Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2022 minn Aeris Invest Sàrl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fl-1 ta’ Ġunju 2022 fil-Kawża T-628/17, Aeris Invest vs Il-Kummissjoni u SRB

(Kawża C-535/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Aeris Invest Sàrl (rappreżentanti: R. Vallina Hoset, E. Galán Burgos u M. Varela Suárez, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), ir-Renju ta’ Spanja, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Banco Santander, SA

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(i) prinċipalment, tannulla s-sentenza tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Ġunju 2022, Aeris Invest vs Il-Kummissjoni u SRB, T-628/17, EU:T:2022:315, u, konsegwentement:

– tannulla d-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2017, concerning the adoption of a resolution scheme in respect of Banco Popular Español, S.A.

– tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni UE 2017/1246 tas-7 ta’ Ġunju 2017, li permezz tagħha hija approvata l-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Banco Popular Español, S.A.;

– tiddikkjara inapplikabbli l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament 806/2014 1 , skont l-Artikolu 277 TFUE.

(ii) tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż fiż-żewġ istanzi.

(iii) li, sussidjarjament, il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li, f’dan il-każ, tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka tmien aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”), peress li s-sentenza appellata ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni hija suffiċjenti u ma hijiex kontradittorja.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 47 tal-Karta, peress li ssostni: (i) li l-appellanti hija terz, (ii) li l-kunfidenzjalità tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, valorizzazzjoni 1 u valorizzazzjoni 2 hija ġġustifikata, (iii) li l-motivazzjoni tista’ tiġi żvelata ladarba jiġi ppreżentat appell, u (iv) li t-test sħiħ tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma huwiex rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 18 tar-Regolament 806/2014 (iktar ’il quddiem ir-“RMUR”), id-dmir ta’ diliġenza u l-Artikolu 296 TFUE peress li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni elementi rilevanti u kienu jeżistu soluzzjonijiet alternattivi.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata twettaq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 20 RMUR, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE peress li (i) iż-żieda għall-massimu tal-prezz ta’ bejgħ hija marbuta mal-prinċipji ta’ kompetenza u ta’ trasparenza, (ii) il-proċedura ma osservatx ir-rekwiżiti stabbiliti, u (iii) fi kwalunkwe każ, l-interess pubbliku ma jiġġustifikax il-ksur tal-Artikolu 14 RMUR.

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser id-dmir ta’ diliġenza, l-Artikolu 17 tal-Karta, l-Artikolu 14 RMUR u d-drittijiet tad-difiża, peress li: (i) iżżomm lill-appellanti responsabbli talli ma spjegatx kif kienu ser jintlaħqu l-oġġettivi tar-riżoluzzjoni meta dawn l-oġġettivi kienu kunfidenzjali, (ii) il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ma kienx ippreparat b’mod adegwat, u (iii) ir-riżoluzzjoni kienet sproporzjonata, peress li l-entità kienet solventi.

Pemezz tas-sitt aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni u l-prinċipju ta’ kontradittorju, peress li: (i) id-dokumenti mitluba mill-Qorti Ġenerali fid-digriet tat-12 ta’ Mejju 2021 ma ngħatawx lill-appellanti, (ii) ma tħallietx teżamina provi neċessarji għad-drittijiet tad-difiża, u (iii) l-appellanti ma tħallietx taċċedi u tiddiskuti d-dokumenti li fuqhom huma bbażati l-argumenti tal-appellata.

Permezz tas-seba’ aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser id-dritt għal proprjetà meta tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħha, peress li (i) jeżisti indħil fuq id-dritt għal proprjetà; (ii) li jiġi amortizzat il-kapital ta’ bank solventi huwa kuntrarju għar-rekwiżit ta’ neċessità u l-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà, (iii) li jiġi amortizzat id-dejn u l-kapital ta’ bank solventi huwa sproporzjonat, u (iv) ma jeżistix kumpens adegwat.

Permezz tat-tmien aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikoli 17 u 52 tal-Karta u l-Artikolu 5(4) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, peress li (i) fil-kunċett ta’ indħil fid-dritt għal proprjetà ma jiġix analizzat liema kienet il-proċedura u jekk il-miżura kinitx arbitrarja, u (ii) ma kienx jeżisti kumpens adegwat.

____________

1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 - ĠU 2014, L 225, p. 1.