Language of document : ECLI:EU:T:2010:531

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Diċembru 2010

Kawża T-143/09 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Nicole Petrilli

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Kuntratt għal żmien determinat — Regoli dwar it-tul massimu tal-impjieg tal-persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni — Deċiżjoni ta’ rifjut għal tiġdid tal-kuntratt”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrilli vs Il-Kummissjoni (F‑98/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑13 u II‑A‑1‑41), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn N. Petrilli fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Tul tal-impjieg — Interpretazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ewwel paragrafu (b) tal-Artikolu 88)

2.      Uffiċjali — Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra — Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Tul tal-impjieg — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ewwel paragrafu (b) tal-Artikolu 88)

3.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet

1.      Il-formulazzjoni “[i]l-perjodu attwali ta’ l-impieg f’istitituzzjoni”, użata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(b) tal-Kondizzjoni ta’ impjieg tal-impjegati oħra, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu tal-impjieg massimu awtorizzat, din ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat tal-impjieg tal-persuna kkonċernata bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3b tal-imsemmija Kondizzjonijiet ta’ impjieg, bl-esklużjoni ta’ kull impjieg ieħor li dan seta’ kellu bħala membru tal-persunal mhux permanenti.

(ara l-punt 33)

2.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(b) tal-Kondizzjonii tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jipprovdi li t-tul attwali tal-impjieg fl-istituzzjoni bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3b tal-imsemmija Kondizzjonijiet ta’ impjieg ma jistax jeċċedi tliet snin, ma joħloqx dritt għall-persuna kkonċernata li tiġi impjegata għal dan il-perijodu massimu, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà kuntrattwali u s-setgħa tal-istituzzjoni li tikkonkludi jew li ġġedded tali kuntratti għal żmien iqsar miż-żmien massimu awtorizzat, u dan bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li din l-istituzzjoni għandha fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha għall-kompiti fdati lilha u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-kompiti, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħha, bil-kundizzjoni madankollu li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz.

Issa, bħala regola ġenerali, l-istituzzjoni għandha din l-libertà mhux biss f’każijiet individwali, iżda wkoll fil-kuntest ta’ politika ġenerali, stabbilita permezz ta’ deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali, bħad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li bihom hija timponi limiti fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Madankollu jibqa’ l-fatt li tali deċiżjoni interna ma tistax ikollha l-konsegwenza li l-istituzzjoni tirrinunzja, minn naħa, kompletament għas-setgħa kkonferita lilha bl-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg tal-impjegati oħra li tikkonkludi jew li ġġedded, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3b tal-imsemmija Kondizzjonijiet ta’ impjieg sal-perijodu massimu ta’ tliet snin u, min-naħa l-oħra, għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali ta’ dritt, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali u dak tal-prinċipju tal-aspettativi leġittimi.

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ma tistax tirrinunzja għas-setgħa diskrezzjonali kkonferita lilha bl-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg tal-impjegati oħra billi tapplika awtomatikament il-limitu ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ April 2004, dwar it-tul massimu tar-rikors għall-membri tal-persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni — jiġifieri mingħajr ma jiġi eżaminat il-fajl ta’ kandidatura ta’ persuna eliġibbli sabiex tiġi impjegata bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt u l-interess tad-dipartiment li jimpjegaha — sabiex tiġġustifika li tillimita l-impjieg tagħha għal perijodu iqsar minn dak awtorizzat bl-Artikolu 88 tal-Kondizzjoni ta’ impjieg tal-impjegati oħra. Fil-fatt, billi tirrinunzja b’dan il-mod għal din is-setgħa diskrezzjonali, l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti tikser id-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jeżiġu li l-istituzzjoni teżamina, b’mod diliġenti, komplet u imparzjali, kull fajl ta’ kandidatura fir-rigward tal-merti u tal-kapaċitajiet tal-kandidat ikkonċernat stess u tar-rekwiżiti tal-impjieg li jrid jimtela.

Fil-każ li l-persuna kkonċernata diġà akkumulat bħala membru tal-persunal mhux permanenti, fuq perijodu ta’ tnax il-sena, perijodi ta’ servizz li jaqbżu t-tliet snin, l-applikazzjoni awtomatika tar-regola ta’ sitt snin għandha l-konsegwenza li tirrestrinġi mill-bidu l-eżerċizzju mill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, skont l-ewwel paragrafu(b) tal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg tal-impjegati oħra, dwar l-eżawriment eventwali tal-perijodu massimu awtorizzat ta’ tliet snin, peress li tali applikazzjoni konformi hija pprojbita b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004, moqri flimkien mal-punt II tal-anness tagħha u mal-premessa 4 tagħha li tipprovdi li ebda deroga ma għandha tiġi awtorizzata f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni jikser l-imsemmija regoli superjuri ta’ dritt, ir-regola ta’ sitt snin hija illegali u ma għandhiex tiġi applikata.

(ara l-punti 34 sa 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211; Il-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2003, Bories et vs Il‑Kummissjoni, T‑331/00 u T‑115/01, ĠabraSP p. I‑A‑309 u II‑1479, punt 72; Il-Qorti Ġenerali 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I-A-309 u II-189, punt 25; Il-Qorti Ġenerali 20 ta’ Settembru 2001, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il-Kummissjoni, T‑375/03, mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 141; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il-Kummissjoni, T‑160/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑75 u II‑A‑2‑469, punt 30; Il-Qorti Ġenerali 2 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs Berrisford, T‑473/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑17 u II‑B‑1‑85, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 215

3.      Il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku taħt l-Artikolu 236 KE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, isegwi regoli speċifiċi u speċjali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari, jirriżulta li, b’mod differenti minn kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li huwa jiddependi minnha permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibru ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Dan l-ekwilibru huwa intiż essenzjalment sabiex tiġi ppreżervata r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom sabiex iċ-ċittadini jiġu ggarantiti t-twettiq sew tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali assenjati lill-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li, meta hija taġixxi bħala entità li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà ikbar, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li tikkumpensa d-danni kkawżati lill-persunal tagħha minn kull att illegali mwettaq fil-kwalità tagħha bħala entità li timpjega.

(ara l-punt 46)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punti 44 sa 47; Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T‑187/01, ĠabraSP p. I‑A‑81 u II‑389, punt 74; Qorti Ġenerali 14 ta’ Ottubru 2004, Polinsky vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑1/02, mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 47; Qorti Ġenerali 10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il‑Kummissjoni, T‑57/99, ĠabraSP p. I‑A‑2‑83 u II‑A‑2‑505, punt 162