Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Lulju 2008 - Al-Aqsa vs Il-Kunsill

(Kawża T-276/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Al-Aqsa (Heerlen, l-Olanda) (rappreżentanti: J. Pauw u M. Uiterwaal, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropeja

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li l-Kunsill għandu obbligu jikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu subit minnha, liema jammonta għal EUR 10 600 000, flimkien ma' l-interessi ikkalkolati sad-data tad-deċiżjoni fil-kawża preżenti, jew għall-inqas, l-ammont ta' kumpens li jidrilha xieraq tistabbilixxi l-Qorti tal-Prim'Istanza;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob kumpens fir-rigward tad-dannu li hija tallega li subiet minħabba l-fatt li fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/480/KE1, tas-27 ta' Ġunju 2003, hija tidher fuq il-lista ta' persuni li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 2580/20012. L-inklużjoni tar-rikorrenti ġiet sussegwentement ikkonfermata f'kull aġġornament ta' din il-lista.

Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-deċiżjonijiet huma illegali għal diversi raġjunijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tindika li d-Deċiżjoni 2006/379/KE3 tad-29 ta' Mejju 2006 ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-bażi li naqset milli tissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni adegwata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet huma vvizjati b'numru ta' difetti sostanzjali4, u tirriferi f'dan ir-rigward għall-motivi tagħha fil-kawża T-327/03 u T-348/07 Al-Aqsa vs Il-Kunsill5.

Skond ir-rikorrenti, jeżisti ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet ta' l-individwi li għaldaqstant jiġġustifika kumpens. Id-dannu subit mir-rikorrenti jikkonsisti kemm f'dannu għar-reputazzjoni tagħha u kemm f'dannu morali, li għalihom il-Kunsill ilu responsabbli mit-28 ta' Ġunju 2003, li hija d-data li fiha daħlu fis-seħħ il-miżuri Komunitarji.

____________

1 - Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, 2003/480/KE, tas-27 ta'Ġunju 2003, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/974/KE (ĠU L 160, p. 81).

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70).

3 - Id-deċiżjoni tal-Kunsill 2006/329/KE, tad-29 ta' Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/974/KE (ĠU L 144, p. 21).

4 - Deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 2007 fil-kawża T-327/03 Al-Aqsa vs Il-Kunsill.

5 - ĠU J C 289, p. 30 u ĠU C 269, p. 61 rispettivament.