Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice Queen's Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit) fit-22 ta' Lulju 2010 - The Air Transport Association of America, American Airlines, Inc., Continental Airlines, Inc., United Airlines, Inc. vs The Secretary of State for Energy and Climate Change

(Kawża C-366/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice Queen's Bench Division (Administrative Court).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Air Transport Association of America, American Airlines, Inc., Continental Airlines, Inc., United Airlines, Inc..

Konvenut: The Secretary of State for Energy and Climate Change.

Domandi preliminari

Jistgħu jkunu invokati r-regoli tad-dritt internazzjonali li ġejjin sabiex tkun ikkontestata l-validità tad-Direttiva 2003/87/KE 1 kif emendata bid-Direttiva 2008/101/KE 2 sabiex ikunu nklużi attivitajiet tal-avjazzjoni ta' Skema għall-Iskambju ta' Emissjonijiet (flimkien id-"direttiva emendata"):

il-prinċipju ta' dritt konswetudinarju internazzjonali li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu;

il-prinċipju ta' dritt konswetudinarju internazzjonali li ebda Stat ma jista' validament jissuġġetta taħt is-sovranità tiegħu kwalunkwe parti mill-ibħra miftuħa;

il-prinċipju ta' dritt konswetudinarju internazzjonali ta' libertà ta' titjir fuq l-ibħra miftuħa;

il-prinċipju ta' dritt konswetudinarju internazzjonali (li l-eżistenza tiegħu mhijiex aċċettata mill-konvenut) li inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra miftuħa huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-pajjiż li fih huma rreġistrati, ħlief kif speċifikament stabbilit permezz tat-trattati internazzjonali;

il-Konvenzjoni ta' Chicago (b'mod partikolari l-Artikoli 1, 11, 12, 15 u 24);

il-Ftehim "Open Skies" (b'mod partikolari l-Artikoli 7, 11(2)(c) u 15(3));

il-Protokoll ta' Kyoto (b'mod partikolari, l-Artikolu 2(2))?

Sa fejn id-domanda (1) tista' tkun risposta fl-affermattiv:

Id-direttiva emendata hija invalida, jekk u sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta' Emissjonijiet lil dawk il-partijiet ta' titjiriet (jew ġeneralment jew permezz ta' inġenji tal-ajru rreġistrati f'pajjiżi terzi) li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru ta' Stat Membri, peress li tikser wieħed jew iktar mill-prinċipji ta' dritt konswetudinarju internazzjonali ċċitati iktar 'il fuq?

Id-direttiva emendata hija invalida, jekk u sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta' Emissjonijiet lil dawk il-partijiet ta' titjiriet (jew ġeneralment jew permezz ta' inġenji tal-ajru rreġistrati f'pajjiżi terzi) li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru ta' Stat Membri:

peress li tikser l-Artikoli 1, 11 u/jew 12 tal-Konvenzjoni ta' Chicago;

peress li tikser l-Artikolu 7 tal-Ftehim "Open Skies"?

Id-direttiva emendata hija invalida, sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta' Emissjonijiet lil attivitajiet ta' avjazzjoni:

peress li tikser l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta' Kyoto u l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim "Open Skies";

peress li tikser l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, waħdu jew flimkien mal-Artikoli 3(4) u 15(3) tal-Ftehim "Open Skies";

peress li tikser l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, waħdu jew flimkien mal-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim "Open Skies"?

____________

1 - Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

2 - Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta' Novembru 2008, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 8, p. 3)