Language of document : ECLI:EU:C:2017:862

Kawża C-165/16

Toufik Lounes

vs

Secretary of State for the Home Department

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Benefiċjarji – Nazzjonalità doppja – Ċittadin tal-Unjoni li kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu – Dritt ta’ residenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Novembru 2017

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Benefiċjarji – Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz u li jirrisjedu fl-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin – Esklużjoni – Ċittadin tal-Unjoni li kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 3(1), 7(1) u 16(1))

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz u li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti – Ċittadin tal-Unjoni li kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu – Dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti – Kundizzjonijiet

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 7(1) u 16(1))

1.      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni Ewropea jkun uża l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, u jkun imbagħad kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jżomm ukoll in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, diversi snin wara, ikun iżżewweġ ċittadin ta’ Stat terz li miegħu jkun għadu jirrisjedi fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dan iċ-ċittadin ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru inkwistjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u huma benefiċarji tad-drittijiet mogħtija minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jirrisjedu fi “Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru”, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 38).

Barra minn hekk, għalkemm din id-direttiva hija intiża li tiffaċilita u li ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-għan tagħha jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 33, kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 41). Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn, bis-saħħa ta’ prinċipju tad-dritt internazzjonali, Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih u sa fejn dawn għalhekk igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat, l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża li tirregola r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-Direttiva 2004/38 ma baqgħetx tapplika għas-sitwazzjoni tas-Sinjura Ormazabal minn meta din tal-aħħar ġiet innaturalizzata fir-Renju Unit. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-fatt li s-Sinjura Ormazabal użat il-libertà ta’ moviment tagħha meta marret u għexet fir-Renju Unit u żammet in-nazzjonalità Spanjola tagħha minbarra ċ-ċittadinanza Brittanika. Fil-fatt, minkejja dawn iż-żewġ ċirkustanzi, jibqa’ l-fatt li, minn meta kisbet din iċ-ċittadinanza, is-Sinjura Ormazabal ma baqgħetx tirrisjedi “fi Stat Membru għajr […] l-istess Stat Membru [li tiegħu hija ċittadina]”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u, għalhekk, ma baqgħetx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” tal-imsemmija direttiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 37 ta’ din is-sentenza, il-konjuġi tagħha li huwa ċittadin ta’ Stat terz, T. Lounes, lanqas ma jaqa’ taħt dan il-kunċett u għalhekk ma jistax jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ din l-istess direttiva.

(ara l-punti 34, 36, 37, 42, 43, 44, 62, u d-dispożittiv)

2.      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni Ewropea jkun uża l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, u jkun imbagħad kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jżomm ukoll in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, diversi snin wara, ikun iżżewweġ ċittadin ta’ Stat terz li miegħu jkun għadu jirrisjedi fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dan iċ-ċittadin ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru inkwistjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Madankollu, huwa jista’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE, f’kundizzjonijiet li ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti tal-imsemmi dritt lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkollu n-nazzjonalità.

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li essenzjalment isostni l-Gvern tar-Renju Unit, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, bħalma hija s-Sinjura Ormazabal, li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma tistax tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna minħabba s-sempliċi fatt li dan iċ-ċittadin, fil-kuntest ta’ din ir-residenza, kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu.

Id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill-Artikolu 21(1) TFUE jinkludu d-dritt li jkollhom ħajja tal-familja normali fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li jibbenefikaw mill-preżenza, flimkien magħhom, tal-membri tal-familja tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, EU:C:2008:449, punt 62). Il-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru, li mar u rrisjeda fi Stat Membru ieħor, jikseb, sussegwentement, in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu ma jistax jimplika li dan jiġi mċaħħad minn dan id-dritt, għaliex dan ikun imur kontra l-effett utli tal-Artikolu 21(1) TFUE.

L-effett utli tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE jeżiġi li ċittadin f’sitwazzjoni bħal dik tas-Sinjura Ormazabal għandu jkun jista’ jibqa’ jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet misluta mill-imsemmija dispożizzjoni, wara li jkun kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u, b’mod partikolari, għandu jkun jista’ jiżviluppa ħajja tal-familja mal-konjuġi tiegħu li jkun ċittadin ta’ Stat terz, bl-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar.

(ara l-punti 49, 52, 53, 60, 62, u dispożittiv)