kriterju ta’ fumus persecutionis, peress li l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 titneħħa jekk il-Parlament iqis li ma hemmx prova li l-proċeduri ġudizzjarji kontra l-membru tal-Parlament inkwistjoni nbdew sabiex jagħmlu ħsara lill-attività politika tiegħu u, għaldaqstant, tal-Parlament. Matul il-proċedura, il-Parlament indika li dan il-kriterju kien ġie ddeterminat b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-għan ta’ salvagwardja tal-indipendenza tiegħu u tal-funzjonament tajjeb tiegħu kif ukoll tal-osservanza neċessarja tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

120    Minn dan isegwi li, billi eskluda l-eżistenza ta’ fumus persecutionis, il-Parlament neċessarjament qies li tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti ma kinitx tippreġudika l-interessi tiegħu, b’mod partikolari l-funzjonament tajjeb tiegħu u l-indipendenza tiegħu.

121    Skont ir-rikorrenti, tali konklużjoni hija żbaljata peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati jċaħħduhom minn immunità neċessarja għat-twettiq tal-missjoni tagħhom, bi ksur tal-Artikolu 343 TFUE, fid-dawl tar-riskju li huma jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom wara l-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Spanjoli u, għaldaqstant, inkapaċi li jeżerċitaw il-mandat tagħhom.

122    Tali argument jirriżulta madankollu minn konfużjoni bejn l-immunitajiet li għandhom il-membri tal-Parlament, li għandhom jiggarantixxu li l-Parlament huwa f’pożizzjoni li jwettaq il-missjoni tiegħu, u d-dritt tal-Parlament, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, li jneħħi l-immunità parlamentari. Għalkemm, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 76), l-Unjoni u, b’mod partikolari, il-membri tal-istituzzjonijiet tagħha għandhom, skont l-Artikolu 343 TFUE, jibbenefikaw mill-immunitajiet neċessarji għat-twettiq tal-missjoni tagħhom, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li l-immunità ta’ membru tal-Parlament qatt ma tista’ titneħħa jekk it-tkomplija tal-proċedura li abbażi tagħha tkun intalbet it-tneħħija tal-immunità tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-mandat tiegħu, jew saħansitra, fi tmiem din il-proċedura, twassal għat-telf tiegħu. Tali interpretazzjoni ċċaħħad minn kull effett utli t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

123    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tal-immunitajiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

124    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, sa fejn huma intiżi li jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest nazzjonali u Ewropej maħruġa bi ksur flagranti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

125    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tiegħu tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, kif ġie indikat fil-punt 100 iktar ’il fuq, huwa l-Parlament li għandu jivverifika jekk il-membru tal-Parlament ikkonċernat jibbenefikax mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll u, jekk dan ikun il-każ, li jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jneħħi din l-immunità abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. Huwa japplika, għal dan l-għan, il-kriterju ta’ fumus persecutionis.

126    Min-naħa l-oħra, ma huwiex il-kompitu tal-Parlament li jevalwa l-legalità tal-atti adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji matul il-proċedura inkwistjoni, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet nazzjonali.

127    Minn dan isegwi li ma huwiex il-Parlament, fil-kuntest tal-eżami tiegħu tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, li għandu jiddeċiedi dwar il-legalità tal-mandati ta’ arrest nazzjonali u Ewropej adottati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma għandhom ebda effett ta’ validazzjoni jew ta’ legalizzazzjoni tal-imsemmija mandati.

128    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati b’mod żbaljat fuq il-konstatazzjoni li huma ma jibbenefikaw minn ebda immunità skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. Fil-fehma tagħhom, essenzjalment, skont id-dritt Spanjol li għalih jirreferi dan l-artikolu, persuna li tkun ġiet akkużata qabel ma tkun kisbet il-kwalità ta’ membru parlamentari Spanjol tibbenefika minn immunità. Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom, huma jsostnu l-Artikolu 71(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 751 l-Artikolu 753 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali kif ukoll l-Artikolu 22(1) tar-Regoli tas-Senat.

129    F’dan ir-rigward, diġà ġie kkonstatat, fil-punt 103 iktar ’il fuq, li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament ħa nota li d-dritt Spanjol, kif huwa interpretat mill-qrati Spanjoli, applikabbli minħabba r-riferiment magħmul mill-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, u li huwa rrifjuta li jinterpreta, ma jagħtix immunità lir-rikorrenti fir-rigward tal-fatti inkwistjoni. Waqt is-seduta, il-Parlament indika li, matul il-fażi istruttorja tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, huwa ma kien fil-pussess ta’ ebda element ta’ natura li jikkontesta l-fatt li, fl-istat tal-ġurisprudenza nazzjonali, ir-rikorrenti ma kinux jibbenefikaw mill-immunità prevista fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 u li, fil-każ kuntrarju, huwa kien jitlob kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Spanjoli.

130    Sa fejn, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, il-portata tal-immunità li jgawdu minnha l-membri tal-Parlament fit-territorju nazzjonali tagħhom huma ddeterminati mid-diversi drittijiet nazzjonali li għalihom jirreferi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑42/06, EU:T:2010:102, punt 106), ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-Parlament wettaq żball ta’ liġi meta rrefera għad-dritt nazzjonali kif huwa interpretat mill-qrati nazzjonali.

131    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jinvokaw diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, huma ma stabbilixxewx li l-Parlament wettaq żball meta rrileva li d-dritt nazzjonali, kif jirriżulta b’mod partikolari minn dawn id-dispożizzjonijiet, kien interpretat mill-qrati nazzjonali bħala li ma jimplikax il-kisba ta’ awtorizzazzjoni parlamentari sabiex titkompla l-proċedura kriminali fil-konfront ta’ persuna li, bħar-rikorrenti, ġiet eletta wara l-akkuża tagħha.

132    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma setgħetx titneħħa mingħajr ma titneħħa wkoll l-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll, taħt piena ta’ ksur ta’ din it-tieni dispożizzjoni.

133    Issa, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, b’mod partikolari sa fejn ir-Renju ta’ Spanja kien irrikonoxxa l-kwalità ta’ membru tal-Parlament lir-rikorrenti, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma kienx jagħtihom protezzjoni awtonoma meta mqabbla ma’ dik li kienu jibbenefikaw minnha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhomx raġun isostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

134    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 343 TFUE, tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lindħil illegali fiddrittijiet fundamentali tarrikorrenti

135    Ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li, peress li l-immunità parlamentari hija garanzija kruċjali tar-rispett tad-dritt tagħhom li jeżerċitaw il-mandat tagħhom iggarantit mill-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u tad-dritt ta’ eliġibbiltà stabbilit fl-Artikolu 39(2) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikoli 6, 45 u 48 tagħha u tal-Artikolu 21 TFUE, it-tneħħija tagħha tikkostitwixxi ndħil f’dawn id-drittijiet suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Karta.

136    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 39(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[l]-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali li hu liberu u sigriet”, jiggarantixxi d-dritt ta’ eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-Parlament. Id-dritt ta’ eliġibbiltà jkopri d-dritt ta’ kull individwu li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet u, ladarba jiġi elett, li jeżerċita l-mandat tiegħu (ara, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, il-Qorti EDB, 11 ta’ Ġunju 2002, Sadak et vs It‑Turkija (Nru 2), CE:ECHR:2002:0611JUD002514494, punt 33).

137    Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta:

“1. Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

138    Issa, l-immunità ma tistax tikkostitwixxi dritt fundamentali rrikonoxxut lill-membri tal-Parlament Ewropew peress li tingħata esklużivament fl-interess tal-Parlament (ara l-punt 99 iktar ’il fuq). Il-fatt li deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-membru tal-Parlament inkwistjoni bis-sempliċi effett tat-tneħħija tal-protezzjoni mogħtija lilu mill-Protokoll Nru 7, billi tistabbilixxi mill-ġdid, fir-rigward tiegħu, l-istatus ta’ persuna suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u billi tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja ebda miżura intermedjarja, għal miżuri b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id-dritt komuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 45), huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dan il-fatt jimplika biss li r-rikorrenti jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem il-qorti tal-Unjoni.

139    B’mod partikolari, għalkemm l-immunità mogħtija lill-membri tal-Parlament Ewropew tgħin sabiex tiżgura l-effettività tad-dritt fundamentali li jikkostitwixxi d-dritt ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari billi tippermetti lill-persuni li ġew eletti membri tal-Parlament li jwettqu l-passi intiżi sabiex jieħdu pussess tal-mandat tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 86), hija ma tistax tiġi konfuża ma’ dan id-dritt.

140    Barra minn hekk, it-tneħħija tal-immunità parlamentari fiha nnifisha ma għandha ebda konsegwenza fuq l-eżerċizzju tal-mandat. Hija intiża biss sabiex tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jkomplu proċeduri nazzjonali. Għalhekk, huma biss id-deċiżjonijiet li jkunu, jekk ikun il-każ, adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fi tmiem din il-proċedura li jistgħu jwasslu għal limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-mandat, jew għat-telf tiegħu, u, bħala tali, jikkostitwixxu ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ eliġibbiltà.

141    Għall-istess raġunijiet, deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ma għandha ebda konsegwenza fuq il-libertà, b’mod partikolari ta’ moviment liberu, tar-rikorrenti u lanqas ma tippreġudika d-dritt tagħhom għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-immunità parlamentari, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, humiex issodisfatti, fil-mument meta ssir it-talba, hija distinta minn dik li tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk il-fatti li bihom huma akkużati l-membri kkonċernati humiex stabbiliti, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il‑Parlament, C‑12/19 P, EU:C:2020:725, punt 57).

142    Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu ndħil f’ċerti drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB u mill-Karta għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Konsegwentement, l-argument tagħhom intiż li jistabbilixxi li dan l-indħil ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

143    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sitt motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur mill-Parlament tal-limiti li jirregolaw id-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità, għandu jiġi miċħud.

 Fuq issitt motiv, sa fejn huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw leżami, mill-Parlament, talfumus persecutionis u fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fittrattament u fuq żbalji manifesti mwettqa millParlament flevalwazzjoni tiegħu talfumus persecutionis

144    Is-sitt motiv huwa b’mod partikolari bbażat, essenzjalment, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li twettqu mill-Parlament fl-eżami tiegħu tal-fumus persecutionis. Fir-rigward tas-seba’ motiv, dan huwa bbażat, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Parlament tbiegħed, mingħajr motivazzjoni, mill-prassi preċedenti tiegħu fil-qasam tal-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità u, min-naħa l-oħra, fuq żbalji manifesti mwettqa mill-Parlament fl-evalwazzjoni tiegħu tal-fumus persecutionis.

145    Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dawn l-argumenti.

–       Fuq lallegati żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jivvizzjaw leżami millParlament talfumus persecutionis

146    F’dan il-każ, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament ippreveda l-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 mill-punt O u l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm lok jew le li titneħħa din l-immunità mill-punt Q. B’mod partikolari, huwa kkonstata, fil-punt T, li l-akkuża mressqa kontra r-rikorrenti ma kinitx manifestament marbuta mad-dmirijiet tagħhom ta’ membru tal-Parlament, iżda kienet relatata mal-funzjonijiet preċedenti tagħhom fil-Katalonja. Fil-punt U, huwa rrileva li persuni oħra li ma għandhomx il-kwalità ta’ membri tal-Parlament Ewropew kienu wkoll tqiegħdu taħt investigazzjoni fir-rigward tal-istess fatti. Fil-punt V, huwa kkonstata li l-imsemmija fatti kienu twettqu matul is-sena 2017 u li l-proċeduri kriminali inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrenti kienu nbdew filwaqt li l-kisba tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament minn dawn tal-aħħar kienet għadha ipotetika. Konsegwentement, il-Parlament qies, fil-punt W, li huwa ma setax jistabbilixxi li l-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni kienu nbdew sabiex jippreġudikaw l-attività politika tar-rikorrenti u, għaldaqstant, tiegħu.

147    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-għan tal-immunità parlamentari. Fil-fehma tagħhom, il-Parlament qies b’mod żbaljat li hija kienet tipproteġi lill-membru tal-Parlament biss kontra l-proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardaw attivitajiet imwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari tiegħu jew li ma jistgħux jiġu sseparati minnhom. Għalhekk hija kkonkludiet b’mod żbaljat li l-fatt li l-proċeduri kriminali inkwistjoni ma kinux marbuta mal-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom kien jiġġustifika t-tneħħija tal-immunità tagħhom.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt S tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriproduċi l-prinċipju li jinsab fil-punt 3 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, li jipprovdi li “[l]-immunità parlamentari għandha l-għan li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu mifruda minn dawn id-dmirijiet”.

149    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 tkopri biss l-opinjonijiet espressi jew voti mogħtija mill-membri tal-Parlament fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll tkopri lil dawn il-membri, matul is-sessjonijiet tal-Parlament, inkluż bħala fatti li ma għandhomx rabta mal-qadi tad-dmirijiet parlamentari. Il-portata ta’ din l-immunità ma ġietx ikkontestata f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienu koperti mill-immunità prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, anki jekk il-proċeduri kriminali inkwistjoni kienu jirrigwardaw attivitajiet li ma humiex relatati mal-qadi tad-dmirijiet parlamentari.

150    Sussegwentement, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ fumus persecutionis, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament, indipendentement mill-formulazzjoni mhux inekwivoka tal-punt S, ma llimitax ruħu sabiex jikkonstata li l-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni kienu preċedenti għall-elezzjoni tagħhom fil-Parlament u, għaldaqstant, nieqsa minn rabta mal-attivitajiet imwettqa fil-kuntest tal-funzjonijiet parlamentari tagħhom. Barra minn hekk, waqt is-seduta l-Parlament irrikonoxxa li tali ċirkustanza ma tistax tkun determinanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ fumus persecutionis.

151    Sabiex jikkonkludi favur l-assenza ta’ fumus persecutionis, il-Parlament ibbaża ruħu fuq diversi elementi li, meqjusa flimkien, kienu, fil-fehma tiegħu, ta’ natura li jeskludu l-eżistenza ta’ każ ta’ fumus persecutionis. Din hija ċ-ċirkustanza li l-fatti inkriminati twettqu fl-2017 filwaqt li r-rikorrenti kisbu l-kwalità ta’ membru tal-Parlament fit‑13 ta’ Ġunju 2019, iżda wkoll ċirkustanzi li, minn naħa, huma ġew akkużati bihom fil-21 ta’ Marzu 2018, jiġifieri f’mument meta l-kisba tal-istatus ta’ membru tal-Parlament Ewropew kienet ipotetika u, min-naħa l-oħra, din l-akkuża kienet tikkonċerna wkoll persuni oħra, li ma kinux Membri tal-Parlament.

152    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-affermazzjoni ġenerali li tinsab fil-punt S tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġietx implimentata fis-sens li t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament għandha tintlaqa’ jekk din tkun intiża sabiex titkompla proċedura ġudizzjarja li tirrigwarda fatti li ma għandhomx rabta mal-qadi tad-dmirijiet parlamentari.

153    Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi għandu jiġi miċħud.

154    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-fumus persecutionis fuq żball ta’ fatt fir-rigward tal-istat ta’ progress tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. Huma jsostnu li, fil-punt B tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament qies b’mod żbaljat li l-fażi istruttorja tal-proċedura kriminali inkwistjoni kienet ingħalqet fil-konfront tagħhom, billi bbaża ruħu fuq żewġ digrieti tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fosthom dik tal‑25 ta’ Ottubru 2018, li ma kinitx tikkonċernahom.

155    Għandu jitfakkar li, fil-punt B tagħhom, id-deċiżjonijiet ikkontestati jindikaw dan li ġej:

“billi l-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża twettqu fl-2017; li d-digriet ta’ akkuża f’din il-kawża ngħata fl-21 ta’ Marzu 2018 u ġie kkonfermat permezz ta’ digrieti ulterjuri li jiċħdu l-appelli; li l-investigazzjoni ngħalqet permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Lulju 2018, għeluq li ġie kkonfermat fil-25 ta’ Ottubru 2018; li, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Lulju 2018, ġie deċiż li [l-ewwel/it-tieni rikorrent/it-tielet rikorrent], fost oħrajn, kien irrifjuta li jidher u li jordna s-sospensjoni tal-kawża li tikkonċernah/a u li kien jikkonċerna persuni oħra sakemm hu/hi j/tinstab”.

156    Waqt is-seduta, ġie ppreċiżat li, minn naħa, it-tielet sentenza tal-punt B, li tgħid li “l-investigazzjoni ngħalqet permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Lulju 2018, għeluq li ġie kkonfermat fil-25 ta’ Ottubru 2018” ma kinitx tikkonċerna lir-rikorrenti, iżda lill-persuni l-oħra kkonċernati mill-proċeduri kriminali inkwistjoni li ma kinux irrifjutaw li jidhru u li, min-naħa l-oħra, l-istat tal-proċeduri kriminali inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrenti kien rifless fl-aħħar sentenza tal-punt B li jsemmi s-sospensjoni tal-proċedura. Ġie ppreċiżat ukoll li l-fażi istruttorja tal-proċedura kriminali ma kinitx ingħalqet fir-rigward tar-rikorrenti, peress li tali għeluq ma setax jiġi ordnat, skont id-dritt nazzjonali, mingħajr ma jinstemgħu l-akkużati.

157    Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandhom raġun isostnu li l-punt B tad-deċiżjonijiet ikkontestati jbati minn żball ta’ fatt jew, tal-inqas, minn nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fażi ta’ investigazzjoni tal-proċedura kriminali inkwistjoni kinitx ingħalqet fir-rigward tagħhom.

158    Skont ir-rikorrenti, dan l-iżball kellu effett fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ fumus persecutionis peress li, kieku l-Parlament kien jaf li l-istruzzjoni kienet għadha għaddejja fir-rigward tagħhom, huwa seta’ jikkunsidra li l-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej fir-rigward tagħhom kien sproporzjonat.

159    Madankollu, mill-punt B tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta b’mod ċar li l-proċedura kriminali li tirrigwarda lir-rikorrenti, irrispettivament mill-istadju tagħha, ġiet sospiża minħabba r-rifjut tar-rikorrenti li jidhru quddiem l-awtoritajiet kompetenti u li huwa minħabba dan ir-rifjut u minħabba l-fatt li huma telqu mir-Renju ta’ Spanja li ntalbet it-tneħħija tal-immunità tagħhom, u dan sabiex l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa fil-konfront tagħhom tkun tista’ tiġi kkunsidrata. Fir-rigward tal-koakkużati li dehru, l-istruttorja kienet magħluqa u kienet ingħatat sentenza ta’ kundanna.

160    F’dan il-kuntest, ma jidhirx li l-iżball jew, tal-inqas, in-nuqqas ta’ ċarezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tal-istadju eżatt tal-proċedura kriminali inkwistjoni kellu effett fuq l-eżami tat-talba għat-tneħħija tal-immunità.

161    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-Parlament fl-evalwazzjoni tiegħu tal-fumus persecutionis għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq ilksur talprinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali

162    Ir-rikorrenti jsostnu li, bi ksur ta’ prassi stabbilita, il-Parlament ma kkonkludiex li kien jeżisti fumus persecutionis meta, l-ewwel, l-akkużi kienu manifestament infondati, it-tieni, l-eżistenza ta’ intenzjoni ċara li jiġu ppenalizzati l-membri tal-Parlament għall-attivitajiet politiċi tagħhom kienet ġiet stabbilita, it-tielet, il-mandati ta’ arrest inkwistjoni kienu nħarġu għat-tielet darba skont kalkoli politiċi tal-awtoritajiet Spanjoli, ir-raba’, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità kienu mmotivati mir-rieda li dawn jiġu preklużi milli jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom, il-ħames, il-proċeduri kienu nbdew minn avversarju politiku, is-sitta, dawn kienu tressqu biss kontra membri tal-Parlament, is-seba’, kienu jeżistu dubji serji fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom matul il-proċeduri kriminali inkwistjoni, it-tmienja, kien hemm diversi sejħiet intiżi sabiex jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet eżemplari u, id-disa’, l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien għamel ċerti dikjarazzjonijiet pubbliċi lill-mezzi tax-xandir.

163    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Parlament injora l-prassi tiegħu li l-immunità ma għandhiex titneħħa meta l-Istati Membri minbarra dak li l-membru ġie elett għalih jissanzjona b’mod inqas sever il-fatti kkritikati, kif ġie rrikonoxxut f’dan il-każ. Il-Parlament kiser ukoll il-prassi tiegħu li tikkonsisti, minn naħa, f’li ma titneħħiex l-immunità meta l-proċedura kriminali tirrigwarda akkużi marbuta ma’ manifestazzjonijiet u laqgħat pubbliċi paċifiċi u, min-naħa l-oħra, li la tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-fatti allegati, u lanqas id-data li fiha nbdew il-proċeduri kriminali.

164    Madankollu, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fir-rigward ta’ talbiet simili u jistħarrġu b’attenzjoni partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedu fl-istess sens. Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata;

165    F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi, b’mod partikolari, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    F’dan il-każ, l-ewwel, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prassi tal-Parlament li tikkonsisti fir-rifjut tat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament meta dan tal-aħħar huwa mfittex abbażi tal-attivitajiet politiċi tiegħu, meta dawn il-proċeduri jkunu nbdew minn avversarju politiku jew meta l-awtoritajiet nazzjonali inkwistjoni jkunu talbu sanzjonijiet eżemplari fir-rigward ta’ dan il-membru tal-Parlament, ir-rikorrenti jinvokaw il-Komunikazzjoni Nru 11/2003, tas-6 ta’ Ġunju 2003, stabbilita mill-Kumitat Legali u tas-Suq Intern tal-Parlament, li dak iż-żmien kien responsabbli għal kwistjonijiet ta’ immunità, li tikkostitwixxi sintesi tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Parlament. Din il-komunikazzjoni tindika li l-immunità ma titneħħiex fil-każijiet fejn l-atti li abbażi tagħhom membru tal-Parlament huwa mfittex jidħlu fil-kuntest tal-attività politika tiegħu jew huma direttament marbuta magħha. Din il-komunikazzjoni tippreċiża wkoll li l-immunità ma titneħħiex fil-każ ta’ fumus persecutionis, li huwa ddefinit bħala “il-preżunzjoni li jinbdew proċeduri legali kontra membru parlamentari bl-intenzjoni li jippreġudikaw l-attivitajiet politiċi tiegħu”. Hija tirreferi, bħala eżempji, għal ċertu numru ta’ indizji ta’ natura li jippreżumu l-eżistenza tagħhom. Issa, għandu jiġi rrilevat li din il-komunikazzjoni ġiet issostitwita bil-Komunikazzjoni Nru 11/2019 fid‑19 ta’ Novembru 2019, id-data tal-pubblikazzjoni tagħha. Fil-fatt, skont il-punt 53 tagħha, il-Komunikazzjoni Nru 11/2019 “tissostitwixxi l-komunikazzjonijiet preċedenti kollha u d-dokumenti l-oħra kollha tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali [tal-Parlament] dwar il-prattika u l-modalitajiet tal-funzjonament tiegħu fil-qasam tal-immunitajiet”, fosthom, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni Nru 11/2003.

167    It-tieni, il-Parlament isostni li l-prattika, kif miġbura fil-qosor fil-Komunikazzjoni Nru 11/2003, ġiet abbandunata fis-sens ta’ limitazzjoni tal-każijiet li fihom il-Parlament jirrifjuta li jneħħi l-immunità. Għandu jiġi rrilevat li l-Komunikazzjoni Nru 11/2019, bħall-Komunikazzjoni preċedenti Nru 11/2016, adottata fid‑9 ta’ Mejju 2016, tiddefinixxi l-fumus persecutionis bħala l-uniku każ li fih l-immunità ma għandhiex titneħħa, mingħajr ma tippreċiża l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tagħha, u mingħajr ma jiġu identifikati kategoriji ta’ każijiet li fihom tali fumus għandu jiġi preżunt.

168    It-tielet, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu l-prattika stabbilita li l-Parlament jirrifjuta li jneħħi l-immunità jekk l-għan tal-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni huwa li jostakola l-qadi tad-dmirijiet parlamentari tal-membru tal-Parlament, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ din il-prattika ma hijiex ikkontestata u li huwa dan l-approċċ li ġie segwit mill-Parlament f’dan il-każ.

169    Ir-raba’, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattika stabbilita tal-Parlament fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi identifikat fumus persecutionis u, b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-każijiet li fihom il-Parlament jirrifjuta li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu, ir-rikorrenti sempliċement jinvokaw ċerti deċiżjonijiet adottati mill-Parlament, mingħajr madankollu ma juru kif dawn jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali prattika.

170    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrenti ġew adottati matul is-snin 1982 sa 2003. Għalhekk dawn jaqgħu fil-kuntest tal-prattika mqassra fil-Komunikazzjoni Nru 11/2003, li ġiet irtirata espressament mill-Parlament, u li, skont dan tal-aħħar, hija obsoleta. Ir-rikorrenti jinvokaw biss madwar tnax-il deċiżjoni adottati mis-sena 2004. L-iktar reċenti, mogħtija matul il-leġiżlatura 2014–2019, huma sebgħa. Erbgħa minnhom huma deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Parlament neħħa l-immunità tal-membri tal-Parlament ikkonċernati wara li kkonkluda li ma kienx hemm fumus persecutionis u huma invokati mir-rikorrenti sabiex tiġi stabbilita l-prattika mhux ikkontestata msemmija fil-punt 168 iktar ’il fuq.

171    Il-ħames, kif isostni l-Parlament, kull deċiżjoni adottata b’risposta għal talba għat-tneħħija tal-immunità hija intrinsikament marbuta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Issa, il-Parlament isostni, mingħajr ma huwa kontradett, li huwa qatt ma kellu, sa fejn jaf hu, jittratta talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament intiża li tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali mibdija qabel l-elezzjoni ta’ dan tal-aħħar.

172    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, bla ħsara għall-prassi mhux ikkontestata msemmija fil-punt 168 iktar ’il fuq u segwita f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza, fil-jum tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ta’ prassi stabbilita tal-Parlament li tikkonsisti fir-rifjut li titneħħa l-immunità fil-każijiet imsemmija fil-punti 162 u 163 iktar ’il fuq. L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu għalhekk jiġi miċħud.

–       Fuq lallegati żbalji manifesti mwettqa flevalwazzjoni talfumus persecutionis

173    Ir-rikorrenti jqisu li l-Parlament seta’ jneħħi l-immunità biss wara li jkun eskluda l-eżistenza ta’ fumus persecutionis. Huma jsostnu li l-Parlament wettaq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali fumus persecutionis billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi li huma kienu bagħtulu. Għalhekk, il-Parlament ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu b’mod żbaljat billi ħa inkunsiderazzjoni l-proċedura kriminali “inizjali” u l-ewwel mandati ta’ arrest Ewropej, minkejja li tneħħew, meta kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-proċeduri kriminali għall-“ftuħ mill-ġdid” tagħha, jiġifieri l-mandati ta’ arrest Ewropej tal‑14 ta’ Ottubru u tal‑4 ta’ Novembru 2019. B’dan il-mod, il-Parlament injora sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet rilevanti, b’mod partikolari l-fatt li ebda mandat ta’ arrest Ewropew ma kien għadu fis-seħħ fir-rigward tagħhom mit‑18 ta’ Lulju 2018 u li l-aħħar mandati ta’ arrest Ewropej kienu nħarġu biss wara l-elezzjoni tagħhom fil-Parlament, wara li fallew il-manuvri tal-awtoritajiet Spanjoli intiżi li jipprekluduhom milli jippreżentaw ruħhom għall-elezzjonijiet, u sussegwentement li jieħdu ġurament. L-uniku għan ta’ dawn il-mandati huwa li jwaqqfuhom milli jpoġġu fil-Parlament, meta huma l-uniċi rappreżentanti tal-minoranza Katalana.

174    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament wettaq żball meta evalwa l-eżistenza ta’ fumus persecutionis fid-dawl tal-proċeduri kriminali inkwistjoni u mhux biss tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa f’Ottubru u f’Novembru 2019, għandu jitfakkar li fumus persecutionis huwa kkonstatat meta jkunu jeżistu punti ta’ fatt li jindikaw li l-proċeduri ġudizzjarji nbdew bl-intenzjoni li jagħmlu ħsara lill-attività politika tal-membru tal-Parlament. Issa, il-mandati ta’ arrest Ewropej iċċitati iktar ’il fuq jaqgħu preċiżament fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni mibdija kontra r-rikorrenti, li kienet ġiet sospiża minħabba r-rifjut tagħhom li jidhru quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, dawn il-mandati huma intiżi sabiex ir-rikorrenti jiġu arrestati fl-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja bl-għan tal-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet ta’ dan sabiex il-proċeduri kriminali inkwistjoni jkunu jistgħu jitkomplew. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li l-Parlament wettaq żball fil-proċedura ġudizzjarja rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ fumus persecutionis.

175    Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Parlament talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li kull wieħed minnhom kien is-suġġett ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej preċedenti, wieħed matul ix-xahar ta’ Novembru 2017, li kien tneħħa fix-xahar ta’ wara, l-ieħor matul ix-xahar ta’ Marzu 2018, li kien tneħħa matul ix-xahar ta’ Lulju 2018, u li, għaldaqstant, huma ma kinux għadhom is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minn dik id-data. Tali ċirkustanza hija, skont ir-rikorrenti, ta’ natura li tistabbilixxi li l-mandati ta’ arrest Ewropej tal‑14 ta’ Ottubru u tal‑4 ta’ Novembru 2019, maħruġa wara l-elezzjoni tagħhom fil-Parlament, kienu intiżi li jippreġudikaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fil-Parlament.

176    F’dan ir-rigward, mid-dibattiti waqt is-seduta jirriżulta li terminu twil b’mod anormali bejn il-fatti allegati fil-konfront ta’ membru tal-Parlament u l-bidu ta’ proċeduri kontrih jista’, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni, jikkostitwixxi element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-fumus persecutionis. Dan jista’ jkun il-każ ukoll jekk ikun għadda tali terminu bejn it-tneħħija tal-ewwel mandat ta’ arrest u l-ħruġ ta’ mandat ġdid.

177    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-terminu bejn it-tneħħija tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa matul ix-xahar ta’ Marzu 2018 u l-ħruġ tal-mandati ta’ arrest Ewropej tal‑14 ta’ Ottubru u tal‑4 ta’ Novembru 2019 huwa ta’ inqas minn sittax-il xahar. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja indika li dawn il-mandati ta’ arrest Ewropej tal-aħħar inħarġu wara s-sentenza ta’ kundanna tal‑14 ta’ Ottubru 2019 mogħtija fir-rigward ta’ akkużati oħra, li fid-dawl tagħha l-akkużi mressqa kontra r-rikorrenti ġew parzjalment emendati.

178    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ mandati ta’ arrest Ewropej matul il-perijodu inkluż bejn ix-xahar ta’ Lulju 2018 u x-xahar ta’ Ottubru jew ta’ Novembru 2019, il-Parlament wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

179    Fit-tieni lok, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-akkużi fil-konfront tagħhom huma manifestament infondati. Għalhekk, huma suġġetti għal prosekuzzjoni abbażi tal-organizzazzjoni illegali ta’ referendum li ma jikkostitwixxix iktar reat kriminali fi Spanja. Huma jibbażaw ruħhom ukoll fuq dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ korpi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, pariri legali, deċiżjonijiet ġudizzjarji u dikjarazzjonijiet politiċi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri l-oħra tissanzjona b’mod inqas sever il-fatti allegati jew ma tikklassifikahomx bħala reat kriminali. Huma jżidu li, fil-ġurnata tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kienet għaddejja riforma fi Spanja, bl-għan li jiġi ddefinit mill-ġdid, jew saħansitra jiġi eliminat, il-ksur ta’ sedizzjoni u li disa’ persuni kkundannati permezz tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal‑14 ta’ Ottubru 2019 kienu ġew grazzjati fit‑22 ta’ Ġunju 2021. Huma jżidu li mhux il-persuni kollha kkonċernati mill-fatti inkwistjoni ġew akkużati.

180    F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-immunità parlamentari, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, humiex issodisfatti, fil-mument li fih issir it-talba, hija distinta minn dik li tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk il-fatti li bihom huma akkużati l-membri tal-Parlament ikkonċernati humiex stabbiliti, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru (ara l-punt 141 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità, ma huwiex il-Parlament li għandu jiddeċiedi dwar l-opportunità ta’ prosekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Jalkh vs Il‑Parlament, T‑26/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:690, punt 83, u tat‑30 ta’ April 2019, Briois vs Il‑Parlament, T‑214/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:266, punt 47) u, f’dan il-kuntest, li jevalwa n-natura xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu r-reati li abbażi tagħhom il-membri kkonċernati ġew imħarrka.

181    Barra minn hekk, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ġew akkużati b’allegat ksur previst mil-Ley Orgánica del Código Penal (il-Kodiċi Kriminali) fis-seħħ kemm fil-jum tal-fatti allegati kif ukoll fil-ġurnata tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

182    Minn dan isegwi li, peress li huma intiżi li jikkontestaw ir-realtà tal-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti, il-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tal-liġi kriminali Spanjola kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk dawn il-fatti jiġġustifikawx jew le proċeduri kriminali fir-rigward tagħhom, l-argumenti msemmija fil-punt 179 iktar ’il fuq huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda għal din ir-raġuni.

183    Fit-tielet lok, kif ġie kkonstatat fil-punt 151 iktar ’il fuq, sabiex jikkonkludi li ma kienx hemm fumus persecutionis, il-Parlament ibbaża ruħu fuq diversi elementi, ikkunsidrati flimkien, jiġifieri l-fatt li l-fatti inkriminati twettqu fl-2017, filwaqt li r-rikorrenti kisbu l-kwalità ta’ membru tal-Parlament fit‑13 ta’ Ġunju 2019 u l-fatti li, minn naħa, huma ġew akkużati fil‑21 ta’ Marzu 2018, jiġifieri f’mument meta l-kisba tal-istatus ta’ membru tal-Parlament Ewropew kienet ipotetika u, min-naħa l-oħra, din l-akkuża kienet tirrigwarda wkoll persuni oħra, li ma kinux membri tal-Parlament.

184    B’dan il-mod, il-Parlament ikkunsidra li dawn il-fatti, ikkunsidrati flimkien, kienu ta’ natura li jeskludu kull suspett ta’ fumus persecutionis, minkejja l-provi mressqa mir-rikorrenti. Minn dan isegwi li l-argument tagħhom ibbażat fuq il-fatt li l-Parlament neħħa l-immunità tagħhom mingħajr ma eskluda l-eżistenza ta’ fumus persecutionis huwa infondat fil-fatt u għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

185    Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Parlament li ma eżaminax l-allegati irregolaritajiet li jaffettwaw il-proċedura kriminali inkwistjoni, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-eżistenza ta’ fumus persecutionis, ma huwiex il-Parlament li għandu jevalwa l-legalità tal-atti adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji matul il-proċedura inkwistjoni, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet nazzjonali (ara l-punt 126 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dawn ġew effettivament aditi mir-rikorrenti. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, il-Parlament jista’ jibbaża ruħu fuq ċerti fatti invokati insostenn ta’ dawn l-irregolaritajiet sabiex jikkonkludi li jeżisti każ ta’ fumus persecutionis.

186    F’dan il-każ, għandu jitqies li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li, billi bbaża ruħu fuq iċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 183 iktar ’il fuq sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ fumus persecutionis, il-Parlament wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, fid-dawl tal-imsemmija ċirkustanzi, il-fatti li, l-ewwel, ir-rikorrenti huma akkużati minħabba l-attivitajiet politiċi nazzjonali tagħhom, it-tieni, huma jistgħu, fil-kuntest jew fi tmiem il-proċeduri kriminali inkwistjoni, jiġu temporanjament preklużi milli jeżerċitaw il-mandat tagħhom, jew, jekk ikun il-każ, jitilfu dan il-mandat, it-tielet, il-partit Spanjol VOX eżerċita l-azzjoni popolari fil-proċeduri kriminali inkwistjoni u, ir-raba’, huma kienu fil-mira ta’ ċerti dikjarazzjonijiet pubbliċi negattivi, li jitolbu b’mod partikolari li jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet eżemplari, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konklużjoni. L-istess japplika għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-imparzjalità tal-awtoritajiet ġudizzjarji li intervjenew fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni. Fl-aħħar nett, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest imwettaq mill-Parlament fl-evalwazzjoni tal-fumus persecutionis, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod utli avvenimenti li seħħew wara d-deċiżjonijiet ikkontestati, bħall-fatt li huma stess u l-konsulenti legali tagħhom kienu spijati mill-awtoritajiet Spanjoli u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tat‑3 ta’ Novembru 2022.

187    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud, sa fejn huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw l-eżami, mill-Parlament, tal-fumus persecutionis, u s-seba’ motiv.

 Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fittrattament sa fejn ilParlament irrifjuta li japplika ddispożizzjonijiet talArtikolu 9(7) tarRegoli ta’ Proċedura

188    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament injora mingħajr raġuni l-prattika tiegħu li, meta jeżisti riskju li membru tal-Parlament jiġi arrestat mingħajr kundanna, il-Parlament jew jirrifjuta li jneħħi l-immunità, jew japplika l-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta’ Proċedura.

189    Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li t-tmien motiv ma huwiex fondat.

190    Sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ osservanza mill-Parlament ta’ prattika preċedenti li tikkonsisti f’li ma titneħħiex l-immunità jew li jiġi applikat l-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta’ Proċedura fil-każijiet fejn jeżisti riskju li wieħed mill-membri tiegħu jiġi arrestat mingħajr kundanna minn qabel, ir-rikorrenti jinvokaw ċerti deċiżjonijiet adottati mill-Parlament fil-qasam tal-immunità matul is-snin 1984 sa 2011.

191    Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom sabiex jinvokaw l-imsemmija deċiżjonijiet mingħajr madankollu ma juru kif huma jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza, fil-ġurnata tad-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-prattika allegata.

192    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux kif id-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirrigwardaw sitwazzjonijiet paragunabbli għal tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità huma intiżi sabiex jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej li nħarġu wara li r-rikorrenti rrifjutaw li jidhru quddiem l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli. Għalhekk, dawn huma intiżi sabiex jippermettu l-arrest tar-rikorrenti sabiex jiġu kkonsenjati lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex il-proċeduri kriminali inkwistjoni jkunu jistgħu jitkomplew. Issa, ebda waħda mid-deċiżjonijiet invokati ma hija relatata ma’ tali sitwazzjoni.

193    Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat essenzjalment, fuq ilksur taddritt għal smigħ

194    Ir-raba’ motiv jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet.

195    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma nstemgħux dwar diversi dokumenti li huma ma kellhomx aċċess għalihom. Huma jżidu li ma jistax jiġi eskluż li dawn id-dokumenti kellhom effett deċiżiv fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ostakola d-dritt għal smigħ tagħhom waqt is-smigħ tagħhom u li r-relatur ma kienx preżenti għall-osservazzjonijiet preliminari tal-ewwel rikorrent. Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-pożizzjoni tal-Parlament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu dwar l-inammissibbiltà tal-Anness 44 tar-rikors, jiġifieri l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil‑15 ta’ Frar 2021, tidher li tistabbilixxi li dawn ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, minkejja li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżitu tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità.

196    Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dawn l-argumenti.

197    Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha negattivament. Dan id-dritt, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernah, li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni hija adottata (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Skont il-ġurisprudenza, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi impost fuq rikorrent li jinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu li juri li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża. L-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni għandha, barra minn hekk, issir skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 105 sa 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġu evalwati ż-żewġ partijiet tar-raba’ motiv.

–       Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilfatt li rrikorrenti ma kellhomx aċċess għal tliet dokumenti

200    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma nstemgħux fir-rigward tad-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2018 li fuqu bbaża ruħu l-Parlament sabiex jikkunsidra, b’mod żbaljat, li l-investigazzjoni kriminali kienet ingħalqet u li ma kinitx inkluża fil-proċess.

201    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan id-digriet ma jikkonċernax lir-rikorrenti, iżda lill-persuni l-oħra kkonċernati mill-proċeduri kriminali inkwistjoni, li ma rrifjutawx li jidhru (ara l-punt 156 iktar ’il fuq).

202    Barra minn hekk, ġie kkunsidrat li ma kienx jidher li l-iżball jew, tal-inqas, in-nuqqas ta’ ċarezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tal-istadju eżatt tal-proċeduri kriminali inkwistjoni kellu effett fuq l-eżami tat-talba għat-tneħħija tal-immunità (ara l-punt 160 iktar ’il fuq).

203    Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jiġi kkonstatat sa fejn ir-rikorrenti ma tqiegħdux f’pożizzjoni li jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dan id-digriet, dan ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

204    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma setgħux jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti ppreżentati mir-Renju ta’ Spanja fin-notifiki, datati 11 ta’ Ġunju 2014 u 30 ta’ Settembru 2020, indirizzati lill-Parlament dwar l-awtorità kompetenti fil-qasam tat-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament (ara l-punti 81 u 82 iktar ’il fuq), li ma ntbagħtulhomx.

205    Madankollu, ma ġiex ikkontestat li, fl-istat tal-ġurisprudenza nazzjonali, hija l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li hija kompetenti sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament elett għar-Renju ta’ Spanja (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li d-deċiżjonijiet ikkontestati seta’ kellhom kontenut differenti li kieku nstemgħu dwar in-notifiki tar-Renju ta’ Spanja ċċitati iktar ’il fuq.

206    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma kellhomx aċċess, minkejja t-talba tagħhom, għall-“komunikazzjoni komuni lill-membri tal-Kumitat [għall-Affarijiet Legali]”, stabbilita mir-relatur, prevista mill-komunikazzjoni ta’ dan il-kumitat tal‑10 ta’ Frar 2015, li tikkonsisti f’sunt tal-fatti prinċipali relatati ma’ kull kawża ta’ immunità stabbilita mir-relatur kif ukoll fil-lista sħiħa tad-dokumenti rċevuti.

207    Madankollu, il-Parlament jafferma, mingħajr ma huwa kontradett, li ebda “komunikazzjoni komuni” ma ġiet stabbilita f’dan il-każ peress li din kienet prevista mill-komunikazzjoni tal‑10 ta’ Frar 2015 li ġiet issostitwita bil-Komunikazzjoni Nru 11/2019, li ma ssemmihiex iktar.

208    Ir-raba’, wara l-produzzjoni tar-risposta u tal-annessi tagħha, ir-rikorrenti jsostnu fir-replika li huma ma kellhomx aċċess għall-Komunikazzjoni Nru 1/20, jiġifieri għan-nota ta’ trażmissjoni lill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-ewwel u tat-tieni rikorrent, li magħha kien mehmuż l-estratt tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal‑14 ta’ Ottubru 2019 li kkundannat lill-persuni kkonċernati mill-proċeduri kriminali inkwistjoni li ma kinux irrifjutaw li jidhru.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti kienu akkumpanjati minn diversi annessi, identifikati fid-digrieti msemmija fil-punti 11 u 15 iktar ’il fuq, fosthom is-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal‑14 ta’ Ottubru 2019 iċċitata iktar ’il fuq. Ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn id-dokumenti li kienu jagħmlu parti mill-fajl tat-tneħħija tal-immunità aċċessibbli għar-rikorrenti. Il-Komunikazzjoni Nru 1/20, li hija sempliċi nota ta’ trażmissjoni, ma tipprovdi ebda element sostanzjali għal dawn id-dokumenti li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti kellhom ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Komunikazzjoni Nru 1/20 ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti, fatt li huwa kkontestat mill-Parlament, tali ċirkustanza hija nieqsa minn kull effett fuq l-eżitu tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għaldaqstant, l-argument għandu jiġi miċħud mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament.

210    Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur taddritt għal smigħ waqt issmigħ tarrikorrenti

211    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li l-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu jistieden lill-membru tal-Parlament li tkun intalbet it-tneħħija tal-immunità tiegħu u li l-membru tal-Parlament jista’ jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jinstema’. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-punt 20 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, inkluż fil-parti “Seduti”, il-membru tal-Parlament li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni jew dak li jirrappreżentah jista’ jitkellem biss waqt smigħ li huwa fakultattiv. Huwa jista’ jagħmel osservazzjonijiet preliminari li ma jistgħux jaqbżu ħmistax-il minuta u li jiġu segwiti minn tweġibiet qosra għall-mistoqsijiet tal-membri tal-kumitat. Barra minn hekk, taħt it-titolu “Ħin għad-diskors”, il-punt 11 ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdi li, fid-dawl taż-żmien limitat li għandu l-Kumitat għall-Affarijiet Legali sabiex jeżamina l-każijiet ta’ immunità, il-ħin għad-diskors huwa strettament irregolat mill-President. Il-punt 13 jippreċiża wkoll li, fil-każ ta’ smigħ, il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali minbarra r-relatur jistgħu jintervjenu fil-qosor sabiex jagħmlu mistoqsijiet.

212    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jakkużaw lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li segwa strettament il-prinċipji esposti fil-punt 211 iktar ’il fuq filwaqt li l-kumplessità tal-kawżi inkwistjoni kienet tiġġustifika li jidderoga minnhom u li r-relatur ma kienx preżenti għall-osservazzjonijiet preliminari tal-ewwel rikorrent.

213    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li kull wieħed mir-rikorrenti kellu ħmistax-il minuta sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet preliminari tiegħu u li huma setgħu jirrispondu għal domandi magħmula mill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont il-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni Nru 11/2019.

214    Għandu jitfakkar ukoll li r-rikorrenti ttrażmettew, diversi drabi, lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, l-osservazzjonijiet tagħhom flimkien mal-provi li huma qiesu rilevanti għall-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità. Għaldaqstant, huma setgħu, ukoll b’dan il-mod, jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ billi jagħtu l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura. F’dan ir-rigward, ma huwiex stabbilit u mill-osservazzjonijiet tal-Parlament dwar il-preżentazzjoni formali tal-Anness A 44, ikkostitwita mill-osservazzjonijiet ippreżentati fil‑15 ta’ Frar 2021 mir-rikorrenti lill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-annessi tagħhom, ma jirriżultax li dan il-kumitat ma ħax inkunsiderazzjoni dan l-anness qabel ma adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

215    Fir-rigward tal-fatt li r-relatur ma kienx fiżikament preżenti meta l-ewwel rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet preliminari tiegħu waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal‑14 ta’ Jannar 2021, ma huwiex speċifikat kif tali fatt imur kontra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jew jippreġudika d-dritt għal smigħ. Barra minn hekk, il-Parlament jindika, mingħajr ma ġie kkontestat, li r-relatur kien attenda mill-bogħod għall-bidu ta’ din il-laqgħa, sakemm problema teknika wasslitu sabiex jipparteċipa fiżikament għaliha.

216    Minn dan isegwi li t‑tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

217    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li d-dritt tagħhom għal smigħ ġie miksur. Għandu wkoll jiġi miċħud, fi kwalunkwe każ u konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li, fin-nuqqas ta’ kull argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, huwa esklużivament ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ.

218    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ imparzjalità

219    It-tielet motiv huwa bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, li minnu jirriżulta wkoll ksur tal-Artikolu 15 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 39(2) u tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. It-tielet motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-irregolarità tal-ħatra ta’ relatur wieħed għal tliet kawżi ta’ immunità, it-tieni waħda, fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur u, it-tielet waħda, fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti jsostnu li ż-żamma in camera tal-ħidma ta’ dan il-kumitat tostakola l-possibbiltà tagħhom li juru l-impatt tal-parzjalità tar-relatur u tal-president tal-imsemmi kumitat fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati.

220    Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, jikkontesta dawn l-argumenti.

221    Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, fosthom id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

222    L-Artikolu 41 tal-Karta jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Dan id-dritt jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑521/15, EU:C:2017:982, punti 88 u 89). Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, li għalhekk huwa impost fuq dawn l-istituzzjonijiet, korpi u organi fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, huwa intiż li jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament li hija l-bażi tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Dan ir-rekwiżit huwa intiż, b’mod partikolari, li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi eventwali fir-rigward ta’ uffiċjali u ta’ aġenti li jaġixxu għan-nom tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi. Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-garanzija ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità f’dak li jirrigwarda kemm il-funzjonament intern kif ukoll l-immaġini esterna tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri kull ċirkustanza li l-uffiċjal jew l-aġent li għandu jiddeċiedi dwar kawża għandu raġonevolment jifhem, li jistgħu jidhru, f’għajnejn terzi, li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tiegħu fil-qasam inkwistjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Tali rekwiżit ta’ imparzjalità huwa impost ukoll fuq il-membri tal-Parlament li jintervjenu fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-funzjonijiet amministrattivi tal-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il‑Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 61, u tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Vasallo Andrés vs Il‑Parlament, T‑496/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:628, punti 20 sa 24).

225    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet, ta’ natura politika, li permezz tagħhom il-Parlament jiddeċiedi dwar talba għat-tneħħija tal-immunità (ara l-punt 112 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li huma ta’ natura li jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali individwali tal-membru tal-Parlament inkwistjoni billi jneħħu l-protezzjoni li tagħtih din l-immunità u li, sa dan il-punt, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dan il-kuntest, u kif irrileva l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja (C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 192), il-proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha neċessarjament tkun akkumpanjata minn garanziji individwali suffiċjenti.

226    B’hekk, il-Parlament stabbilixxa fażi istruttorja tat-talba għat-tneħħija tal-immunità fdata lill-kumitat responsabbli, f’dan il-każ, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li huwa inkarigat mit-tfassil tal-abbozz ta’ deċiżjoni suġġett għal vot fis-seduta plenarja. Fil-kuntest ta’ din il-fażi istruttorja tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, għandu jiġi kkonstatat li, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-membru tal-Parlament ikkonċernat jibbenefika mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, jiġifieri, id-dritt għal smigħ, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tiegħu u l-obbligu tal-Parlament li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu. Matul din il-fażi, il-membru tal-Parlament ikkonċernat għandu wkoll jibbenefika mid-dritt, previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, li l-affarijiet tiegħu jiġu ttrattati b’mod imparzjali u ġust, kif ġie ammess mill-Parlament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità għandu madankollu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-membri tal-Parlament, membri tal-imsemmi kumitat, ma humiex, mid-definizzjoni stess, politikament newtrali, fatt li jiddistingwihom mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal li jaġixxu f’isem l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

227    Fit-tieni lok, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li l-ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata inkarigat mill-kawża ma għandu jimmanifesta pożizzjoni diġà meħuda jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara, f’dan is-sens, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv.

–       Fuq lewwel parti tattielet motiv, ibbażata fuq ilħatra ta’ relatur wieħed għattliet kawżi

229    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ħatar, b’mod sigriet u mingħajr motivazzjoni, relatur wieħed sabiex jeżamina t-tliet talbiet għat-tneħħija tal-immunità bi ksur tal-punti 6 u 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019. Fil-fehma tagħhom, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-formalità sostanzjali jikkaratterizza ksur tad-dritt tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, li l-kawżi tagħhom jiġu ttrattati b’mod imparzjali u ġust.

230    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Proċeduri dwar l-immunità”, jipprevedi li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, jekk ikunu ġew ikkomunikati fis-seduta plenarja, għandhom jiġu rrinvijati lill-kumitat responsabbli, li għandu l-obbligu li jippreżenta proposta għal deċiżjoni motivata, wara li jkun ta lill-membru tal-Parlament ikkonċernat il-possibbiltà li jinstema’ u, jekk ikun il-każ, wara li jkun talab informazzjoni u preċiżazzjonijiet mingħand l-awtorità kkonċernata. Dan l-Artikolu 9 jipprevedi wkoll, fil-paragrafu 11 tiegħu, li l-Kumitat għandu jittratta l-kwistjonijiet relatati mal-immunitajiet fl-ikbar kunfidenzjalità. Għall-bqija, huwa l-kumitat responsabbli li jiddetermina l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9, skont il-paragrafu 13 ta’ dan l-artikolu, u għalhekk il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tiġi stabbilita l-proposta għal deċiżjoni li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament f’seduta plenarja.

231    F’dan il-kuntest, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali adotta l-Komunikazzjoni Nru 11/2019, li tistabbilixxi regoli ta’ kondotta indikattivi tal-prattika li huwa għandu l-intenzjoni jsegwi fit-trattament tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Jalkh vs Il‑Parlament, T‑230/21, mhux ippubblikata, EU:T:2021:848, punt 44; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Bilde vs Il‑Parlament, T‑248/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:46, punt 24).

232    Il-komunikazzjoni Nru 11/2019 tipprovdi, fil-punt 6 tagħha, li l-kumitat responsabbli għandu jaħtar relatur għal “kull talba għat-tneħħija tal-immunità”. Skont il-punt 7 ta’ din il-komunikazzjoni, huwa f’idejn kull grupp politiku li jaħtar membru tal-Parlament li jaġixxi bħala relatur permanenti għall-kwistjonijiet ta’ immunità u li jassumi l-funzjonijiet ta’ koordinatur “sabiex jiżgura li l-każijiet ta’ immunitajiet jiġu ttrattati minn membri b’esperjenza”. Il-punt 8 ta’ din l-istess komunikazzjoni, jipprevedi li għal kull kwistjoni ta’ immunità, il-funzjoni ta’ relatur hija suġġetta għal rotazzjoni b’mod ugwali bejn il-gruppi politiċi, iżda jeskludi li r-relatur jista’ jappartjeni għall-istess grupp politiku jew ikun ġie elett fl-istess Stat Membru bħall-membru tal-Parlament li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni.

233    Minn dan isegwi li, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, kull grupp politiku tal-Parlament jaħtar, minn fost il-membri tiegħu li jservu fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, relatur permanenti għall-kwistjonijiet ta’ immunità. Peress li l-Parlament għandu, għal-leġiżlatura 2019–2024, seba’ gruppi politiċi, inħatru seba’ membri sabiex jaqdu l-funzjonijiet ta’ relatur f’każijiet ta’ immunità. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jafda kull talba għat-tneħħija tal-immunità lil wieħed minn dawn ir-relaturi, skont sistema ta’ rotazzjoni stabbilita b’mod ugwali bejn il-gruppi politiċi, li bħala prinċipju ssir deroga minnha biss jekk ir-relatur tal-grupp inkwistjoni jwarrab, f’liema każ, il-każ jiġi fdat lir-relatur maħtur mill-grupp politiku li jmiss.

234    F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jsostnu li l-ħatra ta’ relatur wieħed sabiex jeżamina t-tliet talbiet għat-tneħħija tal-immunità, allegatament bi ksur tal-punti 6 u 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, tikser id-dritt tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, li l-kwistjonijiet tagħhom jiġu ttrattati b’mod imparzjali u ġust. Issa, bla ħsara għall-kwistjoni tal-imparzjalità tar-relatur maħtur, li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv, huma ma jipproduċu ebda element sabiex jistabbilixxu kif l-allegat ksur tal-imsemmija punti tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019 huwa ta’ natura li jikkostitwixxi ksur ta’ dan id-dritt.

235    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegat ksur tal-punt 6 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, għandu jiġi rrilevat li relatur, ċertament identiku, inħatar għal kull talba għat-tneħħija tal-immunità. Il-prinċipju li jinsab fl-imsemmi punt ġie għalhekk osservat.

236    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ rotazzjoni ugwali tal-funzjoni ta’ relatur li jinsab fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-ħatra ta’ relatur wieħed biss sabiex jeżamina diversi każijiet ta’ immunità relatati meta, bħal f’dan il-każ, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jikkonċernaw membri tal-Parlament milquta mill-istess proċedura kriminali.

237    Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019 ġie miksur, għandu jitfakkar li, fost id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri interni ta’ istituzzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn dawk li l-ksur tagħhom ma jistax jiġi invokat mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li dawn jikkonċernaw biss il-modalitajiet ta’ funzjonament intern tal-istituzzjoni li ma jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tagħhom, u dawk li l-ksur tagħhom jista’, għall-kuntrarju, jiġi invokat, peress li joħolqu drittijiet u fattur ta’ ċertezza legali għal dawn il-persuni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 49 u 50, u tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 132). Issa, l-imsemmi punt 8 ma jagħtix dritt lil dawn il-membri u lanqas ma jidher bħala fattur ta’ ċertezza legali għal dawn tal-aħħar. Fil-fatt, huwa intiż sabiex jorganizza l-funzjonament intern tal-Parlament, billi jiżgura trattament ugwali tal-gruppi politiċi fi ħdanu. Din hija għalhekk miżura ta’ organizzazzjoni purament interna li l-ksur tagħha ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

238    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti tattielet motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ imparzjalità tarrelatur

239    Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament kiser formalità sostanzjali meta ħatar relatur assolutament parzjali. Fil-fatt, ir-relatur huwa membru tal-istess grupp politiku fil-Parlament bħal dak li jagħmlu parti minnu l-membri tal-Parlament eletti għar-Renju ta’ Spanja membri tal-partit politiku Spanjol VOX, jiġifieri l-Grupp ta’ Konservaturi u Riformisti Ewropej (KRE). Issa, il-partit VOX, flimkien mal-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) u l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat), beda l-proċeduri kriminali kontra r-rikorrenti li fir-rigward tagħhom intalbet it-tneħħija tal-immunità tagħhom. Dan il-partit juri animożità partikolari kontra r-rikorrenti. Dawn tal-aħħar iżidu li r-relatur wera l-pożizzjoni tiegħu qabel u wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk, huwa organizza u ppresieda fil-Parlament laqgħa ma’ dan il-partit Spanjol, li matulha intqal kliem manifestament ostili fil-konfront tagħhom. Dan in-nuqqas ta’ imparzjalità huwa kkonfermat minn dikjarazzjonijiet tar-relatur wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u mir-reazzjonijiet tal-parti Spanjola VOX. Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ir-rabtiet ta’ ħbiberija bejn ir-relatur u l-membri tal-partit VOX.

240    Ir-rikorrenti ppreċiżaw, waqt is-seduta, li huma kienu qegħdin jikkontestaw prinċipalment l-imparzjalità suġġettiva tar-relatur, filwaqt li indikaw li l-provi prodotti kienu jistabbilixxu, tal-inqas, ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità oġġettiva.

241    Preliminarjament, ma huwiex ikkontestat li r-relatur responsabbli mit-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-ewwel rikorrent inħatar skont ir-rotazzjoni stabbilita bejn il-gruppi politiċi. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li dan ir-relatur, li huwa responsabbli wkoll mill-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tat-tieni u t-tielet rikorrent, kellu jwarrab jew jiġi rikużat minħabba n-nuqqas ta’ imparzjalità tiegħu.

242    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandha titfakkar in-natura politika tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Parlament jiddeċiedi dwar talba għat-tneħħija tal-immunità (ara l-punt 225 iktar ’il fuq).

243    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-fażi istruttorja tat-talba għat-tneħħija tal-immunità titmexxa minn kumitat parlamentari, jiġifieri korp politiku, li l-kompożizzjoni tiegħu hija intiża, skont l-Artikolu 209 tar-Regoli ta’ Proċedura, li tirrifletti l-pluralità li teżisti fi ħdan il-Parlament, peress li t-tqassim tas-siġġijiet huwa, sa fejn possibbli, proporzjonali mar-rappreżentanza tal-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament. Kif ġie espost fil-punt 231 iktar ’il fuq, l-imsemmi kumitat jaħtar, fi ħdanu, ir-relatur skont sistema ta’ rotazzjoni ugwali bejn il-gruppi politiċi. Minn dan isegwi li, jekk il-missjoni ta’ relatur tiġi fdata lil membru tal-Parlament li jaqa’ taħt grupp politiku partikolari, dan il-membru jaġixxi fil-kuntest ta’ kumitat li l-kompożizzjoni tiegħu tirrifletti l-bilanċ tal-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament.

244    F’dan il-kuntest, l-imparzjalità ta’ membru tal-Parlament li jintervjeni matul din il-fażi istruttorja, bħar-relatur, ma tistax, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tal-ideoloġija politika tiegħu, u lanqas fid-dawl ta’ paragun bejn l-ideoloġija politika tiegħu u dik tal-membru parlamentari kkonċernat mit-talba għat-tneħħija tal-immunità. B’mod partikolari, l-appartenenza tar-relatur għal partit politiku nazzjonali jew għal grupp politiku kkostitwit fi ħdan il-Parlament, ikunu xi jkunu l-valuri u l-ideat ta’ dawn tal-aħħar, u anki jekk dawn jistgħu jiżvelaw sensibbiltajiet a priori sfavorevoli għas-sitwazzjoni tal-membru tal-Parlament ikkonċernat mit-talba għat-tneħħija tal-immunità, hija, bħala prinċipju, mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-imparzjalità tar-relatur. F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li d-differenza ta’ ideoloġija politika bejn ir-relatur u l-membru tal-Parlament ikkonċernat mit-talba għat-tneħħija tal-immunità ma kinitx ta’ natura, fiha nnifisha, li taffettwa l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Jalkh vs Il‑Parlament, T‑230/21, mhux ippubblikata, EU:T:2021:848, punt 46).

245    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-appartenenza tar-relatur għall-grupp politiku Ewropew ta’ Konservattivi u Riformisti Ewropej hija, bħala prinċipju, mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-imparzjalità tiegħu.

246    Ċertament, dan il-grupp politiku jinkludi wkoll il-membri tal-Parlament tal-partit politiku VOX li, kif irrileva l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja (C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 202), jinsab f’sitwazzjoni kompletament partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, peress li huwa ta lok għall-proċeduri kriminali inkwistjoni. Madankollu, din is-sitwazzjoni partikolari għandha fil-mira membri tal-partit politiku VOX u ma tistax tiġi estiża, bħala prinċipju, għall-membri kollha tal-grupp politiku tal-Konservaturi u Riformisti Ewropew għar-raġuni biss li huma għandhom, peress li jaqgħu taħt l-istess grupp, affinitajiet politiċi.

247    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li r-relatur ippresieda laqgħa tal-partit politiku VOX fi ħdan il-Parlament, li matulha huwa allegatament sostna s-slogan “Puigdemont fil-ħabs”.

248    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni sommarja ta’ dan l-ilment tinsab fir-rikors u li hija sostnuta minn prova li tinsab fl-annessi identifikati, jiġifieri link lejn video. Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament f’dan ir-rigward.

249    Sussegwentement, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-Parlament, ir-relatur organizza u pparteċipa f’avveniment li nżamm fis‑6 ta’ Marzu 2019, fil-bini tal-Parlament, li kien jikkonsisti f’intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-partit politiku VOX dwar it-tema “Cataluña es España” (il-Cataluña hija Spanja)”. Dan tal-aħħar għalaq id-diskors tiegħu permezz tal-formula “Viva España, viva Europa y Puigdemont a prisión” (Viva Spanja, viva l-Ewropa u Puigdemont fil-ħabs).

250    Minn naħa, huwa paċifiku li, matul dan l-avveniment, ir-relatur ma esprimiex ruħu verbalment. Fil-fatt, mir-reġistrazzjoni ta’ dan l-avveniment jirriżulta li, għalkemm ir-relatur kien preżenti fuq il-mejda tal-kelliema, ħdejn is-segretarju ġenerali tal-partit VOX u żewġ membri oħra tal-Parlament, kien biss is-Segretarju Ġenerali tal-imsemmi partit li intervjena oralment.

251    Min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ tali avveniment tista’ tiġi kkunsidrata bħala manifestazzjoni tal-appoġġ tar-relatur għall-ideat difiżi mill-imsemmi partit politiku li jikkonċernaw, b’mod partikolari, fid-dawl tat-tema tal-avveniment, is-sitwazzjoni politika tal-Cataluña, kif ukoll l-oppożizzjoni tagħha għall-ideat politiċi mressqa mir-rikorrenti. Għalkemm, ċertament, il-fatti li bihom huma akkużati r-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni jirrigwardaw is-sitwazzjoni politika fil-Cataluña sa fejn dawn jirrigwardaw l-adozzjoni tal-liġijiet imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq u ż-żamma tar-referendum ta’ awtodeterminazzjoni msemmi fl-istess punt, il-manifestazzjoni, mill-membru tal-Parlament, relatur futur fil-kawżi ta’ tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti, tal-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ma tistax, għar-raġunijiet esposti fil-punti 244 u 246 iktar ’il fuq, tkun suffiċjenti sabiex tikkaratterizza ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità. Għandu jingħad ukoll li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 141 iktar ’il fuq, il-kwistjonijiet dwar jekk il-fatti li bihom huma akkużati r-rikorrenti humiex stabbiliti, jekk dawn il-fatti jiġġustifikawx jew le proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom u jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu r-reati li abbażi tagħhom ir-rikorrenti ġew akkużati kinux xierqa huma distinti minn dik li tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-immunità parlamentari, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, kinux issodisfatti fil-mument meta saret it-talba. Din l-aħħar kwistjoni hija l-unika kwistjoni li ġiet eżaminata mir-relatur.

252    It-tielet, fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu ċerti fatti li seħħew wara d-deċiżjonijiet ikkontestati li juru l-assenza ta’ imparzjalità tar-relatur.

253    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-provi u l-offerti ta’ provi jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. L-Artikolu 85(2) tar-Regoli ta’ Proċedura jispeċifika li l-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

254    Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw intervista tar-relatur f’gazzetta Bulgara, bid-data tal-jum ta’ wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u għalhekk qabel il-preżentata tar-rikors, għandu jiġi rrilevat li dan id-dokument ġie prodott fir-replika, mingħajr ma r-rikorrenti ġġustifikaw il-produzzjoni tardiva tiegħu. Għaldaqstant, din il-prova għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, kif jitlob il-Parlament.

255    Barra minn hekk, id-diversi reazzjonijiet tal-partit politiku VOX espressi wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u wara l-preżentata tar-rikors, b’mod partikolari l-manifestazzjonijiet ta’ sodisfazzjon fir-rigward tar-rapport stabbilit mir-relatur, ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu n-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur. L-istess japplika għall-fatt, allegat mir-rikorrenti, li r-relatur kien suġġett għal sanzjoni amministrattiva minħabba l-aġir tiegħu fil-Kamra għal fatti li ma humiex relatati ma’ din il-kawża.

256    Ir-raba’, ir-rikorrenti ma jsostnux li r-relatur kien f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, li teżisti, skont l-Artikolu 3(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, “meta Membru jkollu interess personali li jista’ jinfluwenza b’mod mhux xieraq il-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew”. B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda interess personali tar-relatur li jista’ jaffettwa l-imparzjalità tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jsemmu ebda dikjarazzjoni tar-relatur ta’ natura li tiżvela li huwa kien iddiskuta l-funzjoni tiegħu bi preġudizzju personali, dissoċjabbli mill-ideoloġija politika tiegħu.

257    Minn dan isegwi li t‑tieni parti tat‑tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ittielet parti tattielet motiv, ibbażata fuq innuqqas ta’ imparzjalità talPresident talKumitat għallAffarijiet Legali

258    Ir-rikorrenti jsostnu li l-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma kien joffri ebda garanzija ta’ imparzjalità għar-raġunijiet imsemmija fl-osservazzjonijiet li huma kkomunikaw lil din il-kummissjoni, li tinsab fl-anness tar-rikors. Huma jippreċiżaw, b’mod partikolari, li dan tal-aħħar u l-partit politiku nazzjonali li jagħmel parti minnu wrew ostilità feroċi fir-rigward tagħhom billi mexxew strateġija intiża li tipprekludihom milli jieħdu l-pussess tas-siġġu tagħhom fil-Parlament.

259    F’dan ir-rigward, mill-iżviluppi li jinsabu fil-punti 33 sa 37 iktar ’il fuq jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-argumenti dwar l-assenza ta’ imparzjalità tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li huma esposti biss fl-annessi tar-rikors mingħajr ma jissemmew espressament fih. Dan huwa l-każ tal-argument marbut maċ-ċittadinanza Spanjola tiegħu. Dan huwa wkoll il-każ ta’ ċerti argumenti dwar l-allegat aġir tagħha, kif isostni l-Parlament.

260    Min-naħa l-oħra, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Parlament sa fejn din hija diretta kontra l-argument, imsemmi fil-punt 145 tar-rikors, ibbażat fuq l-allegata ostilità tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li tirriżulta mill-istrateġija li tmexxiet sabiex ir-rikorrenti jiġu preklużi milli jieħdu pussess tas-siġġu tagħhom fil-Parlament.

261    Madankollu dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-allegati inizjattivi sabiex ir-rikorrenti jiġu preklużi milli jieħdu l-pussess tas-sede tagħhom fil-Parlament joriġinaw, mhux mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, iżda mill-partit politiku nazzjonali li jagħmel parti minnu, li ma huwiex dak li eżerċita l-azzjoni popolari fil-proċeduri kriminali inkwistjoni. Issa, mill-punt 244 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imparzjalità tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma tistax, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tal-ideoloġija politika tiegħu, b’mod partikolari, tal-appartenenza tiegħu għal partit politiku nazzjonali.

262    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda. Sa fejn l-allegazzjonijiet ta’ parzjalità fformulati kontra r-relatur u l-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ġew miċħuda, ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata r-raba’ parti dwar l-ostakolu li n-natura kunfidenzjali tax-xogħol ta’ dan il-kumitat għall-istabbiliment tal-prova tal-effett tal-allegata parzjalità tagħhom fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati tikkostitwixxi.

263    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu adottati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talfażi orali talproċedura

264    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti ressqu talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

265    Skont l-Artikolu 113(2)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura meta parti prinċipali titlob dan, billi tibbaża ruħha fuq fatti ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha li hija ma setgħetx issostni qabel l-għeluq tal-imsemmija fażi orali.

266    Ir-rikorrenti jsostnu fatti li seħħew wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura li, fil-fehma tagħhom, għandhom effett deċiżiv, minn naħa, fuq l-interess ġuridiku tagħhom u, min-naħa l-oħra, fuq il-fondatezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

267    B’mod iktar preċiż, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jirreferu għad-dħul fis-seħħ, fit‑12 ta’ Jannar 2023, tal-Ley Orgánica 14/2022 (il-Liġi Organika 14/2022), tat‑22 ta’ Diċembru 2022 (BOE Nru 307, tat‑23 ta’ Diċembru 2022, p. 1), li emendat il-Kodiċi Kriminali, b’mod partikolari billi neħħiet ir-reat ta’ sedizzjoni li abbażi tiegħu huma kienu akkużati u billi mmodifikat il-ksur ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi fir-rigward tal-ewwel u t-tieni rikorrent. It-tieni, huma jinvokaw id-digriet tat‑12 ta’ Jannar 2023 li permezz tiegħu l-qorti istruttorja tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) neħħiet b’mod partikolari l-mandati ta’ arrest Ewropej tal-14 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Novembru 2019 maħruġa fil-konfront tagħhom. It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu d-digriet tal-Corte d’appello di Cagliari, sezione distaccata di Sassari (il-Qorti tal-Appell ta’ Cagliari, awla separata ta’ Sassari, l-Italja) tad‑9 ta’ Marzu 2023 li permezz tiegħu din il-qorti kkonstatat it-tneħħija tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tal-ewwel rikorrent u, konsegwentement, iddikjarat l-estinzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat. Ir-raba’, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2022 li permezz tagħha t-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) ċaħdet ir-rikors (“recurso de amparo”) ippreżentat mill-ewwel u mit-tieni rikorrent kontra d-digriet tal-qorti istruttorja tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal‑10 ta’ Jannar 2020 li jitlob it-tneħħija tal-immunità tagħhom quddiem il-Parlament.

268    Fl-ewwel lok, fir-rigward taż-żamma tal-interess ġuridiku tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jipproduċu iktar effetti legali, peress li, minn naħa, dawn huma intiżi biss sabiex jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej li tneħħew u, min-naħa l-oħra, huma jneħħu l-immunità tagħhom abbażi ta’ proċedura kriminali li tirrigwarda allegat reat ta’ sedizzjoni li ma għadux jinsab fil-Kodiċi Kriminali u fuq ksur preżunt ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li ġie sostanzjalment emendat f’dan il-kodiċi. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-effetti prodotti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, huma għandhom interess ġuridiku, tal-inqas, f’perspettiva ta’ kumpens. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li sentenza ta’ annullament tista’ tikkostitwixxi forma ta’ kumpens. Huma jsostnu wkoll ir-riskju ta’ ripetizzjoni tal-illegalitajiet li jaffettwaw id-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li l-qorti istruttorja tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tipprevedi li toħroġ mandati ta’ arrest Ewropej ġodda.

269    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura sabiex ikun jista’ jsir dibattitu kontradittorju dwar il-kwistjoni tat-tmiem tal-interess ġuridiku tagħhom, filwaqt li jsostnu li dan jippersisti minkejja l-allegata nullità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, la l-Parlament u lanqas ir-Renju ta’ Spanja ma adixxew lill-Qorti Ġenerali b’talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, filwaqt li tali talba tista’ titressaq f’kull mument tal-proċedura (digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2019, Le Pen vs Il‑Parlament, T‑211/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:776, punt 14). F’dan il-kuntest, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-provi prodotti mir-rikorrenti dwar il-kwistjoni tal-interess ġuridiku tagħhom ma humiex ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 113(2)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

270    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-fatti ġodda invokati mir-rikorrenti lanqas ma huma ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-mertu tar-rikors.

271    Fil-fatt, sa fejn il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta dan l-att ġie adottat (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) u filwaqt li ma huwiex il-Parlament, meta jiddeċiedi dwar talba għat-tneħħija tal-immunità, li għandu jevalwa n-natura xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu l-ksur allegat (ara l-punt 180 iktar ’il fuq), l-emenda tal-Kodiċi Kriminali, wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma għandhiex effett fuq l-eżami tal-legalità tagħhom. L-istess japplika, minn naħa, għad-digriet tal-qorti istruttorja tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat‑12 ta’ Jannar 2023, li n-natura definittiva tiegħu, barra minn hekk, ma ġietx stabbilita, peress li dan huwa intiż sabiex jislet il-konsegwenzi tal-emenda tal-imsemmi kodiċi kriminali u, min-naħa l-oħra, għad-digriet tal-Corte d’appello di Cagliari, sezione distaccata di Sassari (il-Qorti tal-Appell ta’ Cagliari, awla separata ta’ Sassari) tad‑9 ta’ Marzu 2023 li permezz tiegħu din il-qorti stess, essenzjalment, siltet il-konsegwenzi tat-tneħħija, permezz tad-digriet iċċitat iktar ’il fuq tat‑12 ta’ Jannar 2023, tal-mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda lill-ewwel rikorrent.

272    Fir-rigward tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2022 tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li din issaħħaħ l-argument li huma kienu diġà żviluppaw insostenn tat-tieni motiv, b’rabta mas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023). Għaldaqstant, din is-sentenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tistax titqies li hija ta’ natura li teżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li, fl-imsemmija sentenza, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat li hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistax jinvalida l-konklużjoni, esposta fil-punt 88 iktar ’il fuq, li l-Parlament ma kienx obbligat jevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-ġurisprudenza Spanjola dwar l-awtorità kompetenti sabiex titlob it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament Ewropew elett għar-Renju ta’ Spanja.

273    Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq lispejjeż

274    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament fil-kuntest ta’ din il-kawża u tal-Kawżi T‑272/21 R u T‑272/21 R II, konformement mat-talbiet tal-Parlament.

275    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, inklużi dawk li huwa sostna fil-kuntest tal-Kawża T‑272/21 R II.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Carles Puigdemont i Casamajó, Antoni Comín i Oliveres u Clara Ponsatí i Obiols huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew, inkluż dawk sostnuti fil-kuntest tal-Kawżi T272/21 R u T272/21 R II.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, inklużi dawk li huwa sostna fil-kuntest tal-Kawża T272/21 R II.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Lulju 2023.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.