Language of document : ECLI:EU:T:2021:718

Kawża T823/19

JMS Sports sp. z o.o.

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2021

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta elastiku tax-xagħar f’forma spirali – Żvelar ta’ disinni preċedenti – Żvelar fuq l-internet – Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

1.      Disinni Komunitarji – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Eżami mill-ġdid tal-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 61)

(ara l-punt 11)

2.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għall-invalidità – Assenza ta’ novità – Żvelar preċedenti tad-disinn identiku – Prova tal-iżvelar – Kontenut tas-sit internet – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2002, Artikoli 5, 7(1) u 25(1)(b))

(ara l-punti 22‑26, 32, 41, 49, 70, 71, 73, 75)

3.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għall-invalidità – Assenza ta’ novità – Żvelar preċedenti tad-disinn identiku – Rappreżentazzjoni ta’ elastiku tax-xagħar f’forma spirali

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 5, 7(1) u 25(1)(b))

(ara l-punti 33, 34, 37, 64)

Sunt

JMS Sports sp. z o.o. hija l-proprjetarja tad-disinn Komunitarju li jirrappreżenta elastiku tax-xagħar f’forma spirali, ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2010 quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Inter-Vion S.A. ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dan id-disinn b’mod partikolari minħabba li kien nieqes min-novità. Sabiex tipprova l-iżvelar tad-disinni preċedenti, hija pproduċiet ritratti tal-iskrin ta’ siti internet tal-2009.

Il-Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li l-iżvelar tad-disinni preċedenti, identiċi għad-disinn ikkontestat, kien ġie pprovat. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn JMS Sports u ċċarat il-valur probatorju tal-provi miġjuba minn siti internet, invokati sabiex tintwera d-data tal-iżvelar ta’ disinn (1).

Evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tiddikjara inammissibbli l-provi, prodotti għall-ewwel darba quddiemha, miksuba permezz tal-użu ta’ għodod liberi ta’ aċċess bħall-mutur ta’ tfittxija Google u l-Wayback Machine. Fil-fatt, dawn ma jaqgħux fil-kuntest fattwali tal-kawża kif kienet teżisti quddiem il-Bord tal-Appell u għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

Sussegwentement, wara li fakkret li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa liberu fl-għażla tal-prova, il-Qorti Ġenerali tirrileva li d-dehra tal-immaġni ta’ disinn fuq l-internet tikkostitwixxi avveniment li jista’ jiġi kklassifikat bħala “pubblikazzjoni” u jikkostitwixxi, għaldaqstant, “żvelar lill-pubbliku”. Hija tindika li s-saħħa probatorja tar-ritratti tal-iskrin ma hijiex limitata.

Fil-każ ineżami, hija tikkonstata li r-ritratti tal-iskrin tas-siti internet kienu jippreżentaw b’mod ċar disinni identiċi għad-disinn ikkontestat, l-indirizzi URL (2) kompluti ta’ dawn is-siti kif ukoll id-dati tal-iżvelar lill-pubbliku, preċedenti għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, ritratt tal-iskrin kellu informazzjoni oħra bil-ħin u d-data, li hija komposta minn kummenti tal-utenti tal-internet u li turi żvelar lill-pubbliku fl-1 ta’ Novembru 2009.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li s-sempliċi possibbiltà astratta li l-kontenut jew id-data ta’ sit internet ikunu mmanipulati ma tikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex titqiegħed f’dubju l-kredibbiltà tal-prova kkostitwita mir-ritratt tal-iskrin ta’ dan is-sit. Din il-kredibbiltà tista’ titqiegħed f’dubju biss billi jiġu invokati fatti li jissuġġerixxu b’mod konkret manipulazzjoni. Barra minn hekk, anki jekk ir-ritratt tal-iskrin li joriġina mill-Wayback Machine ma fihx immaġni tal-prodott, dan jikkostitwixxi sors ta’ informazzjoni rilevanti li jikkorrobora l-affidabbiltà tar-ritratt tal-iskrin ta’ wieħed mis-siti internet inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-iżvelar ġie pprovat.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova, il-Qorti Ġenerali tindika li, peress li Inter-Vion ippreżentat provi miġjuba mill-internet li juru l-iżvelar tad-disinni preċedenti, kienet JMS Sports li kellha turi n-nuqqas ta’ kredibbiltà ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma kienx meħtieġ minnha li turi l-manipulazzjoni ta’ sit internet iżda li tindika ċirkustanzi konkreti li huma indikaturi ta’ manipulazzjoni kredibbli, bħal sinjali evidenti ta’ falsifikazzjoni, kontradizzjonijiet inkontestabbli fl-informazzjoni ppreżentata jew inkoerenzi evidenti li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ dubji dwar l-awtentiċità tar-ritratti tal-iskrin.


1      Fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).


2      Uniform Resource Locator.