Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Mejju 2010 - Danzeisen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-242/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Werner Danzeisen (Eichstetten, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 sa fejn huwa jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fis-sens li l-punt 9 tal-Parti A tal-Anness XI tiegħu jipprovdi b'mod vinkolanti, f'dak li jikkonċerna l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 57, li l-użu tiegħu għandu jkun "skont ir-regoli li jakkumpanjaw ir-reġistrazzjoni tiegħu [...] fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali", b'mod partikolari sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet (regolament għall-użu tal-marka kollettiva) jipprovdu:

fl-Artikolu 2(4), li l-ebda persuna, u dan jinkludi wkoll lir-rikorrent, ma jista' juża l-loga tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea "without empowerment from the Bodies designed or recognised in accordance with the Community Regulations", jiġifieri mingħajr awtorizzazzjoni għall-użu tal-imsemmi logo mill-awtoritajiet jew korpi ta' kontroll li nħolqu mid-dritt tal-Unjoni jew li huma rikonoxxuti bis-saħħa ta' dan tal-aħħar;

fl-Artikolu 4, għal klawżola ta' eżenzjoni minn responsabbiltà li bis-saħħa tagħha l-Unjoni Ewropea ma tiggarantixxix li l-logo ta' produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista' jintuża fl-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tal-eżistenza ġuridika proprja tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt tagħha għal-logo ta' produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea "except to the extent of its corporate existence and of its underlying entitlement to the Organic Farming Mark", u dan jikkostitwixxi għaldaqstant limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea biss għall-eżistenza ġuridika tagħha u għad-dritt tagħha għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret;

fit-tieni sentenza tal-Artikolu 7(2), li d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva rigward l-użu u l-ġestjoni tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jistgħu jeżistu flimkien mar-regoli tal-Unjoni Ewropea u l-liġijiet nazzjonali, iżda li, fil-każ ta' kunflitt fir-rigward tal-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka jipprevalu u għandhom jiġu applikati u li "in case of conflict concerning the use of the Organic Farming Mark", il-"provisions of the present Regulations on use and management" huma għaldaqstant applikabbli, filwaqt li r-regoli l-oħra, b'mod partikolari dawk tar-Regolament (UE) Nru 271/2010, mhumiex applikabbli;

fl-Artikolu 9(3), li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea ma jistax jintuża b'mod kritiku jew li juri nuqqas ta' rispett fil-konfront tal-Unjoni Ewropea jew tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva, li ġie stabbilit fl-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intellettwali;

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12, li l-Unjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tikkontrolla direttament l-prodotti u l-materjal tar-reklamar li għandhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jew li titlob b'mod regolari eżempji ta' użu;

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva tal-Unjoni Ewropea huma fil-kompetenza esklużiva tar-rappreżentant legali tagħha, il-Kummissjoni Ewropea, u li hija eskluża mill-qrati tal-Unjoni Ewropea

fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15, li r-regolamenti li jirregolaw l-użu u l-ġestjoni tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huma suġġetti għad-dritt Belġjan;

-    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jikkontesta l-verżjoni l-ġdida tal-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 1 introdotta permezz tar-Regolament (UE) Nru 271/2010 2.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka qabel kollox ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 297(1) TFUE għaliex il-punt 9 tal-Parti A tal-Anness XI tar-Regolament Nru 889/2008 kif emendat bir-Regolament Nru 271/2010 jirreferi għar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva, li l-Kummissjoni stabbiliet mar-reġistrazzjoni tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea fir-reġistru tal-Uffiċċju Benelux tal-proprjetà intellettwali, u dawn ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, minkejja li, bl-effett tar-riferiment, huma għandhom l-istess effett vinkolanti bħall-kliem innifsu tar-regolament tal-Kummissjoni.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li r-riferiment dinamiku għar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva tal-Kummissjoni jippermetti l-bdil skont kif tixtieq hi tal-kontenut effettiv tar-Regolament Nru 271/2010, u jeskludi l-Istati Membri, u dan jevita u jmur kontra l-leġitimazzjoni tal-att leġiżlattiv permezz tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.

Fit-tielet lok, ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li r-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva jipprovdu li ħadd ma jista' juża l-logo ta' produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun ġie awtorizzat għal dan il-għan mill-awtoritajiet jew mill-korpi ta' kontroll. Dan huwa inkompatibbli mal-Artikolu 24(2) u mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 3.

Fir-raba' lok, ir-rikorrent jinvoka l-fatt li r-regolament għall-użu tal-marka kollettiva jinkludi klawżola ta' nonresponsabbiltà favur il-Kummissjoni Ewropea, u permezz tagħha din tal-aħħar teħles ruħha illegalment mill-obbligu uffiċjali tagħha li tħares ukoll lir-rikorrent mid-danni.

Fil-ħames lok, ir-rikorrent isostni li r-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva jipprovdu li, f'każ ta' kunflitt meta mqabbel ma' atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni Ewropea u ta' liġijiet nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolamenti jieħdu dejjem il-prijorità, u dan jikkostitwixxi ksur tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

Fis-sitt lok, ir-rikorrent jilmenta li r-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-trade mark kollettiva jipprekluduh milli juża l-logo ta' produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea b'mod kritiku fil-konfront tal-Unjoni Ewropea. Dan jikkostitwixxi ħsara arbitrarja u mhux ġustifikata għad-dritt fundamentali tiegħu għal-libertà ta' espressjoni.

Fis-seba' lok, ir-rikorrent jinvoka l-fatt li r-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva jipprovdu li l-Kummissjoni tista' teżiġi eżempji ta' użu mill-utenti tal-logo ta' produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u teżamina dawn l-eżempji, u b'dan il-mod il-Kummissjoni tagħti lilha nfisha dritt ta' aċċess dritt għall-impriżi; u dan jikser il-prinċipju tat-tqassim tal-kompetenzi fir-rigward tal-Istati Membri.

Fit-tmien lok, ir-rikorrent jilmenta li l-Unjoni Ewropea rreġistrat il-logo ta' produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea inkwantu marka kollettiva, u dan huwa inkompatibbli, b'mod partikolari, mar-Regolament Nru 834/2007.

Fid-disa' lok, ir-rikorrent isostni li, fir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva, il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tinterpreta l-imsemmi regolamenti hija nfisha, u dan jippreġudika l-monopolju ta' interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fl-aħħar nett, il-fatt li r-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka kollettiva jipprovdu għall-applikazzjoni tad-dritt Belġan f'dak li jikkonċerna lir-rikorrent huwa arbitrarju.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta' Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, p. 1).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010, tal-24 ta' Marzu 2010, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f'dak li għandu x'jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 84, p. 19).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, tat-28 ta' Ġunju 2007, dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU L 189, p. 1).