Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha - Spanja) – Subdelegación del Gobierno en Toledo vs XU (C‑451/19), QP (C‑532/19)

(Kawżi Magħquda C-451/19 u C-532/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 20 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Talba għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz – Ċaħda – Obbligu għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu riżorsi suffiċjenti – Obbligu tal-konjuġi li jgħixu flimkien – Wild minuri, ċittadin tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali – Tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni – Privazzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Subdelegación del Gobierno en Toledo

Konvenuti: XU (C‑451/19), QP (C‑532/19)

Dispożittiv

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, imressqa mill-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li ma jkunx eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, għas-sempliċi raġuni li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea ma jkollux, għalih u għall-konjuġi tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali nazzjonali, mingħajr ma jkun ġie eżaminat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu li tkun tali li, f’każ ta’ rifjut tal-għoti ta’ permess ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, l-istess ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea fl-intier tiegħu u b’hekk ikun imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni.

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-relazzjoni ta’ dipendenza, ta’ natura li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu, ma teżistix biss minħabba li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru, maġġorenni u qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, u l-konjuġi tiegħu, maġġorenni u ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom jgħixu flimkien, skont l-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ skont id-dritt tal-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin tiegħu u, min-naħa l-oħra, li, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun minuri, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, tali li tiġġustifika l-għoti lill-ġenitur ta’ dan it-tifel, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ dritt ta’ residenza dderivat taħt l-imsemmi artikolu għandha tkun ibbażata fuq it-teħid in kunsiderazzjoni, fl-aħjar interess ta’ it-tifel, iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Meta dan il-ġenitur jikkoabita b’mod stabbli mal-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, ta’ dan il-minuri, tali relazzjoni ta’ dipendenza hija preżunta b’mod konfutabbli.

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni ta’ dipendenza, ta’ natura li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu favur il-wild minuri, ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-konjuġi, li huwa stess huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu meta miż-żwieġ bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu jkun twieled wild, ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà tal-moviment tiegħu, u li dan tal-aħħar ikun sfurzat iħalli t-territorju tal-Unjoni, fl-intier tiegħu, jekk il-wild minuri, li hu ċittadin ta’ pajjiż terz, ġie mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

____________

1     ĠU C 432, 23.12.2019.