Language of document : ECLI:EU:T:2024:296

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar l-allowances u l-ispejjeż imħallsa lil Membru tal-Parlament kif ukoll dwar is-salarji u l-allowances tal-assistenti parlamentari tiegħu – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Artikolu 4(1)(b) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data – Neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku – Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725”

Fil-Kawża T‑375/22,

Luisa Izuzquiza, residenti f’Berlin (il-Ġermanja),

Arne Semsrott, residenti f’Berlin,

Stefan Wehrmeyer, residenti f’Berlin,

irrappreżentati minn J. Pobjoy, BL,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz u J.‑C. Puffer, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, R. da Silva Passos (Relatur), S. Gervasoni, N. Półtorak u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: A. Marghelis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Luisa Izuzquiza, Arne Semsrott u Stefan Wehrmeyer, qegħdin jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew bir-referenza A(2021) 10718C, tat‑8 ta’ April 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tirrifjuta li tagħtihom aċċess għal dokumenti tal-Parlament li fihom informazzjoni dwar l-allowances miksuba minn Ioannis Lagos u mill-assistenti parlamentari tiegħu.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        I. Lagos daħal fil-kariga tiegħu bħala Membru tal-Parlament fit‑2 ta’ Lulju 2019, wara li ġie elett fil-Greċja.

3        Fis‑7 ta’ Ottubru 2020, l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja) ikkundannat lil I. Lagos għal tlettax-il sena u tmien xhur priġunerija u għall-ħlas ta’ multa minħabba sħubija f’organizzazzjoni kriminali u t-tmexxija ta’ din tal-aħħar kif ukoll minħabba żewġ reati minuri.

4        Fis‑27 ta’ April 2021, fuq talba tal-awtoritajiet Griegi, il-Parlament neħħa l-immunità ta’ I. Lagos. Dan tal-aħħar b’hekk inżamm mill-awtoritajiet Belġjani u ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Griegi. I. Lagos attwalment qiegħed jiskonta l-piena ta’ priġunerija tiegħu fil-Greċja.

5        Wara l-kundanna kriminali tiegħu, it-tneħħija tal-immunità tiegħu u l-priġunerija tiegħu, I. Lagos ma rriżenjax mill-mandat tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Tali kundanna ta’ I. Lagos ma tatx lok għal komunikazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Griegi lill-Parlament dwar l-iskwalifika mill-mandat tiegħu.

6        Fis‑7 ta’ Diċembru 2021, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), ir-rikorrent ressqu, quddiem il-Parlament, talba għal aċċess għal dokumenti li kienu jikkonċernaw lil I. Lagos (iktar ’il quddiem it-“talba inizjali”).

7        Fit-talba inizjali tagħhom, ir-rikorrenti talbu aċċess għad-dokumenti kollha li kienu jikkonċernaw l-allowances mogħtija lil I. Lagos bejn is‑7 ta’ Ottubru 2020 u s‑7 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri, l-ewwel nett, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar u ta’ akkomodazzjoni kif ukoll l-ispejjeż relatati magħhom; it-tieni nett, l-allowance ta’ kuljum jew “allowance ta’ soġġorn”; it-tielet nett, l-allowance għall-ispejjeż ġenerali kif ukoll ir-rimborsi tal-ispejjeż ta’ taħriġ professjonali fil-lingwi u tal-ispejjeż marbuta mal-informatika u, ir-raba’ nett, l-ispejjeż marbuta mas-salarji tal-assistenti parlamentari akkreditati kif ukoll tal-assistenti parlamentari lokali.

8        Id-dokumenti li r-rikorrenti talbu aċċess għalihom kienu jinkludu, iżda ma kinux limitati għal: l-ewwel nett, it-talbiet kollha, l-irċevuti kollha, in-noti tal-ispejjeż kollha, il-biljetti kollha, id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ odometru, il-fatturi kollha jew il-komputazzjonijiet kollha ppreżentati minn I. Lagos relatati mal-allowances; it-tieni nett, id-dokumenti kollha marbuta jew relatati mar-rimbors tal-allowances u, it-tielet nett, il-korrispondenza kollha mal-uffiċċju ta’ I. Lagos, inkluż il-korrispondenza interna u l-korrispondenza ma’ terzi, dwar l-allowances kif ukoll il-korrispondenza mad-dipartimenti amministrattivi tal-Parlament.

9        Fis‑17 ta’ Jannar 2022, wara skambji ta’ ittri elettroniċi mal-Parlament, ir-rikorrenti aċċettaw li jillimitaw il-portata tat-talba inizjali għad-dokumenti li jaqgħu fil-perijodu bejn is‑7 ta’ Ottubru 2020 u s‑7 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”).

10      Fid-deċiżjoni tiegħu tal‑4 ta’ Frar 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), il-Parlament irrifjuta li jagħti lir-rikorrenti aċċess għad-dokumenti li kienu s-suġġett tat-talba inizjali.

11      Fit‑28 ta’ Frar 2022, ir-rikorrenti ressqu, quddiem il-Parlament, talba konfermatorja skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiża sabiex il-Parlament jirrevedi d-deċiżjoni inizjali tiegħu.

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament informa lir-rikorrenti li, fid-dawl tal-limitazzjoni tal-portata tat-talba inizjali għall-perijodu kkonċernat, huwa kien identifika dokumenti fil-kategoriji segwenti: is-salarju ta’ I. Lagos, l-allowance ta’ soġġorn tiegħu, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu, is-salarji tal-assistenti parlamentari akkreditati u lokali tiegħu kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-assistenti parlamentari akkreditati u lokali tiegħu. Filwaqt li invoka l-Artikolu 4(1)(b) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), il-Parlament ikkonferma d-deċiżjoni inizjali tiegħu li jirrifjuta li jagħti lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

13      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Parlament jipproduċi kopja sħiħa tad-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat. Wara li l-Parlament ikkonforma ruħu ma’ din it-talba, dawn id-dokumenti, skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti.

14      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjaraw li, kuntrarjament għal dak li huma kienu invokaw fir-rikors, huma kienu qegħdin jirtiraw, mill-motivi u mill-argumenti tagħhom, l-allegazzjoni tagħhom li wieħed mill-għanijiet imfittxija mit-talba tagħhom għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kien li jikkontribwixxu għall-komprensjoni, mill-pubbliku, tar-regoli tal-Parlament dwar il-proċess ta’ tneħħija tal-immunità parlamentari. Din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti ġiet irreġistrata fil-verbal tas-seduta.

15      Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

16      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

17      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725 u, it-tieni wieħed, imqajjem sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

A.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur taddispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien talArtikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u talArtikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725

18      Ir-rikorrenti jqisu li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2018/1725 jeħtieġ lill-Qorti Ġenerali tibbilanċja d-“diversi interessi li jkunu f’kunflitt” sabiex tiddetermina jekk huwiex “proporzjonat” li tiġi trażmessa data personali, anki jekk jiġi kkonstatat preġudizzju għal interess leġittimu. Skont ir-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed li l-istituzzjoni tikkunsidra li jeżistu raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li t-trażmissjoni inkwistjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data. L-introduzzjoni ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2018/1725, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, tat lill-Qorti Ġenerali setgħa ta’ evalwazzjoni ikbar minn dik li kellha fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).

19      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Parlament ma jidhirx li qiegħed jikkontesta li bbilanċjar huwa espressament meħtieġ mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2018/1725. L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

20      L-ewwel parti hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni tan-neċessità tat-trażmissjoni tad-data personali li tinsab fid-dokumenti li ntalab l-iżvelar tagħhom. Fit-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ikkonkluda b’mod żbaljat li, wara li bbilanċja d-diversi interessi kompetituri, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, kien sproporzjonat, fid-dawl tal-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu, li tiġi trażmessa d-data inkwistjoni.

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 294 TFUE. Konformement mal-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jaqa’ taħt ir-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, introdott bit-Trattat ta’ Amsterdam, li jittieħed pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ unjoni dejjem eqreb bejn il-popli tal-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il‑Parlament, T‑115/13, EU:T:2015:497, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun ser jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, konformement, b’mod partikolari, mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

23      Minn dan jirriżulta, skont il-ġurisprudenza, li, meta talba tkun intiża li jinkiseb aċċess għal data personali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1725, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament isiru applikabbli fl-intier tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA, C‑615/13 P, EU:C:2015:489, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      B’hekk, data personali tista’ tiġi trażmessa lil terz abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 biss meta din it-trażmissjoni, minn naħa, tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1)(a) jew (b) tar-Regolament 2018/1725, u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi pproċessar legali, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 104).

25      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, data personali ma għandhiex tiġi trażmessa lil destinatarji stabbiliti fl-Unjoni li ma jkunux l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni sakemm id-destinatarju ma jistabbilixxix li t-trażmissjoni ta’ din id-data hija neċessarja għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku u sakemm il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar ma jistabbilixxix, fil-każ li jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li din it-trażmissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, li t-trażmissjoni tad-data personali hija proporzjonata ma’ dan l-għan speċifiku, u dan wara li jkun wettaq ibbilanċjar, b’mod li jkun jista’ jiġi vverifikat, tad-diversi interessi kompetituri.

26      Għaldaqstant, mill-kliem stess tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tissuġġetta t-trażmissjoni ta’ data personali għar-rekwiżit li jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet kumulattivi.

27      Skont l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, hija l-ewwel nett il-persuna li titlob l-aċċess li għandha turi n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku. Sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni għandu jintwera li t-trażmissjoni ta’ data personali hija l-iktar miżura xierqa fost il-miżuri l-oħra possibbli sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-persuna li titlob l-aċċess u li din it-trażmissjoni hija proporzjonata fid-dawl ta’ dan l-għan, li jfisser li l-persuna li tressaq it-talba hija meħtieġa tippreżenta ġustifikazzjonijiet espliċiti u leġittimi (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (il-Port ta’ Brest) vs Il‑Kummissjoni, T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-kundizzjoni li teħtieġ li tintwera n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku twassal sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ eċċezzjoni għar-regola stabbilita mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li l-persuna li tressaq it-talba ma hijiex obbligata tiġġustifika t-talba tagħha għal aċċess (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il‑Parlament, T‑115/13, EU:T:2015:497, punt 55, u tas‑6 ta’ April 2022, Saure vs Il‑Kummissjoni, T‑506/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:225, punt 25).

28      Huwa biss jekk tintwera din in-neċessità li l-istituzzjoni kkonċernata jkollha mbagħad tivverifika jekk ikunx hemm xi raġuni sabiex wieħed jaħseb li t-trażmissjoni inkwistjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data u, f’tali każ, li twettaq ibbilanċjar, b’mod li jkun jista’ jiġi vverifikat, bejn id-diversi interessi kompetituri sabiex tevalwa l-proporzjonalità tat-trażmissjoni tad-data personali mitluba (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA, C‑615/13 P, EU:C:2015:489, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fformulati fil-kuntest ta’ dan l-ewwel motiv.

1.      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni tan-neċessità tat-trażmissjoni tad-data personali li tinsab fid-dokumenti li ntalab l-iżvelar tagħhom

30      Ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li l-Parlament ikkonkluda b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni ta’ data personali ma kinitx neċessarja għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725. Huma jikkontestaw qabelxejn il-konklużjoni tal-Parlament li huma ma kinux urew interess pubbliku speċifiku fl-iżvelar tad-dokumenti mitluba dwar l-ispejjeż ta’ I. Lagos.

31      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-interess pubbliku speċifiku tat-talba tagħhom kien jirriżulta mill-fatt li I. Lagos kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali konkreta u gravi ħafna. It-talba tagħhom kienet intiża sabiex tiffaċilita kontroll pubbliku u responsabbilizzazzjoni ikbar, fid-dawl tas-somom imħallsa mill-Parlament lil I. Lagos u tal-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar, f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn kien ġie kkundannat għal tlettax-il sena u tmien xhur priġunerija kif ukoll għall-ħlas ta’ multa għal reati serji. Ir-rikorrenti jqisu li din ma hijiex talba ġenerali favur trasparenza ikbar tal-informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ I. Lagos jew ta’ membri parlamentari Ewropej oħra b’mod ġenerali u li, f’dan ir-rigward, it-talba tagħhom hija differenti minn dik inkwistjoni fis-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Psara et vs Il-Parlament (T‑639/15 sa T‑666/15 u T‑94/16, EU:T:2018:602).

32      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, il-fatt li ċerta informazzjoni (bħalma huma ċ-ċifri ġenerali relatati mas-salarji mħallsa mill-membri parlamentari Ewropej u l-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ dawn il-membri parlamentari) huma diġà fid-dominju pubbliku, fatt li l-Parlament jinvoka fid-deċiżjoni kkontestata, ma jissodisfax l-interess speċifiku tat-talba għal aċċess għad-dokumenti mressqa fir-rigward tal-ispejjeż ta’ I. Lagos, fiċ-ċirkustanzi uniċi tal-każ ta’ dan il-membru parlamentari, li kienet tirrigwarda l-aċċess għal informazzjoni preċiża fid-dawl taċ-ċirkustanzi straordinarji tal-kundanna kriminali serja ta’ dan tal-aħħar.

33      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Parlament ma jispjegax kif il-kontrolli interni u esterni, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, jistgħu jiffunzjonaw f’ċirkustanzi fejn Membru tal-Parlament kien ġie kkundannat għal reati kriminali serji matul il-mandat tiegħu. Huma jqisu li dawn il-kontrolli ma humiex suffiċjenti biex jiġu identifikati l-każijiet li fihom fondi pubbliċi jiġu allokati lil membri parlamentari u mbagħad jintużaw fil-kuntest ta’ attivitajiet kriminali jew ta’ attivitajiet illegali oħra, meta fil-verità l-assistenza finanzjarja mogħtija lill-membri parlamentari Ewropej għandha tintuża fil-kuntest tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Ir-rikorrenti jżidu li, anki jekk, fil-fehma tagħhom, huwa l-Parlament li għandu jipprova kif dawn il-kontrolli huma suffiċjenti, huma jikkunsidraw li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kellu jippermetti li jiġi eżaminat b’mod iktar iddettaljat jekk il-kontrolli inkwistjoni humiex adattati għal każijiet bħalma huwa dak ineżami.

34      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li I. Lagos baqa’ Membru tal-Parlament minkejja l-kundanna kriminali tiegħu ma jipprekludix l-interess pubbliku leġittimu favur l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Huma jqisu li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippermetti trasparenza ikbar u komprensjoni aħjar tal-mod kif il-fondi ġew allokati lil I. Lagos u użati minnu matul il-perijodu wara l-kundanna tiegħu u qabel id-deċiżjoni finali li titneħħa l-immunità parlamentari tiegħu fis‑27 ta’ April 2021. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-kwistjoni dwar jekk kienx xieraq li I. Lagos kompla jirċievi fondi pubbliċi għandha tkun is-suġġett ta’ dibattitu pubbliku, filwaqt li jkun magħruf liema kienu l-fondi preċiżi li ngħataw u għal liema għan.

35      Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

36      Preliminarjament, sa fejn ir-rikorrenti jammettu li d-dokumenti li huma jitolbu l-iżvelar tagħhom jinkludu data personali, għandu jiġi vverifikat minn qabel jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssodisfawx l-obbligu, previst fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, li juru n-neċessità tat-trażmissjoni tal-imsemmija data għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-għan invokat mir-rikorrenti għat-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni għandux jiġi kkunsidrat bħala għan speċifiku ta’ interess pubbliku u, fit-tieni lok, jekk it-trażmissjoni mitluba hijiex neċessarja f’dak li jirrigwarda, minn naħa, lil I. Lagos u, min-naħa l-oħra, lill-assistenti parlamentari tiegħu.

a)      Fuq leżistenza ta’ għan speċifiku ta’ interess pubbliku

38      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dokumenti koperti mit-talba għal aċċess jikkonċernaw is-salarju ta’ I. Lagos, l-allowance ta’ soġġorn tiegħu, l-allowance tiegħu għal spejjeż ġenerali, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu, is-salarji tal-assistenti parlamentari akkreditati u lokali tiegħu u r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ dawn tal-aħħar.

39      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, kif jirriżulta mill-Istatut tal-Membri tal-Parlament (Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1), iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Membri tal-Parlament”), u mid-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew 2009/C 159/01 tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1), il-membri parlamentari huma intitolati għall-allowances u għar-rimborsi segwenti:

–        l-allowance prevista fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, ta’ ammont ugwali għal 38.5 % tas-salarju bażiku ta’ Mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 jipprovdi li l-membri parlamentari għandhom dritt għal din l-allowance mid-data ta’ meta jidħlu fil-kariga tagħhom sal-aħħar jum tax-xahar li fih joħorġu mill-kariga;

–        ir-rimbors, skont l-Artikolu 20(1) tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, tal-ispejjeż sostnuti fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom; il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxi li, għall-vjaġġi lejn u mill-postijiet tax-xogħol u missjonijiet oħra, il-Parlament għandu jirrimborsa l-ispejjeż effettivament imġarrba, filwaqt li, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, ir-rimbors tal-ispejjeż ġenerali l-oħra marbuta mal-mandat jista’ jsir permezz tal-ħlas ta’ somma fissa; f’dan ir-rigward:

–        l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 jistabbilixxi li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rrimborsati abbażi ta’ attestazzjoni ta’ preżenza u abbażi ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar rilevanti kif ukoll, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ dokumenti ta’ sostenn oħra;

–        l-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 jipprevedi allowance ta’ soġġorn għal kull jum ta’ preżenza, minn naħa, f’post tax-xogħol jew ta’ laqgħa u, min-naħa l-oħra, f’laqgħa ta’ kumitat jew ta’ korp ieħor ta’ parlament nazzjonali, organizzata barra mill-post ta’ residenza tal-membri parlamentari; f’dawn iż-żewġ każijiet, il-preżenza tal-membru parlamentari fil-post inkwistjoni għandha tkun debitament iċċertifikata; meta l-attività uffiċjali titwettaq fit-territorju tal-Unjoni, il-membri parlamentari għandhom jirċievu allowance b’rata fissa;

–        l-allowance għal spejjeż ġenerali fil-forma ta’ somma f’daqqa, skont l-Artikoli 25 u 28 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01; din l-allowance hija maħsuba biex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet parlamentari tagħhom, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-manutenzjoni tal-uffiċċju, il-provvisti tal-uffiċċju u d-dokumenti, l-ispejjeż tat-tagħmir tal-uffiċċju, l-attivitajiet ta’ rappreżentanza u l-ispejjeż amministrattivi;

–        ir-rimbors, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-impjieg tal-kollaboraturi personali tagħhom; l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 jipprevedi li jistgħu jitħallsu biss l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-assistenza neċessarja u direttament marbuta mal-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tal-membri parlamentari, filwaqt li l-ispejjeż marbuta mal-isfera privata ta’ dawn tal-aħħar fl-ebda każ ma jistgħu jiġu koperti.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali tista’ tkun ibbażata fuq għan ġenerali, bħad-dritt tal-pubbliku għal informazzjoni dwar l-aġir tal-Membri tal-Parlament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, bla ħsara għall-fatt li huwa biss jekk ir-rikorrenti jistabbilixxu n-natura xierqa u proporzjonata mal-għanijiet imfittxija tat-talba għall-iżvelar tad-data personali li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tivverifika n-neċessità ta’ dan l-iżvelar, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Psara et vs Il‑Parlament, T‑639/15 sa T‑666/15 u T‑94/16, EU:T:2018:602, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Kif issemma fil-punti 31 sa 34 iktar ’il fuq u kif ikkonfermaw il-partijiet waqt is-seduta, l-għan invokat mir-rikorrenti għat-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni kien jikkonsisti, essenzjalment, f’li jsiru magħrufa l-ammonti konkreti tas-somom allokati mill-Parlament lil I. Lagos matul il-perijodu kkonċernat u l-mod kif dawn is-somom kienu ntużaw, sabiex jiġi ffaċilitat kontroll pubbliku u responsabbilizzazzjoni ikbar fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ I. Lagos. Ir-rikorrenti kkunsidraw li dan l-għan kellu jikkontribwixxi għat-trasparenza fir-rigward tal-mod kif jintefqu l-flus tal-persuni taxxabbli u kellu jippermetti, b’mod partikolari, liċ-ċittadini jifhmu jekk dawn l-allowances kinux ikkontribwixxew, direttament jew indirettament, sabiex tiġi ffinanzjata jew imwettqa attività kriminali jew illegali eżerċitata minn I. Lagos jew sabiex dan ikun jista’ jevita l-osservanza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni.

42      Minbarra l-fatt li, kif tfakkar fil-punt 40 iktar ’il fuq, in-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali tista’ tkun ibbażata fuq għan ġenerali, f’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Parlament, ma huwiex involut għan ġenerali iżda għan marbut speċifikament maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, intiż sabiex ikunu magħrufa l-ammonti konkreti tas-somom allokati mill-Parlament lil I. Lagos matul il-perijodu kkonċernat u l-mod kif intużaw l-allowances imħallsa mill-Parlament lil I. Lagos, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala membru parlamentari.

43      Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatti li taw lok għal din il-kawża huma ta’ natura kompletament eċċezzjonali, fis-sens li jikkonċernaw Membru tal-Parlament li ġie kkundannat għal piena ta’ tlettax-il sena u tmien xhur ta’ priġunerija, li ġie arrestat u li ġie kkundannat ukoll iħallas multa minħabba, b’mod partikolari, li wettaq reati gravi, jiġifieri s-sħubija f’organizzazzjoni kriminali u t-tmexxija tagħha. Issa, minkejja tali kundanna u saħansitra wara l-arrest u l-priġunerija tiegħu, I. Lagos baqa’ Membru tal-Parlament u għalhekk baqa’ jirċievi l-allowances li jikkorrispondu għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni. B’mod partikolari, f’tali kuntest, il-fatt li r-rikorrenti jistgħu jfittxu li jkunu jafu għal liema għan u għal liema postijiet I. Lagos kien, matul il-perijodu kkonċernat, wettaq vjaġġi li ġew irrimborsati mill-Parlament għandu jitqies li huwa leġittimu.

44      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, l-għan li jsiru magħrufa l-ammonti konkreti tas-somom allokati mill-Parlament lil I. Lagos matul il-perijodu kkonċernat u l-mod kif intużaw dawn is-somom, sabiex jiġi ffaċilitat kontroll pubbliku u responsabbilizzazzjoni ikbar fir-rigward tal-aċċess minn I. Lagos għal fondi pubbliċi u, għaldaqstant, li ssir kontribuzzjoni għat-trasparenza fir-rigward tal-mod kif jintefqu l-flus tal-persuni taxxabbli, għandu jitqies li huwa għan speċifiku ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725. Għaldaqstant, il-Parlament żbalja meta rrifjuta, fid-deċiżjoni kkontestata, li jirrikonoxxi tali għan bħala għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

b)      Fuq inneċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali

45      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, għandu barra minn hekk jiġi analizzat jekk in-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali ntwerietx mir-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk it-trażmissjoni tad-data mitluba kinitx, minn naħa, l-iktar miżura xierqa, fost il-miżuri l-oħra possibbli, sabiex jintlaħaq l-għan speċifiku ta’ interess pubbliku mfittex mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, jekk kinitx proporzjonata għal dan l-għan.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk ir-rikorrenti rnexxilhomx juru n-neċessità tat-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċerna lil I. Lagos u li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni. In-neċessità tat-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċerna lill-assistenti akkreditati u lokali ta’ I. Lagos u li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni ser tiġi eżaminata fil-punti 66 sa 79 iktar ’il quddiem.

1)      Fuq inneċessità tattrażmissjoni taddata personali inkwistjoni f’dak li jikkonċerna lil I. Lagos

47      Minn naħa, il-Parlament iqis, essenzjalment, li informazzjoni dwar id-drittijiet finanzjarji u soċjali tal-membri parlamentari diġà tinsab fid-dominju pubbliku u li l-informazzjoni hekk disponibbli tikkostitwixxi miżura iktar xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mit-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċerna lil I. Lagos. Min-naħa l-oħra, il-Parlament iqis li l-kontrolli interni u esterni li jikkonċernaw id-drittijiet finanzjarji u soċjali tal-Membri tiegħu u l-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn id-drittijiet huma iktar xierqa għall-kontroll tal-legalità u tal-użu tajjeb tas-somom imħallsa mill-Parlament lil I. Lagos milli huwa l-iżvelar pubbliku tad-data personali li tikkonċerna lil dan tal-aħħar.

i)      Fuq largument li informazzjoni dwar iddrittijiet finanzjarji u soċjali talmembri parlamentari diġà tinsab fiddominju pubbliku

48      Fir-rigward tal-argument li informazzjoni dwar id-drittijiet finanzjarji u soċjali tal-membri parlamentari diġà tinsab fid-dominju pubbliku, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001 jirrigwarda biss id-dokumenti tal-istituzzjonijiet li dawn tal-aħħar ikollhom effettivament għad-dispożizzjoni tagħhom, b’tali mod li dan id-dritt ma jistax jiġi estiż għad-dokumenti li ma jkunux fil-pussess tal-istituzzjonijiet jew li ma jeżistux (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Psara et vs Il‑Parlament, T‑639/15 sa T‑666/15 u T‑94/16, EU:T:2018:602, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Mill-Artikoli 25 u 26 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 jirriżulta li l-Membri tal-Parlament għandhom jirċievu, kull xahar, allowance b’rata fissa għall-ispejjeż ġenerali, wara talba unika mressqa fil-bidu tal-mandat tagħhom.

50      Fid-dawl tan-natura fissa tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali, il-Parlament ma għandu l-ebda dokument li jagħti d-dettalji, minn aspett materjali jew temporali, tal-użu mill-Membri tiegħu tal-imsemmija allowance, kif ikkonferma matul is-seduta.

51      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-allowance prevista fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, li tikkostitwixxi s-salarju mensili tal-membri parlamentari, titħallas ukoll lilhom awtomatikament. Għaldaqstant, il-Parlament ma għandu l-ebda dokument li jagħti dettalji dwar l-użu mill-Membri tiegħu ta’ din l-allowance.

52      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti miżmuma mill-Parlament dwar l-allowance għall-ispejjeż ġenerali u l-allowance prevista fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament hija aċċessibbli b’mod liberu u mingħajr ħlas mill-pubbliku, peress li hija disponibbli fuq is-sit internet tal-Parlament, kif enfasizza dan tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 tad-deċiżjoni kkontestata) u kif ikkonferma matul is-seduta.

53      Fil-fatt, fuq is-sit internet tal-Parlament, huwa possibbli li tinstab informazzjoni ddettaljata u preċiża dwar is-somma mensili li jirċievu l-membri parlamentari kollha, wara tnaqqis tat-taxxa Ewropea u tal-kontribuzzjonijiet soċjali, abbażi tal-imsemmija allowance prevista fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, jiġifieri remunerazzjoni identika li jirċievu l-membri parlamentari kollha. Fuq dan is-sit huwa possibbli li jinstab ukoll l-ammont fiss u preċiż tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali mogħtija lill-membri parlamentari. Għaldaqstant, din l-informazzjoni kienet tippermetti lir-rikorrenti jiksbu l-informazzjoni neċessarja u xierqa dwar l-ammonti preċiżi tas-somom li kienu jitħallsu kull xahar fuq din il-bażi lil I. Lagos.

54      Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-allowance prevista fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament kif ukoll tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali, jista’ jitqies li l-iżvelar tad-data personali inkwistjoni ma huwiex l-iktar miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-rikorrenti, peress li dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jiksbu din id-data billi jaċċedu għas-sit internet tal-Parlament.

55      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru n-neċessità ta’ tali trażmissjoni.

56      Is-sitwazzjoni hija differenti f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ħlas tal-allowance ta’ soġġorn tal-membri parlamentari, sa fejn l-informazzjoni disponibbli pubblikament f’dan ir-rigward, fuq is-sit internet tal-Parlament, tirrigwarda biss ir-regoli fis-seħħ sabiex wieħed jibbenefika minn tali allowance kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Issa, dawn l-ispejjeż u dawn l-allowances jitħallsu biss jekk il-membri parlamentari jressqu talba f’dan is-sens lid-dipartimenti tal-Parlament, jekk ikun il-każ flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn.

57      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-informazzjoni pubblikament disponibbli dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u dwar l-allowance ta’ soġġorn ma tippermettix li jkunu magħrufa l-ammonti tas-somom li tħallsu mill-Parlament lil I. Lagos, fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala membru parlamentari, matul il-perijodu kkonċernat. Fil-fatt, ir-rimbors ta’ dawn is-somom kien jiddependi mit-talbiet imressqa minn I. Lagos għal dan l-għan.

58      Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u dwar l-allowance ta’ soġġorn lanqas ma tippermetti li jkun magħruf x’kienu l-għan tal-vjaġġ, id-destinazzjoni jew il-vjaġġ li sar minn I. Lagos. Issa, kif sostnew ir-rikorrenti, it-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowance ta’ soġġorn, għandha tippermetti lill-pubbliku jkollu aċċess għal din l-informazzjoni.

59      L-aċċess għal dawn id-dokumenti jista’ jkun ta’ interess għar-rikorrenti, sa fejn dawn id-dokumenti jippermettu li tkun magħrufa l-attività ta’ I. Lagos matul il-perijodu kkonċernat, f’mument fejn kien jaf li kien ġie kkundannat, iżda kien għadu ma nżammx il-ħabs, u għalhekk jippermettu li jingħataw indikazzjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ użu tal-fondi pubbliċi f’eventwali attivitajiet illegali li setgħu tkomplew minn I. Lagos waqt il-vjaġġi tiegħu, anki jekk dawn id-dokumenti ma kinux jinkludu indikazzjonijiet preċiżi dwar il-mod kif il-membru parlamentari kien nefaq is-somom allokati.

60      Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, l-iżvelar tad-data personali inkwistjoni li tikkonċerna d-dokumenti ta’ sostenn tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-allowance ta’ soġġorn ta’ I. Lagos huwa miżura iktar xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-rikorrenti milli huwa l-aċċess għall-informazzjoni li diġà tinsab fid-dominju pubbliku.

ii)    Fuq largument li lkontrolli interni u esterni eżistenti filParlament huma iktar xierqa għallkontroll tallegalità u talużu tajjeb tassomom imħallsa millParlament lil I. Lagos milli huwa liżvelar pubbliku ta’ data personali

61      Fir-rigward tal-argument li l-kontrolli interni u esterni eżistenti fil-Parlament huma iktar xierqa għall-kontroll tal-legalità u tal-użu tajjeb tas-somom imħallsa mill-Parlament lil I. Lagos, għandu jiġi kkonstatat li l-kontrolli inkwistjoni huma essenzjalment intiżi sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-ħlasijiet imwettqa mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

62      Issa, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din il-leġiżlazzjoni ġietx osservata, l-interess invokat mir-rikorrenti huwa li l-pubbliku jkun jista’ jsir jaf l-ammonti konkreti tas-somom allokati mill-Parlament lil I. Lagos, matul il-perijodu kkonċernat, u l-mod kif dawn is-somom intużaw, sabiex jiġi ffaċilitat kontroll pubbliku u responsabbilizzazzjoni ikbar fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ I. Lagos.

63      Dawn il-kontrolli interni u esterni ma jippermettux li jintlaħaq l-għan speċifiku ta’ interess pubbliku invokat mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw it-trażmissjoni tad-dokumenti mitluba. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, dawn il-kontrolli ma jistgħux għalhekk jitqiesu li huma iktar xierqa mit-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċerna lil I. Lagos.

64      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li t-trażmissjoni tad-data personali li tinsab fid-dokumenti relatati mar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u mal-allowance ta’ soġġorn riċevuti minn I. Lagos tikkostitwixxi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan speċifiku ta’ interess pubbliku invokat mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw it-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni.

65      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Parlament żbalja meta kkunsidra li, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti relatati mar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u mal-allowance ta’ soġġorn riċevuti minn I. Lagos, ir-rikorrenti ma kinux issodisfaw l-obbligu, previst fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, li juru n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

2)      Fuq inneċessità tattrażmissjoni taddata personali inkwistjoni f’dak li jikkonċerna l-assistenti akkreditati u lokali ta’ I. Lagos

66      Il-Parlament isostni li l-assistenti parlamentari akkreditati u lokali ta’ I. Lagos ma jeżerċitawx funzjonijiet pubbliċi. Kien għalhekk li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament, sussidjarjament, ċaħad, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-diversi interessi kompetituri, il-proporzjonalità tat-trażmissjoni mitluba ta’ data personali li kienet tikkonċerna l-imsemmija assistenti parlamentari.

67      L-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament jipprevedi li l-kollaboraturi personali tal-membri parlamentari għandhom jintgħażlu liberament minn dawn tal-aħħar.

68      Skont l-Artikolu 21(2) tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-impjieg tal-kollaboraturi personali tal-membri parlamentari, filwaqt li l-Artikolu 21(3) ta’ dan l-Istatut jippreċiża li l-Parlament għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

69      Il-kundizzjonijiet dwar it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari huma sussegwentement iddefiniti permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 jistabbilixxi limitu għall-ammont mensili tal-ispejjeż li jistgħu jitħallsu f’dan ir-rigward mill-Parlament. Il-mekkaniżmu ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari huwa skattat mit-tressiq mill-membru parlamentari tat-talba tiegħu għal teħid ta’ responsabbiltà lill-amministrazzjoni, flimkien mal-kuntratt konkluż mal-assistent, li jiffissa l-kompiti tiegħu.

70      Minn dan isegwi li dawn l-ispejjeż li jikkonċernaw l-assistenza parlamentari huma marbuta mal-eżerċizzju tal-mandat bħala membru parlamentari, anki jekk dawn huma spejjeż li jitħallsu direttament mill-Parlament.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif tfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, permezz tat-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni, ir-rikorrenti riedu jiksbu informazzjoni li tippermetti li wieħed jifhem jekk is-somom allokati lil I. Lagos, inklużi dawk li jikkonċernaw l-ispejjeż tiegħu ta’ assistenza parlamentari, kinux ikkontribwixxew, direttament jew indirettament, għall-finanzjament jew għat-twettiq ta’ attività kriminali jew illegali eżerċitata minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, kif isostnu r-rikorrenti fil-punt 66 tar-rikors, l-aċċess għal dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar l-assistenti ta’ I. Lagos intalab biss sabiex tinkiseb informazzjoni dwar ir-rwol ta’ dan tal-aħħar.

72      Fir-rigward tas-salarji tal-assistenti parlamentari, dawn jitħallsu lil dawn tal-aħħar indipendentement mill-attivitajiet konkreti tagħhom fil-kuntest tal-assistenza parlamentari lil I. Lagos. Għaldaqstant, it-trażmissjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw il-ħlas ta’ dawn is-salarji ma tistax tagħti lir-rikorrenti informazzjoni dwar eventwali kontribuzzjoni, diretta jew indiretta, għall-finanzjament jew għat-twettiq ta’ attività kriminali jew illegali eżerċitata minn I. Lagos.

73      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru n-neċessità ta’ tali trażmissjoni.

74      Għall-kuntrarju, sa fejn l-ispejjeż li jikkonċernaw il-vjaġġi tal-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos huma marbuta mill-qrib mal-attivitajiet tiegħu u anki jekk dawn l-assistenti ma għandhomx mandat pubbliku, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-ispejjeż jistgħu jagħtu indikazzjonijiet dwar eventwali rabta, anki jekk indiretta, ma’ attivitajiet illegali li setgħu ġew eżerċitati minn I. Lagos. Fil-fatt, dawn il-vjaġġi jsiru fuq talba tal-membru parlamentari u jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar l-għan u l-post tagħhom kif ukoll dwar l-itinerarju segwit, li jistgħu jiġu assoċjati ma’ attivitajiet eventwalment illegali ta’ I. Lagos.

75      Tali trażmissjoni tikkostitwixxi, għaldaqstant, miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan invokat mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw it-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma allegax li informazzjoni dwar l-ammonti tas-somom imħallsa lill-assistenti parlamentari bħala rimborsi ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar hija pubblikament disponibbli. Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti relatati mar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-assistenti ta’ I. Lagos, it-trażmissjoni mitluba hija l-iktar mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan invokat mir-rikorrenti.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-kontrolli interni u esterni eżistenti fil-Parlament ma jippermettux li jintlaħaq l-għan speċifiku ta’ interess pubbliku invokat mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw it-trażmissjoni tad-dokumenti mitluba (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), inklużi d-dokumenti dwar l-ispejjeż tal-ivjaġġar tal-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos. Kif ġie konkluż fil-punt 63 iktar ’il fuq fir-rigward ta’ I. Lagos, dawn il-kontrolli ma jistgħux għalhekk jitqiesu li huma iktar xierqa mit-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċerna lill-assistenti parlamentari ta’ dan tal-aħħar.

78      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, it-trażmissjoni tad-data personali li tinsab fid-dokumenti relatati mar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos tikkostitwixxi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan invokat mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw it-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Parlament żbalja meta kkunsidra li, fir-rigward tad-dokumenti relatati mar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar riċevuti mill-assistenti ta’ I. Lagos, ir-rikorrenti ma kinux issodisfaw l-obbligu, previst fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, li juru n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

2.      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq lassenza ta’ preġudizzju sproporzjonat għallinteressi leġittimi tassuġġett taddata minħabba ttrażmissjoni mitluba

80      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li l-Parlament ikkonkluda b’mod żbaljat li, wara li bbilanċja, sussidjarjament, id-diversi interessi kompetituri, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, kien sproporzjonat, fid-dawl tal-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu, li tiġi trażmessa d-data personali inkwistjoni.

81      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

82      Fl-ewwel lok, il-Parlament iqis li dawn l-argumenti huma ineffettivi. Huwa jqis li peress li r-rekwiżiti relatati mat-trażmissjoni tad-data personali li jirriżultaw mill-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725 għandhom natura kumulattiva, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tapplika f’sitwazzjoni fejn id-destinatarju, bħal f’dan il-każ, ma jkunx stabbilixxa li t-trażmissjoni tad-data personali mitluba hija neċessarja fid-dawl ta’ għan speċifiku ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant, skont il-Parlament, eventwali żball fil-kunsiderazzjonijiet ippreżentati sussidjarjament f’dak li jirrigwarda l-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu kif ukoll in-natura sproporzjonata tat-trażmissjoni ma jistax ikollu effett fuq id-deċiżjoni kkontestata.

83      Fit-tieni lok, il-Parlament iqis li, fi kwalunkwe każ, l-argumenti tal-appellanti ma humiex fondati.

84      Essenzjalment, il-Parlament iqis li huwa identifika, fid-deċiżjoni kkontestata, l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data li jistgħu jkunu leżi mill-iżvelar pubbliku tad-data personali li tikkonċernahom. Fir-rigward ta’ I. Lagos, dawn huma, minn naħa, l-eżerċizzju liberu tal-mandat bħala Membru tal-Parlament, li jinkludi, b’mod partikolari, il-libertà li jiltaqa’ mal-persuni tal-għażla tiegħu, il-libertà li jipparteċipa f’laqgħat, f’konferenzi u f’attivitajiet uffiċjali, il-fatt li jinżamm informat fid-dawl tad-dibattiti u tal-voti fil-Parlament kif ukoll id-dritt li jitlob assistenza, li jagħżel il-membri tal-persunal tiegħu, li jistabbilixxi liberament is-salarji tagħhom f’ċerti limiti u li jibgħathom fuq missjoni. Il-Parlament jikkunsidra li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ data personali dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ I. Lagos, inkluż data dwar il-post ta’ residenza tiegħu, jirrendi possibbli l-intraċċar u t-tfassil ta’ profili tal-membru parlamentari u tal-assistenti tiegħu, li jippreġudika l-eżerċizzju liberu tal-mandat tiegħu.

85      Min-naħa l-oħra, skont il-Parlament, sa fejn jirrigwarda attività rikorrenti ta’ membru parlamentari, l-iżvelar tad-data personali inkwistjoni jista’ wkoll jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà ta’ I. Lagos.

86      Fir-rigward tal-assistenti ta’ I. Lagos, il-Parlament ikkunsidra li dawn ma kinux jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi u li, għaldaqstant, kellhom interess leġittimu fil-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernahom.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, il-ġurisprudenza tirrikjedi li, ladarba tintwera n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li jirċievu talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu tali data għandhom jibbilanċjaw l-interessi differenti tal-partijiet inkwistjoni u għandhom jivverifikaw jekk teżistix xi raġuni sabiex wieħed jaħseb li din it-trażmissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il‑Parlament, T‑115/13, EU:T:2015:497, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza hija applikabbli b’analoġija għal dan il-każ, minkejja li l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 ġie sadanittant issostitwit bl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, li l-kontenut tagħha tfakkar fil-punt 25 iktar ’il fuq, tipprevedi wkoll ibbilanċjar, b’mod li jkun jista’ jiġi vverifikat, tad-diversi interessi kompetituri, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għat-trażmissjoni ta’ data personali.

88      F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk il-Parlament ivverifikax jekk kinux jeżistu raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li t-trażmissjoni inkwistjoni setgħet tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu u, f’tali każ, jekk din l-istituzzjoni bbilanċjatx, b’mod li jista’ jiġi vverifikat, id-diversi interessi kompetituri sabiex tevalwa l-proporzjonalità tat-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni.

89      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Parlament kellux raġun meta kkunsidra li ma kienx ser ikun proporzjonat fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, moqri fid-dawl tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li tiġi trażmessa d-data personali li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni, sa fejn l-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu kienu jipprevalu fuq l-interessi msemmija mir-rikorrenti.

90      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel argument imqajjem mill-Parlament fir-rigward ta’ I. Lagos, jiġifieri l-interess li jiġi protett l-eżerċizzju liberu tal-mandat bħala membru parlamentari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, il-membri parlamentari huma liberi u indipendenti. Din il-garanzija fundamentali, li hija marbuta mal-mandat tal-membri parlamentari, rappreżentanti eletti b’vot universali miċ-ċittadini tal-Unjoni, ittieħdet ġustament inkunsiderazzjoni mill-Parlament fl-ibbilanċjar tal-interessi li huwa kellu jwettaq. Madankollu, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 56 sa 60 iktar ’il fuq, f’din il-parti, it-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi għandha tiġi eżaminata biss sa fejn tirrigwarda informazzjoni dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u dwar l-allowances ta’ soġġorn riċevuti minn I. Lagos. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-għarfien mill-pubbliku ta’ tali vjaġġi ma huwiex ta’ natura li jillimita, b’mod jew ieħor, l-eżerċizzju liberu tal-mandat ta’ I. Lagos, b’mod partikolari fir-rigward tal-vjaġġi koperti mit-talba għal aċċess f’dan il-każ, li kollha seħħew fil-passat. Fil-fatt, żvelar tal-postijiet fejn mar I. Lagos matul il-perijodu kkonċernat ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-kundizzjonijiet li fihom, matul dan il-perijodu, huwa eżerċita l-mandat tiegħu bħala membru parlamentari. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-vjaġġi ta’ I. Lagos fil-kuntest ta’ avvenimenti ta’ natura pubblika, bħalma huma l-parteċipazzjoni tiegħu f’laqgħat jew f’ċerimonji pubbliċi, l-iżvelar tad-dokumenti relatati mar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u mal-allowances għal soġġorni riċevuti minn I. Lagos għal tali attivitajiet ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat. Barra minn hekk, ma ntweriex b’liema mod l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-vjaġġi mwettqa kien ta’ natura li jaffettwa l-eżerċizzju liberu tal-mandat bħala membru parlamentari Ewropew. Għaldaqstant, dan l-argument tal-Parlament għandu jiġi miċħud.

91      Fir-rigward tat-tieni argument imressaq mill-Parlament fir-rigward ta’ I. Lagos, jiġifieri l-interess li tiġi ggarantita s-sigurtà ta’ dan tal-aħħar, fir-rigward ta’ dokumenti li jirreferu għal allowances ta’ soġġorn u għal rimborsi ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar riċevuti fil-passat, is-sigurtà tal-membru parlamentari inkwistjoni ma tistax, bħala prinċipju, tibqa’ titqies li hija mhedda bit-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni, sa fejn dawn huma vjaġġi li kienu diġà seħħew fil-mument li fih tressqet it-talba tar-rikorrenti. Huwa minnu li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ postijiet ta’ vvjaġġar rikorrenti ta’ I. Lagos, b’mod partikolari lejn dar privata fil-Greċja, jista’ jkun ta’ preġudizzju għas-sigurtà tiegħu, b’mod partikolari jekk l-indirizz personali tas-suġġett tad-data kien jinsab fid-dokumenti li għalihom kien ser jingħata l-aċċess. Madankollu, huwa l-Parlament, fl-ibbilanċjar tal-interessi, li għandu jagħti aċċess għall-informazzjoni neċessarja għall-għan ta’ interess pubbliku mfittex, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali indispensabbli għas-sigurtà ta’ I. Lagos. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sigurtà ta’ I. Lagos tistax tkun fil-perikolu waqt vjaġġi futuri fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala membru parlamentari, huwa biżżejjed li jitfakkar li peress li I. Lagos jinsab il-ħabs, huwa ma setax, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ma jista’, fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, jivvjaġġa. Għaldaqstant, il-kwistjoni tas-sigurtà tiegħu waqt tali vjaġġi ipotetiċi ma tqumx. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, dan l-argument, li barra minn hekk ma huwiex issostanzjat suffiċjentement mill-Parlament, għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

92      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li I. Lagos ġie kkundannat għal piena iebsa ta’ priġunerija minħabba reati gravi ta’ sħubija f’organizzazzjoni kriminali u ta’ tmexxija tagħha. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel parti ta’ dan l-ewwel motiv, l-għan invokat mir-rikorrenti sabiex jistabbilixxu n-neċessità tat-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni huwa li jkunu magħrufa l-ammonti konkreti tas-somom allokati mill-Parlament lil I. Lagos, relatati mal-allowances ta’ soġġorn u mar-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar matul il-perijodu kkonċernat, u l-mod kif dawn is-somom intużaw minn I. Lagos, sabiex jiġi ffaċilitat kontroll pubbliku u responsabbilizzazzjoni ikbar, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-Parlament kompla jħallas somom lil I. Lagos minkejja l-kundanna tiegħu. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-vjaġġi inkwistjoni seħħew matul perijodu li fih I. Lagos kien diġà ġie kkundannat għal reati serji u għalhekk kien leġittimu li r-rikorrenti jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar l-għan u d-destinazzjonijiet ta’ dawn il-vjaġġi.

93      Għaldaqstant, ir-riskji ta’ eventwali preġudizzju għall-eżerċizzju liberu tal-mandat bħala membru parlamentari ta’ I. Lagos u għas-sigurtà tiegħu ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-data personali inkwistjoni, fid-dawl tal-interess leġittimu tar-rikorrenti li jibbenefikaw minn tali żvelar, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami.

94      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Parlament dwar l-assistenti ta’ I. Lagos, fis-sens li għandu jitqies li dawn tal-aħħar għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tad-data personali tagħhom minħabba li ma jeżerċitawx funzjonijiet pubbliċi (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 74 sa 78 iktar ’il fuq, għalkemm huwa minnu li l-imsemmija assistenti parlamentari ma għandhomx mandat pubbliku, ma jistax jiġi eskluż li t-trażmissjoni ta’ data personali li tinsab f’dokumenti li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-imsemmija assistenti tista’ tagħti indikazzjonijiet dwar eventwali rabta, anki jekk indiretta, ma’ attivitajiet kriminali jew illegali mwettqa minn I. Lagos.

95      Għaldaqstant, dan l-argument tal-Parlament għandu jiġi miċħud.

96      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Parlament żbalja meta kkunsidra li t-trażmissjoni ta’ data personali kienet ser tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu u li, wara li bbilanċja d-diversi interessi kompetituri, tali trażmissjoni ma kinitx proporzjonali.

97      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, għandu jintlaqa’ f’dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu, minn naħa, data personali li tikkonċerna lil I. Lagos, dwar ir-rimborsi ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil dan tal-aħħar mill-Parlament u, min-naħa l-oħra, data personali li tikkonċerna lill-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos, dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ dawn tal-aħħar, u għandu jiġi miċħud għall-bqija.

B.      Fuq ittieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

98      Skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament injora l-fatt li l-Artikolu 4(6) tal-imsemmi regolament kien jeżiġi l-komunikazzjoni, tal-inqas parzjali, tad-dokumenti kollha inkwistjoni fit-talba tagħhom.

99      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li ma huwiex eżatt li jiġi affermat, kif għamel il-Parlament fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tneħħija tad-data personali li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni kienet ser iċċaħħadhom minn kull effett utli. Ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Psara et vs Il-Parlament (T‑639/15 sa T‑666/15 u T‑94/16, EU:T:2018:602), fejn kienet inkwistjoni talba intiża sabiex tinkiseb informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ numru ta’ Membri tal-Parlament, it-talba tagħhom kienet tikkonċerna Membru wieħed tal-Parlament u, għaldaqstant, it-tneħħija tad-data personali ma kinitx ser iċċaħħad l-aċċess għal dawn id-dokumenti minn effett utli.

100    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Parlament żbalja meta afferma, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni ma kienx ser jiżgura protezzjoni adegwata tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, peress li s-suġġett tat-talba jorbot kull dokument imsemmi ma’ I. Lagos. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-tneħħija tal-informazzjoni personali dwar I. Lagos u l-assistenti tiegħu kellha tipproteġi b’mod suffiċjenti l-ħajja privata tagħhom, filwaqt li tissodisfa l-interess speċifiku għall-iżvelar.

101    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti. Huwa jsostni, barra minn hekk, li l-argumenti tar-rikorrenti huma tardivi, għaliex ġew ippreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, u, għaldaqstant, huma inammissibbli.

102    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif ġie konkluż fil-punt 97 iktar ’il fuq, l-ewwel motiv intlaqa’ parzjalment f’dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu, minn naħa, data personali li tikkonċerna lil I. Lagos, dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil dan tal-aħħar mill-Parlament u, min-naħa l-oħra, data personali li tikkonċerna lill-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos, dwar ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv f’dan ir-rigward, li jikkonċerna biss eventwali komunikazzjoni parzjali, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ta’ tali dokumenti.

103    Fit-tieni lok, kif ġie konkluż fil-punt 97 iktar ’il fuq, l-ewwel motiv ġie miċħud sa fejn kien jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess, minn naħa, għad-dokumenti li jikkonċernaw l-ammonti tas-somom riċevuti minn I. Lagos abbażi tal-allowance prevista fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament kif ukoll tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali u, min-naħa l-oħra, għad-dokumenti li jikkonċernaw is-salarji tal-assistenti akkreditati u lokali ta’ I. Lagos. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Parlament kellux jagħti aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti, imnaddfa minn kull data personali.

104    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament sostna, minn naħa, li l-ħabi, fid-dokumenti inkwistjoni, ta’ data personali ma kienx ser jiżgura protezzjoni adegwata tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu peress li s-suġġett tat-talba kien jorbot kull dokument imsemmi ma’ I. Lagos u mal-assistenti parlamentari tiegħu. Il-Parlament ikkunsidra, min-naħa l-oħra, li l-iżvelar ta’ verżjoni tad-dokumenti mitluba mnaddfa minn kull data personali kien ser iċaħħad l-aċċess għal dawn id-dokumenti minn kull effett utli fir-rigward tal-għan imfittex mir-rikorrenti fit-talba tagħhom għal aċċess.

105    Issa, minn naħa, fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-ammonti tas-somom riċevuti minn I. Lagos abbażi tal-allowance prevista fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament u tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali, kif ġie konkluż fil-punt 55 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru n-neċessità ta’ tali trażmissjoni, sa fejn huma kellhom il-possibbiltà li jiksbu d-data li huma kienu qegħdin ifittxu billi jaċċedu għas-sit internet tal-Parlament.

106    Peress li dawn id-dokumenti ma kinux neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan invokat mir-rikorrenti sabiex isostnu t-talba tagħhom għal aċċess għal dokumenti, it-trażmissjoni ta’ tali dokumenti mnaddfa minn kull data personali ma kien ser ikollha ebda effett utli fir-rigward tal-imsemmi għan imfittex mir-rikorrenti fit-talba tagħhom għal aċċess. Fil-fatt, tali aċċess parzjali ma kienx ser jippermetti lir-rikorrenti jiksbu iktar informazzjoni minn dik li setgħu jsibu fis-sit internet tal-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Psara et vs Il‑Parlament, T‑639/15 sa T‑666/15 u T‑94/16, EU:T:2018:602, punt 126).

107    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokumenti relatati mas-salarji tal-assistenti akkreditati u lokali ta’ I. Lagos, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 72 iktar ’il fuq, it-trażmissjoni tad-data personali li tinsab f’dawn id-dokumenti ma tistax tipprovdi lir-rikorrenti informazzjoni dwar eventwali kontribuzzjoni, diretta jew indiretta, tas-somom inkwistjoni għall-finanzjament jew għat-twettiq ta’ attività kriminali jew illegali eżerċitata minn I. Lagos. Huwa għalhekk li ġie konkluż, fil-punt 73 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ma kienx irnexxilhom juru n-neċessità ta’ tali trażmissjoni.

108    Minn dan isegwi li, a fortiori, it-trażmissjoni ta’ tali dokumenti mnaddfa minn kull data personali lanqas ma kienet ser tippermetti lir-rikorrenti jiksbu informazzjoni fir-rigward tal-imsemmi għan imfittex mit-talba tagħhom għal aċċess. Għaldaqstant, tali trażmissjoni ma kien ser ikollha ebda effett utli fir-rigward tal-għan imfittex mir-rikorrenti.

109    Minn dan isegwi li l-Parlament ma kienx obbligat jagħti aċċess parzjali għad-dokumenti msemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq.

110    Għaldaqstant, it-tieni motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra invokati f’dan ir-rigward mill-Parlament u lanqas dwar l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-Parlament, ta’ ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti.

111    L-iżbalji ta’ evalwazzjoni kkonstatati fil-punti 65, 78 u 96 iktar ’il fuq, dwar l-aċċess għad-dokumenti, li jinkludu data personali li tikkonċerna lil I. Lagos, dwar ir-rimborsi ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil dan tal-aħħar mill-Parlament kif ukoll għad-dokumenti, li jinkludu data personali li tikkonċerna lill-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos, dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar riċevuti minn dawn tal-aħħar, huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

112    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Parlament irrifjuta l-aċċess għad-dokumenti, li jinkludu data personali li tikkonċerna lil I. Lagos, dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil dan tal-aħħar mill-Parlament kif ukoll għad-dokumenti, li jinkludu data personali li tikkonċerna lill-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos, dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar riċevuti minn dawn tal-aħħar. Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

114    Peress li l-Parlament tilef fil-parti essenzjali tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, bir-referenza A(2021) 10718C, tat8 ta’ April 2022, hija annullata sa fejn tirrifjuta li tagħti lil Luisa Izuzquiza, lil Arne Semsrott u lil Stefan Wehrmeyer aċċess, minn naħa, għad-dokumenti dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa mill-Parlament lil Ioannis Lagos u li jinkludu data personali li tikkonċerna lil dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, għad-dokumenti dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar imħallsa lill-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos mill-Parlament u li jinkludu data personali li tikkonċerna lill-imsemmija assistenti.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Van der Woude

da Silva Passos

Gervasoni

Półtorak

 

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.