Language of document : ECLI:EU:F:2013:135

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑158/12

Éric Marques

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Sejħa għal espressjoni ta’ interess EPSO/CAST/02/2010 – Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ – Esperjenza professjonali xierqa – Ċaħda tat-talba għar-reklutaġġ”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106 tiegħu, li permezz tiegħu É. Marques jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-6 ta’ Marzu 2012, li tirrifjuta li tirreklutah bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu sostnut minnu.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-6 ta’ Marzu 2012, li tirrifjuta li tirrekluta lil É. Marques bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn É. Marques.

Sommarju

Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad – Teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali – Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ – Interpretazzjoni tat-testi tal-Unjoni – Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(2)(b))

Għalkemm l-amministrazzjoni tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex tiddetermina jekk l-esperjenza professjonali preċedenti ta’ kandidat tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fi grupp ta’ funzjonijiet, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandu b’mod partikolari jsir b’osservanza għad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha.

Għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, ma għandhomx jitqiesu biss it-termini tagħha u l-kuntest tagħha, iżda wkoll l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. Issa, meta l-leġiżlatur u l-awtorità amministrattiva jużaw, fl-istess test ta’ portata ġenerali, żewġ termini distinti, ir-raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali jipprekludu li dawn jiġu attribwiti l-istess portata. Dan jgħodd a fortiori meta dawn it-termini jkopru tifsiriet differenti fil-lingwaġġ ta’ kuljum. Dan huwa preċiżament il-każ tal-aġġettivi “[xierqa]” u “ekwivalenti”. Fis-sens komuni tiegħu, l-aġġettiv “[xierqa]” jfisser “adattat għal użu determinat”. Għall-kuntrarju, l-aġġettiv ”ekwivalenti” jfisser “tal-istess valur” u għalhekk għandu sens iktar ristrett.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jeżiġi, fin-nuqqas ta’ diploma li tiċċertifika livell ta’ edukazzjoni ogħla, jew esperjenza professjonali xierqa, meta l-persuna kkonċernata tkun segwiet livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni post-sekondarja, inkella, jekk dan mhuwiex il-każ, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.

B’hekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kandidat għar-reklutaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjonijiet II jew III għandu jkun jista’ jinvoka esperjenza ta’ tliet snin li tkun adattata għall-funzjonijiet li għandhom jimtlew mingħajr ma tkun ekwivalenti għalihom.

(ara l-punti 19, 25, 27, 28 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, punt 12

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, punt 70

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ottubru 2010, Fares vs Il‑Kummissjoni, F‑6/09, punti 38 u 39; 10 ta’ Mejju 2011, Begue et vs Il‑Kummissjoni, F‑27/10, punt 40