Language of document : ECLI:EU:T:2021:723

Kawża T-240/18

Polskie Linie Lotnicze “LOT” SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal-20 ta’ Ottubru 2021

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Trasport bl-ajru – Deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Suq inkwistjoni – Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Assenza ta’ impenn – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Premessi fattwali relatati mal-kuntest tal-konċentrazzjoni – Stħarriġ tal-eżattezza materjali u tar-rilevanza tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 6)

(ara l-punti 29, 30, 32 sa 34)

2.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Delimitazzjoni materjali – Impriża kkonċernata – Kunċett – Trasferiment parzjali ta’ attivi – Evalwazzjoni biss abbażi tal-attivi ttrasferiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2, 3(1)(b), u 5(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 95/01, punt 136]

(ara l-punti 36 sa 39)

3.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru li tipprevedi it-trasferiment ta’ slots tal-ħin – Kriterji – Sostitwibbiltà tal-prodotti – Approċċ skont l-ajruport li miegħu huma marbutin l-islots tal-ħin ikkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2; Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, Anness I, Taqsima 6; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/03, Punti 13 sa 17, 20, 21 u 24)

(ara l-punti 42, 43, 50 sa 53, 56 sa 58, 63)

4.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru li tipprevedi it-trasferiment ta’ slots tal-ħin – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-parti li tikkontesta d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Neċessità li jiġu prodotti indizji serji li jistgħu juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li tirrikjedi eżami mill-Kummissjoni – Insuffiċjenza tal-elementi prodotti mill-parti li tikkontesta l-approċċ magħżul

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 6)

(ara l-punti 44, 59 sa 62, 64)

5.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika – Setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju– Portata u limiti

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 6)

(ara l-punti 68, 69)

6.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Effetti orizzontali – Tmiem tal-attività ta’ waħda mill-partijiet għat-tranżazzjoni li jista’ jeskludi riskju ta’ sovrapożizzjoni tal-attivitajiet inkwistjoni fis-swieq rilevanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 5)

(ara l-punt 74, 75)

7.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru – Evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi – Effetti vertikali – Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ xenarju ta’ esklużjoni tad-dħul antikompetittiva – Osservanza tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni msemmija fl-imsemmija linji gwida – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 265/07, punti 24 sa 27 u 32)

(ara l-punti 78 sa 83)

8.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tad-data pprovduta mill-partijiet għat-tranżazzjoni – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 6)

(ara l-punti 87 sa 93)

9.      Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Kriterji – Effetti antikompetittivi – Allegat tisħiħ tal-barrieri għad-dħul fis-suq – Element li ma huwiex suffiċjenti, waħdu, li jikkaratterizza ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 6)

(ara l-punti 106 sa 109)

10.    Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata il-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern mingħajr il-ftuħ tal-fażi II – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ dubji serji – Marġni diskrezzjonali – Assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni – Eżami ta’ eventwali titjib fl-effiċjenza li jista’ jirriżulta minn din il-konċentrazzjoni kif ukoll minn impenji mhux proposti mill-impriżi kkonċernati – Assenza ta’ neċessità

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(2), u 6(1)(b), Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, Anness I, Taqsima 9; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punti 78 u 84 sa 87]

(ara l-punti 124 sa 128)

11.    Konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Kriterji – Effetti antikompetittivi – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lill-parti li titrasferixxi b’mod partikolari sabiex ikun permess il-bejgħ ordnat tal-attivi tagħha – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-parti li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni – Evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 6)

(ara l-punti 131 sa 137)

12.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 6)

(ara l-punti 140 sa 146)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors tal-kumpannija tal-ajru Polskie Linie Lotnicze "LOT" kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni fir-rigward tax-xiri rispettivament minn easyJet u minn Lufthansa ta’ ċerti attivi tal-grupp Air Berlin

Affaċċjata b’deterjorazzjoni persistenti tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, il-kumpannija tal-ajru Air Berlin plc implimentat, fl-2016, pjan ta’ ristrutturazzjoni. F’dan il-kuntest, mis-16 Diċembru 2016, hija kkonkludiet, mal-kumpannija tal-ajru Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”), ftehim li s-suġġett tiegħu kien is-sullokazzjoni, lil din tal-aħħar, ta’ diversi ajruplani bl-ekwipaġġ.

Madankollu, it-telf tas-sostenn finanzjarju mogħti lil Air Berlin minn wieħed mill-azzjonisti prinċipali tagħha, fil-forma ta’ self, ġiegħelha titlob, fil-15 ta’ Awwissu 2017, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti mill-awtoritajiet Ġermaniżi ta’ self iggarantit, bħala għajnuna għas-salvataġġ, approvata mill-Kummissjoni (1), kellu jippermettilha tkompli l-attivitajiet tagħha għal perijodu ta’ tliet xhur li kien b’mod partikolari intiż li jippermetti t-trasferiment tal-attivi tagħha.

Dan l-għan ittraduċa ruħu, b’mod partikolari, fil-konklużjoni ta’ żewġ ftehimiet. Minn naħa, ftehim konkluż fit-13 ta’ Ottubru 2017 li kien jipprevedi t-teħid minn Lufthansa b’mod partikolari ta’ sussidjarja ta’ Air Berlin li lilha kellhom, minn qabel, jiġu ttrasferiti diversi ajruplani bl-ekwipaġġi tagħhom kif ukoll slots tal-ħin (2) li hija kellha f’ċertu numru ta’ ajruporti, fosthom, b’mod partikolari, dawk ta’ Düsseldorf, ta’ Zürich, ta’ Hamburg, ta’ Munchen, ta’ Stuttgart u ta’ Berlin-Tegel. Min-naħa l-oħra, ftehim konkluż fis-27 ta’ Ottubru 2017 mal-kumpannija tal-ajru easyJet plc kien prinċipalment intiż għat-trasferiment, lil din tal-aħħar, tas-slots tal-ħin miżmuma minn Air Berlin, b’mod partikolari fl-ajruport ta’ Berlin-Tegel. Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha mill-ġurnata ta’ wara, qabel ma ġiet iddikjarata insolventi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tal-1 ta’ Novembru 2017.

Fil-31 ta’ Ottubru 2017, Lufthansa kkomunikat lill-Kummissjoni, konformement mal-prerogattivi tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (3), l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni prevista mill‑ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2017. Fis-7 ta’ Novembru 2017, easyJet ikkomunikat, bl-istess mod, l‑operazzjoni prevista mill-ftehim tas-27 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem, flimkien mal-operazzjoni nnotifikata minn Lufthansa, il-“konċentrazzjonijiet inkwistjoni”). Il-Kummissjoni kkonstatat il‑kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni kkomunikata minn Lufthansa, fid-dawl tal-impenji meħuda minn din tal-aħħar (4), permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 9118 final, tal-21 ta’ Diċembru 2017, kif ukoll dik tal‑konċentrazzjoni kkomunikata minn easyJet, permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 8776 final tat-12 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). Fil-fatt, hija kienet waslet għall-konklużjoni li l-konċentrazzjonijiet inkwistjoni ma kinux iqajmu dubji serji dwar il‑kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. F’din l-okkażjoni, għall-ewwel darba fi kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-swieq rilevanti b’pari ta’ bliet, bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem is-“swieq O & D”). Fil-fatt, minn naħa, hija kkonstatat li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel dawn il-konċentrazzjonijiet u indipendentement minnhom. Minn dan hija ddeduċiet li Air Berlin kienet irtirat mit-totalità tas-swieq O & D li fihom din tal-aħħar kienet preżenti preċedentement. Min‑naħa l-oħra, hija qieset li l-konċentrazzjonijiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw prinċipalment it‑trasferiment ta’ slots tal-ħin u kkonstatat li dawn is-slots tal-ħin ma kienu assenjati għal ebda suq O & D speċifiku. B’konsegwenza ta’ dan, hija qieset li jkun preferibbli li tiġbor flimkien, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, is-swieq O & D kollha bi tluq jew b’wasla minn jew f’kull wieħed mill-ajruporti li magħhom kienu marbuta dawn is-slots tal-ħin. Billi għamlet dan, hija, għalhekk, iddefinixxiet is‑swieq rilevanti bħala dawk tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn dawn l-ajruporti. Hija wara dan ivverifikat li l-imsemmija konċentrazzjonijiet ma kinux ta’ natura li joħolqu “xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva”, f’dan il-każ, b’mod partikolari billi jagħtu rispettivament lil easyJet u lil Lufthansa l-kapaċità u l-interess li jagħlqu l-aċċess għal dawn is‑swieq.

Peress li qieset li l-analiżi hekk imwettqa mill-Kummissjoni kienet żbaljata, kemm mill-perspettiva tal-metodoloġija tagħha kif ukoll minn dik tar-riżultati, il-kumpannija tal-ajru Polskie Linie Lotnicze "LOT" (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), li tippreżenta ruħha bħala kompetitriċi diretta tal-partijiet għall-konċentrazzjonijiet inkwistjoni, ippreżentat żewġ rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall‑annullament rispettiv taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati.

Permezz tas-sentenzi tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Ġenerali tiċħad dawn ir-rikorsi, u b’dan il-mod taċċetta, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni tista’ sempliċement teżamina flimkien is‑swieq O & D bi tluq jew b’wasla mill-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin minflok ma teżamina individwalment kull wieħed mis-swieq O & D li fihom Air Berlin u rispettivament Lufthansa u easyJet kienu preżenti.

Evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq definizzjoni ħażina tas-swieq rilevanti, il-Qorti Ġenerali tqis, qabel kollox, li huwa inutli li r-rikorrenti tipprova tikkontesta l-eżattezza materjali tal‑preżentazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-konċentrazzjonijiet inkwistjoni u tal-kuntest tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tosserva b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis li l-attivitajiet ta’ Air Berlin kienu ntemmu qabel il-konċentrazzjonijiet inkwistjoni u indipendentement minnhom u li, b’konsegwenza ta’ dan, Air Berlin ma kienet għadha preżenti fl‑ebda suq O & D. Wara dan, sa fejn is-slots tal-ħin ta’ Air Berlin ma kienu marbuta ma ebda suq O & D, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta osservat li dawn is-slots tal-ħin jistgħu jintużaw rispettivament minn Lufthansa u minn easyJet fuq swieq O & D oħra għajr dawk li fihom kienet topera Air Berlin. B’konsegwenza ta’ dan, hija tiddeċiedi li, b’kuntrast tal‑konċentrazzjonijiet li jinvolvu kumpanniji tal-ajru li għadhom attivi, ma kienx ċert, f’dawn il‑każijiet speċifiċi, li l-konċentrazzjonijiet inkwistjoni kien ser ikollhom xi effett fuq il-kompetizzjoni fis-swieq O & D li fihom Air Berlin kienet preżenti qabel it-tmiem tal-attivitajiet tagħha. Fl-aħħar nett, il‑Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti ma pproduċietx indikazzjonijiet serji li l-eżami individwali tas-swieq O & D li hija identifikat seta’ jippermetti li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva li ma setgħax jiġi skopert permezz tad-definizzjoni tas-suq magħżula mill-Kummissjoni.

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal‑konċentrazzjonijiet inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabel kollox, li, fl-eżerċizzju tal‑kompetenzi mogħtija lilha mir-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li hija għandha twettaq għal dan il-għan. B’konsegwenza ta’ dan, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-eżerċizzju ta’ tali setgħa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-marġni diskrezzjonali hekk magħruf lill-Kummissjoni. Dan espost, il-Qorti Ġenerali tqis li l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjonijiet inkwistjoni fuq is-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti kkonċernati ma hija mittiefsa minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tar-rata ta’ konġestjoni mhux għolja wisq ta’ dawn tal-aħħar jew tal-effett limitat ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet fuq iż-żieda tal-ishma tas-slots tal-ħin miżmuma minn Lufthansa u minn easyJet. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-konċentrazzjoni kkomunikata minn Lufthansa, ir-rikorrenti lanqas ma hija fondata li ssostni li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-ftehim tas-16 ta’ Diċembru 2016 peress li, b’mod partikolari, dan il-ftehim kien diġà jippermetti li Lufthansa topera ajruplani u l-ekwipaġġ tagħhom għal perijodu ta’ sitt snin qabel ma din tal-aħħar ma tixtrihom definittivament fil-kuntest tal‑imsemmija konċentrazzjoni. Fl-aħħar, fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata minn easyJet, il‑Qorti Ġenerali tosserva li s-slots tal-ħin huma neċessarji għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl‑ajru ta’ passiġġieri. Minn dan hija tiddeduċi li teżisti relazzjoni “vertikali” bejn l-attribuzzjoni ta’ dawn is-slots tal-ħin u l-provvista ta’ dawn is-servizzi u li l-Kummissjoni kienet, b’konsegwenza ta’ dan, fondata li tagħmel riferiment għal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet “mhux orizzontali” (5).

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilmenti ibbażati fuq allegata insuffiċjenza ta’ impenji meħuda minn Lufthansa fil-kuntest tal-konċentrazzjoni li hija kienet ikkomunikat, kif ukoll fuq l-assenza ta’ tali impenji, f’dak li jirrigwarda l-konċentrazzjoni kkomunikata minn easyJet, għar-raġuni li r‑rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li dawn il-konċentrazzjonijiet jistgħu manifestament jikkostitwixxu xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Għal din ir-raġuni, hija tiddeċiedi li anki l-ilmenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti kkritikat lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni eventwali titjib fl-effiċjenza li seta’ jirriżulta mill-imsemmija konċentrazzjonijiet kienu infondati.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tosserva wkoll li r-rikorrenti baqgħet ma wrietx li s-sostenn finanzjarju li minnu kienet ibbenefikat Air Berlin abbażi tal-għajnuna għas-salvataġġ kienet tifforma parti mill‑attivi rispettivament ittrasferiti lil easyJet u lil Lufthansa fil-kuntest tal-konċentrazzjonijiet inkwistjoni u ċaħdet, b’konsegwenza ta’ dan, l-ilmenti li jgħidu li l-Kummissjoni messha ħadet din l‑għajnuna inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-analiżi tagħha. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ksur tal‑Artikolu 8a(2) tar-Regolament Nru 95/93 (6), li wkoll ġie allegat mir-rikorrenti f’wieħed mir-rikorsi tagħha, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tapplika din id‑dispożizzjoni.

Fl-aħħar lok, peress li tiddeċiedi li n-nuqqas ta’ motivazzjoni invokat mir-rikorrenti huwa infondat, u, għalhekk, peress li tiċħad il-motivi kollha invokati f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti Ġenerali tordna li ż-żewġ rikorsi jiġu miċħuda, mingħajr il-ħtieġa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom.


1      Deċiżjoni C(2017) 6080 finali tal-4 ta’ Settembru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.48937 (2017/N) – il-Ġermanja, għas-salvataġġ ta’Air Berlin (ĠU 2017, C 400, p. 7).


2      Slots tal-ħin huma awtorizzazzjonijiet, għal kumpannija tal-ajru, sabiex tuża l-infrastrutturi kollha ta’ ajruport neċessarji għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru f’data u f’ħin preċiż, bi tluq minn jew b’wasla f’dan l-ajruport.


3      Dawn huma, f’dan il-każ, il-prerogattivi previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


4      F’dan il-każ, sabiex tneħħi d-dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni kkomunikata marbutin mal-pożizzjoni tagħha fl-ajruport ta’ Düsseldorf, Lufthansa kienet ipproponiet lill-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tar‑Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet, tnaqqis kunsiderevoli tan-numru ta’ slots tal-ħin li kellhom jiġu ttrasferiti lilha bis-saħħa ta’ din il-konċentrazzjoni.


5      Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet (ĠU 2008, C 265, p. 6). Barra minn hekk, il-Qorti ġenerali tiċħad l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur ta’ dawn il-linji gwida billi tosserva li pussess ta’ setgħa tas-suq sinjifikattiva f’wieħed mis-swieq ikkonċernati ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni.


6      B’mod iktar speċifiku, dan huwa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 545/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 167, p. 24).