Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-24 ta’ Novembru 2020 – E.K. vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-624/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E.K.

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

Jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu jekk id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE huwiex minnu nnifsu ta’ natura temporanja jew mhux temporanja, jew din il-kwistjoni għandha tiġi ddefinita fil-livell tad-dritt tal-Unjoni?

Jekk hija interpretazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni li għandha tapplika, teżisti, fl-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul 1 , distinzjoni bejn id-drittijiet ta’ residenza anċillari differenti li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw minnhom skont id-dritt tal-Unjoni, fosthom id-dritt ta’ residenza anċillari mogħti lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni skont id-Direttiva 2004/38 u d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE?

Id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, li, min-natura tiegħu, huwa anċillari mal-eżistenza [ta’] relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni u huwa għalhekk limitat, huwa ta’ natura temporanja?

Jekk id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE huwa ta’ natura temporanja, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi biss permessi ta’ residenza maħruġa taħt id-dritt nazzjonali milli jiksbu status ta’ residenza għal żmien twil skont id-Direttiva 2003/109?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.