Language of document :

Appell ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2023 minn Jean-Marc Colombani mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-22 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-113/22, Colombani vs SEAE

(Kawża C-343/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Jean-Marc Colombani (rappreżentant: N. de Montigny, avukata)

Parti oħra fil-proċedura: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

taqta’ l-kawża u, billi tagħmel dak li kien imissha għamlet il-Qorti Ġenerali:

tiddikjara d-deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2021 annullata;

tikkundanna lill-appellat għall-ħlas ta’ EUR 1 simboliku bħala kumpens għad-dannu morali tiegħu;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż sostnuti mill-appellant fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka diversi motivi.

B’mod preliminari u ġenerali, ir-rikorrent jinvoka l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tas-suġġett tat-talba għal assistenza tiegħu, il-limitazzjoni illegali mwettqa meta ġie ammess biss l-aġir individwali awtonomu u attiv ta’ kull waħda mill-persuni kkonċernati, u b’hekk ġie eskluż kull kunċett ta’ fastidju u ta’ prattika miftiehma, kif ukoll il-ksur tal-uniċità tal-ġurisprudenza fil-qasam.

It-tieni, l-appellant huwa intiż li jiddenunzja wkoll l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mis-SEAE, b’mod partikolari l-appellant jinvoka inverżjoni illegali tal-oneru tal-prova fl-analiżi tal-kundizzjoni tal-“prova prima facie” ta’ aġir negattiv, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kunċett ta’ ko-awtur/parteċipazzjoni li ma jeħtieġx aġir attiv, l-iżnaturament tal-provi prodotti, il-ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju, il-kontradizzjonijiet tal-elementi ta’ motivazzjoni, l-iżball ta’ liġi mwettqa fl-eżami tal-“ġustifikazzjonijiet” għall-aġir iddenunzjat li huwa kuntrarju għall-Artikoli 11, 12, 12a, 21 u 21a tar-Regolamenti tal-Persunal u li jġibu fix-xejn ir-responsabbiltajiet tad-diretturi tal-ogħla livell ta’ istituzzjoni.

It-tielet, l-appellant jinvoka ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal meta ġie deċiż li s-SEAE ġustament kien irrifjuta t-talba għall-assistenza tal-appellant.

Ir-raba’, l-appellant jinvoka l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tat-talba ppreżentata, żball ta’ liġi mwettaq fl-analiżi tal-Artikoli 17 u 19 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Finalment, l-appellant jitlob li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza tad-dannu morali tiegħu miċħud mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

____________